Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017R0039-20220225

    Consolidated text: Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta' Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/39/2022-02-25

    02017R0039 — MT — 25.02.2022 — 003.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/39

    tat-3 ta' Novembru 2016

    dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

    (ĠU L 005 10.1.2017, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1983 tat-28 ta’ Novembru 2019

      L 308

    82

    29.11.2019

    ►M2

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1239 tas-17 ta’ Ġunju 2020

      L 284

    3

    1.9.2020

    ►M3

    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/246 tat-13 ta’ Diċembru 2021

      L 41

    8

    22.2.2022




    ▼B

    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/39

    tat-3 ta' Novembru 2016

    dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta' frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi



    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni u definizzjoni

    1.  
    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1370/2013 fir-rigward tal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista u d-distribuzzjoni tal-frott u l-ħxejjex, tal-prodotti pproċessati tal-frott u l-ħxejjex u tal-prodotti friski tas-settur tal-banana (“il-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel”), u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (“il-ħalib fl-iskejjel”) lit-tfal fl-istabbilimenti edukattivi, għall-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament u għal ċerti spejjeż relatati fil-qafas tal-iskema msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (“l-iskema tal-iskejjel”).
    2.  
    Għall-finijiet tal-iskema tal-iskejjel, “sena skolastika” tfisser perjodu li jibda mill-1 ta' Awwissu sal-31 ta' Lulju tas-sena ta' wara.

    Artikolu 2

    Strateġiji tal-Istati Membri

    1.  

    L-istrateġija ta' Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a) 

    il-livell amministrattiv li fih se tiġi implimentata l-iskema tal-iskejjel;

    (b) 

    il-ħtiġijiet li jridu jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-klassifikazzjoni tagħhom f'termini ta' prijoritajiet;

    (c) 

    ir-riżultati li mistennija jinkisbu permezz tal-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel u l-indikaturi biex titkejjel il-kisba tagħhom;

    (d) 

    is-sitwazzjoni inizjali li fir-rigward tagħha se jitkejjel il-progress fil-kisba tar-riżultati, abbażi tad-dejta disponibbli;

    (e) 

    il-baġit stmat għall-elementi ewlenin tal-iskema tal-iskejjel fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u tal-ħalib fl-iskejjel, kif ukoll il-baġit għal elementi li jikkonċernaw l-iskema sħiħa għall-iskejjel;

    (f) 

    il-grupp fil-mira;

    (g) 

    il-lista tal-prodotti, skont il-gruppi tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 23(3), (4) u (5) u, jekk applikabbli, (7) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li għandhom jiġu pprovduti fi ħdan l-iskema tal-iskejjel;

    (h) 

    jekk il-prodotti ma jkunux disponibbli mingħajr ħlas fi ħdan l-iskema tal-iskejjel, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat li l-ammont tal-għajnuna tal-Unjoni huwa rifless b'mod xieraq fil-prezz ta' dawk il-prodotti;

    (i) 

    jekk jiġu awtorizzati t-tabelli standard ta' kostijiet unitarji, il-finanzjament b'rata fissa u/jew il-finanzjament b'somma sħiħa, il-metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli użat għall-istabbiliment tagħhom; jekk tintuża sistema bbażata fuq il-kost, l-arranġamenti biex tiġi vvalutata r-raġonevolezza tal-kostijiet ippreżentati mill-applikanti għall-għajnuna;

    (j) 

    l-għanijiet u l-kontenut tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament;

    (k) 

    il-proċeduri dwar l-involviment tal-awtoritajiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

    (l) 

    il-proċeduri biex jintgħażlu l-fornituri tal-prodotti, tal-materjali u tas-servizzi fi ħdan l-iskema tal-iskejjel;

    (m) 

    l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ għar-reklamar tal-għoti ta' għajnuna tal-Unjoni fi ħdan l-iskema tal-iskejjel.

    2.  

    L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, fuq talba, l-informazzjoni li ġejja, jekk din ma tkunx inkluża fl-istrateġija:

    (a) 

    il-kriterji għall-għażla tal-prodotti li se jkunu forniti fi ħdan l-iskema tal-iskejjel u l-prijorità jew il-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 23(11) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b) 

    l-arranġamenti għall-forniment u/jew id-distribuzzjoni tal-prodotti, inkluż fir-rigward tal-kostijiet eliġibbli, il-frekwenza prevista u t-twaqqit tad-distribuzzjoni u, f'każ li tiġi permessa d-distribuzzjoni fil-qafas tal-ikliet regolari fl-iskejjel, il-miżuri meħuda sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40;

    (c) 

    jekk ikunu stabbiliti l-prezzijiet massimi li jridu jitħallsu mill-benefiċjarji għall-prodotti, il-materjali u s-servizzi disponibbli fi ħdan l-iskema tal-iskejjel, il-metodu ta' kalkolu ġust, ekwu u verifikabbli użat għall-istabbiliment tagħhom;

    (d) 

    l-ammont ta' għajnuna nazzjonali jekk din l-għajnuna tingħata b'żieda mal-għajnuna tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel;

    (e) 

    jekk l-iskemi nazzjonali eżistenti jiġu estiżi jew isiru aktar effettivi permezz tal-għajnuna tal-Unjoni, l-arranġamenti li ddaħħlu fis-seħħ biex jiġi żgurat il-valur miżjud tal-iskema tal-iskejjel;

    (f) 

    jekk jiġu distribwiti l-prodotti msemmija fl-Artikolu 23(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-arranġamenti sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna tal-Unjoni titħallas biss għall-komponent tal-ħalib ta' dawk il-prodotti, u ma taqbiżx l-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013;

    (g) 

    l-istrutturi, l-arranġamenti u l-formoli stabbiliti għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-iskema tal-iskejjel skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 u għall-verifiki b'konformità mal-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament.

    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-istrateġiji tal-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Talba mill-Istati Membri għall-għajnuna tal-Unjoni

    L-Istati Membri għandhom jippreżentaw sal-31 ta' Jannar ta' kull sena t-talba tagħhom għall-għajnuna tal-Unjoni b'rabta mas-sena skolastika li jmiss u, jekk applikabbli, jaġġornaw it-talba għall-għajnuna tal-Unjoni b'rabta mas-sena skolastika attwali. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a) 

    Informazzjoni relatata mas-sena skolastika li jmiss:

    (i) 

    l-allokazzjoni indikattiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel, stabbilita fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013;

    (ii) 

    ir-rieda biex parti mill-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel tiġi ttrasferita għall-allokazzjoni indikattiva l-oħra, sal-perċentwal massimu msemmi fl-Artikolu 23a(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, kif ukoll il-perċentwal u l-ammont tat-trasferiment;

    (iii) 

    ir-rieda li tintuża aktar mill-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel u l-ammont addizzjonali massimu mitlub, jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali;

    (iv) 

    l-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li mhijiex mitluba, jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni indikattiva għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel;

    (v) 

    l-ammont totali mitlub għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel.

    (b) 

    Informazzjoni relatata mas-sena skolastika attwali:

    (i) 

    it-trasferiment bejn l-allokazzjonijiet definittivi msemmija fl-Artikolu 23a(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (ii) 

    jekk ma jkunx hemm rieda li jintuża l-ammont kollu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel għas-sena skolastika attwali, l-ammont li ma jkunx se jintalab għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel;

    (iii) 

    ir-rieda li jintuża aktar mill-ammont kollu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u/jew għall-ħalib fl-iskejjel għad-dispożizzjoni tagħhom fis-sena skolastika attwali, jekk tkun disponibbli allokazzjoni addizzjonali.

    L-ammonti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu espressi f'EUR.

    Artikolu 4

    Applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata mill-applikanti għall-għajnuna

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-forma, il-kontenut u l-frekwenza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-istrateġija tagħhom u r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6.
    2.  

    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a) 

    il-kwantitajiet tal-prodotti distribwiti skont il-gruppi tal-prodotti kif imsemmija fil-paragrafi (3), (4), (5) u, jekk applikabbli, (7) tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

    (b) 

    l-identifikazzjoni tal-applikant u l-isem u l-indirizz jew in-numru uniku tal-identifikazzjoni tal-istabbilimenti jew tal-awtoritajiet edukattivi li lilhom ġew distribwiti dawk il-kwantitajiet;

    (c) 

    l-għadd ta' tfal fir-reġistru tal-iskola fil-bidu tas-sena skolastika fl-istabbiliment jew fl-istabbilimenti edukattivi intitolati li jirċievu l-prodotti koperti mill-iskema tal-iskejjel matul il-perjodu kopert mill-applikazzjoni għall-għajnuna.

    3.  
    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament jistgħu jkopru perjodi ta' bejn ġimagħtejn u s-sena skolastika sħiħa.
    4.  
    L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu ppreżentati fi żmien tliet xhur minn tmiem il-perjodu li jkopru jew, fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni jew ir-reklamar, mid-data tal-konsenja tal-materjal jew tas-servizz.
    5.  

    Jekk il-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 4 jinqabeż b'anqas minn 60 jum kalendarju, l-għajnuna għandha titħallas iżda għandha titnaqqas kif ġej:

    (a) 

    b'5 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'1 sa 30 jum kalendarju;

    (b) 

    b'10 % jekk il-limitu ta' żmien jinqabeż b'31 sa 60 jum kalendarju.

    Ladarba l-limitu ta' żmien jinqabeż b'aktar minn 60 jum kalendarju, l-għajnuna għandha tkompli titnaqqas b'1 % għal kull jum addizzjonali, ikkalkulat fuq il-bilanċ li jifdal.

    6.  
    ►M3  L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati b’sostenn għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna. L-ammonti mitluba fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom ikunu sostnuti b’evidenza dokumentata li turi:
    (a) 

    il-prezz tal-prodotti, tal-materjal jew tas-servizz ikkonsenjati flimkien ma’ riċevuta jew prova ta’ ħlas jew ekwivalenti; jew

    (b) 

    jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji, ta’ finanzjament b’rata fissa u/jew ta’ finanzjament b’somma sħiħa, li l-kwantitajiet ġew fornuti u/jew iddistribwiti għall-iskop tal-iskema tal-iskejjel.

     ◄

    Fil-każ ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament; il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reklamar, l-evidenza dokumentata għandha tinkludi wkoll it-tqassim finanzjarju skont l-attività u d-dettalji tal-kostijiet relatati.

    Artikolu 5

    Ħlas tal-għajnuna

    1.  

    L-għajnuna relatata mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti għandha titħallas biss:

    (a) 

    Jekk tiġi ppreżentata rċevuta għall-kwantitajiet effettivament ipprovduti u/jew iddistribwiti; jew

    ▼M3

    (b) 

    jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta’ skali standard ta’ kostijiet unitarji, ta’ finanzjament b’rata fissa u/jew ta’ finanzjament b’somma sħiħa, mal-preżentazzjoni ta’ evidenza li l-kwantitajiet ġew fornuti u/jew iddistribwiti għall-iskop tal-iskema tal-iskejjel.

    2.  
    L-għajnuna relatata mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament, mal-monitoraġġ, mal-evalwazzjoni u mar-reklamar għandha titħallas biss mal-konsenja tal-materjal jew tas-servizzi kkonċernati u malli tiġi ppreżentata l-evidenza dokumentata relatata kif mitlub mill-awtorità kompetenti jew, jekk l-Istat Membru jawtorizza l-użu tal-iskali standard ta’ kostijiet unitarji, tal-finanzjament b’rata fissa u/jew tal-finanzjament b’somma f’daqqa, mal-preżentazzjoni ta’ evidenza li l-materjal jew is-servizzi ġew ikkonsenjati.

    ▼B

    3.  
    L-għajnuna għandha titħallas mill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna għajr jekk ikunu ġew miftuħa inkjesti amministrattivi.
    4.  
    Kwalunkwe għajnuna li tikkonċerna s-sena skolastika 2017/2018 ma għandhiex titħallas mill-awtorità kompetenti qabel il-bidu ta' din is-sena skolastika.

    Artikolu 6

    Trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet

    1.  
    It-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet indikattivi, skont l-Artikolu 23a(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom isiru fit-talba għall-għajnuna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
    2.  
    It-trasferimenti bejn l-allokazzjonijiet definittivi, skont l-Artikolu 23a(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, meta ma jkun sar l-ebda trasferiment bejn l-allokazzjonijiet indikattivi, jistgħu jsiru fit-talba għall-għajnuna tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-ammont ta' kwalunkwe trasferimenti bħal dawn sal-31 ta' Jannar tas-sena skolastika li matulha jkunu saru.

    Artikolu 7

    Riallokazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni

    1.  
    Abbażi tal-ammonti tal-għajnuna tal-Unjoni mitluba skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha talloka mill-ġdid l-allokazzjonijiet indikattivi mhux mitluba jew partijiet minnhom mhux mitluba skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013.

    Ma għandu jingħata l-ebda ammont addizzjonali lil Stat Membru għall-grupp ta' prodotti li minnu l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel trasferiment għall-grupp l-ieħor ta' prodotti skont l-Artikolu 6(1).

    Jekk Stat Membru ma jippreżentax talba skont l-Artikolu 3, l-allokazzjonijiet indikattivi ta' dan l-Istat Membru għandhom jitqiesu bħala mhux mitluba.

    2.  
    Il-Kummissjoni tista' tqassam mill-ġdid kwalunkwe allokazzjonijiet definittivi mhux mitluba jew partijiet minnhom mhux mitluba għas-sena skolastika attwali kif notifikat skont l-Artikolu 3(b) fost dawk l-Istati Membri li nnotifikaw ir-rieda tagħhom li jużaw aktar mill-allokazzjonijiet definittivi tagħhom.

    Ma għandu jingħata l-ebda ammont addizzjonali lil Stat Membru għall-grupp ta' prodotti li minnu l-Istat Membru kkonċernat ikun għamel trasferiment għall-grupp l-ieħor ta' prodotti skont l-Artikolu 6(2).

    Din ir-ridistribuzzjoni għandha ssir fi ħdan l-allokazzjoni għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel jew għall-ħalib fl-iskejjel, abbażi tal-allokazzjonijiet indikattivi tal-Istati Membri li jippreżentaw it-talba. Jekk applikabbli, l-ammonti mhux mitluba mill-Istati Membri fi ħdan l-istess allokazzjoni jistgħu jiġu ddistribwiti lill-Istati Membri li talbu ammonti addizzjonali għall-allokazzjoni l-oħra.

    ▼M1

    3.  
    L-ammont tal-allokazzjoni indikattiva li jista’ jiġi riallokat lil Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq il-livell ta’ użu tal-allokazzjoni definittiva tal-għajnuna tal-Unjoni fis-sena skolastika ta’ qabel għall-frott u l-ħxejjex għall-iskejjel u għall-ħalib fl-iskejjel rispettivament minn dak l-Istat Membru. Filwaqt li jitqiesu d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa mibgħuta lill-Kummissjoni dwar in-nefqa li tkun saret sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sottomissjoni tat-talba għal għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 ( 1 ), l-ammont tal-allokazzjoni definittiva għandu jiġi kkalkulat kif ġej:
    (a) 

    meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jkun ta’ 50 % jew inqas, ma għandha tingħata l-ebda allokazzjoni addizzjonali;

    (b) 

    meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-50 % iżda jkun ta’ 75 % jew inqas, l-allokazzjoni addizzjonali massima għandha tkun limitata għal 50 % tal-allokazzjoni indikattiva;

    (c) 

    meta l-użu tal-allokazzjoni definittiva jaqbeż il-75 %, l-allokazzjoni addizzjonali massima ma għandhiex tkun limitata.

    Il-kalkolu deskritt fl-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-Istati Membri ġodda li japplikaw l-iskema għall-iskejjel jew għal wieħed mill-komponenti tagħha matul l-ewwel sentejn ta’ implimentazzjoni.

    ▼M2

    Artikolu 8

    Monitoraġġ u evalwazzjoni

    1.  
    Il-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jiġbed konklużjonijiet abbażi tad-data li tfeġġ mill-obbligi ta’ ġestjoni u kontroll, inklużi dawk stipulati fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament.

    L-Istati Membri għandhom jissottemettu r-rapport ta’ monitoraġġ annwali tagħhom imsemmi fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena kalendarja wara tmiem is-sena skolastika inkwistjoni.

    L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni r-rapport ta’ kontroll annwali tagħhom dwar il-kontrolli fuq il-post imwettqa u s-sejbiet relatati msemmija fl-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament sal-31 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja wara tmiem is-sena skolastika inkwistjoni.

    2.  
    Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jew, jekk Stat Membru jimplimenta l-iskema tal-iskejjel fil-livell reġjonali, l-għadd korrespondenti ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 għandu jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-iskema tal-iskejjel fl-ewwel ħames (5) snin skolastiċi ta’ kull perjodu kopert mill-istrateġija mfassla fil-livell nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    L-Istati Membri għandhom jissottmettu ir-rapport jew rapporti ta’ evalwazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu tas-sena kalendarja wara tmiem dawk il-ħames (5) snin skolastiċi. L-ewwel rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu sottomessi sal-1 ta’ Marzu 2023.

    Ir-rekwiżiti minimi għall-għamla u l-mili tar-rapport jew ir-rapporti ta’ evalwazzjoni huma stipulati fl-Anness ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport jew rapporti sottomessi lill-Kummissjoni ma jinkludux data personali.

    3.  
    Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapporti ta’ monitoraġġ annwali u r-rapporti ta’ evalwazzjoni sottomessi skont it-tieni sottoparagrafu tal-paragrafu 1 u l-paragreafu 2.

    ▼B

    Artikolu 9

    Verifiki amministrattivi

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu verifika amministrattiva sistematika tal-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna fi ħdan l-iskema tal-iskejjel.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu d-dokumenti ta' sostenn relatati mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti li jridu jiġu ppreżentati mal-applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 5. L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fuq l-applikazzjonijiet kollha għall-għajnuna, inkluż kampjun rappreżentattiv tad-dokumenti ta' sostenn ippreżentati mal-applikazzjoni għall-għajnuna.
    3.  
    Il-verifiki amministrattivi mwettqa fir-rigward tal-għajnuna mitluba għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-reklamar u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, għandhom jinkludu l-verifika tal-konsenja tal-materjal u tas-servizzi u l-veraċità tan-nefqa ddikjarata.
    4.  
    F'każ ta' għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, il-verifiki amministrattivi għandhom ikunu ssupplimentati b'verifiki fuq il-post b'konformità mal-Artikolu 10.

    Artikolu 10

    Verifiki fuq il-post

    ▼M3

    1.  

    Il-verifiki fuq il-post għandhom jinkludu, b’mod partikulari, verifika tal-elementi li ġejjin:

    (a) 

    ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, billi jikkonfermaw u jikkomplementaw il-verifiki amministrattivi b’dokumentazzjoni rilevanti inklużi dokumenti finanzjarji bħal fatturi ta’ xiri u bejgħ, noti ta’ konsenja, estratti bankarji jew prova oħra ta’ pagament u r-reġistrazzjoni tagħhom fil-kontabbiltà;

    (b) 

    l-użu tal-prodotti f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, mar-Regolament Delegat (UE) 2017/40 u ma’ dan ir-Regolament;

    (c) 

    l-implimentazzjoni ta’ miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament biex jappoġġaw id-distribuzzjoni ta’ prodotti, fejn il-verifika fuq il-post issir fil-bini tal-istabbiliment edukattiv jew fejn il-verifika fuq il-post tikkonċerna l-applikazzjoni għall-għajnuna b’rabta mal-miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament;

    (d) 

    l-użu ta’ għodod ta’ reklamar xierqa, fejn il-verifika fuq il-post issir fil-bini tal-istabbiliment edukattiv.

    ▼B

    2.  
    ►M2  Għandhom jitwettqu kontrolli fuq il-post matul is-sena skolastika li magħha jkunu konnessi (il-perjodu N) u/jew matul id-disa’ (9) xhur segwenti (il-perjodu N+1). ◄

    Il-verifiki fuq il-post jistgħu jsiru matul l-implimentazzjoni tal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament.

    Kull verifika fuq il-post għandha titqies li hija lesta ladarba jinħareġ ir-rapport ta' kontroll korrispondenti, kif imsemmi fil-paragrafu 6.

    3.  
    L-għadd totali ta' verifiki fuq il-post għandhom ikopru mill-inqas 5 % tal-għajnuna ddikjarata fil-livell nazzjonali u mill-anqas 5 % tal-applikanti kollha għall-għajnuna li jittrattaw il-provvista u d-distribuzzjoni tal-prodotti u l-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament fir-rigward ta' kull sena skolastika.

    Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn mija, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fl-istabbilimenti ta' mhux anqas minn ħames applikanti.

    Meta l-għadd tal-applikanti għall-għajnuna fi Stat Membru jkun anqas minn ħamsa, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fl-istabbilimenti tal-applikanti kollha.

    Meta l-applikant, li ma jkunx stabbiliment edukattiv, japplika għall-għajnuna marbuta mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, il-verifika fuq il-post imwettqa fl-istabbiliment ta' dak l-applikant għandha tkun issupplimentata minn verifiki fuq il-post fl-istabbiliment ta' mill-inqas żewġ stabbilimenti edukattivi jew ta' mill-inqas 1 % tal-istabbilimenti edukattivi rreġistrati mill-applikant b'konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, skont liema minnhom ikun l-akbar.

    Meta l-applikant japplika għall-għajnuna marbuta mal-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, il-verifiki fuq il-post fl-istabbiliment tal-applikant jistgħu jiġu sostitwiti, abbażi ta' analiżi tar-riskju, minn verifiki fuq il-post fil-postijiet fejn jitwettqu l-miżuri ta' akkumpanjament. Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livell ta' tali verifiki fuq il-post.

    4.  
    Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel dawk l-applikanti li għandhom jiġu soġġetti għal verifiki fuq il-post.

    Għal dan l-għan, l-awtorità kompetenti għandha tqis b'mod partikolari dan li ġej:

    (a) 

    iż-żoni ġeografiċi differenti;

    (b) 

    in-natura rikorrenti tal-iżbalji u s-sejbiet tal-verifiki li jkunu twettqu fis-snin ta' qabel;

    (c) 

    l-ammont ta' għajnuna involuta;

    (d) 

    it-tip ta' applikanti;

    (e) 

    it-tip ta' miżura edukattiva ta' akkumpanjament, jekk ikun hemm.

    5.  
    Sakemm l-iskop tal-verifiki ma jiġix ippreġudikat, jista' jingħata avviż bil-quddiem, limitat b'mod strett għall-perjodu taż-żmien minimu neċessarju.
    6.  
    L-awtorità kompetenti ta' kontroll għandha tfassal rapport ta' kontroll dwar kull verifika fuq il-post. Ir-rapport għandu jiddeskrivi preċiżament il-prodotti differenti kkontrollati.

    Ir-rapport ta' kontroll għandu jkun maqsum fil-partijiet li ġejjin:

    (a) 

    parti ġenerali li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

    (i) 

    il-perjodu kopert, l-applikazzjoni jew l-applikazzjonijiet għall-għajnuna vverifikati, il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom tkun intalbet l-għajnuna fil-każ ta' applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-provvista u mad-distribuzzjoni tal-prodotti, l-istabbilimenti edukattivi li jkunu qed jipparteċipaw, stima bbażata fuq id-dejta disponibbli dwar l-għadd ta' tfal li għalihom tħallset l-għajnuna u l-ammont finanzjarju involut;

    (ii) 

    il-persuni responsabbli preżenti;

    (b) 

    parti li tiddeskrivi, b'mod separat, il-verifiki mwettqa, u li jkun fiha, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

    (i) 

    id-dokumenti li ġew ivverifikati;

    (ii) 

    in-natura u l-ammont ta' verifiki li jkunu twettqu;

    (iii) 

    ir-rimarki u s-sejbiet.

    ▼M2

    Ir-rapporti tal-kontroll kollha għandhom jitlestew sa mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur wara tmiem is-sena skolastika.

    ▼M2 —————

    ▼B

    Artikolu 11

    Irkupru tal-pagamenti mhux dovuti

    Għall-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball, għandu japplika, mutatis mutandis, l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.

    Artikolu 12

    Reklamar

    1.  
    Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx il-kartellun imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, fl-istrateġija tagħhom għandhom jispjegaw b'mod ċar kif se jgħarrfu lill-pubbliku dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-iskema tal-iskejjel tagħhom.
    2.  
    Il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-miżuri tar-reklamar imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/40, kif ukoll il-materjali edukattivi u l-għodod li għandhom jintużaw fi ħdan il-miżuri edukattivi ta' akkumpanjament, għandhom juru l-bandiera Ewropea u jsemmu “l-Iskema tal-iskejjel” u sakemm id-daqs tal-materjali u l-għodod ma jeskludix dan, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.
    3.  
    Ir-referenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandhom jirċievu mill-anqas l-istess viżibbiltà bħall-kontribuzzjonijiet minn entitajiet privati jew pubbliċi oħra li jkunu qed jappoġġaw l-iskema tal-iskejjel tal-Istat Membru.
    4.  
    L-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw il-ħażniet eżistenti ta' kartelluni u għodod oħra ta' reklamar skont ir-Regolamenti (UE) 2016/248 u (KE) Nru 657/2008.

    Artikolu 13

    Notifiki

    1.  
    In-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandhom isiru b'mezzi elettroniċi, billi jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasferiment tad-dejta li l-Kummissjoni għamlet disponibbli.
    2.  
    Il-forma u l-kontenut ta' dawk in-notifiki għandhom jiġu ddefiniti fuq il-bażi tal-mudelli li l-Kummissjoni qegħdet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, wara li jkun ġie informat il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan japplika għall-għajnuna għas-sena skolastika 2017/2018 u għas-snin skolastiċi ta' wara.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    ▼M2




    ANNESS

    IR-REKWIŻITI MINIMI GĦALL-GĦAMLA U L-MILI TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8(2)

    1.    Sommarju eżekuttiv

    — 
    Sejbiet tal-evalwazzjoni
    — 
    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    2.    Introduzzjoni

    — 
    Għan u skop tar-rapport ta’ evalwazzjoni
    — 
    Deskrizzjoni qsajra tal-proċess ta’ evalwazzjoni

    3.    Metodoloġija

    — 
    It-tfassil tal-evalwazzjoni u l-metodi użati
    — 
    Mistoqsijiet dwar l-evalwazzjoni, kriterji ta’ ġudizzju, indikaturi
    — 
    Għejjun tad-data u tekniki għall-ġbir tad-data
    — 
    Kwalunkwe limitazzjonijiet u soluzzjonijiet misjuba

    4.    Valutazzjoni tal-funzjonament tal-iskema ta’ iskejjel

    — 
    Loġika ta’ intervent jew konessjonijiet bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi mnaqqxa fl-istrateġija u l-attivitajiet imwettqa
    — 
    Xejriet jew tendenzi ewlenin fit-tfal/skejjel parteċipanti
    — 
    Forniment/tqassim tal-frott, il-ħxejjex, il-ħalib u l-prodotti mill-ħalib għall-iskejjel u l-prijorita għal frott u ħxejjex friski u ħalib għax-xorb
    — 
    Miżuri edukattivi akkompanjanti
    — 
    Azzjonijiet ta’ komunikazzjoni u informazzjoni
    — 
    Arranġamenti u dispożizzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni
    — 
    Involviment tal-awtoritajiet tas-saħħa/nutrizzjoni, awtoritajiet pubbliċi oħra u partijiet ikkonċernati privati assoċjati mal-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iskema

    5.    Tweġibiet għal mistoqsijiet komuni dwar l-evalwazzjoni

    5.1.    L-iskema tal-iskejjel kemm żiedet il-konsum kumplessiv mit-tfal ta’ frott, ħxejjex u ħalib u prodotti mill-ħalib, b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għal dieta sana tal-grupp tal-età fil-mira?

    Indikaturi:

    — 
    Bidla fil-konsum dirett jew indirett mit-tfal ta’ frott u ħxejjex friski (kwantità u/jew frekwenza)
    — 
    Bidla fil-konsum dirett jew indirett mit-tfal ta’ ħalib tax-xorb (kwantità u/jew frekwenza)
    — 
    Bidla fil-perċentwal ta’ tfal li jissodisfaw il-konsum rakkomandat ta’ kuljum ta’ frott u ħxejjex
    — 
    Bidla fil-perċentwal ta’ tfal li jissodisfaw ir-rakkomandazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa u n-nutrizzjoni dwar il-konsum ta’ kuljum ta’ ħalib tax-xorb, u prodotti oħra tal-ħalib bla zokkor, togħmiet, frott, ġwież jew kawkaw miżjuda u b’mod konformi mal-livelli rakkomandati nazzjonalment ta’ livelli ta’ xaħam u sodju għall-grupp ta’ età fil-mira

    5.2.    L-iskema tal-iskejjel kemm edukat lit-tfal dwar abitudnijiet ta’ ikel tajbin għas-saħħa?

    Indikaturi:

    — 
    Bidla fl-attitudni tat-tfal lejn il-konsum tal-frott, il-ħxejjex, il-ħalib u l-prodotti mill-ħalib, b’mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għal dieta tajba għas-saħħa tal-grupp ta’ età fil-mira
    — 
    Bidla fl-għarfien mit-tfal tal-benefiċċji għas-saħħa mill-komsum ta’ frott u ħxejjex friski, il-ħalib tax-xorb u l-prodotti mill-ħalib bla zokkor, togħmiet, frott, ġwież jew kawkaw miżjuda u b’mod konformi mal-livelli rakkomandati nazzjonalment ta’ livelli ta’ xaħam u sodju għall-grupp ta’ età fil-mira

    6.    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    — 
    Effettività tal-iskema
    — 
    Lezzjonijiet mitgħallma
    — 
    Rakkomandazzjonijiet għal titjib

    7.    Annessi

    Dettalji tekniċi tal-evalwazzjoni inklużi kwestjonarji, referenzi u sorsi.



    ( 1 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

    Top