Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R0694-20250204

Consolidated text: Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/694/2025-02-04

02021R0694 — MT — 04.02.2025 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/694 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 166 11.5.2021, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2023/1781 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Settembru 2023

  L 229

1

18.9.2023

►M2

REGOLAMENT (UE) 2025/38 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tad-19 ta’ Diċembru 2024

  L 38

1

15.1.2025


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 161, 16.6.2022, p.  127 (2021/694)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/694 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2021

li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali (“il-Programm”) għat-tul tal-QFP 2021-2027.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit tiegħu għall-perjodu 2021 sa -2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni sostnuta mill-baġit tal-Unjoni, inkluż dik fi ħdan faċilita’ ta’ taħlit jew pjattaforma kif definita fil-punt (6) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Finanzjarju, li jikkombinaw forom ta’ sostenn li mhumiex rimborsabbli jew, strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni b’forom ta’ sostenn rimborsabbli minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-iżvilupp jew minn istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll minn istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u minn investituri;

(2) 

“entità ġuridika” tfisser persuna fiżika, jew persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, nazzjonali jew internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma jkollhiex personalità ġuridika kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 197(2) tar-Regolament Finanzjarju;

(3) 

“pajjiż assoċjat” tfisser pajjiż terz li huwa parti minn ftehim mal-Unjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Programm skont l-Artikolu 10;

(4) 

“organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropew” tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma Stati Membri jew li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fi Stat Membru;

(5) 

“Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew” tfisser entità ġuridika magħżula skont l-Artikolu 16 sabiex twettaq il-kompiti taħt il-Programm, b’mod partikolari billi tipprovdi b’mod dirett, jew tiżgura aċċess għal, għarfien espert teknoloġiku u għall-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni, bħal tagħmir u għodod ta’ software li jippermettu t-trasformazzjoni diġitali ta’ industrija, kif ukoll billi tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u hija tkun miftuħa għal negozji ta’ kull forma u daqs, b’mod partikolari għall-SMEs, il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u l-kumpaniji li jkunu qed jespandu, u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-Unjoni;

(6) 

“ħiliet diġitali avvanzati” tfisser dawk il-ħiliet u l-kompetenzi professjonali li jirrikjedu l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa biex ikunu mifhuma, imfassla, żviluppati, amministrati, ittestjati, implimentati, użati u miżmuma t-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi appoġġati mill-Programm kif imsemmija fl-Artikolu 7;

(7) 

“Sħubija Ewropea” tfisser inizjattiva kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/695;

(8) 

“intrapriża żgħira jew ta’ daqs medju” jew “SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 1 );

(9) 

“ċibersigurtà” tfisser l-attivitajiet meħtieġa biex jiġu mħarsa s-sistemi ta’networks u ta’ informazzjoni, l-utenti ta’ tali sistemi, u persuni oħra milquta minn theddid ċibernetiku;

(10) 

“infrastrutturi tas-servizzi diġitali” tfisser l-infrastrutturi li jippermettu li jingħataw servizzi f’network b’mod elettroniku, tipikament permezz tal-Internet;

(11) 

“Siġill ta’ Eċċellenza” tfisser tfisser tikketta ta’ kwalità li turi li proposta ppreżentata wara sejħa għall-proposti skont il-Programm tkun għaddiet il-limiti kollha ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, imma ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għall-proposti fil-programm ta’ ħidma, u tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni jew nazzjonali;

(12) 

“skala eksa” tfisser, fil-kuntest ta’ sistemi tal-computing, li jkunu kapaċi jeżegwixxu operazzjonijiet li jżommu fil-wiċċ ta’ 1018 (10 mmultiplikat għal 18-il darba) għal kull sekonda.

Artikolu 3

Objettivi tal-programm

1.  
L-objettivi ġenerali tal-Programm għandhom ikunu li jappoġġa u jaċċelera t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija, tal-industrija u tas-soċjetà Ewropea, li jġib il-benefiċċji tagħha liċ-ċittadini, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lin-negozji madwar l-Unjoni, u li jtejjeb il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija globali diġitali filwaqt li jikkontribwixxi biex inaqqas id-distakk diġitali madwar l-Unjoni u jsaħħaħ mill-ġdid l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, permezz ta’ appoġġ olistiku, transettorjali u transfruntier u kontribuzzjoni aktar b’saħħitha tal-Unjoni.

Il-Programm għandu jkun implimentat f’koordinazzjoni mill-qrib ma’ programmi oħra tal-Unjoni kif japplikabbli, u għandu l-għan:

(a) 

li jsaħħaħ u jippromwowi l-kapaċitajiet tal-Ewropa f’oqsma ta’ teknoloġija diġitali prinċipali permezz ta’ implimentazzjoni fuq skala kbira;

(b) 

fis-settur privat u f’oqsma ta’ interess pubbliku, li jwessa’ t-tixrid u l-adozzjoni tat-teknoloġiji Ewropej f’oqsma diġitali ewlenin, billi jippromwovi t-trasformazzjoni diġitali u l-aċċess għal teknoloġiji diġitali.

▼M1

2.  

Il-Programm għandu jkollu sitt objettivi speċifiċi interrelatati:

▼B

(a) 

L-Objettiv Speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

(b) 

L-Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

(c) 

L-Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

(d) 

L-Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati

(e) 

L-Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċità Diġitali u l-Interoperabbiltà.

▼M1

(f) 

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi.

▼B

Artikolu 4

L-Objettiv Speċifiku 1- Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a) 

timplimenta, tikkoordina fil-livell tal-Unjoni u tħaddem supercomputing integrat orjentat lejn id-domanda u mmexxi mill-applikazzjoni fuq skala eksa tal-ogħla livell u infrastruttura tad-data li jkunu aċċessibbli faċilment għall-utenti pubbliċi u privati, b’mod partikolari SMEs, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, u faċilment aċċessibbli għal skopijiet ta’ riċerka, skont ir-Regolament (UE) 2018/1488;

(b) 

timplimenta teknoloġija lesta biex tintuża u operattiva li tirriżulta mir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex tinbena ekosistema integrata ta’ HPC tal-Unjoni, li tkopri diversi aspetti fis-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiċi u industrijali, inkluż il-hardware, is-software, l-applikazzjonijiet, is-servizzi, l-interkonnessjonijiet u l-ħiliet diġitali, b’livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni tad-data;

(c) 

timplimenta u topera infrastruttura ta’ skala posteksa, inkluż l-integrazzjoni ma’ teknoloġiji ta’ quantum computing u infrastrutturi ta’ riċerka għax-xjenza tal-computing u tinkoraġġixxi l-iżvilupp fi ħdan l-Unjoni tal-hardware u s-software meħtieġa għal tali implimentazzjoni.

2.  
L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 1 għandhom jiġu implimentati primarjament permezz tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropea stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018.

Artikolu 5

L-Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 2 - L-Intelliġenza Artifiċjali għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a) 

tibni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ IAu l-għarfien ewlenin fl-Unjoni, inkluż il-bini u t-tisħiħ tar-riżorsi tad-data ta’ kwalità u l-mekkaniżmi ta’ skambju korrispondenti, u libreriji tal-algoritmi, b’garanzija li jkun hemm approċċ inklużiv bil-bniedem fil-qofol tiegħu u li jirrispetta l-valuri tal-Unjoni;

(b) 

tagħmel il-kapaċitajiet msemmija fil-punt (a) aċċessibbli għan-negozji kollha, speċjalment l-SMEs u n-negozji ġodda, kif ukoll is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, l-universitajiet, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, sabiex jiġi mmassimizzat il-benefiċċju tagħhom għas-soċjetà u l-ekonomija Ewropea;

(c) 

tirrinforza u tinnetworkja l-ittestjar tal-IA u l-faċilitajiet ta’ esperimentazzjoni fl-Istati Membri;

(d) 

tiżviluppa u ssaħħaħ is-sistemi ta’ applikazzjoni u produzzjoni kummerċjali sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tat-teknoloġiji fil-ktajjen tal-valur u l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju innovattivi u biex tqassar iż-żmien meħtieġ biex tgħaddi mill-innovazzjoni għall-isfruttament kummerċjali u titrawwem l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-soċjetà.

Soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA u d-data li tkun disponibbli għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-privatezza u s-sikurezza fid-disinn u għandhom ikunu konformi bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

2.  
Il-Kummissjoni, b’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali, inkluż il-Karta, u b’konsiderazzjoni, fost l-oħrajn, tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, għandhom jistabbilixxu rekwiżiti etiċi fil-programmi ta’ ħidma taħt l-Objettiv Speċifiku 2. Sejħiet għall-proposti, sejħiet għall-offerti u ftehimiet ta’ għotja għandhom jinkludu r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dawk il-programmi ta’ ħidma.

Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli biex tiżgura l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti etiċi. Il-finanzjament għall-azzjonijiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti etiċi jista’ jiġi sospiż, terminat jew imnaqqas fi kwalunkwe ħin f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

3.  
L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 2 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta.

Ir-rekwiżiti etiċi u legali msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-azzjonijiet kollha tal-Objettiv Speċifiku2 irrispettivament mill-metodu ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 6

L-Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 3 - Iċ-Ċibersigurtà u l-Fiduċja għandu jkollha l-objetttivi operazzjonali li ġejjin:

(a) 

tappoġġa l-akkumulazzjoni u l-akkwist ta’ tagħmir avvanzati għaċ-ċibersigurtà, għodod u infrastrutturi tad-data, flimkien mal-Istati Membri, sabiex jinkiseb livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà f’livell Ewropew, b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni;

▼M2

(aa) 

tappoġġa l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà stabbilita mill-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) (is-“Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà”), inkluż l-iżvilupp, l-użu u l-operat taċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u taċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jikkontribwixxu għall-għarfien sitwazzjonali fl-Unjoni u biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-intelligence dwar it-theddid ċibernetiku tal-Unjoni;

▼B

(b) 

tappoġġa l-akkumulazzjoni u l-aħjar użu tal-għarfien, tal-kapaċità u tal-ħiliet Ewropej relatati maċ-ċibersigurtà u l-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki;

(c) 

tiżgura użu wiesa’ ta’ soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà effikaċi tal-aqwa kwalità madwar l-ekonomija Ewropea, b’attenzjoni speċjali għall-awtoritajiet pubbliċi u l-SMEs;

(d) 

tirrinforza l-kapaċitajiet fl-Istati Membri u s-settur privat biex jgħinuhom jikkonformaw mad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) inkluż permezz ta’ miżuri li jappoġġaw l-adozzjoni tal-aħjar prattiki taċ-ċibersigurtà;

(e) 

itejbu r-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi, jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-għarfien dwar ir-riskji u l-għarfien tal-proċessi taċ-ċibersigurtà, jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati fil-kisba tal-livelli bażiċi taċ-ċibersigurtà, pereżempju billi jużaw kriptaġġ minn tarf sa tarf tal-aġġornamenti tad-data u tas-software;

(f) 

ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-isferi ċivili u ta’ difiża fir-rigward ta’ proġetti, servizzi, kompetenzi u applikazzjonijiet fiċ-ċibersigurtà li għandhom użu doppju, f’konformità mar-Regolament li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (Ir-“Regolament dwar iċ-Ċentru ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà”);

▼M2

(g) 

tistabbilixxi u tħaddem il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà stabbilit mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2025/38, inkluż ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà stabbilita mill-Artikolu 14 tar-Regolament 2025/38 (ir-“Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà”), biex jappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għall-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, b’mod komplementari għar-riżorsi u għall-kapaċitajiet nazzjonali u għal forom oħra ta’ appoġġ disponibbli fil-livell tal-Unjoni, u biex jappoġġa utenti oħra fir-rispons għall-inċidenti sinifikanti taċ-ċibersigurtà u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala ekwivalenti għal skala kbira.

▼M2

2.  
L-azzjonijiet skont l-Objettiv Speċifiku 3 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u tan-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ). Madankollu, ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà għandha tiġu implimentata mill-Kummissjoni u, f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, mill-ENISA.

▼B

Artikolu 7

L-Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 4. Il-Ħiliet Diġitali Avvanzati għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali avvanzati f’oqsma koperti mill-programm sabiex jikkontribwixxu biex tikber il-ġabra ta’ talenti fl-Ewropa, jitnaqqas id-distakk diġitali u jitrawwem aktar professjonaliżmu, b’mod speċjali fir-rigward tal-computing ta’ prestazzjoni għolja u l-cloud computing, l-analitika tal-big data, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji ta’ reġistru distribwit (pereżempju il-blockchain), it-teknoloġiji tal-kwantum, ir-robotika, l-IA filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bilanċ bejn is-sessi. Sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u biex tiġi mħeġġa l-ispeċjalizzazzjoni fit-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet diġitali, il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha ssegwi l-objettivi operazzjonali li ġejjin:

(a) 

tappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ fit-tul u korsijiet ta’ kwalità għolja, inkluż it-taħriġ imħallat, għall-istudenti u għall-forza tax-xogħol;

(b) 

tappoġġa t-tfassil u t-twassil ta’ taħriġ u korsijiet ta’ terminu qasir ta’ kwalità għolja għall-forza tax-xogħol, b’mod partikolari fl-SMEs u fis-settur pubbliku;

(c) 

tappoġġa taħriġ ta’ kwalità għolja fuq il-post tax-xogħol u l-kollokamenti għall-istudenti, inkluż traineeships, u l-forza tax-xogħol, b’mod partikolari fl-SMEs u fis-settur pubbliku.

2.  
L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 4 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta.

Artikolu 8

L-Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà

1.  

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont l-Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà għandu jkollha l-objettivi operazzjonali li ġejjin filwaqt li jitnaqqas id-distakk diġitali:

(a) 

tappoġġa lis-settur pubbliku u oqsma ta’ interess pubbliku, bħalma huma s-saħħa u l-kura, l-edukazzjoni, il-ġudikatura, id-dwana, it-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija, l-ambjent, is-setturi kulturali u kreattivi, inkluż in-negozji rilevanti stabbiliti fi ħdan l-Unjoni, biex effettivament jużaw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali avvanzati, bħall-HPC, l-IA u ċ-ċibersigurtà;

(b) 

timplimenta, tħaddem u żżomm infrastrutturi trans-Ewropej ta’ servizz diġitali interoperabbli tal-ogħla livell mal-Unjoni kollha, inkluż servizzi relatati, f’komplimentarjetà ma’ azzjonijiet nazzjonali u reġjonali;

(c) 

tappoġġa l-integrazzjoni u l-użu ta’ infrastrutturi trans-Ewropej ta’ servizzi diġitali u ta’ standards diġitali Ewropej miftiehma fis-settur pubbliku u fl-oqsma ta’ interess pubbliku sabiex ikunu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà kosteffiċjenti;

(d) 

tiffaċilita l-iżvilupp, l-aġġornament u l-użu ta’ soluzzjonijiet u oqfsa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, min-negozji u miċ-ċittadini, inkluż ta’ soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet u oqsfa ta’ interoperabbiltà;

(e) 

toffri lis-settur pubbliku u lill-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari lill-SMEs, aċċess faċli għall-ittestjar u l-pilotaġġ tat-teknoloġiji diġitali użieda fl-użu tagħhom, inkluż l-użu transfruntier tagħhom;

(f) 

tappoġġa t-teħid mis-settur pubbliku u l-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-SMEs u n-negozji ġodda, ta’ teknoloġiji avvanzati diġitali u dawk relatati, inkluż b’mod partikolari l-HPC, l-IA, iċ-ċibersigurtà, teknoloġiji futuri oħra fuq quddiem nett, bħat-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. il-blockchain);

(g) 

tappoġġa t-tfassil, l-ittestjar, l-applikazzjoni, u l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tas-soluzzjonijiet diġitali interoperabbli, inkluż soluzzjonijiet diġitali tal-gvern, għas-servizzi pubbliċi fil-livell tal-Unjoni li jkunu mwassla permezz ta’ pjattaforma ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw u huma xprunati mid-data li jkollhom l-għan li jrawwmu l-innovazzjoni u li jistabbilixxu oqfsa komuni sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-servizzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għaċ-ċittadini u n-negozji;

(h) 

tiżgura l-kapaċità kontinwa fil-livell tal-Unjoni biex tmexxi l-iżvilupp diġitali, kif ukoll li tosserva, tanalizza u tadatta x-xejriet diġitali li qed jevolvu malajr, u l-kondiviżjoni u l-integrazzjoni tal-aħjar prattiki;

(i) 

tappoġġa l-kooperazzjoni lejn il-kisba ta’ ekosistema Ewropea għall-infrastrutturi diġitali u ta’ qsim ta’ data li jgawdu l-fiduċja bl-użu, fost l-oħrajn, ta’ servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż blockchain), inkluż l-appoġġ għall-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni u bit-trawwim tal-użu tal-applikazzjonijiet transfruntiera tal-Unjoni bbażati fuq is-sigurtà u l-privatezza bid-disinn, filwaqt li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur u l-protezzjoni tad-data;

(j) 

tibni u ssaħħaħ in-network ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej u n-network tagħhom.

2.  
L-azzjonijiet taħt l-Objettiv Speċifiku 5 għandhom ikunu implimentati primarjament permezz ta’ ġestjoni diretta.

▼M1

Artikolu 8a

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

Il-kontribuzzjoni finanzjarja min-naħa tal-Unjoni taħt l-Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi għandha ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punti (a) sa (d), tar-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).

▼B

Artikolu 9

Baġit

▼M1

1.  
Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun EUR 8 168 000 000 fi prezzijiet attwali.
2.  

Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun:

(a) 

EUR 2 019 914 000 għall-Objettiv Speċifiku 1 — Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

▼M2

(b) 

EUR 1 760 806 000 għall-Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali;

(c) 

EUR 1 372 020 000 għall-Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja;

(d) 

EUR 482 640 000 għall-Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati;

▼M1

(e) 

EUR 1 002 217 000 għall-Objettiv Speċifiku 5 — Tħejjija għall-Użu u l-Aqwa Użu tal-Kapaċitajiet u l-Interoperabbiltà Diġitali;

(f) 

EUR 1 575 000 000 għall-Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi.

▼B

3.  
L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża wkoll għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni, inkluż bl-użu ta’ sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.
4.  
L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.
5.  
Riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru konċernat, jiġu ttrasferiti għall-Programm, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, inkluż biex jiġu kkomplementati għotjiet mogħtija lil azzjoni, sa 100 % tal-kost totali eliġibbli fejn possibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ kofinanzjament stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont il-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
6.  
Fejn il-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi ttrasferiti f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għal programm wieħed jew aktar ta’ sors rispettiv, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027.
7.  
F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, fil-każijiet debitament ġustifikati speċifikati fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament u għal perijodu limitat, azzjonijiet appoġġati skont dan ir-Regolament u l-ispejjeż sottostanti jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk ikunu ġew implimentati u mġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

▼M2

8.  
B’deroga mill-Artikolu 12(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mhux użati għall-azzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà u tal-azzjonijiet li jappoġġaw l-assistenza reċiproka skont ir-Regolament (UE) 2025/38, li jsegwu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punt (g), ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu riportati awtomatikament u jistgħu jiġu impenjati u mħallsa sal-31 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja li jmiss. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu informati bl-approprjazzjonijiet riportati skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Finanzjarju.

▼B

Artikolu 10

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.  

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin permezz ta’ assoċjazzjoni jew assoċjazzjoni parzjali, skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3:

(a) 

il-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b) 

pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, b’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew f’arranġamenti simili u b’konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c) 

il-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d) 

pajjiżi terzi oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dak il-ftehim:

(i) 

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii) 

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

(iii) 

ma jagħti lill-pajjiż terz ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv) 

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha;

Il-kontribuzzjonijiet msemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

2.  
Assoċjazzjoni jew assoċjazzjoni parzjali ta’ pajjiżi terzi mal-Programm għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12(5).

Artikolu 11

Kooperazzjoni internazzjonali

1.  
L-Unjoni tista’ tikkoopera ma’ pajjiżi terzi kif msemmija fl-Artikolu 10, ma’ pajjiżi terzi oħra u ma’ organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali stabbiliti f’dawk il-pajjiżi, b’mod partikolari fi ħdan il-qafas tas-Sħubiji Ewro-Mediterranji u tal-Lvant u mal-pajjiżi fil-viċinat, speċjalment dawk tar-reġjuni tal-Balkani tal-Punent u tal-Baħar l-Iswed. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-kostijiet relatati mġarrba ma għandhomx jiġu koperti mill-Programm.

▼M1

2.  
Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-Objettivi Speċifiċi 1, 2, 3 u 6 għandha tkun soġġetta għall-Artikolu 12.

▼B

Artikolu 12

Sigurtà

1.  
L-azzjonijiet imwettqa taħt il-Programm għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ sigurtà applikabbli, inkluż mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u b’mod partikolari fir-rigward tl-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata kontra divulgazzjoni mhux awtorizzata. Fil-każ tal-azzjonijiet imwettqa barra mill-Unjoni li jużaw jew jiġġeneraw informazzjoni klassifikata, minbarra l-konformità mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq, tali azzjonijiet imwettqa għandhom ikunu soġġetti għal ftehim ta’ sigurtà konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz li fih titwettaq l-attività.
2.  
Fejn xieraq, il-proposti u l-offerti li jridu jiġu sottomessi mill-applikanti għandhom jinkludu awtovalutazzjoni tas-sigurtà li tidentifika kwalunkwe kwistjoni ta’ sigurtà u li tagħti dettalji dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet sabiex ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.
3.  
Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew il-korp fdat bl-implimentazzjoni tal-Programm għandhom iwettqu rieżami tas-sigurtà tal-proposti għal finanzjament sottomessi mill-applikanti li jqajmu kwistjonijiet ta’ sigurtà.
4.  
Fejn xieraq, l-azzjonijiet imwettqa taħt il-Programm għandhom jikkonformaw mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 ( 6 ), u r-regoli ta’ implimentazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.
5.  
Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda li jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi ma jkunux eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew uħud minnhom taħt l-Objettiv Speċifiku 3 għal raġunijiet ta’ sigurtà debitament ġustifikati. F’każijiet bħal dawn, sejħiet għall-proposti u sejħiet għall-offerti għandhom ikunu ristretti għall-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollat mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri.

▼M2

5a.  

Il-paragrafu 5 ma għandux japplika, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għal kwalunkwe azzjoni li timplimenta s-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-azzjoni kkonċernata:

(a) 

ikun hemm riskju reali, meta jitqiesu r-riżultati tal-immappjar imwettaq skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) 2025/38, li l-għodod, l-infrastrutturi jew is-servizzi neċessarji u suffiċjenti sabiex dik l-azzjoni tikkontribwixxi b’mod adegwat għall-objettivi tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà ma jkunux disponibbli mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri;

(b) 

ir-riskju tas-sigurtà li jsir akkwist minn tali entitajiet ġuridiċi fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà jkun proporzjonali għall-vantaġġi u ma jikkompromettix l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

5b.  

Il-paragrafu 5 ma għandux japplika, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għall-azzjonijiet li jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà meta ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati fir-rigward tal-azzjoni kkonċernata:

(a) 

ikun hemm riskju reali, meta jitqiesu r-riżultati tal-immappjar imwettaq skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament (UE) 2025/38, li t-teknoloġija, l-għarfien espert jew il-kapaċità neċessarji u suffiċjenti għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà sabiex taqdi b’mod adegwat il-funzjonijiet tagħha ma jkunux disponibbli mill-entitajiet ġuridiċi stabbiliti jew meqjusa li huma stabbiliti fl-Istati Membri u kkontrollati mill-Istati Membri jew minn ċittadini tal-Istati Membri;

(b) 

ir-riskju tas-sigurtà li tali entitajiet ġuridiċi jiġu inklużi fir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà jkun proporzjonali għall-vantaġġi u ma jikkompromettix l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

▼M2

6.  
Jekk debitament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi wkoll li l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi assoċjati u l-entitajiet ġuridiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni iżda jkunu kkontrollati minn pajjiżi terzi jistgħu jkunu eliġibbli biex jipparteċipaw fl-azzjonijiet kollha jew f’xi wħud minnhom fl-ambitu tal-Objettivi Speċifiċi 1 u 2 biss jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati minn dawk l-entitajiet ġuridiċi biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri u biex jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni f’dokumenti kklassifikati. Dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll, għal dak li għandu x’jaqsam mal-entitajiet ġuridiċi li huma stabbiliti fl-Unjoni iżda huma kkontrollati minn pajjiżi terzi, għall-azzjonijiet fl-ambitu tal-Objettiv Speċifiku 3 sabiex:

(a) 

jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà fejn japplika l-paragrafu 5a; u

(b) 

jimplimentaw ir-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtàfil-każijiet fejn japplika l-paragrafu 5b.

▼B

7.  
Fejn xieraq, il-Kummissjoni jew il-korp fdat bl-implimentazzjoni tal-Programm għandu jwettaq, kontrolli tas-sigurtà. Il-finanzjament għal azzjonijiet li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti relatati ma’ kwistjonijiet tas-sigurtà msemmija f’dan l-Artikolu jista’ jiġi sospiż, terminat jew imnaqqas fi kwalunkwe ħin skont ir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 13

Sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni

1.  
Il-Programm għandu jippermetti sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni, kif deskritt fl-Anness III, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti għal finanzjament komplimentari minn programmi tal-Unjoni fejn l-arranġamenti tal-ġestjoni jippermettuh. Finanzjament minn programmi oħra jista’ jiġi implimentat f’sekwenza, f’mod li jalterna, jew permezz tal-kombinazzjoni ta’ fondi, inkluż il-finanzjament konġunt tal-azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kisba tal-objettivi speċifiċi ma tiġix imfixkla meta tissaħħaħ in-natura komplementari tal-Programm ma’ programmi oħra tal-Unjoni.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konsistenza u l-kumplementarjetà ġenerali tal-Programm mal-politiki rilevanti u l-programmi tal-Unjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tiffaċilita t-twaqqif ta’ mekkaniżmi xierqa għall-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti u bejn tali awtoritajiet u l-Kummissjoni, u għandha tistabbilixxi għodod ta’ monitoraġġ xierqa sabiex b’mod sistematiku jiġu żgurati sinerġiji bejn il-Programm u kwalunkwe strument ta’ finanzjament rilevanti tal-Unjoni. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkontribwixxi biex tiġi evitata d-duplikazzjoni u biex jiġi mmassimizzat l-impatt pożittiv tal-infiq.

▼M1

3.  
Is-sinerġiji tal-Objettiv Speċifiku 6 ma’ Programmi oħra tal-Unjoni, huma deskritti fl-Artikolu 6 ta’ u fl-Anness III għar-Regolament(UE) 2023/1781.

▼B

Artikolu 14

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

▼M1

1.  
Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, jew b’ġestjoni indiretta billi ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni jiġu fdati lill-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju, f’konformità mal-Artikoli 4 sa 8a ta’ dan ir-Regolament. Il-korpi fdati bl-implimentazzjoni tal-Programm jistgħu jitbiegħdu mir-regoli dwar il-parteċipazzjoni u t-tixrid stabbiliti f’dan ir-Regolament biss meta tali tluq ikun previst mill-att legali li jistabbilixxi dawk il-korpi jew li jafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lilhom jew, għall-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subaparagrafu, il-punt (c)(ii), (c)(iii) jew (c)(v), tar-Regolament Finanzjarju, fejn tali tbegħid ikun previst fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni u l-ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta’ tali korpi jew in-natura tal-azzjoni jkunu jeħtieġu hekk.

▼M2

2.  
Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fil-forom kollha stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inkluż, b’mod partikolari, permezz tal-akkwist bħala forma primarja jew għotjiet u premjijiet.

Meta biex jintlaħaq l-objettiv ta’ xi azzjoni jkun hemm bżonn l-akkwist ta’ oġġetti u servizzi innovattivi, l-għotjiet jistgħu jingħataw biss lill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif definit fid-Direttivi 2014/24/UE ( 7 ) u 2014/25/UE ( 8 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Jekk il-forniment ta’ oġġetti jew servizzi innovattivi li għadhom mhumiex disponibbli fuq skala kummerċjali kbira huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ azzjoni, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ tawtorizza l-għoti ta’ diversi kuntratti fl-ambitu tal-istess proċedura ta’ akkwist.

Għal raġunijiet debitament ġustifikati ta’ sigurtà pubblika, l-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti tista’ teżiġi li l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikun fit-territorju tal-Unjoni.

Meta jimplimentaw il-proċeduri tal-akkwist għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwist biex jakkwistaw għall-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew f’isimhom f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu wkoll bħala grossista, billi jixtru, jaħżnu u jbigħu mill-ġdid jew jagħtu f’donazzjoni provvisti u servizzi, inkluż il-kiri, lil dawk il-pajjiżi terzi. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), it-talba minn pajjiż terz wieħed għandha tkun biżżejjed biex tagħti mandat lill-Kummissjoni jew lill-ENISA biex taġixxi.

Meta jimplimentaw il-proċeduri tal-akkwist għar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu bħala korp ċentrali għall-akkwist biex jakkwistaw għall-istituzzjonijiet, għall-korpi, għall-uffiċċji jew għall-aġenziji tal-Unjoni jew f’isimhom. Il-Kummissjoni u l-ENISA jistgħu jaġixxu wkoll bħala grossista, billi jixtru, jaħżnu u jbigħu mill-ġdid jew jagħtu f’donazzjoni provvisti u servizzi, inkluż il-kiri, lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni. B’deroga mill-Artikolu 168(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509+, it-talba minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija individwali tal-Unjoni hi biżżejjed biex tagħti mandat lill-Kummissjoni jew lill-ENISA biex taġixxi.

Il-Programm jista’ jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit.

▼B

3.  
►C1  Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ fondi dovuti minn riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. ◄ Għandu japplika l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/695.

▼M1

4.  
Fejn jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE)2023/1781 għandu japplika dak l-Artikolu.

▼B

Artikolu 15

Sħubijiet Ewropej

Il-Programm jista’ jiġi implimentat permezz ta’ Sħubijiet Ewropej u fi ħdan l-ippjanar strateġiku bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/695. Tali implimentazzjoni tista’ tinkludi kontribuzzjonijiet għal sħubijiet pubbliċi-privati eżistenti jew ġodda fil-forma ta’ impriżi konġunti stabbiliti skont l-Artikolu 187 TFUE. Għal dawk il-kontribuzzjonijiet, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament relatati mas-Sħubijiet Ewropej.

Artikolu 16

Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej

1.  
Għandu jiġi stabbilit network inizjali tal-Hubs Ewropej ta’ Innovazzjoni Diġitali matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-Programm. Dak in-netwek inizjali għandu jikkonsisti minn tal-inqas hub wieħed għal kull Stat Membru, sakemm ma jkun hemm ebda kandidat fi Stat Membru partikolari li jkun jista’ jiġi nnominat u magħżul f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.
2.  

Għall-fini li jiġi stabbilit in-network imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu jinnomina entitajiet kandidati b’konformità mal-proċeduri u l-istrutturi amministrattivi u istituzzjonali nazzjonali tiegħu permezz ta’ proċess miftuħ u kompetittiv, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a) 

il-kompetenzi xierqa relatati mal-attivitajiet tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u l-kompetenzi f’qasam wieħed jew aktar identifikati fl-Artikolu 3(2);

(b) 

il-kapaċità ta’ ġestjoni xierqa, il-persunal u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(c) 

il-mezzi operattivi u legali biex jiġu applikati r-regoli ta’ ġestjoni amministrattiva, kuntrattwali u finanzjarji stabbiliti fuq livell ta’ Unjoni; u

(d) 

il-vijabbiltà finanzjarja xierqa, li tikkorrispondi għall-livell ta’ fondi tal-Unjoni li ser tkun imsejħa li tamministra u murija, fejn xieraq, permezz ta’ garanziji preferibbilment maħruġa minn awtorità pubblika.

3.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjoni dwar l-għażla tal-entitajiet li jiffurmaw in-network inizjali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2). Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ l-opinjoni ta’ kull Stat Membru qabel ma tagħżel Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew fit-territorju tiegħu.

L-entitajiet għandhom jintgħażlu mill-Kummissjoni minn fost l-entitajiet kandidati innominati mill-Istati Membri abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-kriterji addizzjonali li ġejjin:

(a) 

il-baġit disponibbli għall-finanzjament tan-network inizjali; u

(b) 

il-ħtieġa li n-network inizjali jiżgura kopertura tal-ħtiġijiet tal-industrija u l-oqsma ta’ interess pubbliku u li jiżgura kopertura ġeografika bbilanċjata u komprensiva biex itejjeb il-konverġenza bejn l-Istati Membri li jibbenefikaw mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-2021 sal-2027 stabbilit bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Istati Membri l-oħra, pereżempju li jitnaqqas id-distakk diġitali f’termini ġeografiċi.

4.  
Jekk meħtieġ, wara proċess miftuħ u kompetittiv, il-Kummissjoni, għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta deċiżjonijiet dwar l-għażla ta’ entitajiet li jifformaw Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej addizzjonali. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ l-opinjoni tal-Istat Membru qabel ma tagħżel Hub ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropew addizzjonali fit-territorju tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tagħżel Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej addizzjonali b’tali mod li tiżgura kopertura ġeografika wiesgħa madwar l-Ewropa. L-għadd ta’ entitajiet tan-network għandu jkun suffiċjenti biex jissodisfa d-domanda tas-servizzi tal-hubs fi Stati Membri partikolari. Biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet speċifiċi affaċċjati mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, jistgħu jiġu nominati entitajiet speċifiċi biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ tali reġjuni.

5.  
Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej għandu jkollhom awtonomija ġenerali sostanzjali sabiex jistabbilixxu l-organizzazzjoni, il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tagħhom.
6.  

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Programm, il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej għandhom iwettqu l-attivitajiet li ġejjin għall-benefiċċju tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari l-SMEs u l-mid-caps, kif ukoll is-settur pubbliku:

(a) 

jissensibilizzaw u jipprovdu jew jiżguraw l-aċċess, għall-għarfien espert, in-knowhow u s-servizzi fit-trasformazzjoni diġitali, inkluż l-ittestjar u l-esperimentazzjoni tal-faċilitajiet;

(b) 

jassistu lin-negozji, speċjalment lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda, lill-organizzazzjonijiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex isiru aktar kompetittivi u sabiex itejbu l-mudelli kummerċjali tagħhom bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda koperti mill-Programm;

(c) 

jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien espert u n-knowhow bejn ir-reġjuni, b’mod partikolari permezz ta’ tqabbil għall-SMEs, in-negozji ġodda u l-mid-caps stabbiliti f’reġjun partikolari mal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej stabbiliti f’reġjuni oħra li huma l-aktar adattati biex jipprovdu servizzi rilevanti; jinkoraġġixxu l-iskambji ta’ ħiliet u għarfien, inizjattivi konġunti u prattiki tajbin;

(d) 

jipprovdu, jew jiżguraw aċċess għal servizzi tematiċi, fosthom b’mod partikolari servizzi marbuta mal-IA, l-HPC u ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, lill-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku, lill-SMEs jew lill-mid-caps;

(e) 

jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-partijiet terzi taħt Objettiv Speċifiku 4.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej jistgħu jispeċjalizzaw f’servizzi tematiċi speċifiċi u m’għandhomx għalfejn jipprovdu s-servizzi tematiċi kollha jew jipprovdu dawk is-servizzi lill-kategoriji kollha tal-entitajiet imsemmija f’dan il-paragrafu.

7.  
Fejn Hub tal-Innovazzjoni Diġitali Ewropew jirċievi finanzjament mill-Programm, il-finanzjament għandu jkun fil-forma ta’ għotjiet.

▼M2

Artikolu 16a

Kunflitti ta’ regoli

Fil-każ ta’ azzjonijiet li jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, ir-regoli applikabbli għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 9 ta’ dak ir-Regolament (UE) 2025/38. Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 4, 5 u 9 tar-Regolament (UE) 2025/38, dan tal-aħħar għandu jipprevali u japplika għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi.

Fil-każ tar-Riżerva tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm huma stabbiliti fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38. Fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2025/38, dan tal-aħħar għandu jipprevali u japplika għal dawk l-azzjonijiet speċifiċi.

▼B

KAPITOLU II

ELIĠIBBILTÀ

Artikolu 17

Azzjonijiet eliġibbli

▼M1

1.  
Għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament biss l-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 8a.

▼B

2.  
Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-twettiq ta’ azzjonijiet taħt il-Programm għandhom jiġu stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma.

Artikolu 18

Entitajiet ġuridiċi eliġibbli

1.  

L-entitajiet ġuridiċi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-Programm:

(a) 

entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi:

(i) 

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut ma’ Stat Membru;

(ii) 

pajjiż terz assoċjat mal-Programm skont l-Artikoli 10 u 12;

(b) 

kwalunkwe entità ġuridika oħra maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni u kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali ta’ interess Ewropew

2.  
B’deroga mill-paragrafu 1, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm għandhom ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw f’azzjonijiet speċifiċi fejn il-parteċipazzjoni tagħhom tkun meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Programm. Tali entitajiet għandhom iġarrbu l-ispiża tal-parteċipazzjoni tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-programmi ta’ ħidma.
3.  
Persuni fiżiċi ma għandhomx ikunu eliġibbli li jipparteċipaw fil-Programm, ħlief għall-għotjiet mogħtija taħt l-Objettiv Speċifiku 4.
4.  
Il-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 24 jista’ jipprovdi li l-parteċipazzjoni tkun limitata għall-benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri biss, jew għall-benefiċjarji stabbiliti fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati speċifiċi jew pajiiżi terzi oħra, fejn ikun hemm raġunijiet ta’ sigurtà għal tali limitazzjoni jew fejn l-azzjonijiet jirrelataw direttament mal-awtonomija strateġika tal-Unjoni. Kwalunkwe limitazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi’pajjiżi assoċjati għandha tikkonforma mat-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim rilevanti.

KAPITOLU III

GĦOTJIET

▼M2

Artikolu 19

Għotjiet

Għotjiet fl-ambitu tal-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u jistgħu jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju. Tali għotjiet għandhom jingħataw u jkunu ġestiti kif speċifikat għal kull objettiv speċifiku.

L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet jista’ jingħata direttament mill-ECCC mingħajr sejħa għal proposti lill-Istati Membri magħżula skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2025/38 u l-Konsorzju tal-Hosting imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2025/38, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.

L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet għall-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jista’ jingħata direttament mill-ECCC lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.

Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza reċiproka previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, l-ECCC għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ENISA bit-talbiet tal-Istati Membri għal għotjiet diretti mingħajr sejħa għal proposti.

Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, u f’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jitqiesu eliġibbli anki jekk ikunu saru qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-għotja.

▼B

Artikolu 20

Kriterji tal-għotjiet

1.  

Il-kriterji tal-għotijiet għandhom ikunu stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma u fis-sejħiet għall-proposti, filwaqt li, mill-inqas, jitqiesu l-elementi li ġejjin:

(a) 

il-maturità tal-azzjoni fl-iżvilupp tal-proġett;

(b) 

is-solidità tal-pjan ta’ implimentazzjoni propost;

(c) 

il-ħtieġa li jingħeleb xkiel finanzjarju bħal nuqqas ta’ finanzi fis-suq.

2.  

Fejn applikabbli, il-kriterji tal-għotjiet, għandhom iqisu l-elementi li ġejjin:

(a) 

l-effett stimolanti tal-appoġġ tal-Unjoni fuq l-investiment pubbliku u privat;

(b) 

l-impatt ekonomiku, soċjali, fuq il-klima u dak ambjentali li mistenni jkun hemm;

(c) 

l-aċċessibbiltà u l-faċilità ta’ aċċess għas-servizzi rispettivi;

(d) 

dimensjoni trans-Ewropea;

(e) 

distribuzzjoni ġeografika bilanċjata fl-Unjoni kollha, inkluż it-tnaqqis tad-distakk diġitali ġeografiku, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi;

(f) 

il-preżenza ta’ pjan ta’ sostenibbiltà fit-tul;

(g) 

il-libertà għall-użu mill-ġdid u l-adattament tar-riżultati tal-proġetti;

(h) 

is-sinerġija u l-komplementarjetà ma’ programmi oħra tal-Unjoni.

Artikolu 21

Evalwazzjoni

B’konformità mal-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju, l-applikazzjonijiet għall-għotjiet għandhom ikunu evalwati minn kumitat tal-evalwazzjoni, li jista’ jkun kollu kemm hu jew parti minnu magħmul minn esperti esterni indipendenti.

KAPITOLU IV

OPERAZZJONIJIET TA’ TAĦLIT U FINANZJAMENT IMĦALLAT IEĦOR

Artikolu 22

Operazzjonijiet ta’ taħlit

L-operazzjonijiet ta’ taħlit skont il-Programm għandhom jitwettqu b’konformità mar-Regolament (UE) 2021/523 u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 23

Finanzjament kumulattiv, komplementarju u mħallat

1.  
Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, inkluż fondi taħt ġestjoni kondiviża, tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni mill-Programm, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet totali eliġibbli tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi prorata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-appoġġ.
2.  

Sabiex jingħataw Siġill ta’ Eċċellenza taħt il-Programm, azzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti skont il-Programm;

(b) 

ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ din is-sejħa għal proposti;

(c) 

ma humiex iffinanzjati fil-qafas ta’ dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, il-FEŻR jew il-FSE+ jistgħu jappoġġaw proposti ppreżentati wara sejħa għal proposti taħt il-Programm, li kienu ingħataw Siġill ta’ Eċċellenza f’konformità mal-Programm.

KAPITOLU V

PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

Artikolu 24

Programmi ta’ ħidma

1.  
Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma kif imsemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
Il-programmi ta’ ħidma fil-prinċipju għandhom ikunu adottati bħala programmi pluriennali, tipikament kull sentejn, u jkopru l-objettivi ġenerali tal-Programm kif ukoll objettiv speċifiku, wieħed jew aktar. Jekk ikunu ġġustifikati bi ħtiġijiet ta’ implimentazzjoni speċifiċi, huma jistgħu jiġu adottati wkoll bħala programmi annwali.
3.  
Il-Programmi ta’ Ħidma għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi speċifiċi tal-Programm, kif stabbilit fl-Artikoli 4 sa 8, filwaqt li jqisu wkoll l-oqsma u t-tipi ta’ attivitajiet stabbiliti fl-Anness I. Għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati hemmhekk ma jeskludux il-finanzjament privat.
4.  
Sabiex tirrifletti l-bidla teknoloġika u l-iżviluppi tas-suq, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Anness I fir-rigward tal-attivitajiet stabbiliti fih b’mod konsistenti mal-objettivi speċifiċi tal-Programm, kif stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8.
5.  
Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit.
6.  
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-programmi ta’ ħidma għall-Objettiv Speċifiku 2, 4 u 5 u għal azzjonijiet oħra possibbli taħt ġestjoni diretta għall-Objettivi Speċifiċi 1 u 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 25

Monitoraġġ u rapportar

1.  
L-indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3(2) huma stabbiliti fl-Anness II.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi metodoloġija biex tipprovdi indikaturi għall-valutazzjoni preċiża tal-progress miksub lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
3.  
Sabiex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi li jistgħu jitkejlu, fejn tqis li jkun meħtieġ, kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.
4.  
Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-Programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u f’waqtu sabiex ir-riżultati jkunu adattati għal analiżi fil-fond tal-progress miksub u d-diffikultajiet li jinqalgħu.

Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni u, fejn meħtieġ, fuq l-Istati Membri.

5.  
L-istatistiċi uffiċjali tal-UE, bħall-istħarriġiet statistiċi regolari tal-ICT, għandhom jintużaw sal-massimu tagħhom bħala indikaturi tal-kuntest. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-istituti nazzjonali tal-istatistika u għandha tinvolvihom, flimkien mal-Eurostat fit-tfassil inizjali u l-iżvilupp ulterjuri tal-indikaturi statistiċi użati għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Programm u progress li jkun sar fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni.

Artikolu 26

Evalwazzjoni tal-Programm

1.  
L-evalwazzjonijiet tal-Programm għandhom jitwettqu sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod f’waqtu. Dawn għandu jkun fihom valutazzjoni kwalitattiva tal-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 3.
2.  
Apparti l-monitoraġġ regolari tal-Programm, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm li għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programm. L-evalwazzjoni interim għandha tifforma l-bażi għall-aġġustament tal-implimentazzjoni tal-Programm, kif xieraq, b’kont meħud ukoll ta’ żviluppi teknoloġiċi rilevanti ġodda.
3.  
Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm.

L-evalwazzjoni finali għandha tivvaluta l-impatti fit-tul tal-Programm u s-sostenibbiltà tiegħu.

4.  
Is-sistema ta’ rapportar dwar l-evalwazzjoni għandha tiżgura li r-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni jiġbru d-data għall-evalwazzjoni tal-programm b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu u f’livell xieraq ta’ granularità.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-evalwazzjoni interim imsemmija fil-paragrafu 2 u l-evalwazzjoni finali msemmija fil-paragrafu 3 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 27

Awditi

1.  
L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inkluż oħrajn minbarra dawk imqabbda mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  
Is-sistema ta’ kontroll għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn il-fiduċja u l-kontroll, filwaqt li jitqiesu il-kostijiet amministrattivi u kostijiet oħrajn relatati mal-kontroll fil-livelli kollha.
3.  
L-awditi tal-infiq għandhom jitwettqu b’mod konsistenti b’konformità mal-prinċipji ta’ ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.
4.  
Bħala parti mis-sistema ta’ kontroll, l-istrateġija tal-awditu tista’ tkun ibbażata fuq l-awditu finanzjarju ta’ kampjun rappreżentattiv tal-infiq. Dak il-kampjun rappreżentattiv għandu jiġi kkomplementat b’għażla bbażata fuq valutazzjoni tar-riskji relatati mal-infiq.
5.  
L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn programmi differenti tal-Unjoni għandhom jiġu awditjati darba biss, billi jiġu koperti l-programmi kollha kkonċernati u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

Artikolu 28

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 29

Informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità, appoġġ ta’ politika u disseminazzjoni

1.  
Dawk li jirċievu l-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku.
2.  
Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li tiġi pprovduta informazzjoni integrata u li din tilħaq lill-applikanti potenzjali għall-finanzjament tal-Unjoni fis-settur diġitali.

Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.

3.  
Il-Programm għandu jipprovdi appoġġ lill-iżvilupp tal-politika, il-komunikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u t-tixrid ta’ azzjonijiet relatati mall-Programm u għandu jippromwovi kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenza fl-oqsma msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

KAPITOLU VI

ATTI DELEGATI, ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI, DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 30

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 24(4) u l-Artikolu 25(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-Programm Ewropa Diġitali. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Tħassir

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240, li għandu jibqa’ japplika għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2.  
Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240.
3.  
Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 9(4), biex tkun tista’ ssir l-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sat-tmien id-durata tal-Programm.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

AZZJONIJIET

Deskrizzjoni teknika tal-Programm: l-ambitu tal-azzjonijiet

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti tal-Programm għandhom jiġu implimentati skont id-deskrizzjoni teknika li ġejja:

Objettiv Speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja

Il-programm għandu jimplimenta l-istrateġija Ewropea dwar l-HPC bl-appoġġ ta’ ekosistema sħiħa tal-Unjoni li tipprovdi l-HPC u l-kapaċitajiet tad-data meħtieġa għall-Ewropa biex tikkompeti globalment. L-istrateġija għandha l-għan li tiskjera HPC u infrastruttura tad-data tal-ogħla livell b’kapaċitajiet fuq skala eksa bejn l-2022 u l-2023, u b’faċilitajiet fuq skala posteksa bejn l-2026 u l-2027 biex jagħnu lill-Unjoni bi provvista ta’ teknoloġija tal-HPC indipendenti u kompetittiva tagħha stess, tilħaq l-eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-HPC u twessa’ d-disponibbiltà u l-użu tal-HPC.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Qafas ta’ akkwist konġunt li jippermetti approċċ kodisinnjat għall-akkwist ta’ network integrat ta’ HPC tal-ogħla livell, inkluż l-akkwist ta’ supercomputing u infrastruttura tad-data ta’ skala eksa. Dak in-network ser ikun faċilment aċċessibbli għall-utenti pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-SMEs, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, u ser ikunu aċċessibbli faċilment għal skopijiet ta’ riċerka, skont ir-Regolament (UE) 2018/1488.

2. 

Qafas ta’ akkwist konġunt għall-akkwist ta’ infrastruttura ta’ supercomputing ta’ skala posteksa inkluż l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ta’ computing quantum.

3. 

Il-koordinazzjoni u r-riżorsi finanzjarji xierqa fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġaw l-iżvilupp, l-akkwist u t-tħaddim ta’ din l-infrastruttura.

4. 

In-networking tal-HPC ta’ Stati Membri u l-kapaċitajiet ta’ data u l-appoġġ għall-Istati Membri li jkunu jixtiequ jaġġornaw jew jakkwistaw kapaċitajiet ġodda tal-HPC.

5. 

In-networking taċ-ċentri nazzjonali ta’ kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, mill-anqas wieħed għal kull Stat Membru u assoċjati maċ-ċentri nazzjonali tas-supercomputing tagħhom biex jipprovdu servizzi ta’ HPC lill-industrija, b’mod partikolari lill-SMEs, il-komunità akkademika u l-amministrazzjonijiet pubbliċi.

6. 

L-implimentazzjoni ta’ teknoloġija lesta biex tintuża operattiva, b’mod partikolari is-supercomputing bħala servizz li jirriżulta mir-riċerka u l-innovazzjoni biex tinbena ekosistema tal-HPC Ewropea integrata, li tkopri s-segmenti kollha tal-katina tal-valur xjentifiku u industrijali (hardware, software, applikazzjonijiet, servizzi, interkonnessjonijiet u ħiliet diġitali avvanzati).

Objettiv Speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

Il-Programm għandu jibni u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-IA ewlenin fl-Ewropa, inkluż ir-riżorsi tad-data u r-repożitorji ta’ algoritmi, u jagħmilhom aċċessibbli għal-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji kollha, u għandu jsaħħaħ u jagħmel network ta’ faċilitajiet eżistenti u dawk stabbiliti reċentement tal-ittestjar u tal-esperimentazzjoni tal-IA fl-Istati Membri.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data li jagħmlu d-data madwar l-Ewropa aċċessibbli, inkluż informazzjoni miġbura mill-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, u jsiru sors ta’ input tad-data għal soluzzjonijiet tal-IA. L-ispazji jenħtieġ li jkunu miftuħa għas-setturi pubbliċi u privati. Għal aktar użu, id-data fi ħdan spazju trid issir interoperabbli, b’mod partikolari permezz ta’ formati ta’ data li huma miftuħa, jinqraw mill-magni, standardizzati u dokumentati, kemm fl-interazzjonijiet bejn is-setturi pubbliċi u privati, kif ukoll fi ħdan is-setturi u bejn is-setturi (l-interoperabbiltà semantika).

2. 

L-iżvilupp ta’ libreriji jew interfaċċi komuni Ewropej għal libreriji ta’ algoritmi li jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-utenti Ewropej potenzjali kollha fuq il-bażi ta’ termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. In-negozji u s-settur pubbliku jridu jkunu jistgħu jidentifikaw u jakkwistaw kwalunkwe soluzzjoni li taħdem l-aħjar għall-bżonnijiet tagħhom.

3. 

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’faċilitajiet ta’ referenza tal-ogħla livell għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni f’ambjent reali li jiffoka fuq l-applikazzjonijiet tal-IA f’setturi essenzjali bħas-saħħa, il-monitoraġġ tad-dinja jew tal-ambjent, it-trasport u l-mobbiltà, is-sigurtà, il-manifattura u l-finanzi, kif ukoll f’oqsma oħra ta’ interess pubbliku. Dawk il-faċilitajiet iridu jkunu miftuħa għall-atturi kollha madwar l-Ewropa u konnessi man-network ta’ Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej. Dawk il-faċilitajiet iridu jiġu attrezzati bi jew konnessi ma’ faċilitajiet kbar ta’ computing u li jipproċessaw id-data, kif ukoll bl-aħħar teknoloġiji tal-IA, inklużi oqsma emerġenti bħall-computing newromorfiku, l-apprendiment profond u r-robotika.

▼M2

Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

Il-Programm għandu jistimula t-tisħiħ, il-bini u l-ksib ta’ kapaċitajiet essenzjali biex jiġi assigurati l-ekonomija diġitali, is-soċjetà u d-demokrazija tal-Unjoni permezz tat-tisħiħ tal-potenzjal industrijali u tal-kompetittività fl-ambitu taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni, kif ukoll biex jitjiebu l-kapaċitajiet kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku biex jiġu protetti ċ-ċittadini u n-negozji mit-theddidiet ċibernetiċi, inkluż permezz tal-appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/1148.

L-azzjonijiet inizjali u, fejn jkun xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti skont dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Il-koinvestiment mal-Istati Membri f’tagħmir avvanzat għaċ-ċibersigurtà, f’infrastruttura u f’know-how li huma essenzjali għall-ħarsien tal-infrastrutturi kritiċi u s-Suq Uniku Diġitali inġenerali. Tali koinvestiment jista’ jinkludi investimenti f’faċilitajiet kwantistiċi u riżorsi tad-data għas-ċibersigurtà, l-għarfien tas-sitwazzjoni fiċ-ċiberspazju inklużi ċ-Ċentri Ċibernetiċi Nazzjonali u ċ-Ċentri Ċibernetiċi Transfruntieri li jiffurmaw is-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà, kif ukoll f’għodod oħra li jridu jkunu disponibbli għas-settur pubbliku u dak privat fl-Ewropa kollha;

2. 

It-titjib tal-kapaċitajiet teknoloġiċi eżistenti u n-networking ta’ ċentri ta’ kompetenza fl-Istati Membri u li jiġi żgurat li dawk il-kapaċitajiet jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tal-industrija, inkluż permezz ta’ prodotti u servizzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà u l-fiduċja fi ħdan is-Suq Uniku Diġitali;

3. 

Il-garanzija ta’ użu wiesa’ ta’ soluzzjonijiet ta’ ċibersigurtà u fiduċja effettivi u mill-aktar avvanzati fl-Istati Membri kollha. Tali użu jinkludi t-tisħiħ tas-sigurtà u tas-sikurezza ta’ prodotti, mid-disinn sal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom;

4. 

L-appoġġ għall-għeluq tad-distakk fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn il-ġeneri, billi, pereżempju, jiġu allinjati l-programmi tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà, jiġu adattati għall-ħtiġijiet settorjali speċifiċi u jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-taħriġ speċjalizzat immirat;

5. 

Il-promozzjoni tas-solidarjetà fost l-Istati Membri fit-tħejjija u fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà sinifikanti u inċidenti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira permezz tal-użu ta’ servizzi ta’ ċibersigurtà f’livell transfruntier, inkluż l-appoġġ għall-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-istabbiliment ta’ riżerva ta’ fornituri fdati ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti fil-livell tal-Unjoni.

▼B

Objettiv Speċifiku 4 - Ħiliet diġitali Avvanzati

Il-Programm għandu jappoġġa l-aċċess għal ħiliet diġitali avvanzati u opportunitajiet ta’ taħriġ dwar dawk il-ħiliet, b’mod partikolari, fil-HPC, fl-analitika tal-big data, fl-IA, fit-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain) u fiċ-ċibersigurtà għall-forza tax-xogħol attwali u futura, billi, fost l-oħrajn, l-istudenti, il-gradwati reċenti, il-ħaddiema attwali u ċ-ċittadini ta’ kull età bi bżonn ta’ titjib tal-ħiliet, ikunu fejn ikunu, jiġu offruti l-mezzi biex jakkwistaw u jiżviluppaw dawk il-ħiliet.

L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv għandhom jinkludu:

1. 

Aċċess għal taħriġ fuq il-post tax-xogħol bil-parteċipazzjoni f’apprendistati f’ċentri tal-kompetenza u f’negozji li jużaw teknoloġiji diġitali avvanzati.

2. 

Aċċess għal korsijiet f’teknoloġiji diġitali avvanzati li jridu jiġu offruti mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, istituzzjonijiet ta’ riċerka u l-korpi taċ-ċertifikazzjoni professjonali tal-industrija b’kooperazzjoni mal-korpi involuti fil-Programm (is-suġġetti mistennija jinkludu l-IA, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain), il-HPC u t-teknoloġiji quantum).

3. 

Parteċipazzjoni f’taħriġ professjonali speċjalizzat, għal terminu qasir li ġew preċertifikati, pereżempju fil-qasam taċ-ċibersigurtà.

L-interventi għandhom jiffokaw fuq ħiliet diġitali avvanzati relatati ma’ teknoloġiji speċifiċi.

Il-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej previsti fl-Artikolu 16 għandhom jaġixxu bħala faċilitaturi għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, b’kollegament mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Objettiv Speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċitajiet Diġitali u l-Interoperabbiltà

Proġetti li jipprevedu l-implimentazzjoni u l-aħjar użu tal-kapaċitajiet diġitali jew l-interoperabilità għandhom jikkostitwixxu proġetti ta’ interess komuni.

I. L-azzjonijiet inizjali, u fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv relatati mat-trasformazzjoni diġitali ta’ oqsma ta’ interess pubbliku għandhom jinkludu:

1. 

L-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi:

1.1. 

Appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku fl-oqsma kollha tal-politika, billi jinħolqu, fejn meħtieġ, ir-reġistri meħtieġa u l-interkonnessjoni tagħhom b’konformità sħiħa mar-Regolament(UE) 2016/679.

1.2. 

Appoġġ għat-tfassil, il-pilotaġġ, l-implimentazzjoni, il-manutenzjoni, l-evoluzzjoni u l-promozzjoni ta’ ekosistema koerenti ta’ infrastruttura tas-servizzi diġitali transfruntiera u jiġu ffaċilitati soluzzjonijiet u oqsfa komuni fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi li huma mingħajr xkiel minn tarf sa tarf, siguri, interoperabbli, multilingwi, transfruntiera jew transsettorjali. Għandhom jiġu inklużi wkoll metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-impatt u l-benefiċċji.

1.3. 

Appoġġ għall-valutazzjoni, l-aġġornament u l-promozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet u standards komuni eżistenti kif ukoll l-iżvilupp, l-istabbiliment u l-promozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet ġodda komuni, speċifikazzjonijiet u standards miftuħa permezz tal-pjattaformi ta’ standardizzazzjoni tal-Unjoni u b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew internazzjonali kif xieraq.

1.4. 

Kooperazzjoni lejn ekosistema Ewropea għal infrastrutturi affidabbli, possibbilment bl-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż. blockchain), li jinkludu l-appoġġ għal interoperabbiltà u standardizzazzjoni u li jrawmu l-użu ta’ applikazzjonijiet transfruntiera tal-Unjoni.

2. 

Is-Saħħa

2.1. 

Jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom u jkunu jistgħu jaċċessaw, jikkondividu, jużaw u jiġġestixxu d-data personali tas-saħħa tagħhom bejn il-fruntieri b’mod sigur u b’mod li jiggarantixxi l-privatezza tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu jew fejn tinsab id-data, b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Titlesta l-infrastruttura Ewropea ta’ servizzi diġitali tas-Saħħa elettronika u tiġi estiża permezz ta’ servizzi diġitali ġodda fir-rigward tal-prevenzjoni tal-mard, is-saħħa u l-kura u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ tali servizzi, li jibni fuq appoġġ wiesa’ mill-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri, b’mod partikolari fin-Network tas-Saħħa elettronika skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ).

2.2. 

Issir disponibbli data aħjar għar-riċerka, il-prevenzjoni tal-mard u s-saħħa u l-kura personalizzati. Jiġi żgurat li r-riċerkaturi tas-saħħa u prattikanti kliniċi Ewropej ikollhom aċċess għall-iskala meħtieġa ta’ riżorsi (spazji ta’ data kondiviża, inkluż il-ħżin tad-data u l-computing, għarfien espert u kapaċitajiet analitiċi) biex jinkisbu s-suċċessi rivoluzzjonarji f’mard ewlieni kif ukoll f’mard rari. Il-mira hija li jiġi żgurat koort ibbażat fuq il-popolazzjoni ta’ mill-inqas 10 miljun ċittadin.

2.3. 

Isiru disponibbli għodod diġitali għat-tisħiħ tas-setgħat taċ-ċittadini u għall-kura ċċentrata fuq il-persuna billi jiġi appoġġat l-iskambju tal-aħjar prattiki u dawk innovattivi fis-saħħa diġitali, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika, b’mod partikolari għaċ-ċibersigurtà, l-IA u l-HPC.

3. 

Il-ġudikatura

Ikun hemm komunikazzjoni elettronika bla xkiel u sigura bejn il-fruntieri fi ħdan il-ġudikatura u bejn il-ġudikatura u korpi oħra kompetenti oħra fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kriminali. Jitjieb l-aċċess għall-ġustizzja u għall-informazzjoni ġuridika u l-proċeduri għaċ-ċittadini, in-negozji, il-ġuristi u l-membri tal-ġudikatura billi jkunu pprovduti interkonnessjonijiet mal-bażijiet tad-data u r-reġistri kif ukoll bl-iffaċilitar ta’ soluzzjoni tat-tilwim straġudizzjarja online. Jiġu promossi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għall-qrati u l-professjoni legali bbażati, fost l-oħrajn, fuq soluzzjonijiet tal-IA li probabbilment jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri (pereżempju, applikazzjonijiet “tekniċi ġuridiċi”).

4. 

It-trasport, il-mobbiltà, l-enerġija u l-ambjent

Jiġu implimentati soluzzjonijiet deċentralizzati u infrastrutturi meħtieġa għal applikazzjonijiet diġitali fuq skala kbira bħal sewqan awtomatiku konness, vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord, kunċetti ta’ mobbiltà intelliġenti, bliet intelliġenti, żoni rurali intelliġenti jew reġjuni ultraperiferiċi, b’appoġġ għall-politiki tat-trasport, l-enerġija u l-ambjent u f’koordinazzjoni mal-azzjonijiet għad-diġitalizzazzjoni tas-setturi tat-trasport u l-enerġija taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

5. 

Edukazzjoni, kultura u midja

Jingħata aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-setturi kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-IA għall-computing avvanzat. Jiġi sfruttat il-wirt kulturali Ewropew, inkluż Europeana, biex tiġi appoġġata l-edukazzjoni u r-riċerka u għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-koeżjoni soċjali u s-soċjetà Ewropea. Jiġi appoġġat it-teħid ta’ teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni, kif ukoll fl-istituzzjonijiet kulturali finanzjati privatament jew pubblikament.

6. 

Azzjonijiet oħra li jappoġġaw is-Suq Uniku Diġitali

Jiġu appoġġati azzjonijiet bħat-trawwim tal-litteriżmu diġitali u tal-media u jiżdied l-għarfien fost il-minorenni, il-ġenituri u l-għalliema dwar ir-riskji li l-minuri jistgħu jiltaqgħu magħhom online u l-mezzi sabiex jipproteġuhom, l-indirizzar tal-intimidazzjoni elettronika u t-tixrid ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal online permezz tal-appoġġ lil network pan-Ewropew ta’ Ċentri għal Internet aktar Sikur. Jiġu promossi miżuri mmirati lejn is-sejba u l-ġlieda kontra t-tixrid ta’ diżinformazzjoni intenzjonali, biex b’hekk iżidu r-reżiljenza globali tal-Unjoni; jiġi appoġġat osservatorju tal-Unjoni għall-ekonomija tal-pjattaforma diġitali kif ukoll għall-istudji u għall-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

L-azzjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 6 jistgħu jkunu parzjalment sostnuti mill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej permezz tal-istess kapaċitajiet żviluppati biex jgħinu lill-industrija fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom (ara l-punt II).

II. L-azzjonijiet inizjali u, fejn xieraq, l-azzjonijiet sussegwenti taħt dan l-objettiv relatati mat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija għandhom jinkludu:

Il-kontribut għall-espansjoni tan-network tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej biex jiġi żgurat aċċess għall-kapaċitajiet diġitali għal kwalunkwe negozju, b’mod partikolari l-SMEs, fi kwalunkwe reġjun madwar l-Unjoni. Tali kontribuzzjoni tinkludi:

1. 

Aċċess għall-ispazji komuni Ewropej tad-data u l-pjattaformi tal-IA u għall-faċilitajiet tal-HPC Ewropej għall-analiżi tad-data u għall-applikazzjonijiet intensivi tal-computing

2. 

Aċċess għall-faċilitajiet ta’ ttestjar tal-IA fuq skala kbira u għodod avvanzati taċ-ċibersigurtà

3. 

Aċċess għall-ħiliet diġitali avvanzati

L-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ser ikunu kkoordinati ma’, u ser jikkomplementaw, l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni f’teknoloġiji diġitali appoġġati, b’mod partikolari, taħt Orizzont Ewropa, kif ukoll investimenti fil-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej appoġġati taħt il-FEŻR. Jistgħu jingħataw ukoll għotjiet għar-replikazzjoni tas-suq mill-Programm, b’konformità mar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat. Appoġġ għall-aċċess biex jiġu ffinanzjati aktar passi fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom ser jinkiseb bl-istrumenti finanzjarji li jagħmlu użu mill-Programm InvestEU.

▼M1

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

L-azzjonijiet tal-Objettiv Speċifiku 6 huma pprovduti fl-Anness I għar-Regolament (UE) 2023/1781.

▼B




ANNESS II

INDIKATURI LI JITKEJLU SABIEX JIMMONITORJAW L-IMPLIMENTAZZJONI U SABIEX JIRRAPPORTAW DWAR IL-PROGRESS TAL-PROGRAMM GĦALL-KISBA TAL-OBJETTIVI SPEĊIFIĊI

Objettiv speċifiku 1 - Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (HPC)

1.1. L-għadd ta’ infrastrutturi tal-HPC akkwistati b’mod konġunt

1.2. L-użu totali ta’ kompjuters fuq skala eksa u skala posteksa u minn diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati (universitajiet, SMEs eċċ.)

Objettiv speċifiku 2 - Intelliġenza Artifiċjali

2.1. L-ammont totali investit b’mod konġunt f’faċilitajiet ta’ ttestjar u esperimentazzjoni

2.2. L-użu ta’ libreriji jew interfaċċi Ewropej komuni għal-libreriji tal-algoritmi, l-użu ta’ spazji komuni Ewropej tad-Data u l-użu ta’ faċilitajiet ta’ ttestjar u esperimentazzjoni marbut mal-azzjonijiet skont dan ir-Regolament

2.3. L-għadd ta’ każijiet li għalihom l-organizzazzjonijiet jiddeċiedu li jintegraw l-IA fil-prodotti, il-proċessi jew is-servizzi tagħhom, bħala riżultat tal-Programm

▼M2

Objettiv Speċifiku 3 - Ċibersigurtà u Fiduċja

3.1. L-għadd ta’ infrastrutturi jew għodod taċ-ċibersigurtà, jew tat-tnejn, akkwistati b’mod konġunt inkluż fil-kuntest tas-Sistema Ewropea ta’ Allert għaċ-Ċibersigurtà

3.2. L-għadd ta’ utenti u komunitajiet ta’ utenti li għandhom aċċess għal faċilitajiet ta’ ċibersigurtà Ewropej

3.3 L-għadd ta’ azzjonijiet li jappoġġaw it-tħejjija u r-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà skont il-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà

▼B

Objettiv speċifiku 4 - Ħiliet Diġitali Avvanzati

4.1. L-għadd ta’ persuni li rċevew taħriġ biex jiksbu ħiliet diġitali avvanzati appoġġati mill-Programm

4.2. L-għadd ta’ intrapriżi, speċjalment SMEs, li jkollhom diffikultà biex jirreklutaw speċjalisti tal-ICT

4.3. L-għadd ta’ persuni li jirrappurtaw sitwazzjoni imtejba ta’ impjieg wara t-tmiem tat-taħriġ appoġġat mill-Programm

Objettiv speċifiku 5 - L-implimentazzjoni u l-Aħjar Użu tal-Kapaċità Diġitali u l-Interoperabilità

5.1. It-teħid tas-servizzi pubbliċi diġitali

5.2. L-intrapriżi b’punteġġ għoli ta’ intensità diġitali

5.3. Il-livell safejn sar l-allinjament tal-Qafas Nazzjonali ta’ Interoperabbiltà mal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà

5.4. L-għadd ta’ negozji u entitajiet fis-settur pubbliku li użaw is-servizzi tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej

▼M1

Objettiv Speċifiku 6 — Semikondutturi

Indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u għar-rapportar dwar il-progress tal-Objettiv Speċifiku 6 huma previsti fl-Anness II għar-Regolament (UE) 2023/1781.

▼B




ANNESS III

Sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni

1. Is-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a) 

għalkemm diversi oqsma tematiċi indirizzati mill-Programm u minn Orizzont Ewropa jikkonverġu, it-tip ta’ azzjonijiet li jridu jiġu appoġġati, l-outputs mistennija tagħhom u l-loġika ta’ intervent tagħhom huma differenti u komplimentari;

(b) 

Orizzont Ewropa ser jipprovdi appoġġ estensiv għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni, il-pilotaġġ, il-prova tal-kunċett, l-ittestjar u l-innovazzjoni inkluż l-użu prekummerċjali ta’ teknoloġiji diġitali innovattivi, b’mod partikolari permezz ta’:

(i) 

baġit iddedikat fil-pilastru “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” għar-raggruppament “Diġitali, Industrija u Spazju” biex jiżviluppa teknoloġiji abilitanti (l-IA u r-Robotika, l-Internet tal-Ġenerazzjoni li jmiss, l-HPC u l-Big Data, teknoloġiji diġitali ewlenin, li jikkombinaw it-teknoloġiji diġitali ma’ teknoloġiji oħra);

(ii) 

appoġġ għall-Infrastrutturi tar-riċerka taħt il-pilastru “Xjenza Eċċellenti”;

(iii) 

l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali fl-Isfidi Globali kollha (is-saħħa, is-sigurtà, l-enerġija u l-mobbiltà, il-klima, eċċ.); u

(iv) 

l-appoġġ għall-espansjoni tal-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji taħt il-pilastru “Ewropa Innovattiva” (li ħafna minnhom ser jgħaqqdu flimkien it-teknoloġiji diġitali u fiżiċi);

(c) 

il-Programm ser jinvesti:

(i) 

fil-bini ta’ kapaċità diġitali fl-HPC, l-IA, it-teknoloġiji tar-reġistri distribwiti (eż il-blockchain), iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati; u

(ii) 

fl-implimentazzjoni nazzjonali„ reġjonali u lokali f’qafas ta’ kapaċitajiet diġitali tal-Unjoni u l-aħħar teknoloġiji diġitali f’oqsma ta’ interess pubbliku (bħas-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja u l-edukazzjoni) jew il-falliment tas-suq (bħad-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs);

(d) 

il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Programm isiru disponibbli għall-komunità ta’ riċerka u innovazzjoni li jinkludu l-azzjonijiet appoġġati minn Orizzont Ewropa, inklużi l-ittestjar, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjonijiet fis-setturi u d-dixxiplini kollha;

(e) 

billi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji diġitali ġodda jimmatura matul Orizzont Ewropa, dawk it-teknoloġiji ser jiġu akkwistati b’mod progressiv u implimentati mill-Programm;

(f) 

l-inizjattivi ta’ Orizzont Ewropa għall-iżvilupp ta’ kurrikulu ta’ ħiliet u kompetenzi, inklużi dawk imwassla fiċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tal-KICs tal-EIT, jiġu kkomplimentati mill-bini tal-kapaċitajiet f’ħiliet diġitali avvanzati appoġġati mill-Programm;

(g) 

jiġu stabbiliti mekkaniżmi b’saħħithom ta’ koordinazzjoni għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, filwaqt li jiġu allinjati l-proċeduri kollha għaż-żewġ programmi sa fejn ikun possibbli. L-istrutturi ta’ governanza tagħhom ser jinvolvu s-servizzi kkonċernati kollha tal-Kummissjoni.

2. Is-sinerġiji ma’ programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża, inkluż il-FEŻR, il-FSE+, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajdu l-Akkwakultura, għandhom jiżguraw li:

(a) 

arranġamenti għal finanzjament komplimentari minn programmi tal-Unjoni taħt ġestjoni kondiviża u l-Programm jintużaw biex jappoġġaw azzjonijiet li jipprovdu pont bejn l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti u l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropej;

(b) 

il-FEŻR jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ ekosistemi ta’ innovazzjoni reġjonali u lokali, trasformazzjoni industrijali, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, biex b’hekk tiġi stimulata wkoll l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku. Dan jinkludi l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali tal-industrija u t-teħid tar-riżultati, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet innovattivi. Il-Programm ser jikkomplementa u jappoġġa n-networking tranżnazzjonali u l-immappjar tal-kapaċitajiet diġitali biex jagħmluhom aċċessibbli għall-SMEs u biex jagħmlu s-soluzzjonijiet interoperabbli tal-IT aċċessibbli għar-reġjuni kollha tal-Unjoni.

3. Is-sinerġiji mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandhom jiżguraw li:

(a) 

il-programm jiffoka fuq il-bini tal-kapaċitajiet u l-infrastruttura diġitali fuq skala kbira fl-oqsma tal-HPC, l-IA, iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati, li jimmiraw lejn it-teħid u l-implimentazzjoni wesgħin madwar l-Ewropa tas-soluzzjonijiet innovattivi kritiċi eżistenti jew ttestjati f’qafas tal-Unjoni f’oqsma ta’ interess pubbliku jew falliment tas-suq. Il-Programm irid jiġi prinċipalment implimentat permezz ta’ investimenti kkoordinati u strateġiċi mal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ akkwist pubbliku konġunt, f’kapaċitajiet diġitali biex jiġu kondiviżi madwar l-Ewropa u f’azzjonijiet madwar l-Unjoni li jappoġġaw l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni bħala parti mill-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali;

(b) 

il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tal-Programm iridu jsiru disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa trid tappoġġa l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda fil-qasam tal-mobbiltà u t-trasport;

(c) 

iridu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni b’mod partikolari permezz ta’ strutturi xierqa ta’ governanza.

4. Is-sinerġiji mal-Programm InvestEU għandhom jiżguraw li:

(a) 

appoġġ permezz ta’ finanzjament ibbażat fis-suq, inkluż billi jiġu segwiti l-objettivi ta’ politika taħt il-Programm ikun ipprovdut taħt ir-Regolament (UE) 2021/523; tali finanzjament ibbażat fuq is-suq jista’ jiġi kkombinat mal-għotja ta’ sostenn;

(b) 

aċċess għall-istrumenti finanzjarji min-negozji tkun iffaċilitata permezz tal-appoġġ ipprovdut mill-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali Ewropej.

5. Is-sinerġiji ma’ Erasmus+ għandhom jiżguraw li:

(a) 

il-Programm jappoġġa l-iżvilupp u l-akkwist ta’ ħiliet diġitali avvanzati meħtieġa għall-użu ta’ teknoloġiji avvanzati, bħalma huma l-IA jew l-HPC, f’kooperazzjoni mal-industriji rilevanti.

(b) 

il-parti tal-ħiliet avvanzati tal-programm Erasmus+ tikkomplementa l-interventi tal- Programm, li jindirizzaw il-kisba ta’ ħiliet fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha permezz ta’ esperjenzi ta’ mobbiltà.

6. Is-sinerġiji ma’ Ewropa Kreattiva stabbilit b’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiżguraw li:

(a) 

il-fergħa MEDIA ta’ Ewropa Kreattiva jappoġġa inizjattivi li jistgħu jiġġeneraw impatt reali fuq is-setturi kulturali u kreattivi madwar l-Ewropa, u b’hekk jgħinhom jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali;

(b) 

il-Programm, fost l-oħrajn, jipprovdi aċċess lill-kreaturi, lill-industrija kreattiva u lis-settur kulturali fl-Ewropa għall-aħħar teknoloġiji diġitali mill-IA għall-computing avvanzat.

7. Is-sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi oħra tal-Unjoni dwar il-kompetenzi u l-ħiliet għandhom ikunu żgurati.



( 1 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2025/38 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jistabbilixxi miżuri li jsaħħu s-solidarjetà u l-kapaċitajiet fl-Unjoni tal-identifikazzjoni, tat-tħejjija u tar-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà ċibernetiċi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà) (ĠU L, 2025/38, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/38/oj)

( 3 ) Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1).

( 5 ) Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (ĠU L 229, 18.9.2023, p. 1.)

( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kklassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

( 7 ) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

( 8 ) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

( 9 ) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024. ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

( 10 ) Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar linji gwida għal networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

( 11 ) Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

Top