Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R0690-20210503

Consolidated text: Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/2021-05-03

02021R0690 — MT — 03.05.2021 — 000.003


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2021/690 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ April 2021

li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 153 3.5.2021, p. 1)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 161, 16.6.2022, p.  124 (2021/690)




▼B

REGOLAMENT (UE) 2021/690 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta’ April 2021

li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, għall-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi, speċjalment l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u għall-protezzjoni tal-konsumatur, għall-ġestjoni tan-nefqa fil-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-qafas ta’ ipprogrammar u finanzjament użat għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 (Programm għas-Suq Uniku) (il-“Programm”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027. It-tul ta’ żmien tal-Programm huwa allinjat mat-tul ta’ żmien tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll l- għanijiet tal-Programm u l-azzjonijiet eliġibbli għall-implimentazzjoni ta’ dawk l- għanijiet, il-baġit għall-perijodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament u s-sistema ta’ governanza tal-Programm.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni, inkluż f’faċilità jew pjattaforma ta’ taħlit kif definit fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament Finanzjarju, li tikkombina forom ta’ appoġġ li mhux rimborżabbli jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni flimkien ma’ forom ta’ appoġġ rimborżabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħra tal-finanzi pubbliċi, kif ukoll minn istituzzjonijiet tal-finanzjament kummerċjali u investituri;

(2) 

“Statistika Ewropea” tfisser statistika żviluppata, prodotta u disseminata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009;

(3) 

“entità legali” tfisser persuna fiżika, jew persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, dik nazzjonali jew internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, li teżerċita drittijiet u li tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma jkollhiex personalità ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 197(2)(c) tar-Regolament Finanzjarju;

(4) 

“intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jew SMEs” tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(5) 

“raggruppamenti u organizzazzjonijiet ta’ networks tan-negozju” tfisser strutturi jew gruppi organizzati ta’ partijiet indipendenti fil-forma ta’ organizzazzjonijiet li jappoġġaw it-titjib tal-kollaborazzjoni, in-networking u t-tagħlim ta’ gruppi ta’ intrapriżi li huma mfassla biex jipprovdu jew jidderieġu servizzi speċjalizzati u personalizzati ta’ appoġġ għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, sabiex jistimulaw fost l-oħrajn attivitajiet ta’ innovazzjoni u internazzjonalizzazzjoni, inkluż billi jippromwovu l-kondiviżjoni ta’ faċilitajiet u l-iskambju ta’ għarfien u għarfien espert.

Artikolu 3

Għanijiet tal-programm

1.  

L-għanijiet ġenerali tal-Programm huma dawn li ġejjin:

(a) 

li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern, u b’mod partikolari li jipproteġi u jagħti s-setgħa liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lin-negozji, b’mod partikolari lill-SMEs, billi jinforza l-liġi tal-Unjoni, jiffaċilita l-aċċess għas-suq, jiffissa standards u jippromwovi s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u t-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli u jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll billi jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni;

(b) 

li jiżviluppa, jipproduċi u jiddissemina statistika Ewropea ta’ kwalità għolja, komparabbli, f’waqtha u affidabbli li tirfed it-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-politiki kollha tal-Unjoni u jgħin liċ-ċittadini, lil dawk li jfasslu l-politika, lill-awtoritajiet, lin-negozji, lill-akkademiċi u lill-media biex jieħdu deċiżjonijiet informati u biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess demokratiku.

2.  

L- għanijiet speċifiċi tal-Programm huma dawn li ġejjin:

(a) 

li jagħmel is-suq intern aktar effettiv, fost l-oħrajn fid-dawl tat-trasformazzjoni diġitali, billi:

(i) 

jiffaċilita l-prevenzjoni u t-tneħħija ta’ ostakli diskriminatorji, mhux ġustifikati jew sproporzjonati u jappoġġa l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-Unjoni fl-oqsma tas-suq intern għall-merkanzija u s-servizzi, inkluż billi jtejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, tar-regoli tal-akkwist pubbliku, tal-liġi tal-kumpanniji, tal-liġi kuntrattwali u extra-kuntrattwali, tar-regoli tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, tal-moviment liberu tal-kapital u tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u tal-kompetizzjoni, inkluż billi jiżviluppa għodod ta’ governanza ffokati fuq l-utenti;

(ii) 

jappoġġa sorveljanza effettiva tas-suq madwar l-Unjoni, bil-ħsieb li jiżgura li fis-suq tal-Unjoni jitqiegħdu biss prodotti sikuri u konformi li joffru livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u ta’ utenti aħħarin oħra, inkluż prodotti li jinbiegħu online, kif ukoll bil-ħsieb li tinkiseb omoġeneità u kapaċità akbar fost l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq madwar l-Unjoni;

(b) 

li jsaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-SMEs u jikseb addizzjonalità fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ miżuri li:

(i) 

jipprovdu diversi forom ta’ appoġġ għall-SMEs kif ukoll għal raggruppamenti u organizzazzjonijiet ta’ networks tan-negozju, inkluż fis-settur tat-turiżmu, biex b’hekk jitrawmu t-tkabbir, l-espansjoni u l-ħolqien ta’ SMEs;

(ii) 

jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq inkluż permezz tal-internazzjonalizzazzjoni ta’ SMEs;

(iii) 

jippromwovu l-intraprenditorija u l-kisba ta’ ħiliet tal-intraprenditorija;

(iv) 

jippromwovu ambjent favorevoli tan-negozju għall-SMEs, jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali tal-SMEs u jippromwovu opportunitajiet ġodda tan-negozju għall-SMEs, inkluż dawk li huma intrapriżi tal-ekonomija soċjali u dawk b’mudelli innovattivi ta’ negozju;

(v) 

jappoġġaw il-kompetittività tal-ekosistemi u s-setturi industrijali kif ukoll l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur industrijali;

(vi) 

jippromwovu l-modernizzazzjoni tal-industrija, li tikkontribwixxi għal ekonomija ekoloġika, diġitali u reżiljenti;

(c) 

li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern permezz ta’ proċessi ta’ standardizzazzjoni li:

(i) 

jippermettu l-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea u l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-iffissar ta’ standards Ewropej;

(ii) 

jappoġġaw l-iżvilupp ta’ standards internazzjonali ta’ kwalità għolja ta’ rappurtar finanzjarju u mhux finanzjarju u ta’ awditjar, jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fil-liġi tal-Unjoni u jippromwovu l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki fir-rappurtar korporattiv;

(d) 

li jippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u sigurtà tal-prodotti billi:

(i) 

fir-rigward tal-konsumaturi:

— 
jagħti s-setgħa, jassisti u jeduka lill-konsumaturi, lin-negozji u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumatur skont il-liġi tal-Unjoni;
— 
jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, konsum sostenibbli u sigurtà tal-prodotti b’mod partikolari għall-aktar konsumaturi vulnerabbli sabiex jissaħħu l-korrettezza, it-trasparenza u l-fiduċja fis-suq intern;
— 
jiżgura li l-interessi tal-konsumaturi fid-dinja diġitali jiġu meqjusa kif dovut;
— 
jappoġġa l-awtoritajiet kompetenti ta’ infurzar u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi u l-azzjonijiet li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti b’enfasi partikolari fuq kwistjonijiet imqajma minn teknoloġiji eżistenti u emerġenti;
— 
jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità u d-disponibbiltà tal-istandards madwar l-Unjoni; jindirizza b’mod effiċjenti prattiki kummerċjali żleali;
— 
jiżgura li l-konsumaturi kollha jkollhom aċċess għal mekkaniżmi effiċjenti ta’ rimedju u li jiġu pprovduti b’informazzjoni adegwata dwar is-swieq u d-drittijiet tal-konsumaturi, u jippromwovi l-konsum sostenibbli, b’mod partikolari permezz tas-sensibilizzazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi u l-impatt ambjentali tal-merkanzija u s-servizzi;
(ii) 

fir-rigward tal-konsumaturi u utenti aħħarin oħra tas-servizzi finanzjarji:

— 
isaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, ta’ utenti aħħarin oħra tas-servizzi finanzjarji u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika tas-servizzi finanzjarji;
— 
jippromwovi fehim aħjar tas-settur finanzjarju u tal-kategoriji differenti ta’ prodotti finanzjarji kkummerċjalizzati;
— 
jiżgura li l-interessi tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur jiġu protetti;
(e) 

li jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ saħħa u sikurezza għall-bnedmin, l-annimali u l-pjanti fl-oqsma tal-pjanti, tal-annimali, tal-ikel u tal-għalf, ost l-oħrajn billi jipprevjeni, jidentifika u jeqred il-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti, inkluż permezz ta’ miżuri ta’ emerġenza li jittieħdu fil-każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi fuq skala kbira u avvenimenti mhux prevedibbli li jaffettwaw is-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti, u billi jappoġġa t-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali, il-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika u l-iżvilupp tal-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-ikel, kif ukoll billi jistimula l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-partijiet ikkonċernati f’dawk l-oqsma;

(f) 

li jiżviluppa, jipproduċi, jiddissemina u jikkomunika statistika Ewropea ta’ kwalità għolja skont il-kriterji ta’ kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, f’waqtu, u b’mod imparzjali u kosteffiċjenti, permezz ta’ Sistema Ewropea tal-Istatistika msaħħa, imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u sħubiji mtejba f’dik is-sistema u mal-partijiet esterni rilevanti kollha, bl-użu ta’ diversi sorsi ta’ data, metodi avvanzati ta’ analiżi tad-data, sistemi intelliġenti u teknoloġiji diġitali, u jipprovdi tqassim nazzjonali, u, fejn possibbli, reġjonali.

Artikolu 4

Baġit

1.  
Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 4 208 041 000 bi prezzijiet attwali.
2.  

Fl-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, l-ammonti indikattivi li ġejjin għandhom jiġu allokati għall-għanijiet li ġejjin:

(a) 

EUR 451 569 500 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a)(i);

(b) 

EUR 105 461 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a)(ii);

(c) 

EUR 1 000 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(b);

(d) 

EUR 220 510 500 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(c);

(e) 

EUR 198 500 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(d);

(f) 

EUR 1 680 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(e);

(g) 

EUR 552 000 000 għall-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2)(f).

3.  
L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jintuża għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, rigward b’mod partikolari l-attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditu u evalwazzjoni, l-użu ta’ networks ta’ teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, u l-użu u l-iżvilupp ta’ għodod ta’ teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà massima tal-Programm għall-finanzjament tal-azzjonijiet koperti mill-għanijiet tal-Programm, il-kostijiet totali tal-appoġġ amministrattiv u tekniku ma għandhomx jaqbżu l-5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1.
4.  
L-impenji baġitarji li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.
5.  
B’deroga mill-Artikolu 111(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-impenn baġitarju għall-għotja mogħtija għall-miżuri ta’ emerġenza veterinarji u fitosanitarji taħt l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ dan ir-Regolament wara li t-talbiet għall-ħlas sottomessi mill-Istati Membri jkunu ġew ivvalutati.
6.  
Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat membru konċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Politika dwar l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament skont l-Artikolu 62(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont l-Artikolu 62(1)(c) ta’ dak ir-Regolament. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
7.  
Fejn il-Kummissjoni ma tkunx daħlet f’impenn legali taħt ġestjoni diretta jew indiretta għar-riżorsi ttrasferiti f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, ir-riżorsi mhux impenjati korrispondenti jistgħu jiġu ttrasferiti lura għall-Fond li minnu jkunu ġew trasferiti inizjalment, fuq talba tal-Istat Membru, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021–2027.

Artikolu 5

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a) 

membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b) 

pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c) 

pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rispettivi, jew fi ftehimiet simili, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d) 

pajjiżi terzi oħra, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

(i) 

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

(ii) 

jistabbilixxi l-kondizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta; kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom;

(iii) 

ma jagħti l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-pajjiż terz fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

(iv) 

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel paragrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 6

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.  
Il-Programm għandu jiġi implimentat taħt ġestjoni diretta f’konformità mar-Regolament Finanzjarju jew taħt ġestjoni indiretta mal-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c) ta’ dak ir-Regolament.
2.  
Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari permezz ta’ għotjiet, premjijiet u akkwist. Jista’ jipprovdi wkoll finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji f’operazzjonijiet ta’ taħlit.

▼C1

3.  
Il-kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni mutwa jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru tal-fondi dovuti mir-riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695.

▼B



KAPITOLU II

GĦOTJIET

Artikolu 7

Għotjiet

Għotjiet taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 8

Azzjonijiet eliġibbli

1.  
L-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 biss għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.
2.  

B’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin li jimplimentaw l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:

(a) 

il-ħolqien tal-kondizzjonijiet it-tajba biex tingħata s-setgħa lill-atturi kollha tas-suq intern, inkluż in-negozji, iċ-ċittadini, il-konsumaturi, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-iskambju trasparenti ta’ informazzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, partikolarment fir-rigward tar-regoli applikabbli tal-Unjoni u d-drittijiet tan-negozji, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi, kif ukoll permezz tal-iskambju u d-disseminazzjoni ta’ prattiki tajbin, għarfien espert, għarfien u soluzzjonijiet innovattivi, inkluż permezz tal-azzjonijiet implimentati permezz tan-network SOLVIT u n-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi;

(b) 

il-provvista ta’ mekkaniżmi għaċ-ċittadini, għall-konsumaturi, għall-utenti aħħarin u għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż rappreżentanti tas-sħab soċjali u rappreżentanti tan-negozju mill-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw lill-SMEs, biex jingħata kontribut lid-diskussjonijiet politiċi, lill-politiki u lill-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari billi jiġi appoġġat il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni;

(c) 

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, il-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri, bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, inkluż azzjonijiet konġunti bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà tal-prodotti;

(d) 

l-appoġġ għall-infurzar effettiv u l-modernizzazzjoni tal-qafas legali tal-Unjoni u għall-adattament rapidu tiegħu biex l-Unjoni tkun tista’ tiffaċċja b’mod effettiv il-kompetizzjoni globali, kif ukoll l-appoġġ għal sforzi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet imqajma mid-diġitalizzazzjoni, inkluż permezz ta’ dan li ġej:

(i) 

il-ġbir u l-analiżi tad-data;

(ii) 

ir-riċerka dwar il-funzjonament tas-suq intern, studji, evalwazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta’ politika;

(iii) 

l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u proġetti pilota;

(iv) 

l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni;

(v) 

l-iżvilupp ta’ għodod dedikati tal-IT li jiżguraw il-funzjonament trasparenti u effiċjenti tas-suq intern u li jipprevjenu prattiki frodulenti fuq l-Internet.

3.  

Azzjonijiet li jikkostitwixxu attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2019/1020 u li jimplimentaw l-għanijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2)(a)(ii) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a) 

il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u awtoritajiet rilevanti oħra tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tan-Network tal-Unjoni għall-Konformità tal-Prodotti;

(b) 

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ttestjar u azzjonijiet konġunti fil-qasam tal-konformità inkluż fir-rigward ta’ prodotti konnessi u prodotti li jinbiegħu online;

(c) 

l-appoġġ għal strateġiji ta’ sorveljanza tas-suq, ġbir ta’ għarfien u intelligence, kapaċitajiet u faċilitajiet ta’ ttestjar, evalwazzjonijiet bejn il-pari, programmi ta’ taħriġ, assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.  

Azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a) 

li jipprovdu diversi forom ta’ appoġġ lill-SMEs, inkluż informazzjoni, mentoraġġ, taħriġ, edukazzjoni, mobbiltà, kooperazzjoni transkonfinali jew servizzi ta’ konsulenza;

(b) 

li jiffaċilitaw, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, l-aċċess ta’ SMEs u raggruppamenti u organizzazzjonijiet ta’ networks għas-swieq fl-Unjoni u barra minnha, li jappoġġawhom, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, fl-indirizzar ta’ sfidi, ambjentali, ekonomiċi u soċjetali globali u l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozji,u li jsaħħu t-tmexxija intraprenditorjali u industrijali tal-Unjoni fil-ktajjen tal-valur globali;

(c) 

li jappoġġaw il-ħidma tan-Network Enterprise Europe (EEN) biex jipprovdi servizzi integrati ta’ appoġġ għan-negozji lill-SMEs tal-Unjoni, inkluż biex jgħin lil dawk l-SMEs isibu sħab kummerċjali u l-finanzjament, b’mod partikolari mill-Programmi Invest EU, Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, li jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-innovazzjoni tagħhom, l-internazzjonalizzazzjoni tagħhom u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħhomu li jgħinuhom jiksbu aċċess għall-għarfien espert diġitali, ambjentali, klimatiku, enerġetiku u fl-effiċjenza fir-riżorsi, sabiex ikun katar faċli għalihom jesploraw opportunitajiet fis-suq intern u f’pajjiżi terzi, filwaqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-attivitajiet permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u b’kont meħud tal-ħtieġa li jkun żgurat li metal-EEN ikun qed jintuża biex jipprovdi servizzi f’isem programmi oħra tal-Unjoni, inkluż servizzi ta’ konsulenza jew ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet, dawk is-servizzi jridu jiġu ffinanzjati minn dawk il-programmi l-oħra tal-Unjoni;

(d) 

li jindirizzaw l-ostakli tas-swieq u l-piż amministrattiv u li joħolqu ambjent favorevoli għan-negozju biex jagħtu s-setgħa lill-SMEs jibbenefikaw mis-suq intern;

(e) 

li jiffaċilitaw l-iżvilupp u t-tkabbir tan-negozji, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ ħiliet tekniċi, diġitali u intraprenditorjali, il-ġestjoni sostenibbli tan-negozju u l-iżvilupp tal-prodotti u l-proċessi sabiex titrawwem trasformazzjoni ekoloġika u diġitali fl-ekosistemi industrijali kollha u tul il-ktajjen tal-valur tas-setturi tal-manifattura u tas-servizzi;

(f) 

li jappoġġaw il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-intrapriżi u ta’ setturi sħaħ tal-ekonomija, u li jappoġġaw l-adozzjoni tal-kreattività u l-forom kollha tal-innovazzjoni mill-SMEs, li jsaħħu r-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-adozzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ negozju u l-kollaborazzjoni fil-katina tal-valur permezz tal-konnessjoni b’mod strateġiku tal-ekosistemi u r-raggruppamenti, inkluż l-Inizjattiva tar-Raggruppamenti Konġunti;

(g) 

li jrawmu ambjent intraprenditorjali tan-negozju u kultura intraprenditorjali, inkluż permezz ta’ skemi ta’ mentoraġġ u mobbiltà biex itejbu l-għarfien espert, il-ħiliet, il-kapaċità teknoloġika u l-ġestjoni tal-intrapriżi, kif ukoll billi jappoġġaw in-negozji ġodda, is-sostenibbiltà tan-negozji u n-negozji li qed jespandu b’mod partikolari l-proġetti, abbażi ta’ opportunitajiet immexxija mis-suq, u li jagħtu attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet partikolari ta’ imprendituri potenzjali ġodda, kif ukoll dawk ta’ membri ta’ gruppi sottorappreżentati.

5.  
Azzjonijiet li jikkostitwixxu attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(i) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.
6.  
L-azzjonijiet li jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet li jkollhom l-għan li jiżviluppaw, japplikaw, jivvalutaw u jimmonitorjaw l-istandards internazzjonali fl-oqsma tar-rappurtar finanzjarju u mhux finanzjarju u ta’ awditjar u li jissorveljaw il-proċessi tagħhom għall-iffissar ta’ standards u li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(ii) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.
7.  

B’mod partikolari, l-azzjonijiet li ġejjin li jimplimentaw l-għanijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2)(d)(i) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:

(a) 

li jtejbu s-sensibilizzazzjoni, il-litteriżmu diġitali u l-edukazzjoni tul il-ħajja tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, inkluż rigward kwistjonijiet imqajma mill-iżvilupp teknoloġiku u d-diġitalizzazzjoni, inkluż l-indirizzar tal-ħtiġijiet partikolari tal-konsumaturi vulnerabbli;

(b) 

li jiffaċilitaw l-aċċess għall-konsumaturi u n-negozjanti għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u għal soluzzjoni għat-tilwim online ta’ kwalità u għal informazzjoni dwar il-possibilitajiet ta’ rimedju;

(c) 

li jappoġġaw infurzar aktar b’saħħtu tal-liġi tal-konsumatur mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn in-negozjanti jkunu stabbiliti f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni effiċjenti u azzjonijiet konġunti;

(d) 

li jrawmu l-konsum sostenibbli, b’mod partikolari permezz tas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, bħad-durabbiltà u l-karatteristiċi tal-ekodisinn tagħhom, kif ukoll li jrawmu l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur u l-possibbiltajiet ta’ rimedju fir-rigward ta’ prattiki qarrieqa.

8.  
L-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness I li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.
9.  
L-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness II li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

Artikolu 9

Entitajiet eliġibbli

1.  
Il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.
2.  

Soġġett għall-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 7, l-entitajiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli taħt il-Programm:

(a) 

l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(i) 

Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu; jew

(ii) 

pajjiż terz assoċjat mal-Programm f’konformità mal-Artikolu 5;

(b) 

l-entitajiet ġuridiċi maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c) 

eċċezzjonalment, l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm, dment li l-parteċipazzjoni ta’ dawk l-entitajiet ġuridiċi fl-azzjoni taqa’ fi ħdan l-għanijiet tal-Programm u l-attivitajiet barra l-Unjoni jikkontribwixxu għall-effettività ta’ interventi mwettqa fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati.

3.  

L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-Programm jistgħu jipparteċipaw fl-azzjonijiet li ġejjin:

(a) 

azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b);

(b) 

azzjonijiet li jappoġġaw il-protezzjoni tal-konsumatur li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(d)(i).

L-entitajiet li jipparteċipaw fl-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhomx ikunu intitolati li jirċievu kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni, ħlief fejn il-parteċipazzjoni tagħhom tkun essenzjali għall-Programm, b’mod partikolari f’termini ta’ titjib tal-kompetittività u tal-aċċess għas-swieq għall-intrapriżi tal-Unjoni jew f’termini ta’ protezzjoni tal-konsumaturi residenti fl-Unjoni. Dik l-eċċezzjoni ma għandhiex tapplika għall-entitajiet li għandhom skop ta’ qligħ.

4.  
Għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(i) ta’ dan ir-Regolament, l-entitajiet imsemmija fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012għandhom ikunu eliġibbli.
5.  

Kull Stat Membru u kull pajjiż terz li jkun membru taż-ŻEE għandu jinnomina, bħala riżultat ta’ proċedura trasparenti, entità li tkun eliġibbli għal azzjonijiet li jappoġġaw il-protezzjoni tal-konsumaturi billi jimplimentaw l-għanijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(2)(d)(i) u li huma relatati man-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi. Dik l-entità, tista’ tkun:

(a) 

korp mingħajr skop ta’ qligħ;

(b) 

korp pubbliku.

6.  

Pajjiżi terzi għandhom ikunu eliġibbli għall-azzjonijiet li ġejjin li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e):

(a) 

miżuri ta’ protezzjoni meħuda fil-każ ta’ theddida diretta għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni b’riżultat tal-okkorrenza jew l-iżvilupp, fit-territorju ta’ pajjiż terz jew Stat Membru, ta’ waħda mill-mard tal-annimali u ż-żoonożi elenkati fl-Anness III jew mill-pesti tal-pjanti elenkati fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16;

(b) 

miżuri ta’ protezzjoni jew attivitajiet rilevanti oħra, meħuda biex jappoġġaw l-istatus tas-saħħa tal-pjanti fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20 biex jiġi emendat l-Anness III fejn ikun meħtieġ sabiex titqies l-okkorrenza ta’ mard tal-annimali u żoonożi ġodda li mhumiex koperti mill-atti legali tal-Unjoni msemmija f’dak l-Anness.

Ħlief fil-każ ta’ mard tal-annimali u pesti tal-pjanti li jkollhom impatt sostanzjali fuq l-Unjoni, fil-prinċipju, pajjiżi terzi li mhumiex assoċjati mal-Programm jenħtieġ li jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni tagħhom stess fl-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

7.  

Għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f), għandhom ikunu eliġibbli l-entitajiet ġuridiċi li ġejjin:

(a) 

istituti nazzjonali tal-istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009;

(b) 

għall-azzjonijiet li jappoġġaw in-networks kollaborattivi, kif imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, korpi li joperaw fil-qasam tal-istatistika minbarra l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu;

(c) 

entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, li jkunu independenti mill-industrija u mill-interessi kummerċjali jew tan-negozju jew interessi kunfliġġenti oħra, u li jkollhom bħala l-għanijiet u l-attivitajiet prinċipali tagħhom il-promozzjoni u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 jew l-implimentazzjoni ta’ metodi ġodda ta’ produzzjoni tal-istatistika Ewropea li jimmiraw lejn żieda fl-effiċjenza u titjib fil-kwalità fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 10

Benefiċjarji maħtura

1.  

L-entitajiet li ġejjin jistgħu jingħataw għotja taħt il-Programm mingħajr sejħa għal proposti:

(a) 

għall-azzjonijiet fil-qasam tal-akkreditazzjoni li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(a)(i) ta’ dan ir-Regolament, il-korp rikonoxxut skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 biex iwettaq l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(b) 

għall-azzjonijiet fil-qasam tas-sorveljanza tas-suq li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(a)(ii) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1020;

(c) 

għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(i) ta’ dan ir-Regolament, l-entitajiet imsemmija fl-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(d) 

għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(ii), il-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju (EFRAG), il-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju u l-Bord tas-Sorveljanza tal-Interess Pubbliku (PIOB);

(e) 

għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(d)(i) li jirrigwardaw ir-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni, l-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BEUC) u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Koordinazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Konsumaturi fl-Istandardizzazzjoni (ANEC) dment li ma jkollhom l-ebda kunflitt ta’ interess u li kull wieħed minnhom jirrappreżenta, permezz tal-membri tiegħu, l-interessi tal-konsumaturi tal-Unjoni f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri;

(f) 

għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(d)(ii), Finance Watch u Better Finance soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin, li jridu jiġu vvalutati kull sena:

(i) 

l-entitajiet jibqgħu entitajiet mhux governattivi, mingħajr skop ta’ qligħ u indipendenti mill-industrija, mill-kummerċ jew min-negozju;

(ii) 

ma jkollhom l-ebda interess kunfliġġenti u jirrappreżentaw permezz tal-membri tagħhom l-interessi tal-konsumaturi tal-Unjoni u ta’ utenti aħħarin oħra fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;

(g) 

għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ dan ir-Regolament:

(i) 

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-entitajiet affiljati tagħhom, il-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikoli 92, 95 u 97 tar-Regolament (UE) 2017/625, iċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikoli 95 u 97 tar-Regolament (UE) 2017/625 u fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, kif ukoll il-laboratorji ta’ referenza nazzjonali għas-saħħa tal-pjanti u l-laboratorji ta’ referenza nazzjonali għas-saħħa tal-annimali, mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-Istati Membri biex jipprovdu riżorsi finanzjarji adegwati għal dawk il-laboratorji ta’ referenza nazzjonali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 u bil-kondizzjoni li l-azzjonijiet li jappoġġaw il-prestazzjoni ta’ dawk il-laboratorji ta’ referenza nazzjonali tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fit-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/625 jistgħu jintwerew b’mod ċar li jirrappreżentaw valur miżjud tal-Unjoni, u li jkun disponibbli finanzjament suffiċjenti taħt il-Programm biex jappoġġa dawk l-azzjonijiet;

(ii) 

fil-każ tal-azzjonijiet deskritti fl-Artikolu 9(6)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti a’ pajjiżi terzi;

(h) 

għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) ta’ dan ir-Regolament, l-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

2.  
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20 biex temenda l-paragrafu 1(e) ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tal-entitajiet li jistgħu jingħataw għotja taħt il-Programm.

Artikolu 11

Evalwazzjoni tal-proposta u kriterji tal-għotja

1.  
Il-ħidma tal-kumitati ta’ evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-għotjiet stabbiliti fl-Artikolu 188 tar-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ trattament ugwali u trasparenza, kif ukoll fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
2.  
Il-kumitati ta’ evalwazzjoni għandhom jevalwaw proposti abbażi tal-kriterji tal-għotja, bħar-rilevanza tal-azzjonijiet proposti bil-ħsieb tal-għanijiet segwiti, il-kwalità tal-azzjonijiet proposti, l-impatt, inkluż l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali, il-baġit u l-kosteffettività.

Artikolu 12

Regoli tal-kofinanzjament

1.  
Għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(a)(ii) ta’ dan ir-Regolament b’referenza għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u b’referenza għall-faċilitajiet ta’ ttestjar tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2019/1020, il-Programm jista’, b’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ azzjoni.
2.  
Għall-għotjiet għal azzjonijiet ta’ appoġġ finanzjarju fil-kuntest tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) ta’ dan ir-Regolament, il-programm jista’, b’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi u sa 90 % tal-kostijiet eliġibbli għall-kategoriji tal-kostijiet l-oħra. Għall-azzjonijiet tal-EEN fil-kuntest tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) ta’ dan ir-Regolament, il-Programm jista’, b’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli għall-kostijiet addizzjonali ta’ koordinazzjoni u networking u sa 60 % tal-kostijiet eliġibbli għall-kategoriji tal-kostijiet l-oħra. Barra minn hekk, kostijiet indiretti eliġibbli għandhom jiġu determinati bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 25 % tal-kostijiet eliġibbli diretti totali, eskluż il-kostijiet eliġibbli diretti għal subkuntratti, appoġġ finanzjarju għal partijiet terzi u kwalunkwe kost ta’ unità jew somma ta’ darba li tinkludi kostijiet indiretti.
3.  
Għall-għotjiet mogħtija lill-PIOB li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(ii), jekk il-finanzjament mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) f’sena partikolari jammonta għal aktar minn żewġ terzi tal-finanzjament annwali totali, il-kontribuzzjoni annwali għal dik is-sena għandha tkun limitata għall-ammont massimu speċifikat fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16(1).
4.  
Għall-għotjiet mogħtija lill-ANEC taħt l-Artikolu 10(1)(e), il-Programm jista’ jiffinanzja sa 95 % tal-kostijiet eliġibbli.
5.  

Għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ dan ir-Regolament, il-Programm jista’, b’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, jiffinanzja sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

Għall-azzjonijiet imsemmija fl-Anness I, il-punti 1 u 2, ir-rata ta’ kofinanzjament applikata għandha tkun 50 % tal-kostijiet eliġibbli, bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a) 

Ir-rata għandha tkun 75 % tal-kostijiet eliġibbli, fir-rigward ta’:

(i) 

attivitajiet transkonfinali implimentati flimkien minn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex jikkontrollaw, jipprevjenu jew jeqirdu il-pesti tal-pjanti jew il-mard tal-annimali;

(ii) 

l-Istati Membri li d-dħul nazzjonali gross tagħhom għal kull abitant abbażi tal-aħħar data tal-Eurostat ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni.

(b) 

B’deroga mill-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju, ir-rata għandha tkun 100 % tal-kostijiet eliġibbli, fejn l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni jkunu jikkonċernaw il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ riskji serji tas-saħħa tal-bnedmin, il-pjanti u l-annimali għall-Unjoni, u:

(i) 

ikunu mfassla biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi umani jew tħarbit ekonomiku maġġuri għall-Unjoni kollha kemm hi;

(ii) 

jikkonstitwixxu kompiti speċifiċi li huma indispensabbli għall-Unjoni kollha kemm hi kif stabbiliti mill-Kummissjoni fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16(4); jew

(iii) 

jiġu implimentati f’pajjiżi terzi.

(c) 

Fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ fondi, implimentazzjoni mhux suffiċjenti tal-Programm jew il-miżura ta’ emerġenza, jew l-eliminazzjoni gradwali tal-kofinanzjament ta’ azzjonijiet kontra l-mard tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti, ir-rati ta’ kofinanzjament għandhom ikunu aktar baxxi.

Għall-finijiet tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ammont tat-tnaqqis fir-rati ta’ kofinanzjament għandu jirrifletti s-sinifikat tar-raġunijiet għal rata aktar baxxa. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rati ta’ kofinanzjament aktar baxxi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(6).

6.  
Għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) ta’ dan ir-Regolament, il-Programm jista’ jiffinanzja sa 95 % tal-kostijiet eliġibbli tal-azzjonijiet li jappoġġaw in-networks kollaborattivi kif imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Artikolu 13

Kostijiet eliġibbli relatati ma’ programmi u miżuri ta’ emerġenza

1.  

Minbarra l-kriterji tal-kostijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 186 tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet imġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Anness I, il-punti 1.4.1. u 1.4.2. li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ dan ir-Regolament:

(a) 

għadhom ikunu eliġibbli qabel id-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għotja, f’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament Finanzjarju;

(b) 

għandhom ikunu eliġibbli mid-data tal-okkorrenza suspettata ta’ marda tal-annimali jew il-preżenza ta’ pest tal-pjanti, dment li sussegwentement tiġi kkonfermata dik l-okkorrenza jew dik il-preżenza.

Is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal għotja għandha tkun preċeduta min-notifika lill-Kummissjoni tal-okkorrenza tal-marda tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 19 jew 20 u r-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/429, jew il-preżenza tal-pest tal-kwarantina fl-Unjoni f’konformità ml-Artikolu 9, 10 jew 11 tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

2.  
Għall-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ dan ir-Regolament, il-kostijiet eliġibbli msemmija fl-Anness I, il-punti 2.2.1. u 2.2.2. fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-programmi jistgħu jikkwalifikaw għal għotjiet, jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 186 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Finanzjament Kumulattiv u Alternattiv

1.  
Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni taħt il-Programm, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi pro-rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.
2.  

L-azzjonijiet li jkunu ġew attribwiti tikketta tas-Siġill ta’ Eċċellenza taħt dan il-Programm jistgħu jirċievu appoġġ minn [il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew il-Fond Soċjali Ewropew Plus, f’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jekk jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a) 

ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti taħt il-Programm;

(b) 

jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti;

(c) 

ma huwiex possibli għalihom li jiġu ffinanzjati taħt dik is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji.

3.  
Operazzjoni tista’ tirċievi appoġġ minn programm tal-Unjoni wieħed jew aktar. Meta jiġri dan, in-nefqa ddikjarata f’talba għall-ħlas ma għandhiex tiġi ddikjarata f’talba għall-ħlas għal programm ieħor.
4.  
L-ammont tan-nefqa li jiddaħħal f’talba għall-ħlas jista’ jiġi kkalkulat għal kull programm ikkonċernat fuq bażi pro rata, f’konformità mad-dokument li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.



KAPTIOLU III

OPERAZZJONIJIET TA’ TAĦLIT

Artikolu 15

Operazzjonijiet ta’ taħlit

L-operazzjonijiet ta’ taħlit deċiżi taħt il-Programm għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/523 u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.



KAPITOLU IV

IMPLIMENTAZZJONI, MONITORAĠĠ U KONTROLL

Artikolu 16

Implimentazzjoni tal-Programm

1.  

Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju.

Il-programmi ta’ ħidma għandhom jimplimentaw l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 8.Dawk il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu fid-dettall:

(a) 

l-ammont indikattiv allokat għal kull azzjoni u, fejn rilevanti, l-ammont totali indikattiv għall-azzjonijiet kollha, kif ukoll skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni;

(b) 

il-kriterji essenzjali ta’ evalwazzjoni għall-għotjiet, f’konformità mal-Artikolu 11, u r-rata massima ta’ kofinanzjament f’konformità mal-Artikolu 12.

Il-programmi ta’ ħidma għandhom jistabbilixxu, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit.

2.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(5).
3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(d)(i) permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsulenza msemmija fl-Artikolu 21(4).
4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programmi ta’ ħidma li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) permezz ta’ azzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 8(8) u l-Anness I permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni sat-30 ta’ April tas-sena qabel l-eżekuzzjoni tagħhom, dment li jiġi adottat l-abbozz ta’ baġit. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(6).
5.  
L-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) ta’ dan ir-Regolament, inkluż inizjattivi rigward ir-rieżami tal-prijoritajiet, għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-Artikoli 13, 14 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, inkluż inizjattivi rigward ir-rieżami tal-prijoritajiet, u permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib u kkoordinata fi ħdan is-Sistema Statistika Ewropea.

Artikolu 17

Monitoraġġ u rappurtar

1.  
L-indikaturi għar-rappurtar dwar il-progress tal-Programm biex jintlaħqu l-għanijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3(2) huma stabbiliti fl-Anness IV.
2.  
Meta tirrapporta dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b), il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-indikaturi kuntestwali rilevanti, estratti mir-rieżami tal-prestazzjoni tal-SMEs, mill-iskedi informattivi tal-Ismall Business Act u minn kwalunkwe sors rilevanti ieħor, flimkien mal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1.
3.  
Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 20, biex temenda l-Anness IV fir-rigward tal-indikaturi, meta dan ikun meqjus meħtieġ, kif ukoll biex tissuplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.
4.  
Is-sistema tar-rappurtar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv, u fil-ħin.

Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rappurtar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.

Artikolu 18

Evalwazzjoni

1.  
L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’waqthom biex biex ikunu jistgħu jintużaw fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet.
2.  
L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq sa erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programm. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport tal-evalwazzjoni interim biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Programm, inkluż aspetti bħall-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u is-sinerġiji fil-Programm u l-valur miżjud tal-Unjoni.
3.  
Fir-rigward tal-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(c)(ii), il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-attività tal-Fondazzjoni tal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju fir-rigward tal-iżvilupp tal-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju, kif ukoll, in ġenerali, tal-PIOB u tal-EFRAG. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
4.  
Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm u fi kwalunkwe każ erba’ snin wara tmiem il-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1 il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta’ evalwazzjoni finali biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Programm, inkluż aspetti bħall-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u s-sinerġiji fil-Programm, u l-valur miżjud tal-Unjoni.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapporti ta’ evalwazzjoni interim u finali flimkien mall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u tagħmilhom disponibbli għall-pubbliku. Fejn xieraq, ir-rapporti għandhom ikunu akkumpanjati minn proposti għal azzjonijiet ta’ segwitu.
6.  
F’konformità mal-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika għal dawk il-partijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni interim u finali li jirrigwardaw l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) ta’ dan ir-Regolament, qabel ma dawn jiġu adottati u ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika għall-parti tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali li tirrigwarda l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) ta’ dan ir-Regolament, qabel l-adozzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 19

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal ta’ awtorizzazzjoni responsabbli, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 20

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall- kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(6), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 17(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ seba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonax għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.
3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 9(6), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 17(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikoli 9(6), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 17(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn meta dak l-att ikun ġie innotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 21

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċernaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(b) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.  
Fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċernaw l -għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(d)(i) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3.  
Fir-rigward tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(5), it-tieni paragrafu u fl-Artikolu 16(4) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċernaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
5.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
6.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn l-opinjoni tal-Kumitat tkun trid tinkiseb permezz tal-proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tittermina mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat hekk jiddeċiedi jew maġġoranza sempliċi ta’ membri tal-kumitat jitolbu li jsir hekk.



KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 22

Informazzjoni, komunikazzjoni u reklamar

1.  
Ir-riċevituri ta’ finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni koerenti, effettiva u proporzjonata, pertinenti lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.
2.  
Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni b’mod faċli għall-utenti, sabiex tinsensibilizza lill-konsumaturi, liċ-ċittadini, lin-negozji, speċjalment l-SMEs, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi dwar ir-riżorsi finanzjarji pprovduti permezz tal-Programm, u dwar l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu.
3.  
Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet msemmija fl-Artikolu 3.
4.  
Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-implimentazzjoni tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f) ta’ dan ir-Regolament, inkluż azzjonijiet u riżultati li jirrigwardaw l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, f’konformità mal-prinċipji dwar l-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Artikolu 23

Tħassir

Ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.  
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, (UE) Nru 258/2014, (UE) Nru 652/2014 u (UE) 2017/826, li għandhom jibqgħu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2.  
Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont il-programmi preċedenti tiegħu skont l-atti elenkati fil-paragrafu 1.
3.  
Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(3), biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.
4.  
F’konformità mal-Artikolu 193(3), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għotja fir-rigward ta’ azzjonijiet li diġà jkunu nbdew jistgħu jiġu kkunsidrati elipibbli meta jkun neċessarju biex tiġi żgurata l-kontinwità matul perijodu limitat.

B’deroga mill-Artikolu 193(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għotja għandhom ikunu eliġibbli fil-każ ta’ għotjiet operattivi, meta jkun neċessarju biex tiġi żgurata l-kontinwità matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Porgramm.

5.  
L-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 16(4) u fil-punt 2.1 tal-Anness I ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-programmi li jkopru s-snin 2021 u 2022.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

L-AZZJONIJIET ELIĠIBBLI LI JIMPLIMENTAW L-GĦAN SPEĊIFIKU MSEMMI FL-ARTIKOLU 3(2)(E) RELATAT MAL-QASAM TAL-PJANTI, L-ANNIMALI, L-IKEL U L-GĦALF

L-azzjonijiet li ġejjin li jimplimentaw l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament:

1. 

L-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza veterinarji u fitosanitarji.

1.1. 

Miżuri ta’ emerġenza veterinarji u fitosanitarji li għandhom jittieħdu bħala riżultat tal-konferma uffiċjali tal-okkorrenza ta’ waħda mill-mard tal-annimali jew żoonożi elenkati fl-Anness III jew tal-konferma uffiċjali tal-preżenza ta’ pesti tal-pjanti jew jekk ikun hemm theddida diretta għall-istatus tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti tal-Unjoni.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu implimentati immedjatament u l-applikazzjoni tagħhom għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni rilevanti.

1.2. 

Fir-rigward ta’ emerġenzi fitosanitarji, il-miżuri li ġejjin meħuda mill-Istati Membri kontra tifqigħa ta’ pesti f’żona partikolari:

(a) 

miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni kontra pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jew skont il-miżuri tal-Unjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 28(1) jew (3) ta’ dak ir-Regolament;

(b) 

miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikoli 29(1) jew 30(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 kontra pest mhux elenkat bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni iżda li jista’ jikkwalifika bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni f’konformità mal-kriterji msemmija f’dak ir-Regolament;

(c) 

miżuri protettivi addizzjonali meħuda kontra t-tixrid ta’ pest, kontra liema ġew adottati miżuri tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, għajr il-miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-punt, fejn dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest.

1.3. 

Il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut wkoll għall-miżuri li ġejjin:

1.3.1. 

Il-miżuri ta’ protezzjoni jew ta’ prevenzjoni meħuda f’każ ta’ theddida diretta għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni b’riżultat tal-okkorrenza jew l-iżvilupp, fit-territorju ta’ pajjiż terz, Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew, ta’ waħda mill-mard tal-annimali jew ż-żoonożi elenkati fl-Anness III kif ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni jew attivitajiet rilevanti oħra, meħuda b’appoġġ għall-istatus tas-saħħa tal-pjanti tal-Unjoni;

1.3.2. 

Il-miżuri msemmija f’dan l-Anness imwettqa minn żewġ Stati Membri jew aktar li jikkollaboraw mill-qrib biex jikkontrollaw marda tal-annimali jew tifqigħa ta’ pest tal-pjanti;

1.3.3. 

L-istabbiliment ta’ ħażniet ta’ prodotti bijoloġiċi maħsuba għall-kontroll tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi elenkati fl-Anness III, fejn il-Kummissjoni, fuq talba ta’ Stat Membru, tqis li l-istabbiliment ta’ tali ħażniet huma meħtieġa f’dak l-Istat Membru;

1.3.4. 

L-istabbiliment ta’ ħażniet ta’ prodotti bijoloġiċi jew l-akkwist ta’ dożi ta’ vaċċin jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp f’pajjiż terz jew fi Stat Membru ta’ waħda mill-mard tal-annimali jew ż-żoonożi elenkati fl-Anness III tista’ tikkostitwixxi theddida għall-Unjoni.

1.3.5. 

F’każ ta’ suspett ta’ tifqigħa ta’ marda tal-annimali jew li jitfaċċaw pesti tal-pjanti, verifiki u monitoraġġ intensifikati fl-Unjoni u mal-fruntieri esterni tagħha, fejn meħtieġ.

1.3.6. 

Miżuri għall-monitoraġġ tad-dehra ta’ pesti tal-pjanti u mard tal-annimali magħrufa kif ukoll dawk emerġenti u mhux magħrufa qabel.

1.4. 

Kostijiet eliġibbli

1.4.1. 

Miżuri ta’ emerġenza veterinarji

Il-kostijiet li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza veterinarja jistgħu jikkwalifikaw għal finanzjament:

(a) 

il-kostijiet ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-annimali tagħhom imbiċċra jew maqtula, fil-limitu tal-valur fis-suq li tali annimali kien ikollhom li kieku ma kinux intlaqtu mill-marda;

(b) 

il-kostijiet tat-tbiċċir jew il-qtil tal-annimali u l-kostijiet tat-trasport relatati;

(c) 

il-kostijiet ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-prodotti meqruda tagħhom ta’ oriġini mill-annimali, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ dawk il-prodotti immedjatament qabel ma jkun inħoloq xi suspett tal-marda jew qabel ikun ġie kkonfermat dan is-suspett;

(d) 

il-kostijiet ta’ tindif, diżinsettizzazzjoni u diżinfezzjoni tal-azjendi u tat-tagħmir, ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu;

(e) 

il-kostijiet għat-trasport u l-qerda tal-għalf kontaminat u, fejn ma jistax jiġi diżinfettat, it-tagħmir kontaminat;

(f) 

il-kostijiet tax-xiri, il-ħżin, il-ġestjoni jew id-distribuzzjoni tal-vaċċini u l-lixka kif ukoll il-kostijiet tat-tilqim stess, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi jew tawtorizza tali azzjonijiet;

(g) 

il-kostijiet tat-trasport u r-rimi tal-karkassi;

(h) 

f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-kostijiet ta’ testijiet seroloġiċi u viroloġiċi għal testijiet ta’ sorveljanza u ta’ ċaqliq minn qabel f’żoni ristretti u kwalunkwe kost ieħor essenzjali għall-qerda tal-marda.

1.4.2. 

Miżuri ta’ emerġenza fitosanitarji

Il-kostijiet li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti jistgħu jikkwalifikaw għal għotjiet:

(a) 

il-kostijiet tal-persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, direttament involut fil-miżuri, kif ukoll il-kostijiet tal-kiri ta’ tagħmir, ta’ prodotti konsumabbli u ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, tal-prodotti ta’ trattament, tat-teħid ta’ kampjuni u tat-testijiet tal-laboratorju;

(b) 

il-kostijiet tal-kuntratti ta’ servizzi ma’ partijiet terzi għat-twettiq ta’ parti mill-miżuri;

(c) 

il-kostijiet ta’ kumpens lill-operaturi jew is-sidien ikkonċernati għat-trattament, il-qerda u t-tneħħija sussegwenti ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħra, u għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-binjiet, l-art, l-ilma, il-ħamrija, il-mezzi ta’ tkabbir, il-faċilitajiet, il-makkinarju u t-tagħmir;

(d) 

il-kostijiet ta’ kumpens lis-sidien ikkonċernati għall-valur tal-pjanti meqruda, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti l-oħra soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 17, 28(1), 29(1) u 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, fil-limitu tal-valur tas-suq li tali pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kien ikollhom kieku ma kinux intlaqtu minn dawk il-miżuri; il-valur tas-salvataġġ, jekk ikun il-każ, għandu jitnaqqas mill-kumpens; u

(e) 

f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-kostijiet imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ miżuri meħtieġa għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d).

Il-kumpens lill-operaturi jew lis-sidien imsemmi fil-punt (c) għandu jkun eliġibbli biss jekk il-miżuri jkunu ġew implimentati taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

2. 

L-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali veterinarji u fitosanitarji annwali u pluriennali

2.1. 

Programmi nazzjonali veterinarji u fitosanitarji annwali u pluriennali għall-qerda, il-kontroll u s-sorveljanza tal-mard tal-annimali u ż-żoonożi elenkati fl-Anness III u tal-pesti tal-pjanti jridu jiġu implimentati f’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni rilevanti.

Il-kondizzjonijiet biex l-azzjonijiet jikkwalifikaw għall-finanzjament għandhom jiġu stabbiliti fil-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 16.

Il-programmi nazzjonali għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ qabel il-perijodu tal-implimentazzjoni ppjanat.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena:

(a) 

il-lista ta’ programmi nazzjonali approvati teknikament u l-proposti għal kofinanzjament;

(b) 

l-ammont proviżorju allokat għal kull programm;

(c) 

il-livell massimu proviżorju tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull programm; u

(d) 

kwalunkwe kondizzjoni proviżorja li tista’ tkun soġġetta għaliha l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programmi nazzjonali u l-finanzjament assoċjat sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena permezz ta’ ftehim ta’ għotja fir-rigward tal-miżuri implimentati u l-kostijiet imġarrba.

Wara l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji intermedji mill-benefiċjarji sal-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’, jekk meħtieġ, temenda l-ftehimiet ta’ għotja fir-rigward tal-perijodu ta’ eliġibbiltà kollu.

2.2. 

Kostijiet eliġibbli

2.2.1. 

Il-kostijiet li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi veterinarji nazzjonali jistgħu jikkwalifikaw għal kofinanzjament tal-Unjoni:

(a) 

il-kostijiet tat-teħid ta’ kampjuni tal-annimali;

(b) 

il-kostijiet ta’ testijiet, dment li dawn ikunu limitati għal:

(i) 

il-kostijiet ta’ kits tat-testijiet, reaġenti u oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u speċifikament użati biex isiru dawk it-testijiet;

(ii) 

il-kostijiet ta’ persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, direttament involut fit-twettiq tat-testijiet;

(c) 

il-kostijiet ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-annimali imbiċċra jew maqtula tagħhom, fil-limitu tal-valur fis-suq li tali annimali kien ikollhom li kieku ma kinux intlaqtu mill-marda;

(d) 

il-kostijiet ta’ tbiċċir jew ta’ qtil tal-annimali;

(e) 

il-kostijiet ta’ kumpens lis-sidien għall-valur tal-prodotti meqruda tagħhom ta’ oriġini mill-annimali, fil-limitu tal-valur fis-suq ta’ dawk il-prodotti immedjatament qabel ma jkun inħoloq xi suspett tal-marda jew qabel dan ma jkun ġie kkonfermat is-suspett;

(f) 

il-kostijiet ta’ xiri, ħżin, tilqim, ġestjoni jew distribuzzjoni tad-dożi ta’ vaċċin jew il-vaċċin u l-lixki użati għall-programmi;

(g) 

il-kostijiet ta’ tindif, diżinfezzjoni, diżinsettizzazzjoni tal-azjenda u tat-tagħmir ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu; u

(h) 

f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-kostijiet imġarrba fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (g).

Għall-finijiet tal-punt (c), il-valur tal-irkupru tal-annimali, jekk ikun il-każ, għandu jitnaqqas mill-kumpens.

Għall-finijiet tal-punt (d), il-valur tal-irkupru tal-bajd mhux inkubat ittrattat bis-sħana għandu jitnaqqas mill-kumpens.

2.2.2. 

Il-kostijiet li ġejjin imġarrba mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi fitosanitarji nazzjonali jistgħu jikkwalifikaw għal kofinanzjament mill-Unjoni:

(a) 

il-kostijiet għal teħid tal-kampjuni;

(b) 

il-kostijiet għal eżamijiet viżwali;

(c) 

il-kostijiet ta’ testijiet, dment li dawn ikunu limitati għal:

(i) 

il-kostijiet ta’ kits tat-testijiet, ta’ reaġenti u ta’ oġġetti konsumabbli li huma identifikabbli u jintużaw apposta biex iwettqu t-testijiet;

(ii) 

il-kostijiet ta’ persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, direttament involut fit-twettiq tat-testijiet;

(d) 

il-kostijiet ta’ persunal, irrispettivament mill-istatus tiegħu, direttament involut fil-miżuri, kif ukoll il-kostijiet ta’ kiri tat-tagħmir, ta’ oġġetti konsumabbli u ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, ta’ prodotti tat-trattament, ta’ teħid tal-kampjuni u ta’ testijiet tal-laboratorju;

(e) 

il-kostijiet ta’ kuntratti tas-servizzi ma’ partijiet terzi għat-twettiq ta’ parti mill-miżuri;

(f) 

il-kostijiet ta’ kumpens lill-operaturi jew is-sidien ikkonċernati għat-trattament, il-qerda u t-tneħħija sussegwenti ta’ pjanti, ta’ prodotti tal-pjanti u ta’ oġġetti oħra, u għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-binjiet, l-art, l-ilma, il-ħamrija, il-mezzi ta’ tkabbir, il-faċilitajiet, il-makkinarju u t-tagħmir;

(g) 

il-kostijiet ta’ kumpens lis-sidien ikkonċernati għall-valur tal-pjanti meqruda, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra soġġetti għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 17, 28(1), 29(1) u 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, fil-limitu tal-valur tas-suq litali pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra kien ikollhom kieku ma kinux intlaqtu minn dawk il-miżuri; il-valur ta’ salvataġġ, jekk ikun il-każ, għandu jitnaqqas mill-kumpens; u

(h) 

f’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-kostijiet imġarrba fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (g).

Il-kumpens lill-operaturi u s-sidien imsemmi fil-punt (f) għandu jkun eliġibbli biss jekk il-miżuri jkunu ġew implimentati taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

2.3. 

Jekk l-okkorrenza jew l-iżvilupp ta’ waħda mill-mard tal-annimali jew iż-żoonożi elenkati fl-Anness III x’aktarx li jkunu ta’ theddida għall-istatus tas-saħħa tal-Unjoni u sabiex l-Unjoni titħares mill-introduzzjoni ta’ waħda minn dawk il-mard jew iż-żoonożi jew jekk ikunu meħtieġa miżuri ta’ protezzjoni b’appoġġ għall-istatus tas-saħħa tal-pjanti tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-programmi nazzjonali tagħhom miżuri li jridu jiġu implimentati fit-territorji ta’ pajjiżi terzi b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi. B’mod alternattiv, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ skont l-istess ċirkostanzi u għall-istess għan jingħata direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi.

2.4. 

Fir-rigward ta’ programmi fitosanitarji, il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jingħata lill-Istati Membri għall-miżuri li ġejjin:

(a) 

stħarriġ, matul perijodi speċifiċi ta’ żmien, li jivverifika tal-inqas il-preżenza ta’:

— 
kwalunkwe pest ta’ kwarantina fl-Unjoni, u sinjali jew sintomi ta’ kwalunkwe pest soġġett għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jew għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament, skont l-Artikolu 22(1) ta’ dak ir-Regolament jew, fejn applikabbli, skont l-Artikoli 47 sa 77 tar-Regolament (UE) 2017/625;
— 
pesti ta’ prijorità skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;
(b) 

stħarriġ, matul perijodi speċifiċi ta’ żmien, li jivverifika tal-inqas il-preżenza ta’ kwalunkwe pest, għajr il-pesti msemmija fil-punt (a), li jista’ jippreżenta riskju emerġenti għall-Unjoni, u li d-dħul jew it-tixrid tiegħu jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq it-territorju tal-Unjoni;

(c) 

miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni kontra pest ta’ kwarantina fl-Unjoni, meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jew skont il-miżuri tal-Unjoni adottati f’konformità mal-Artikolu 28(1) jew (3) ta’ dak ir-Regolament;

(d) 

miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni meħuda mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont l-Artikoli 29(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 kontra pest, mhux elenkat bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, li jista’ jikkwalifika bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni f’konformità mal-kriterji msemmija f’dak ir-Regolament;

(e) 

miżuri protettivi addizzjonali meħuda kontra t-tixrid ta’ pest, kontra liema ġew adottati miżuri tal-Unjoni skont l-Artikoli 28(1) u 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, għajr il-miżuri ta’ qerda u ta’ prevenzjoni msemmija fil-punti (c) u (d) ta’ dan il-punt u l-miżuri ta’ trażżin imsemmija fil-punt (f) ta’ dan il-punt, fejn dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest;

(f) 

miżuri għat-trażżin ta’ pest, kontra liema ġew adottati miżuri tat-trażżin tal-Unjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jew l-Artikolu 30(3) ta’ dak ir-Regolament, f’żona infestata li l-pest ma jistax jinqered minnha, fejn dawk il-miżuri jkunu essenzjali biex jipproteġu lill-Unjoni kontra aktar tixrid ta’ dak il-pest.

Il-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 16(4) għandhom jiddeterminaw il-lista ta’ pesti tal-pjanti li jiġu koperti taħt dawn il-miżuri.

3. 

L-implimentazzjoni ta’ programmi fitosanitarji għall-kontroll ta’ pesti fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 355(1) TFUE li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament (UE) 2016/2031, b’mod konformi mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ). Dawk il-programmi għandhom jikkonċernaw l-attivitajiet meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta f’dawk ir-reġjuni tar-regoli li jkunu fis-seħħ hemmhekk dwar il-kontroll ta’ pesti, kemm jekk ikunu regoli tal-Unjoni jew regoli nazzjonali.

4. 

Attivitajiet ta’ appoġġ għat-titjib tat-trattament xieraq tal-annimali, inkluż miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali u t-traċċabbiltà inkluż waqt it-trasport tal-annimali.

5. 

Appoġġ għall-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea, imsemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) 2017/625, u ċ-ċentri ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikoli 95 u 97 tar-Regolament (UE) 2017/625 u fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2016/1012.

6. 

Matul perijodu ta’ mhux aktar minn tliet snin wara l-għażla tal-laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea tal-qasam speċifiku, fejn xieraq u b’mod konformi mal-Artikolu 10(1), il-ksib ta’ akkreditazzjoni rigward metodi ta’ ttestjar u dawk dijanjostiċi fil-laboratorji ta’ referenza nazzjonali għas-saħħa tal-pjanti u fil-laboratorji ta’ referenza nazzjonali għas-saħħa tal-annimali

7. 

L-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kontroll ikkoordinati u l-organizzazzjoni ta’ ġbir tal-informazzjoni u d-data, imsemmija fl-Artikolu 112 tar-Regolament (UE) 2017/625.

8. 

Attivitajiet għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel u għall-ġlieda kontra l-frodi alimentari.

9. 

Attivitajiet li jappoġġaw il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli tal-ikel, inkluż ktajjen tal-provvista qosra.

10. 

L-iżvilupp ta’ bażijiet ta’ data u sistemi kompjuterizzati ta’ ġestjoni tal-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-leġiżlazzjoni relatata mal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) u li jkollhom valur miżjud bi prova għall-Unjoni kollha kemm hi; kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda biex tittejjeb it-traċċabbiltà ta’ prodotti.

11. 

It-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali u partijiet oħra involuti fil-ġestjoni jew il-prevenzjoni tal-mard tal-annimali jew tal-pesti tal-pjanti, kif imsemmija fl-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) 2017/625.

12. 

Il-ħlas l-ispejjeż ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni u sussistenza ta’ kuljum imġarrba mill-esperti tal-Istati Membri b’riżultat tal-ħatra tagħhom mill-Kummissjoni biex jgħinu lill-esperti tagħha kif previst fl-Artikoli 116(4) u 120(4) tar-Regolament (UE) 2017/625.

13. 

Il-prestazzjoni ta’ ħidma teknika u xjentifika meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fil-qasam relatat mal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) u l-adattament ta’ dik il-leġiżlazzjoni għall-iżviluppi xjentifiċi, teknoloġiċi u soċjetali, inkluż studji u attivitajiet ta’ koordinazzjoni meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dehra ta’ pesti tal-pjanti u mard tal-annimali emerġenti.

14. 

L-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri jew mill-organizzazzjonijiet internazzjonali bil-għan li jiksbu l-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e) b’appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-regoli relatati ma’ dak l-għan.

15. 

Il-prestazzjoni ta’ proġetti organizzati minn Stat Membru wieħed jew aktar bil-għan li tittejjeb, permezz tal-użu ta’ tekniki u protokolli innovattivi, l-implimentazzjoni effiċjenti tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e).

16. 

L-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri bil-għan li jiġu żgurati produzzjoni u konsum tal-ikel imtejba, konformi u sostenibbli, inkluż attivitajiet għall-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel li jikkontribwixxu għall-ekonomija ċirkolari u attivitajiet għall-prevenzjoni tal-frodi alimentari, kif ukoll inizjattivi oħra li jikkontribwixxu għal livell għoli ta’ saħħa għall-pjanti u l-annimali, u s-sikurezza tal-ikel u l-għalf, bħala parti mill-implimentazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(e).

17. 

L-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti u t-trattament xieraq tal-annimali, fir-rigward tal-annimali, il-prodotti tal-annimali, il-pjanti, il-prodotti tal-pjanti, u oġġetti rilevanti oħra li jaslu minn pajjiżi terzi fi fruntiera tal-Unjoni.




ANNESS II

L-AZZJONIJIET ELIĠIBBLI LI JIMPLIMENTAW L-GĦAN SPEĊIFIKU MSEMMI FL-ARTIKOLU 3(2)(F) DWAR L-ISTATISTIKA EWROPEA

L-implimentazzjoni ta’ politiki tal-Unjoni tirrikjedi informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja, komparabbli u affidabbli dwar is-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-istatistika Ewropea tippermetti liċ-ċittadini Ewropej jifhmu u jieħdu sehem fil-proċess demokratiku u fid-dibattitu dwar l-istat preżenti u dak futur tal-Unjoni.

Flimkien mar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u speċjalment b’referenza għall-indipendenza professjonali tal-istituti tal-istatistika u l-prinċipji statistiċi l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, il-Programm huwa maħsub biex jipprovdi l-qafas ġenerali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea għall-perijodu 2021-2027. L-istatistika Ewropea trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata skont dak il-qafas u f’konformità mal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-istatistika Ewropea. Jenħtieġ li dak il-qafas jirrispetta l-kriterji ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 permezz ta’ kooperazzjoni koordinata u mill-qrib fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS).

L-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u disseminata taħt dan il-qafas, ser tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ politiki tal-Unjoni kif stabbilit fit-TFUE u kif rifless ulterjorment fil-prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni.

Permezz tal-programm, l-ESS ser ikollha l-għan li żżomm u ttejjeb il-livell ta’ eċċellenza tagħha fil-qasam tal-istatistika. Bl-isess mod, il-programmi ta’ ħidma annwali ser ikollhom l-għan li jiksbu l-aħjar riżultat possibbli, filwaqt li jittieħed kont tar-riżorsi disponibbli fil-livell reġjonali, nazzjonali u dak tal-Unjoni.

Riċerka u innovazzjoni kontinwi huma meqjusa bħala muturi ewlenin fil-modernizzazzjoni tal-istatistika Ewropea u fit-titjib tal-kwalità tal-istatistika Ewropea. Għalhekk l-investiment permezz tal-programm ta’ ħidma pluriennali jenħtieġ li jikkonċentra fuq l-iżvilupp ta’ metodi u metodoloġiji ġodda kif ukoll l-esplorazzjoni ta’ sorsi ta’ data ġodda għall-produzzjoni tal-istatistika.

Fl-implimentazzjoni tal-għan speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2)(f), għandhom jitwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

Unjoni Ekonomika u Monetarja, globalizzazzjoni u kummerċ

(1) 

il-provvista ta’ statistika ta’ kwalità għolja li tirfed il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv, u, fejn fattibbli, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ appoġġ tekniku, u li tirfed iċ-ċiklu annwali tal-Unjoni ta’ monitoraġġ u gwida ekonomika;

(2) 

il-provvista, u fejn meħtieġ, it-titjib tal-Indikaturi Ekonomiċi Ewropej Prinċipali (IEEP);

(3) 

il-provvista ta’ statistika u gwida metodoloġika dwar it-trattament statistiku tal-istrumenti ta’ investiment u tal-baġit b’appoġġ għall-konverġenza ekonomika, għall-istabbiltà finanzjarja u għall-ħolqien tal-impjiegi;

(4) 

il-provvista ta’ statistika għall-finijiet ta’ riżorsi proprji u r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-persunal tal-Unjoni;

(5) 

kejl aħjar tal-kummerċ f’merkanzija u servizzi, investiment dirett barrani, ktajjen ta’ valur mondjali u l-impatt tal-globalizzazzjoni fuq l-ekonomiji tal-Unjoni.

Suq intern, innovazzjoni u trasformazzjoni diġitali

(1) 

il-provvista ta’ statistika ta’ kwalità għolja u affidabbli għas-Suq intern u oqsma ewlenin tal-innovazzjoni u r-riċerka;

(2) 

il-provvista ta’ aktar statistika u statistika aktar tempestiva dwar l-ekonomija kollaborattiva u l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq in-negozji u ċ-ċittadini tal-Unjoni;

(3) 

il-provvista ta’ statistika biex tappoġġa l-Politika Ewropea tad-difiża, soġġett għall-istudji tal-fattibbiltà u filwaqt li jittieħed kont debitu tas-sensittività tad-data statistika.

Dimensjoni soċjali tal-Ewropa

(1) 

il-provvista ta’ statistika ta’ kwalità għolja, tempestiva u affidabbli għall-appoġġ tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Politika tal-Ħiliet tal-Unjoni, inkluż statistika dwar is-suq tax-xogħol, l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-introjtu, il-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-faqar, l-inugwaljanza, il-protezzjoni soċjali, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-kontijiet satellita fuq il-ħiliet;

Fejn ikun meħtieġ l-iżvilupp ta’ statistika ġdida, id-disponibbiltà tad-data u l-fattibbiltà tal-produzzjoni tal-istatistika rigward il-kontijiet satellita dwar il-ħiliet u dwar ix-xogħol mhux iddikjarat jeħtieġ li jiġu eżaminati aktar fl-ESS;

(2) 

il-provvista ta’ statistika relatata mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità;

(3) 

it-titjib ta’ statistika dwar il-migrazzjoni b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti u l-ħtiġijiet ta’ edukazzjoni u l-livelli ta’ kwalifika tal-applikanti għall-ażil;

(4) 

l-iżvilupp ta’ programmi modernizzati għaċ-Ċensiment dwar il-Popolazzjoni u l-Abitazzjoni ta’ wara l-2021 u statistika dwar il-popolazzjoni;

(5) 

il-provvista u l-aġġornament b’mod regolari ta’ previżjonijiet u tqassim tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

Żvilupp sostenibbli, riżorsi naturali u ambjent

(1) 

il-monitoraġġ tal-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

(2) 

il-provvista ta’ statistika ta’ kwalità għolja li tirfed il-Patt Ekoloġiku Ewropew inkluż l-iżvilupp ulterjuri ta’ statistika b’appoġġ għall-Istrateġija tal-Enerġija, l-ekonomija ċirkolari, l-istatistika relatata mal-klima u l-istrateġija dwar il-plastik;

Fejn ikun meħtieġ l-iżvilupp ta’ statistika u indikaturi ġodda għas-suġġetti msemmija fl-inċiż ta’ hawn fuq, id-disponibbiltà tad-data u l-fattibbiltà għall-produzzjoni tal-istatistika u tal-indikaturi għandhom jiġu eżaminati aktar fis-Sistema ESS;

(3) 

il-provvista ta’ statistika u indikaturi ambjentali ewlenin, inkluż dwar l-iskart, l-ilma, il-bijodiversità, il-foresti, l-użu tal-art u l-kopertura tal-art, kif ukoll kontijiet ekonomiċi tal-ambjent;

(4) 

il-provvista ta’ statistika fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri biex tappoġġa l-politiki tal-Unjoni;

(5) 

l-iżvilupp ta’ indikaturi oħra biex jiġu mmonitorjati l-intermodalità u l-bidla modali lejn mezzi ta’ trasport li jirrispettaw aktar l-ambjent;

(6) 

il-provvista ta’ data tempestiva u rilevanti għall-ħtiġijiet tal-Politika Agrikola Komuni, tal-politika Komuni tas-Sajd u tal-politiki relatati mal-ambjent, is-sigurtà alimentari u t-trattament xieraq tal-annimali.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

(1) 

il-provvista ta’ indikaturi statistiċi tempestivi u komprensivi dwar ir-reġjuni, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, il-bliet u ż-żoni rurali, għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effettività tal-politiki dwar l-iżvilupp territorjali, u għall-evalwazzjoni tal-impatti territorjali tal-politiki settorjali;

(2) 

iż-żieda fl-użu tad-data ġeospazjali u l-integrazzjoni u l-inklużjoni b’mod sistematiku tal-ġestjoni tal-informazzjoni ġeospazjali fil-produzzjoni tal-istatistika;

(3) 

l-eżami fi ħdan l-ESS tal-fattibbiltà li jiġi pprovdut u mbagħad appoġġat l-iżvilupp ta’:

(a) 

indikaturi dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus;

(b) 

indikaturi dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c) 

statistika dwar il-pulizija u s-sigurtà.

Komunikazzjoni aħjar tal-istatistika Ewropea u l-valuri tagħha billi tiġi promossa bħala sors affidabbli fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

(1) 

il-promozzjoni b’mod sistematiku tal-istatistika Ewropea bħala sors affidabbli ta’ evidenza u l-faċilitazzjoni tal-verifikaturi tal-fatti, ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi fl-użu tagħhom tal-isttistika Ewropea biex jużawha fl-indirizzar tad-diżinformazzjoni;

(2) 

it-titjib tad-djalogu eżistenti mal-produtturi u mal-utenti tal-istatistika Ewropea sabiex jittejjeb u jiġi promoss l-użu tal-istatistika Ewropea billi jiġu stabbiliti u implimentati azzjonijiet biex jiżdied il-litteriżmu statistiku għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż l-intraprendituri;

(3) 

ikun aktar faċli għall-utenti biex jaċċessaw u jifhmu l-istatistika, inkluż bil-provvista ta’ viżwalizzazzjonijiet attraenti u interattivi, servizzi aktar speċjalizzati bħad-data fuq talba u l-analitika self-service;

(4) 

l-iżvilupp ulterjuri u l-monitoraġġ tal-qafas ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għall-istatistika Ewropea, inkluż permezz ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-konformità tal-Istati Membri mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea;

(5) 

l-għoti ta’ aċċess għall-mikrodata għal finijiet ta’ riċerka f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 filwaqt li jiġu salvagwardjati l-ogħla standards fil-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-istatistika.

Jinkisbu l-benefiċċji tar-revoluzzjoni tad-data u ċ-ċaqliq lejn statistika intelliġenti fdata

(1) 

it-tisħiħ tal-użu ta’ sorsi ta’ data diġitali ġodda f’ambjent b’ħafna sorsi biex tiġi prodotta statistika intelliġenti ġdida kważi fil-ħin reali permezz ta’ algoritmi fdati li jkunu xierqa għall-iskop tagħhom;

(2) 

l-iżvilupp ta’ approċċi ġodda biex tintuża d-data miżmuma privatament permezz tal-adozzjoni ta’ komputazzjoni li jippreserva l-privatezza u ta’ metodi tal-komputazzjoni sikura ta’ diversi partijiet;

(3) 

il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni l-aktar avvanzati fil-qasam tal-istatistika uffiċjali, inkluż bl-użu ta’ networks kollaborattivi u l-provvista ta’ Programmi Ewropej ta’ Taħriġ Statistiku.

Sħubiji u kooperazzjoni statistika estiżi

(1) 

it-tisħiħ tas-sħubija tal-ESS u l-kooperazzjoni mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali;

(2) 

it-trawwim ta’ sħubiji mad-detenturi tad-data privata u pubblika u mas-settur tat-teknoloġija biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għad-data għall-finijiet statistiċi, l-integrazzjoni tad-data minn sorsi b’ħafna sorsi u l-użu tal-aħħar teknoloġiji;

(3) 

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mar-riċerka u l-akkademja, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ sorsi ġodda tad-data, l-analitika tad-data u l-promozzjoni tal-litteriżmu statistiku;

(4) 

it-tkomplija tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi għall-benefiċċju tal-istatistika uffiċjali dinjija.




ANNESS III

LISTA TA’ MARD TAL-ANNIMALI U ŻOONOŻI

(1) 

Il-mard tal-annimali msemmi fl-Artikolu 5(1), l-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2016/429;

(2) 

Iż-żoonożi u l-aġenti żoonotiċi msemmija fir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 u fid-Direttiva 2003/99/KE;

(3) 

Enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli kif imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 999/2001.




ANNESS IV

INDIKATURI



Għan

Indikatur

L-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a)

1.  L-għadd ta’ lmenti ġodda fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija u servizzi, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku.

2.  L-Indiċi tar-Restrittività għall-Kummerċ fis-Servizzi.

3.  L-għadd ta’ żjarat fil-portal l-Ewropa Tiegħek.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(a)(ii)

1.  L-għadd ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fil-qasam tal-merkanzija, inkluż il-bejgħ online.

2.  L-għadd ta’ kampanji konġunti ta’ sorveljanza tas-suq.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(b)

1.  L-għadd ta’ SMEs u raggruppamenti u organizzazzjonijiet ta’ networks għan-negozji, kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għan-negozji li jirċievu l-appoġġ mill-programm, b’mod partikolari għall-internazzjonalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà.

2.  L-għadd ta’ kumpanniji appoġġati li kkonkludew sħubiji kummerċjali.

3.  L-għadd ta’ imprendituri li jibbenefikaw mill-iskemi ta’ mentoraġġ u mobbiltà, inkluż imprendituri żgħażagħ, ġodda u nisa, kif ukoll gruppi speċifiċi oħra fil-mira.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(c)(i)

1.  Il-kondiviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ standards Ewropej bħala standards nazzjonali mill-Istati Membri f’ammont totali ta’ standards Ewropej attivi.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(c)(ii)

1.  Il-perċentwal ta’ standards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju u ta’ awditjar approvati mill-Unjoni.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(d)(i)

1.  L-Indiċi tal-kundizzjoni tal-konsumatur.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(d)(ii)

1.  L-għadd ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni u tweġibiet għall-konsultazzjonijiet pubbliċi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji mill-benefiċjarji.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(e)

1  L-għadd ta’ programmi nazzjonali veterinarji u fitosanitarji implimentati b’suċċess, inkluż l-għadd ta’ miżuri ta’ emerġenza implimentati b’suċċess dwar il-pesti tal-pjanti u l-mard tal-annimali.

L-għan stabbilit fl-Artikolu 3(2)(f)

1.  L-Impatt tal-istatistiċi ppubblikati fuq l-Internet: għadd ta’ referenzi fuq il-web u opinjonijiet pożittivi/negattivi.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”) (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

Top