This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02016R2286-20190313
Commission Implementing Regulation (EU) 2016/2286 of 15 December 2016 laying down detailed rules on the application of fair use policy and on the methodology for assessing the sustainability of the abolition of retail roaming surcharges and on the application to be submitted by a roaming provider for the purposes of that assessment (Text with EEA relevance)Text with EEA relevance
Consolidated text: Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2286/2019-03-13
02016R2286 — MT — 13.03.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2286 tal-15 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni (ĠU L 344 17.12.2016, p. 46) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/296 tal-20 ta' Frar 2019 |
L 50 |
4 |
21.2.2019 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2286
tal-15 ta' Diċembru 2016
li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
TAQSIMA I
ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati biex tkun żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta' politika tal-użu ġust li l-fornituri tar-roaming jaf japplikaw għall-konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut b'konformità mal-Artikolu 6b tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.
2. Dan jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar:
(a) l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri tar-roaming biex japplikaw ħlas supplimentari tar-roaming li jiġu ppreżentati skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom;
(b) il-metodoloġija li għandhom japplikaw l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jivvalutaw jekk il-fornitur tar-roaming ikunx stabbilixxa li ma jistax ikopri l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu.
Artikolu 2
Id-definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 531/2012.
2. Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “rabtiet stabbli” ma' Stat Membru li tfisser il-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru li tirriżulta minn relazzjoni ta' impjieg sostenibbli u full-time, inkluż dik tal-ħaddiema transfruntiera; minn relazzjonijiet kuntrattwali fit-tul li jinvolvu grad simili ta' preżenza fiżika ta' persuna li taħdem għal rasha; mill-parteċipazzjoni f'korsijiet ta' studju full-time rikorrenti; jew minn sitwazzjonijiet oħra, bħal dawk ta' ħaddiema ssekondati jew ta' persuni rtirati, kull meta dawn jinvolvu l-istess livell ta' preżenza territorjali;
(b) “servizzi bl-imnut mobbli” tfisser servizzi mobbli pubbliċi tal-komunikazzjoni pprovduti lill-utenti finali, li jinkludu s-servizzi bil-vuċi, bl-SMS u bid-dejta;
(c) “pakkett ta' dejta miftuħa” tfisser pjan tariffarju għall-provvista ta' servizz(i) bl-imnut mobbli li ma jillimitax il-volum ta' servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli inklużi mal-ħlas ta' spiża perjodika fissa jew li għalihom il-prezz domestiku għal kull unità tas-servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli, li jinkiseb billi l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali, eskluż il-VAT, għal servizzi mobbli li jikkorrispondu għall-perjodu ta' fatturazzjoni kollu jiġi diviż bil-volum totali tas-servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli disponibbli domestikament, ikun inqas mill-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;
(d) “pjan tariffarju mħallas minn qabel” tfisser pjan tariffarju li permezz tiegħu jiġu pprovduti s-servizzi bl-imnut mobbli fuq tnaqqis ta' kreditu disponibbli mill-klijent lill-fornitur abbażi ta' kull unità, qabel il-konsum, u li minnu l-konsumatur ikun jista' jirtira mingħajr penali f'każ ta' eżawriment jew ta' skadenza ta' kreditu;
(e) “Stat Membru miżjur” tfisser Stat Membru li mhux dak tal-fornitur domestiku tal-klijent tar-roaming;
(f) “marġni tas-servizzi mobbli” tfisser il-qligħ, qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament, mill-bejgħ tas-servizzi mobbli minbarra s-servizzi tar-roaming bl-imnut provduti fl-Unjoni, li għalhekk jeskludi l-ispejjeż u d-dħul mis-servizzi tar-roaming bl-imnut;
(g) “grupp” tfisser impriża prinċipali u kull impriża sussidjarja tagħha soġġetta għall-kontroll tal-impriża prinċipali skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ( 1 ).
TAQSIMA II
IL-POLITIKA TAL-UŻU ĠUST
Artikolu 3
Il-prinċipju bażiku
1. Il-fornitur tar-roaming għandu jipprovdi servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku lill-klijenti tar-roaming tiegħu li normalment huma residenti fl-Istat Membru tiegħu jew li jkollhom rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tiegħu, meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni.
2. Kwalunkwe politika tal-użu ġust li japplikaw il-fornituri tar-roaming biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 u għandha tiżgura li l-klijenti kollha jkollhom aċċess għas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku waqt li jkunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni bl-istess kundizzjonijiet daqslikieku dawn is-servizzi ġew ikkonsmati f'pajjiżhom.
Artikolu 4
L-użu ġust
1. Għall-finijiet ta' kwalunkwe politika tal-użu ġust, il-fornitur tar-roaming jista' jitlob lill-klijenti tar-roaming tiegħu biex jipprovdu prova ta' residenza normali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming jew ta' rabtiet stabbli ma' dak l-Istat Membru bi preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu.
2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitu domestiku tal-volum, fil-każ ta' pakkett ta' dejta miftuħa, il-klijent tar-roaming għandu jkun jista' jikkonsma, waqt li jivvjaġġa perjodikament fl-Unjoni, volum ta' servizzi ta' roaming tad-dejta bl-imnut bil-prezz domestiku bl-imnut ekwivalenti għal mill-inqas id-doppju tal-volum miksub billi l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali ta' dak il-pakkett ta' dejta miftuħa jiġi diviż, eskluż il-VAT, korrispondenti għall-perjodu kollu tal-kont, bil-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.
Fil-każ tal-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli miġbura f'pakkett ma' servizzi jew terminali oħra, il-prezz bl-imnut domestiku ġenerali ta' dak il-pakkett ta' dejta għandu jiġi determinat, għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(c) u ta' dan il-paragrafu, billi jitqies il-prezz applikat għall-bejgħ separat tal-komponent tas-servizzi bl-imnut mobbli tal-pakkett, eskluż il-VAT, jekk disponibbli, jew il-prezz tal-bejgħ ta' dawn is-servizzi bl-istess karatteristiċi fuq bażi awtonoma.
3. Fil-każ ta' pjanijiet ta' tariffi mħallsa minn qabel, bħala alternattiva għar-rekwiżit tal-politika tal-użu ġust imsemmi fil-paragrafu 1, il-fornitur tar-roaming jista' jillimita l-konsum ta' servizzi ta' roaming tad-dejta bl-imnut fl-Unjoni bil-prezz bl-imnut domestiku għal volumi ekwivalenti għal mill-inqas il-volum miksub billi l-ammont globali, eskluż il-VAT, ta' kreditu disponibbli li jifdal u diġà mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur jiġi diviż, fil-waqt tal-bidu tar-roaming, bil-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.
4. Fil-kuntest tal-ipproċessar tad-dejta dwar it-traffiku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, il-fornitur tar-roaming jista' japplika mekkaniżmi ta' kontroll ġusti, raġonevoli u proporzjonati bbażati fuq indikaturi oġġettivi marbuta mar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu lil hinn mill-ivvjaġġar perjodiku fl-Unjoni.
L-indikaturi oġġettivi jistgħu jinkludu miżuri biex jiġi stabbilit jekk il-klijenti jkollhomx il-konsum domestiku prevalenti fuq il-konsum tar-roaming jew jekk il-preżenza domestika tagħhom hijiex prevalenti fuq dik fi Stati Membri oħra tal-Unjoni.
Biex jiġi żgurat li l-klijenti tar-roaming impenjati fi vjaġġar perjodiku ma jiġux soġġetti għal twissijiet bla bżonn jew eċċessivi skont l-Artikolu 5(4), il-fornituri tar-roaming li japplikaw dawn il-miżuri biex jistabbilixxu xi riskju ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi roaming għandhom josservaw dawn l-indikaturi ta' preżenza u ta' konsum b'mod kumulattiv u għal perjodu ta' żmien ta' mill-inqas erba' xhur.
Il-fornitur tar-roaming għandu jispeċifika, fil-kuntratti mal-klijenti tar-roaming, is-servizz(i) bl-imnut mobbli li l-indikatur tal-konsum jirreferi għalih(om) u d-durata minima tal-perjodu ta' osservazzjoni.
Il-konsum domestiku prevalenti jew il-preżenza domestika prevalenti tal-klijent tar-roaming waqt il-perjodu ta' osservazzjoni definit għandhom jitqiesu bħala prova ta' użu mhux abbużiv u mhux anomalu ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut.
Għall-iskop tat-tieni, it-tielet u l-ħames subparagrafu, kull jum li fih klijent tar-roaming ikun illoggja fuq in-netwerk domestiku għandu jingħadd bħala jum ta' preżenza fiżika ta' dak il-klijent.
Indikaturi oġġettivi oħra marbuta mar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jinkludu biss:
(a) inattività fit-tul ta' SIMcard partikolari li tkun assoċjata li tintuża l-aktar, jekk mhux biss, għar-roaming;
(b) l-abbonament u l-użu sekwenzjali ta' diversi SIMcards mill-istess klijent waqt ir-roaming.
5. Meta l-fornitur tar-roaming jistabbilixxi, b'evidenza oġġettiva u sostanzjata, li xi SIMcards reġgħu nbigħu b'mod organizzat lil persuni li effettivament mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut jew lil persuni li ma għandhomx rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali mal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut biex ikun jista' jsir konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut minbarra għall-iskop tal-ivvjaġġar perjodiku, il-fornitur tar-roaming jista' jieħu miżuri proporzjonati minnufih biex jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti.
6. Meta jaġixxi skont din it-taqsima, il-fornitur tar-roaming għandu jikkonforma mad-Direttivi 2002/58/KE u 95/46/KE u mal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, u mar-Regolament (UE) 2016/679.
7. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-politiki tal-użu ġust definiti fit-termini kuntrattwali ta' tariffi tar-roaming alternattivi previsti skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.
Artikolu 5
It-trasparenza u s-superviżjoni tal-politiki tal-użu ġust
1. Meta fornitur tar-roaming japplika politika tal-użu ġust, fil-kuntratti mal-klijenti tar-roaming, dan għandu jinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha relatati ma' din il-politika, inkluż kull mekkaniżmu ta' kontroll applikat skont l-Artikolu 4(4). Bħala parti mill-politika tal-użu ġust, il-fornitur tar-roaming għandu jistabbilixxi proċeduri trasparenti, sempliċi u effiċjenti biex jindirizza l-ilmenti tal-klijenti dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust. Dan hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-klijenti tar-roaming, b'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, li jirrikorru għall-proċeduri sempliċi, trasparenti, ġusti u pronti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti stabbiliti fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming b'konformità mal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE. Tali mekkaniżmu għall-ilmenti u proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għandhom jippermettu lill-klijent tar-roaming jipprovdi evidenza li mhux juża s-servizzi regolati ta' roaming bl-imnut għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku, b'rispons għal twissija skont il-paragrafu (3), l-ewwel subparagrafu.
2. Il-politiki tal-użu ġust b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom jiġu notifikati mill-fornitur tar-roaming lill-awtorità regolatorja nazzjonali.
3. Meta jkun hemm evidenza oġġettiva u sostanzjata, ibbażata fuq l-indikaturi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 4(4), li tindika riskju ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut fl-Unjoni bil-prezz bl-imnut domestiku minn klijent partikolari, il-fornitur tar-roaming għandu jwissi l-konsumatur dwar skoperti ta' mġieba li jindikaw riskju bħal dan qabel ma japplikaxi ħlas supplimentari skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.
Fil-każijiet meta tali riskju jirriżulta min-nuqqas ta' rispett tal-kriterji tal-prevalenza ta' konsum domestiku u tal-prevalenza ta' preżenza domestika matul il-perjodu ta' osservazzjoni definit, imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(4), l-indikazzjonijiet addizzjonali ta' riskju li jirriżultaw mill-preżenza jew użu mhux domestiċi ġenerali tal-klijent tar-roaming għandhom jitqiesu għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe lment sussegwenti kif previst fil-paragrafu (1) jew tal-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, rigward l-applikabbiltà ta' ħlas supplimentari.
Dan il-paragrafu għandu japplika irrispettivament mill-preżentazzjoni, min-naħa tal-klijent tar-roaming, ta' evidenza dokumentarja ta' residenza jew ta' rabtiet stabbli oħra bi preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 4(1).
4. Meta l-fornitur tar-roaming jagħti twissija lill-klijent tar-roaming skont il-paragrafu 3, il-fornitur għandu jinforma lill-klijent li, fin-nuqqas ta' bidla fix-xejra tal-użu f'perjodu li ma jistax ikun iqsar minn ġimagħtejn, li turi konsum jew preżenza domestiċi reali, jista' jiġi applikat ħlas supplimentari skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għal kwalunkwe użu ulterjuri ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut bis-SIMcard inkwistjoni wara d-data ta' tali twissija.
5. Il-fornitur tar-roaming għandu jieqaf japplika l-ħlas supplimentari malli l-użu tal-klijent ma jibqax jindika riskju ta' użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati ta' roaming bl-imnut abbażi tal-indikaturi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 4(4).
6. Meta fornitur tar-roaming jistabbilixxi li xi SIM cards reġgħu nbigħu b'mod organizzat lil persuni li normalment mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut jew lil persuni li ma għandhomx rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali mal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut biex ikun jista' jsir konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut minbarra għall-iskop tal-ivvjaġġar perjodiku 'l barra minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 4(3), l-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali bl-evidenza li toħroġ mill-abbuż sistematiku inkwistjoni u bil-miżura meħuda biex jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti għallinqas fl-istess ħin meta tittieħed miżura bħal din.
TAQSIMA III
L-APPLIKAZZJONI U L-METODOLOĠIJA GĦALL-VALUTAZZJONI TAS-SOSTENIBBILTÀ TAT-TNEĦĦIJA TAL-ĦLASIJIET TAR-ROAMING BL-IMNUT
Artikolu 6
Id-dejta li tappoġġa l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu
1. L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiku tagħhom (“l-applikazzjoni”), għandhom jiġu vvalutati abbażi tad-dejta dwar il-volumi ġenerali tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija, mill-fornitur tar-roaming li qed japplika, projettati fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda mhux qabel il-15 ta' Ġunju 2017. Għall-ewwel applikazzjoni, dawn il-projezzjonijiet ta' volum għandhom jiġu stmati bl-użu ta' waħda minn dawn l-alternattivi jew ta' kombinazzjoni tagħhom:
(a) il-volumi attwali ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut mogħtija mill-applikant bil-prezzijiet regolati tar-roaming bl-imnut applikabbli qabel il-15 ta' Ġunju 2017;
(b) il-volumi projettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut wara l-15 ta' Ġunju 2017, fejn il-volumi pprojettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut matul il-perjodu inkwistjoni jkunu stmati abbażi tal-konsum domestiku bl-imnut attwali tas-servizzi mobbli u l-ħin li l-klijenti tar-roaming tal-applikant jgħaddu fl-Unjoni, barra minn pajjiżhom;
(c) il-volumi projettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut wara l-15 ta' Ġunju 2017, fejn volumi ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut jiġu stmati abbażi tal-bidla proporzjonali fil-volumi ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut esperjenzati fil-pjanijiet tariffarji tal-applikant li jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-bażi tal-klijenti li fuqhom l-applikant stabbilixxa l-prezzijiet ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut fil-livell domestiku għal perjodu ta' mill-inqas 30 jum, skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness I.
Jekk tiġi aġġornata l-applikazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-volumi ġenerali projettati tas-servizzi tar-roaming regolati għandhom jiġu aġġornati abbażi tax-xejra medja attwali tal-konsum tas-servizzi mobbli domestiċi mmultiplikati bl-għadd osservat ta' klijenti tar-roaming u l-ħin li jkunu għaddew fl-Istati Membri miżjura fit-12-il xahar ta' qabel.
2. Kwalunkwe dejta dwar l-ispejjeż u d-dħul tal-applikant għandha tkun ibbażata fuq il-kontijiet finanzjarji, li għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità regolatorja nazzjonali, u jistgħu jiġu aġġustati skont l-istimi tal-volumi b'konformità mal-paragrafu 1. Meta jiġu projettati l-ispejjeż, id-devjazzjoni miċ-ċifri li joħorġu mill-kontijiet finanzjarji passati għandhom jitqiesu biss jekk ikollhom l-appoġġ ta' evidenza ta' impenji finanzjarji għall-perjodu kopert mill-projezzjonijiet.
3. L-applikant għandu jipprovdi d-dejta kollha meħtieġa li tintuża għall-kalkolu tal-marġni tas-servizzi mobbli u tal-ispejjeż u d-dħul attwali u projettati ġenerali tal-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming matul il-perjodu rilevanti.
Artikolu 7
Id-determinazzjoni ta' spejjeż speċifiċi għar-roaming għall-forniment ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut
1. Sabiex jiġi stabbilit li l-applikant ma jistax jirkupra l-ispejjeż tiegħu, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandhom jitqiesu biss dawn l-ispejjeż speċifiċi għar-roaming, jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming:
(a) l-ispejjeż biex jinxtara l-aċċess tar-roaming bl-ingrossa;
(b) l-ispejjeż bl-imnut speċifiċi għar-roaming.
2. Fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba biex jinxtraw is-servizzi regolati tar-roaming bl-ingrossa, għandu jitqies biss l-ammont b'kemm il-ħlasijiet ġenerali tal-applikant lil kumpaniji oħra li jipprovdu servizzi bħal dawn fl-Unjoni jaqbżu s-somom totali ġenerali dovuti lilu għall-forniment tal-istess servizzi lil fornituri oħra tar-roaming fl-Unjoni. Fir-rigward tas-somom dovuti lill-fornitur tar-roaming għall-forniment ta' servizzi regolati tar-roaming bl-ingrossa, il-fornitur tar-roaming għandu jassumi volumi projettati ta' dawn is-servizzi tar-roaming bl-ingrossa li jkunu konsistenti mas-suppożizzjoni li fuqha huma bbażati l-volumi projettati tiegħu fl-Artikolu 6(1).
3. Fir-rigward tal-ispejjeż bl-imnut speċifiċi għar-roaming, għandhom jitqiesu dawn l-ispejjeż li ġejjin, jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni:
(a) l-ispejjeż tal-operat u l-ġestjoni tal-attivitajiet tar-roaming, inkluż is-sistemi u s-softwer għall-informazzjoni tan-negozju maħsuba apposta għall-operat u l-ġestjoni tar-roaming;
(b) l-ispejjeż għall-ikklirjar tad-dejta u tal-pagamenti, inkluż l-ikklirjar tad-dejta u l-ispejjeż tal-ikklirjar finanzjarju;
(c) l-ispejjeż tan-negozjati u tal-ftehim, inkluż l-ispejjeż ta' tariffi esterni u l-użu ta' riżorsi interni;
(d) l-ispejjeż imġarrba għall-konformità mar-rekwiżiti għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut stabbiliti bl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, filwaqt li titqies il-politika tal-użu ġust applikabbli li jadotta l-fornitur tar-roaming.
4. L-ispejjeż imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut tal-applikant mat-traffiku ġenerali bl-imnut 'il barra u bl-ingrossa 'l ġewwa tas-servizzi tar-roaming tiegħu, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (2), u b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-ammont ġenerali tat-traffiku tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (3).
5. L-ispejjeż imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (3).
Artikolu 8
L-allokazzjoni ta' spejjeż komuni u konġunti tal-imnut għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut
1. Minbarra l-ispejjeż determinati skont l-Artikolu 7, fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming jista' jiddaħħal proporzjon tal-ispejjeż konġunti u komuni mġarrba għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli b'mod ġenerali. Jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni, għandhom jitqiesu biss dawn l-ispejjeż li ġejjin:
(a) l-ispejjeż tal-fatturazzjoni u l-ġbir, inkluż kull spiża marbuta mal-ipproċessar, il-kalkolu, il-produzzjoni u n-notifika tal-kont attwali tal-klijent;
(b) l-ispejjeż għall-bejgħ u d-distribuzzjoni, inkluż l-ispejjeż għall-operat tal-ħwienet u mezzi oħra tad-distribuzzjoni għall-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli;
(c) l-ispejjeż għall-assistenza tal-klijenti, inkluż l-ispiża għat-tħaddim ta' kull servizz ta' assistenza tal-klijenti disponibbli għall-utent finali;
(d) l-ispejjeż għall-ġestjoni tad-dejn mitluf, inkluż l-ispejjeż imġarrba bit-tħassir tad-dejn li ma jistax jinġabar u għall-ġbir tad-dejn mitluf;
(e) l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-ispejjeż kollha għar-reklamar tas-servizzi mobbli.
2. Jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku bl-imnut ġenerali tas-servizzi bl-imnut mobbli kollha, miksub bħala medja ponderata ta' dak il-proporzjon għal kull servizz mobbli, b'piżijiet li jirriflettu l-medja tal-prezzijiet rispettivi tar-roaming bl-ingrossa mħallsa mill-applikant b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (4).
Artikolu 9
Id-determinazzjoni tad-dħul mill-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut
1. Għall-finijiet biex jiġi stabbilit li l-applikant ma jistax jirkupra l-ispejjeż tiegħu, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandu jitqies biss dan id-dħul u jiddaħħal fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming:
(a) id-dħul li joħroġ direttament mit-traffiku tas-servizzi bl-imnut mobbli li joriġinaw fi Stat Membru miżjur;
(b) proporzjon tad-dħul ġenerali mill-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli bbażat fuq ħlasijiet perjodiċi fissi.
2. Id-dħul imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi:
(a) kwalunkwe ħlas bl-imnut impost skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għat-traffiku li jaqbeż kull politika tal-użu ġust li japplika l-fornitur tar-roaming;
(b) kwalunkwe dħul minn servizzi regolati tar-roaming alternattivi skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;
(c) kwalunkwe prezz bl-imnut domestiku fatturat abbażi ta' kull unità jew b'eċċess ta' ħlasijiet perjodiċi fissi għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli u kkawżat bl-użu tas-servizzi bl-imnut mobbli fi Stat Membru miżjur.
3. Sabiex jiġi stabbilit id-dħul imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, fil-każ tal-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli miġbura f'pakkett ma' servizzi jew terminali oħra, għandu jitqies biss id-dħul marbut mal-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli. Dak id-dħul għandu jiġi determinat b'referenza għall-prezzijiet applikati għall-bejgħ b'mod separat ta' kull komponent tal-pakkett, jekk ikunu disponibbli, jew għall-bejgħ ta' dawn is-servizzi bl-istess karatteristiċi fuq bażi awtonoma.
4. Sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tad-dħul ġenerali mill-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli marbuta mal-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, għandha tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (5).
Artikolu 10
Il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom
1. Meta jkunu qed jivvalutaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tikkonkludi li l-applikant ma jistax ikopri l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, biss meta l-marġni nett negattiv tar-roaming bl-imnut tal-applikant ikun ekwivalenti għal 3 % tal-marġni tas-servizzi mobbli jew iżjed.
Il-marġni nett tar-roaming bl-imnut għandu jkun l-ammont li jifdal meta l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut jitnaqqsu mid-dħul mill-forniment ta' dawn is-servizzi, kif stabbilit b'konformità ma' dan ir-Regolament. Biex tistabbilixxi dan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel rieżami tad-dejta mogħtija fl-applikazzjoni biex tiżgura l-konformità mal-metodoloġija għad-determinazzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikoli 7, 8 u 9.
2. Meta l-valur assolut tal-marġni nett tar-roaming bl-imnut tal-applikant ikun ekwivalenti għal 3 % tal-marġni tas-servizzi mobbli jew iżjed, l-awtorità regolatorja nazzjonali xorta għandha tirrifjuta l-ħlas supplimentari meta tkun tista' tistabbilixxi li aktarx, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi, se tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu sitwazzjonijiet meta:
(a) l-applikant huwa parti minn grupp u jkun hemm evidenza ta' trasferiment intern tal-prezzijiet favur il-kumpaniji sussidjarji l-oħra tal-grupp fl-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl ta' żbilanċ sostanzjali fil-ħlasijiet tar-roaming bl-ingrossa applikati fi ħdan il-grupp;
(b) il-grad tal-kompetizzjoni fis-swieq domestiċi juri li hemm kapaċità biex jiġu assorbiti l-marġnijiet imnaqqsa;
(c) l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust aktar restrittiva, mill-ġdid b'konformità mal-Artikoli 3 u 4, tnaqqas il-marġni nett tar-roaming bl-imnut għal proporzjon inqas minn 3 %.
3. Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fejn operatur ikollu marġni negattiv tas-servizzi mobbli u marġini nett negattiv tar-roaming bl-imnut, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-applikazzjoni ta' ħlas supplimentari fuq is-servizzi regolati tar-roaming.
4. Meta tawtorizza l-ħlas supplimentari għas-servizzi regolati tar-roaming, id-deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tidentifika l-ammont tal-marġni negattiv determinat tar-roaming bl-imnut li jista' jiġi rkuprat bl-applikazzjoni ta' ħlas supplimentari bl-imnut fuq is-servizzi tar-roaming mogħtija fl-Unjoni. Il-ħlas supplimentari għandu jkun konsistenti mas-suppożizzjonijiet tat-traffiku tar-roaming li fuqhom tissejjes il-valutazzjoni tal-applikazzjoni u jiġi stabbilit b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).
TAQSIMA IV
ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 11
Il-monitoraġġ tal-politika tal-użu ġust u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom
Biex isir monitoraġġ tal-applikazzjoni konsistenti tal-Artikoli 6b u 6c tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u ta' dan ir-Regolament, u bil-għan li l-Kummissjoni tkun infurmata kull sena bl-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 6d(5) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, b'mod regolari l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar:
(a) kwalunkwe azzjoni li jieħdu biex jissorveljaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 6b tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u r-regoli dettaljati stabbiliti f'dan ir-Regolament;
(b) l-għadd ta' applikazzjonijiet biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jiġu ppreżentati, awtorizzati u mġedda matul is-sena skont l-Artikolu 6c(2) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;
(c) kemm huma l-marġnijiet netti negattivi tar-roaming bl-imnut rikonoxxuti fid-deċiżjonijiet tagħhom biex jawtorizzaw ħlas supplimentari għar-roaming u l-arranġamenti li jikkonċernaw ħlas supplimentari li ġie ddikjarat fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li ppreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom.
Artikolu 12
Ir-rieżami
Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li twettaq rieżami aktar kmieni fid-dawl ta' esperjenza ta' implimentazzjoni inizjali u ta' kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-fatturi msemmija fl-Artikolu 6d(2) tar-Regolament Nru 531/2012, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' dan l-att ta' implimentazzjoni sa mhux aktar tard minn Ġunju 2019, wara li tikkonsulta lill-BEREC.
Artikolu 13
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Bidla proporzjonali fil-volumi attwali tas-servizzi regolati tar-roaming skont “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” meta mqabblin mal-istess perjodu fis-sena ta' qabel:
Fejn:
k = servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta);
n hija l-għadd ta' jiem tal-applikazzjoni ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” (n≥ 30); u
t hija s-sena tal-ewwel applikazzjoni ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek”.
Dan il-persentaġġ għandu jintuża biex tiġi stmata l-bidla fil-volumi matul il-perjodu projettat ta' 12-il xahar billi jiġi mmultiplikat bil-volumi tas-sena ta' qabel.
ANNESS II
(1) Il-piżijiet wi tas-servizzi bl-imnut mobbli:
Fejn:
k = servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta);
il-“prezz medju tar-roaming bl-ingrossa li jħallas l-operatur” tirreferi għall-prezz medju ta' kull unità għat-traffiku żbilanċjat imħallas mill-operatur għal kull servizz, fejn l-unità għal kull servizz hija ċenteżmi tal-euro kull (i) minuta, għal servizz bil-vuċi, (ii) SMS, għal SMS u (iii) MB, għal servizz tad-dejta).
(2) Il-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant mat-traffiku ġenerali bl-imnut 'il barra u bl-ingrossa 'l ġewwa tas-servizzi tar-roaming tiegħu:
Fejn:
k |
= |
servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta) |
(3) Il-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni:
Fejn:
k |
= |
servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta). |
(4) Il-proporzjon tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku bl-imnut ġenerali tas-servizzi bl-imnut mobbli kollha:
fejn
k |
= |
servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta) |
(5) Id-dħul bl-imnut tar-roaming fl-UE:
Fejn:
k |
= |
servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta). |
( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjoni bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).
( 2 ) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33)