Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12003T/PRO/03

ATT li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea - Protokoll Nru.3 dwar l-Arei ta' Bażi Sovrana tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda

ĠU L 236, 23.9.2003, pp. 940–944 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/acc_2003/act_1/pro_3/sign

12003T/PRO/03



Official Journal L 236 , 23/09/2003 P. 0940 - 944


Protokoll nru. 3

dwar l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIFTAKRU li d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru annessa ma' l-Att Finali tat-Trattat rigward l-Adeżjoni tar-Renju Unit mal-Kommunitajiet Ewropej tipprovdi li l-arranġamenti applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-Kommunita' Ekonomika Ewropea u l-Arei ta' Bażi Sovrani għandhom ikunu definiti fil-kuntest ta' kwalunkwe ftehim bejn il-Kommunita' u r-Repubblika ta' Ċipru,

TENUT KONT tad-disposizzjonijiet rigward l-Arei ta' Bażi Sovrani mniżżla fit-Trattat għat-twaqqif tar-Repubblika ta' Ċipru (minn hawn 'il quddiem imsejħa t-"Trattat ta' l-Istabbiliment") u l-Iskambji ta' Noti assoċjati bid-data tas- 16 ta' Awissu 1960,

FILWAQT LI JINNOTAW li l-Iskambju ta' Noti bejn il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru dwar l-amministrazzjoni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani, bid-data tas- 16 ta' Awissu 1960, u d-Dikjarazzjoni mehmuża miegħu mill-Gvern tar-Renju Unit li waħda mill-iskopijiet prinċipali li għandha tintlaħaq hija l-protezzjoni ta' l-interessi ta' dawk residenti jew li jaħdmu fl-Arei ta' Bażi Sovrani, u filwaqt li jikkunsidraw f'dan il-kuntest li l-persuni msemmija għandu jkollhom, sa fejn possibbli, l-istess trattament bħal dawk residenti jew li jaħdmu fir-Repubblika ta' Ċipru,

FILWAQT LI JINNOTAW UKOLL li d-disposizzjonijiet tat-Trattat ta' l-Istabbiliment rigward l-arranġamenti tad-dwana bejn l-Arei ta' Bażi Sovrani u r-Repubblika ta' Ċipru u b'mod partikolari dawk ta' l-Anness F ta' l-imsemmi Trattat,

FILWAQT LI JINNOTAW UKOLL l-impenn tar-Renju Unit li ma toħloqx posti tad-dwana jew xi barrieri oħra mal-fruntiera bejn l-Arei ta' Bażi Sovrani u r-Repubblika ta' Ċipru u l-arranġamenti li saru skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment li permezz tiegħu l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru jamministraw firxa kbira ta' servizz pubbliċi fl-Arei ta' Bażi Sovrani, inkluż l-oqsma ta' l-agrikoltura, id-dwana u t-tassazzjoni;

FILWAQT li jikkonfermaw li l-adeżjoni tar-Repubblika ta' Ċipru għall-Unjoni Ewropea m'għandhiex taffetwa id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għat-Trattat ta' l-Istabbiliment;

FILWAQT li tirrikonoxxi għalhekk il-ħtieġa li jkunu applikati ċerti disposizzjonijiet tat-Trattat li jistabilixxi il-Kommunita' Ewropea u l-liġi relatata tal-KE għall-Arei ta' Bażi Sovrani u li jsiru arranġamenti speċjali rigward l-implimentazzjoni ta' dawk id-disposizzjonijiet fl-Arei ta' Bażi Sovrani,

FTIEHMU DWAR ID-DISPOSIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

L-Artikolu 299(6)(b) tat-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea għandu jinbidel b'dan li ġej:

"(b) Dan it-Trattat m'għandux japplika għall-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit f'Akrotiri u Dhekelia f'Ċipru għajr safejn hu meħtieġ biex tkun żgurata l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti imniżżla fil-Protokoll dwar l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'Ċipru annessi ma' l-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka għall-Unjoni Ewropea u skond it-termini ta' dak il-Protokoll."

Artikolu 2

1. L-Arei ta' Bażi Sovrani għandhom jiġu nklużi fit-territorju tad-dwana tal-Komunità u, għal dan l-iskop, l-atti dwar id-dwana u l-politika kummerċjali komuni mniżżla fl-Ewwel Parti ta' l-Anness għal dan il-Protokoll għandhom japplikaw għall-Arei ta' Bażi Sovrani bl-emendi imniżżla fl-Anness.

2. L-atti dwar it-taxxa fuq il-valur tal-bejgħ, is-sisa u formi oħra ta' tassazzjoni indiretta mniżżla fit- Tieni Parti ta' l-Anness għal dan il-Protokoll għandhom japplikaw għall-Arei ta' Bażi Sovrani bl-emendi mniżżla fl-Anness kif ukoll id-disposizzjonijiet relevanti li japplikaw għal Ċipru kif stipulati fl-Att li jikkonċerna l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir- Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka għall-Unjoni Ewropea.

3. L-atti mniżżla fit-Tielet Parti ta' l-Anness għal dan il-Protokoll għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness sabiex jgħinu lir-Renju Unit iżomm il-ħelsien u l-eżenzjonijiet mid-dazji u taxxi li jingħataw mit-Trattat ta' l-Istabbiliment fuq il-provvisti għal forzi u l-impjegati assoċjati tagħha.

Artikolu 3

It-Trattat u d-disposizzjonijiet relatati li ġejjin għandhom japplikaw għall-Arei ta' Bażi Sovrani:

(a) It-Titolu II tat-Tielet Parti tat-Trattat tal-KE, fuq l-agrikoltura, u d-disposizzjonijiet adottati fuq dik il-bażi;

(b) Miżuri adottati taħt l-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat tal-KE.

Artikolu 4

Il-persuni residenti jew impjegati fit-territorju ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani li, taħt l-arranġamenti magħmula skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment u l-Iskambju ta' Noti assoċjati bid-data tas- 16 ta' Awissu 1960, huma soġġetti għall-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tar-Repubblika ta' Ċipru għandhom, għall-iskopijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1408/71 ta' l- 14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' skemi għas-sigurtà soċjali għal persuni mpjegati, għal persuni impjegati għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità [1], jkunu trattati bħallikieku kienu residenti jew impjegati fit-territorju tar-Repubblika ta' Ċipru.

Artikolu 5

1. Ir-Repubblika ta' Ċipru m'għandhiex tkun meħtieġa tagħmel kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-konfini tagħha ta' l-art jew tal-baħar ma' l-Arei ta' Bażi Sovrani u kwalunkwe restrizzjonijiet Komunitarja fuq il-qsim tal-fruntieri esterni m'għandhomx japplikaw fir-rigward ta' dawn il-persuni.

2. Ir-Renju Unit għandu jeżerċita kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani bi qbil ma' l-impriżi stipulati fir-Raba' Parti ta' l-Anness għal dan il-Protokoll.

Artikolu 6

Il-Kunsill, billi jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' sabiex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' l-iskopijiet ta' dan il-Protokoll, jemenda l-Artikoli 2 sa 5 hawn fuq, inkluż l-Anness, jew japplikaw għall-Arei ta' Bażi Sovrani xi disposizzjonijiet oħra tat-Trattat tal-KE u l-leġislazzjoni Komunitarja relatata skond it-termini u l-kondizzjonijiet li hu jispeċifika. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mar-Renju Unit u r-Repubblika ta' Ċipru qabel ma tissottometti xi proposta.

Artikolu 7

1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll fl-Arei ta' Bażi Sovrani. B'mod partikolari:

(a) ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli għall-applikazzjoni tal-miżuri Komunitarji speċifikati f'dan il-Protokoll fl-oqsma tad-dwana, tassazzjoni indiretta u l-politika kummerċjali komuni rigward il-merkanzija li tiddaħħal fi jew tinħareġ mill-gżira ta' Ċipru permezz ta' port jew ajruport fl-Arei ta' Bażi Sovrani;

(b) il-kontrolli tad-dwana fuq il-merkanzija importata fi jew esportata mill-gżira ta' Ċipru mill-forżi tar-Renju Unit permezz ta' port jew ajruport fir-Repubblika ta' Ċipru jistgħu jsiru fl-Arei ta' Bażi Sovrani;

(ċ) ir-Renju Unit għandu jkun responsabbli li joħroġ il-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet jew iċ-ċertifikati li jistgħu jkunu meħtieġa taħt xi miżura Komunitarja applikabbli rigward merkanzija importata fi jew esportata mill-gżira ta' Ċipru mill-forzi tar-Renju Unit.

2. Ir-Repubblika ta' Ċipru għandha tkun responsabbli mill-amministrazzjoni u l-pagament ta' kwalunkwe fondi Komunitarji li jistgħu jkollhom dritt għalihom xi persuni fl-Arei ta' Bażi Sovrani skond l-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni fl-Arei ta' Bażi Sovrani taħt l-Artikolu 3 ta' dan il-Protokoll u r-Repubblika ta' Ċipru għandha tagħti kont ta' egħmilha fuq dan l-infiq lill-Kummissjoni.

3. Bla ħsara għall-paragrafi 1 u 2, ir-Renju Unit jista' jiddelega lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika ta' Ċipru, bi qbil ma' l-arranġamenti magħmula skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment, il-qadi ta' kwalunkwe funzjonijiet imposti fuq Stat Membru minn jew taħt xi proviżjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 2 sa 5 ta' hawn fuq.

4. Ir-Renju Unit u r-Repubblika ta' Ċipru għandhom jikkoperaw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan iil-Protokoll fl-Arei ta' Bażi Sovrani, u fejn xieraq, għandhom jikkonkludu aktar arranġamenti rigward id-delegazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe disposizzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikoli 2 sa 5 ta' hawn fuq. Kopja ta' dawn l-arranġamenti għandha tingħata lill-Kummissjoni.

Artikolu 8

L-arranġamenti li jipprovdi għalihom dan il-Protokoll għandhom l-iskop waħdieni li jirregolaw is-sitwazzjoni partikolari ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani ta' l-Unjoni Ewropea f'Ċipru u m'għandhomx japplikaw għal kwalunkwe territorju ieħor tal-Kommnita', u lanqas iservu bħala preċedent, kollha kemm huma jew in parti, għal xi arraġamenti speċjali oħra li jew jeżistu diġà jew li jistgħu jiġu stabbiliti f'territorju Ewropew ieħor li jipprovdi għalih l-Artikolu 299 tat-Trattat.

Artikolu 9

Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tirraporta dwar l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' dan il-Protokoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

[1] ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2.

--------------------------------------------------

ANNESS

Ir-referenzi f'dan il-Protokoll għad-Direttivi u rRegolamenti għandhom jkunu interpretati bħala referenzi għal dawk id-Direttivi u Regolamenti kif emendati jew mibdula minn żmien għall-ieħor u l-atti tagħhom li jimplimentawhom.

L-EWWEL PARTI

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 tat- 12 Ottubru 1992 li jistabilixxi il-Kodiċi tad-Dwana Komunitarja li fih l-Artikolu 3(2) jinbidel b'li ġej:

"2. it-territorji li ġejjin li jinsabu barra t-territorju ta' l-Istati Membri, filwaqt li jittieħdu in konsiderazzjoni l-konvenzjonijiet u t-trattati applikabbli għalihom, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti tat-territorju tad-dwana tal-Kommunita':

(a) FRANZA

It-territorju tal-prinċipat ta' Monako kif imfisser fil-Konvenzjoni tad-Dwana ffirmata f'Pariġi fit- 18 ta' Mejju 1963 (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża tas- 27 ta' Settembru 1963, p. 8679)

(b) ĊIPRU

It-territorju tal-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta' Akotiri u Dhekelia kif imfissra fit-Trattat rigward l-Istabbiliment tar-Repubblika ta' Ċipru, iffirmat f'Nikosija fis- 16 ta' Awissu 1960 (Is-Serje tat-Trattat tar-Renju Unit No. 4 (1961) Cmnd. 1252)"

;

2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2658/87 tat- 23 ta' Lulju 1987 dwar it-tariffa u n-nomenklatura statistika dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana;

3. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 918/83 tat- 28 ta' Marzu 1983 li jistabilixxi sistema Komunitarja ta' sollievi mid-dazju tad-Dwana;

4. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru. 2454/93 tat- 2 ta' Lulju 1993 li jistipula disposizzjonijiet sabiex jiġi mplimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 2913/92 li jistabilixxi il-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità;

5. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3677/90 tat- 13 ta' Diċembru 1990 li jistipula miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu l-bdil tar-rotta ta' ċerti sustanzi għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi;

6. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE ta' l- 14 ta' Diċembru 1992 dwar il-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi użati fil-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

7. Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 3911/92 tad- 9 ta' Diċembru 1992 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali;

8. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 3295/94 tat- 22 ta' Diċembru 1994 li jistipula miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u ir-ri-esportazzjoni mill-Komunità ta' oġġetti li jiksru xi drittijiet tal-proprjetà intelletwali;

9. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1367/95 tas- 16 ta' Ġunju 1995 li jistipula d-disposizzjonijiet sabiex jiġi mplimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 3295/94 li jistipula miżuri dwar id-dħul fil-Komunità u l-esportazzjoni u ir-ri-esportazzjoni mill-Komunità ta' oġġetti li jiksru xi drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

10. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1334/2000 tat- 22 ta' Ġunju 2000 li jistabilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġija b'użu doppju.

IT-TIENI PARTI

1. Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima li minnha:

(a) L-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 3(4) jinbidel b'dan li ġej:

"B'deroga mill-paragraph 1, minħabba:

- il-konvenzjonijiet u t-trattati li l-Prinċipalità ta' Monaco u l-Isle of Man ikkonkludew rispettivament mar-Repubblika Franċiża u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

- it-Trattat ta' l-Istabbiliment tar-Repubblika ta' Ċipru,

għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Prinċipalità ta' Monaco, l-Isle of Man u l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta' Akrotiri u Dhekelia m'għandhomx ikunu trattati bħala territorji terzi."

(b) L-Artikolu 3(4), it-tieni sub-paragrafu għandu jiġi emendat biż-żieda ta' tielet inċiż kif

"— l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta' Akotiri u Dhekelia huma trattati bħala transazzjonijiet li joriġinaw fi jew huma destinati għar-Repubblika ta' Ċipru."

2. Id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal- 25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għal prodotti li huma soġġetti għas-sisa u għaż-żamma, il-moviment u l-kontroll ta' dawn il-prodotti: L-Artikolu 2(4) għandu jiġi emendat billi jiżdied il-ħames inċiż kif ġej:

"— l-Arei ta' Bażi Sovrani tar-Renju Unit ta' Akotiri u Dhekelia huma trattati bħala transazzjonijiet li joriġinaw fi jew huma destinati għar-Repubblika ta' Ċipru."

IT-TIELET PARTI

1. L-Artikolu 135 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 918/83 tat- 28 ta' Marzu 1983 li jistabilixxi sistema Komunitarja ta' sollievi għad-dazji tad-Dwana għandu jiġi emendat permezz taż-żieda ta' punt ġdid (d), kif ġej:

"(d) mir-Renju Unit tas-sollievi fuq l-importazzjoni ta' merkanzija għall-użu mill-forzi tagħha jew minn impjegati pajsana li jakkumpanjawhom jew għall-provvista' tal-mess jew il-canteen tagħhom li jirriżultaw mit-Trattat ta' l-Istabbiliment rigward ir-Repubblika ta' Ċipru, bid-data tas- 16 ta' Awissu 1960"

2. Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-valur tal-bejgħ- sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, għandha tiġi emendata:

(a) billi jiddaħħal raba' inċiż fl-Artikolu 14(1)(g), kif ġej:

"— l-eżenzjonijiet stipulatai fit-tielet inċiż għandhom jestendu għall-importazzjoni minn u l-provvisti ta' merkanzija u servizzi lill-forzi tar-Renju Unit stazzjonati fil-gżira ta' Ċipru skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment rigward ir-Repubblika ta' Ċipru, bid-data tas- 16 ta' Awissu 1960, li huma għall-użu tal-forzi jew l-impjegati pajsana li jakkumpanjawhom jew għall-provvista' tal-mess jew il-kanteen."

(b) billi jinbidel l-Artikolu 17(3)(b) b'dan li ġej:

"(b) transazzjonijiet li mhumiex eżenti taħt l-Artikolu 14(1)(g) u (i) u taħt l-Artikoli 15, u 16(1)(B) u (Ċ), u l-paragrafu 2"

.

3. L-Artikolu 23(1), l-ewwel sub-paragrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KE tal- 25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għas-sisa u dwar iż-żamma, il-moviment u l-kontroll ta' dawn il-prodotti għandu jiġi emendat biż-żieda ta' inċiż ġdid, kif ġej:

"— għall-forzi armati tar-Renju Unit stazzjonati fil-gżira ta' Ċipru skond it-Trattat ta' l-Istabbiliment rigward ir-Repubblika ta' Ċipru, bid-data tas- 16 ta' Awissu 1960, għall-użu minn dawn il-forzi, għall-impjegati pajsani li jakkumpanjawhom jew għall-provvista' tal-mess u l-kanteen tagħhom"

.

IR-RABA' PARTI

1. F'dan il-Protokoll:

(a) "fruntieri esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani" ifissru l-konfini tal-baħar tagħhom u l-ajruporti tagħhom u l-portijiet tal-baħar tagħhom, iżda mhux il-konfini ta' l-art jew tal-baħar tagħhom mar-Repubblika ta' Ċipru;

(b) "postijiet għall-qsim tal-fruntiera" għandha tfisser kull post fejn tinqasam il-fruntiera awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għall-qsim tal-fruntieri esterni.

2. Ir-Renju Unit għandu jawtorizza li l-fruntieri esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani għandhom jinqasmu biss fil-postijiet għall-qsim tal-fruntiera.

3. (a) Ċittadini ta' pajjiżi terzi għandu jkunu awtorizzati jaqsmu l-fruntier esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani biss jekk -

(i) għandhom fil-possessjoni tagħhom dokument ta'l -ivvaġġjar validu;

(ii) għandhom fil-possessjoni tagħhom visa valida għar-Repubblika ta' Ċipru, jekk din hi meħtieġa;

(iii) huma qegħdin jaħdmu f'attività li għandha x'taqsam mad-difiża jew huma membru tal-familja ta' persuna li qed taħdem f'attività bħal din; u

(iv) mhumiex ta' theddida għas-sigurtà nazzjonali.

(b) Ir-Renju Unt jista' jidderoga minn dawn il-kondizzjonijiet biss għar-raġunijiet umanitarji, għar-raġunijiet ta' interess nazzjonali jew sabiex jikkonforma ma' l-obbligi internazzjonali tiegħu.

(ċ) Għall-iskop ta' l-impriża f'ittra (a)(ii) il-membri ta' xi forza, xi parti pajsana u d-dependenti, kif imfissra fl-Anness Ċgħat-Trattat ta' l-Istabbiliment, għandhom ikunu trattati bħala li m'għandhomx bżonn viża għar-Repubblika ta' Ċipru.

4. Ir-Renju Unit għandu jagħmel kontrolli fuq il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani. Dawn il-kontrolli għandhom jinkludu verifika tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar. Il-persuni kollha għandhom jgħaddu minn mill-inqas kontroll wieħed sabiex tiġi stabbilita l-indentità tagħhom.

5. L-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jużaw units mobbli sabiex jagħmlu sorveljanza tal-fruntieri esterni bejn il-postijiet għall-qsim mall-fruntiera u fil-postijiet għall-qsim tal-fruntiera barra mill-ħin tal-ftuħ normali. Din is-sorveljanza għandha ssir b'tali mod li tiskoraġġixxi nies milli jaħarbu l-kontrolli fil-postijiet ta' qsim. L-awtoritajiet kompetenti ta-Renju Unit għandhom jibgħatu biżżejjed uffiċjali kwalifikati kif xieraq sabiex jagħmlu l-kontrolli u s-sorveljanza mal-fruntieri esterni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani.

6. L-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom iżommu koperazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru sabiex issir implimentazzjoni effettiva tal-kontrolli u s-sorveljar.

7. (a) Applikant għar-refuġju li daħal għall-ewwel darba fil-gzira ta' Ċipru min barra l-Komunità Ewropea permezz ta' waħda mill-Arei ta' Bażi Sovrani għandu jittieħed lura jew jiġi ri-ammess għall-Arei ta' Bażi Sovrani fuq it-talba ta' l-Istat Membru tal-Kommunita' Ewropea li fit-territorju tiegħu jinsab l-applikant..

(b) Ir-Repubblika ta' Ċipru, tenut kont tal-konsiderazzjonijiet umanitarji, għandha taħdem mar-Renju Unit sabiex jippjanaw metodi u modijiet prattiċi għar-rispett tad-drittijiet u s-satisfazzjoni tal-bżonnijiet ta' persuni li jitolbu refuġju u emigranti illegali fl-Arei ta' Bażi Sovrani, bi qbil mal-leġislazzjoni rilevanti ta' l-Amministrazzjoni ta' l-Arei ta' Bażi Sovrani.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea tikkonferma il-fehma tagħha li d-disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja applikabbli għall-Arei ta' Bażi Sovrani skond l-Artikolu 3(a) ta' dan il-Protokoll jinkludu:

(a) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 3448/93 tas- 6 ta' Diċembru 1993 li jistipula l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli;

(b) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1260/1999 tal- 21 ta' Ġunju 1999 li jniżżel disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, safejn hu meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1257/1999 tas- 17 ta' Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Ewropew ta' Gwida u Garanzija Agrikola (EAGGF) sabiex ikunu ffinanzjati miżuri ta' żvilupp rurali fl-Arei ta' Bażi Sovrani taħt it-Taqsima Garanziji tal-EAGGF.

--------------------------------------------------

Top