Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02009R0924-20120331

    Consolidated text: Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/924/2012-03-31

    2009R0924 — MT — 31.03.2012 — 001.001


    Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

    ►B

    REGOLAMENT (KE) Nru 924/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Settembru 2009

    dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 266, 9.10.2009, p.11)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      No

    page

    date

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) Nru 260/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Marzu 2012

      L 94

    22

    30.3.2012




    ▼B

    REGOLAMENT (KE) Nru 924/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Settembru 2009

    dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 2 ),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

    Billi:

    (1)

    Għall-funzjonament korrett tas-suq intern u sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali fi ħdan il-Komunità huwa essenzjali li l-imposti fuq il-ħlasijiet transkonfinali f’euro jkunu l-istess bħal dawk fuq il-pagamenti korrispondenti fi ħdan Stat Membru. Dan il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti huwa stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar il-ħlasijiet transkonfinali f’euro ( 4 ), li japplika għall-ħlasijiet transkonfinali f’euro u f’krona Żvediża sa EUR 50 000, jew figura ekwivalenti.

    (2)

    Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Frar 2008 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001 dwar il-ħlasijiet transkonfinali f’euro, ikkonferma li l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament effettivament baxxiet l-imposti fuq il-ħlasijiet transkonfinali f’euro għall-livell tal-imposti nazzjonali u li ħeġġet l-industrija Ewropea tal-ħlasijiet biex tagħmel l-isforżi meħtieġa sabiex tibni infrastruttura għall-ħlasijiet fil-Komunità kollha.

    (3)

    Ir-rapport tal-Kummissjoni eżamina l-problemi prattiċi li nqalgħu fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001. Fil-konklużjoni ġew proposti għadd ta’ emendi għar-Regolament sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati waqt il-proċess ta’ reviżjoni. Dawn il-problemi jikkonċernaw ix-xkiel għas-suq intren tal-ħlasijiet kkawżat mill-obbligi differenti tar-rappurtar statistiku; l-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001 minħabba n-nuqqas ta’ awtoritajiet kompetenti nazzjonali identifikati; in-nuqqas ta’ korpi li joffru rimedji barra l-Qorti għat-tilwim relatat mar-Regolament u l-fatt li r-Regolament ma jkoprix id-debiti diretti.

    (4)

    Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern ( 5 ) tipprovdi bażi ġuridika moderna għal ħolqien ta’ suq intern għal-ħlasijiet mal-Ewropa kollha. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ġuridika bejn iż-żewġ atti ġuridiċi, huwa kunsiljabbli li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001, b’mod partikolari d-definizzjonijiet.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 jkopri t-trasferimenti transkonfinali tal-kreditu u t-tranżazzjonijiet transkonfinali tal-ħlasijiet elettroniċi. F’konformità mal-għan tad-Direttiva 2007/64/KE li jsiru possibbli d-debiti diretti transkonfinali huwa kunsiljabbli li jiġi estiż l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001. Fir-rigward tal-istrumenti tal-ħlas li huma prinċipalment jew esklussivament stampati, bħaċ-ċekkijiet, għadu mhux kunsiljabbli li jiġi applikat il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti billi min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu pproċessati b’mod effiċjenti daqs il-pagamenti elettroniċi.

    (6)

    Il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti għandu jiġi applikat għal ħlasijiet li jiġu mibdija jew li jintemmu b’mod stampat jew f’kontanti, jekk dawn ikunu pproċessati elettronikament bħala parti mill-katina tal-esekuzzjoni tal-ħlasijiet, għajr iċ-ċekkijiet, kif ukoll l-imposti kollha, kemm jekk relatati direttament kif ukoll indirettament ma’ tranżazzjoni ta’ ħlas, li jinkludu imposti marbuta ma’ kuntratt, bl-esklużjoni ta’ imposti fuq konverżjoni ta’ munita. Imposti indiretti jinkludu imposti għat-twaqqif ta’ ordni għal ħlas permanenti, jew drittijiet għall-użu ta’ karta ta’ ħlas, jew ta’ karta ta’ debitu jew kreditu, li għandhom ikunu l-istess għal tranżazzjonijiet ta’ ħlasijiet nazzjonali u transkonfinali fil-Komunità.

    (7)

    Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-swieq tal-ħlas, huwa xieraq li jiġi applikat il-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti. Għal dak il-għan għandu jiġi identifikat għal kull katergorija ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas transkonfinali, ħlas nazzjonali li għandu karatteristiċi simili ħafna jew l-istess bħal ta’ ħlas transkonfinali. Il-kriterji li ġejjin jistgħu, pereżempju, jintużaw biex jiġi identifikat il-ħlas nazzjonali li jikkorrispondi ma’ ħlas transkonfinali: il-mezz użat biex jinbeda, jiġi esegwit u jintemm il-ħlas, il-livell ta’ awtomazzjoni, kwalunkwe garanzija ta’ ħlas, l-istatus tal-klijent, ir-relazzjoni mal-fornitur tas-servizz tal-ħlas, jew l-istrument ta’ ħlas użat, kif definit fl-Artikolu 4(23) tad-Direttiva 2007/64/KE. Dawk il-kriterji m’għandhomx ikunu kkunsidrati bħala eżawrjenti.

    (8)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom, meta jidhrilhom li jkun neċessarju, joħorġu linji gwida biex jiġu identifikati ħlasijiet korrispondenti. Il-Kummissjoni, assistita fejn xieraq, mill-Kumitat tal-Ħlasijiet, għandha tipprovdi gwida adatta u tassisti l-awtoritajiet kompetenti.

    (9)

    Huwa importanti li tiġi ffaċilitata l-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet transkonfinali mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas. F’dak ir-rigward, l-istandardizzazzjoni għandha tkun imħeġġa fir-rigward, partikolarment, tal-użu tan-Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju (IBAN) u tal-Kodiċi tal-Identifikazzjoni tal-Bank (BIC). Huwa għalhekk xieraq li l-fornituri tas-servizz tal-ħlas jipprovdu lill-utenti tas-servizz l-IBAN u l-BIC tal-kont in kwistjoni.

    (10)

    L-obbligi differenti tar-rappurtar statistiku tal-bilanċ tal-ħlasijiet, li japplikaw esklussivament għat-tranżazzjonijiet transkonfinali, ixekklu l-iżvilupp ta’ suq integrat tal-ħlasijiet, partikolarment fil-qafas taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-euro (SEPA). Huwa rakkomandabbli f’kuntest tas-SEPA li sal-31 ta’ Ottubru 2011, jerġa’ jiġi evalwat kemm huwa adattat li jitneħħew dawk l-obbligi ta’ rappurtar abbażi tas-saldi bankarji. Sabiex ikun żgurat li l-istatistika tal-bilanċ tal-ħlasijiet tkun kontinwa, effiċjenti u tingħata fil-waqt, ta’ min wkoll jiżgura li d-data immedjatament disponibbli, bħall-IBAN, il-BIC u l-ammont tat-tranżazzjoni jew id-data dwar il-ħlasijiet aggregati għall-istrumenti differenti tal-ħlas tkun tista’ tibqa’ tinġabar, jekk il-proċess tal-ġbir ma jfixkilx l-ipproċessar tal-ħlasijiet awtomizzati u jista’ jiġi awtomizzat kompletament. Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-obbligi ta’ rappurtar għall-finijiet oħrajn ta’ linja politika, bħall-prevenzjoni ta’ money laundering u tal-finanzjament ta’ terroristi, jew għal finijiet fiskali.

    (11)

    Attwalment, huma użati mudelli differenti ta’ negozju għal skemi nazzjonali eżistenti ta’ debitu dirett. Sabiex tkun faċilitata t-tnedija tal-iskema tad-debitu dirett SEPA jeħtieġ li jkun stabbilit mudell komuni ta’ negozju u li jkun hemm aktar ċarezza legali dwar tariffi ta’ skambju multilaterali. Għal debiti diretti transkonfinali dan jista’ jsir, eċċezzjonalment, bit-twaqqif ta’ ammont massimu ta’ tariffa ta’ skambju multilaterali għal kull tranżazzjoni matul il-perjodu tranżizzjonali. Madankollu, il-partijiet għall-ftehim multilaterali huma liberi li jiddeterminaw ammont aktar baxx jew li jaqblu dwar skambju multilaterali mingħajr tariffa. Għal debiti diretti nazzjonali SEPA, tista’ tintuża l-istess tariffa ta’ skambju jew xi ftehim ieħor dwar remunerazzjoni interbankarja bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju u tal-pagatur li kienet diġà teżisti fuq livell nazzjonali qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Jekk tariffa nazzjonali ta’ skambju multilaterali jew xi ftehim ieħor ta’ remunerazzjoni ikunu mnaqqsa jew imneħħija matul il-perjodu tranżizzjonali, pereżempju minħabba l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni, l-arranġamenti riveduti għandhom japplikaw għad-debiti diretti nazzjonali SEPA matul il-perjodu tranżizzjonali. Madankollu, fejn tranżazzjoni ta’ debitu dirett tkun suġġett għal ftehim bilaterali, it-termini tal-ftehim bilaterali għandha tieħu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim dwar tariffa ta’ skambju multilaterali jew xi ftehim ieħor ta’ remunerazzjoni interbankarja. L-industrija tista’ tagħmel użu mis-sigurtà legali matul il-perjodu tranżizzjonali biex tiżviluppa u tilħaq ftehim dwar mudell komuni, fuq perjodu twil ta’ żmien, għat-tħaddim tad-debitu dirett SEPA. Fi tmiem il-perjodu tranżizzjonali, għandha tkun stabbilita soluzzjoni, fuq terminu twil ta’ żmien, għal mudell ta’ negozju ta’ debitu dirett SEPA f’konformita’ mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u tal-qafas regolatorju Komunitarju. Fi ħdan il-qafas ta’ djalogu permanenti mal-industrija bankarja u fuq il-bażi ta’ kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti relevanti tas-suq, il-Kummissjoni għandha tipprovdi, b’mod urġenti, gwida dwar l-għan u l-kriterji oġġettivi u li jistgħu jitkejlu biex tistabbilixxi l-kompatibilità ta’ din ir-remunerazzjoni multilaterali interbankarja, li tista’ tinkludi fost oħrajn tariffi ta’ skambju multilaterali, mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u mal-qafas regolatorju Komunitarju.

    (12)

    Sabiex tkun esegwita tranżazzjoni ta’ debitu dirett, il-kont tal-pagatur irid ikun aċċessibbli. Għalhekk, biex tkun inkoraġġita l-adozzjoni ta’ debiti diretti SEPA, jeħtieġ li l-kontijiet kollha tal-pagatur ikunu aċċessibbli fejn dan hu l-każ għal debiti diretti nazzjonali eżistenti denominati f’euro, inkella l-pagatur u l-benefiċjarju ma jkunux jistgħu jgawdu l-benefiċċji ta’ ġbir tad-debitu dirett b’mod transkonfinali. Jekk il-kont tal-pagatur ma jkunx aċċessibbli skont l-iskema tad-debitu dirett SEPA, il-pagatur (debitur) u l-benefiċjarju (kreditur) ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ ħlas ta’ debitu dirett disponibbli. Dan hu partikolarment importanti fejn il-benefiċjarju jagħmel il-ġbir tad-debitu dirett f’lott ta’ fajls, pereżempju fuq bażi ta’ kull xahar jew ta’ kull tliet xhur għall-kontijiet tal-elettriku jew ta’ servizzi oħra importanti, u mhux ġbir separatament għal kull klijent. Jekk il-kredituri ma jkunux jistgħu jilħqu lid-debituri kollha tagħhom f’operazzjoni unika, ikun jeħtieġ intervent manwali ulterjuri, li x’aktarx iżid l-ispejjeż. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ aċċessibilità obbligatorja għall-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur, ma jkunx possibbli li titjieb l-effiċjenza tal-ġbir tad-debiti diretti u l-kompetizzjoni fuq livell pan-Ewropew tibqa’ ristretta. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tad-debiti diretti bejn in-negozji, din id-dispożizzjoni għandha tapplika biss għall-iskema prinċipali tad-debiti diretti SEPA u mhux għall-iskema tad-debiti diretti bejn negozju u ieħor. L-obbligu ta’ aċċessibilità jiġbor fih id-dritt tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas li ma jesegwixxix tranżazzjoni ta’ debitu dirett f’konformita’ mar-regoli tal-iskema tad-debitu dirett dwar, pereżempju, it-tiċħid, ir-rifjut jew ir-ritorn ta’ tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ aċċessibilità ma għandux japplika għall-fornituri tas-servizz tal-ħlas li jkunu autorizzati li jipprovdu u jesegwixxu tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett, imma li ma jieħdux sehem b’mod kummerċjali f’dawn l-attivitajiet.

    (13)

    Barra minn hekk, minħabba r-rekwiżiti tekniċi meħtieġa għall-aċċessibilità, hu importanti għall-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur li jkollu żmien biżżejjed biex jipprepara ħalli jkun konformi mal-obbligu mandatorju ta’ aċċessibilità. Fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom għalhekk igawdu minn perjodu tranżitorju ta’ massimu ta’ sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex jikkonformaw ma’ dan l-obbligu. Minħabba li fornituri tas-servizz tal-ħlas mill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona euro jeħtieġu li jagħmlu aktar xogħol preparatorju, dawn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas għandhom ikunu jistgħu jiddeferixxu l-applikazzjoni tal-obbligu mandatorju tal-aċċessibilità sa massimu ta’ ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, fornituri ta’ servizz ta’ ħlas li qegħdin fi Stat Membru li jkun daħħal l-euro bħala l-munita tagħha fi żmien erba’ snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom, ikunu mitluba jikkonformaw mal-obbligu mandatorju ta’ aċċessibilità fi żmien sena mid-data tad-dħul tal-Istat Membru konċernat fiż-żona euro.

    (14)

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa biex b’mod effiċjenti jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom ta’ monitoraġġ u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

    (15)

    Biex tiġi żgurata l-possibbiltà ta’ riparazzjoni fil-każijiet ta’ applikazzjoni ħażina ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati u effettivi biex isiru lmenti jew appelli u għas-soluzzjoni ta’ kwalunkwe tilwim bejn l-utenti tas-servizzi tal-ħlas u l-fornituri tas-servizz tal-ħlas tagħhom. Huwa wkoll importanti li jinħatru awtoritajiet kompetenti u korpi li joffru rimedju bonarju, jew billi, fejn ikun adatt, jiġu nominati korpi eżistenti jew billi jiġu stabbiliti korpi ġodda.

    (16)

    Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi ta’ rimedju bonarju fi ħdan il-Komunità jikkoperaw attivament sabiex it-tilwim transkonfinali li jqum minn dan ir-Regolament jissolva fil-waqt u mingħajr diffikultajiet. Għandu jkun possibbli għal koperazzjoni bħal din li tieħu l-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-liġi jew l-prattika legali fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom jew ta’ trasferiment jew ta’ teħid ta’ proċeduri ta’ lmenti jew ta’ rimedju fejn meħtieġ.

    (17)

    Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali penalitajiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.

    (18)

    L-estensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal muniti li mhumiex l-euro jkollha benefiċċji ċari, speċjalment fir-rigward tal-għadd ta’ ħlasijiet koperti. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita proċedura ta’ notifikazzjoni sabiex l-Istati Membri li ma għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom ikunu jistgħu jestendu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ħlasijiet transkonfinali li jitwettqu bil-munita nazzjonali tagħhom. Għandu madanakollu jiġi żgurat li l-pajjiżi li diġà jikkonformaw ma’ dik id-dispożizzjoni ma jeħtiġux idaħħlu notifikazzjoni ġdida.

    (19)

    Huwa mixtieq li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-adattezza tat-tneħħija tal-obbligi nazzjonali ta’ rappurtar abbażi tal-bilanċ tal-ħlasijiet. Huwa wkoll xieraq li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li jevalwa b’mod partikolari l-użu tal-IBAN u tal-BIC għall-faċilitazzjoni tal-ħlasijiet fi ħdan il-Komunità kif ukoll l-iżviluppi tas-suq fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett. Fil-kuntest tal-iżvilupp tas-SEPA, huwa mixtieq ukoll li dan ir-rapport jevalwa l-adattezza tal-limitu massimu ta’ EUR 50 000, li attwalment japplika għall-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti.

    (20)

    Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 għandu jiġi mħassar.

    (21)

    Sabiex tiġi żgurata l-koerenza ġuridika bejn dan ir-Regolament u d-Direttiva 2007/64/KE, partikolarment fir-rigward tat-trasparenza tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-informazzjoni għas-servizzi tal-ħlas u fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi fir-rigward tal-forniment u l-użu tas-servizzi tal-ħlas huwa xieraq li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Novembru 2009. Huwa xieraq li l-Istati Membri jitħallew jadottaw miżuri li jintroduċu penali għal każi ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament, sal-1 ta’ Ġunju 2010.

    (22)

    Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:



    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    (1)  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-ħlasijiet transkonfinali fi ħdan il-Komunità, li jiżguraw li l-imposti fuq ħlasijiet transkonfinali fi ħdan il-Komunità huma l-istess bħal dawk fuq ħlasijiet fl-istess munita fi ħdan Stat Membru.

    (2)  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħlasijiet transkonfinali, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64/KE, li huma denominati f’euro jew f’muniti nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu nnotifikaw l-intenzjoni tagħhom li jestendu l-applikazzjoni tar-Regolament għall-munita nazzjonali tagħhom, skont l-Artikolu 14.

    (3)  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-ħlasijiet imwettqa mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlas għal kont tagħhom stess jew f’isem fornituri oħrajn ta’ servizzi tal-ħlas.

    (4)  L-Artikoli 6, 7 u 8 jistabbilixxu regoli dwar tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett denominati f’euro bejn il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju u tal-pagatur.

    Artikolu 2

    Definizzjonijet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “pagament transkonfinali” tfisser tranżazzjoni ta’ ħlas ipproċessata elettronikament mibdija mill-pagatur jew minn benefiċjarju fejn il-fornituri tas-servizzi tal-ħlas tal-pagatur u l-fornituri tas-servizzi tal-ħlas tal-benefiċjarju jinsabu fi Stati Membri differenti;

    (2) “pagament nazzjonali” tfisser tranżazzjoni ta’ ħlas ipproċessata elettronikament mibdija mill-pagatur, jew minn jew permezz ta’ benefiċjarju, fejn il-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur u l-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju jinsabu fl-istess Stat Membru;

    (3) “pagatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u tippermetti ordni ta’ ħlas minn dak il-kont tal-ħlas, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont tal-ħlas, persuna fiżika jew ġuridika li tordna l-ħlas;

    (4) “benefiċjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas;

    (5) “fornitur tas-servizz tal-ħlas” tfisser kwalunkwe kategoriji ta’ persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 26 ta’ dik id-Direttiva, iżda teskludi dawk l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 fir-rigward tal-bidu u t-tkomplija tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 6 ) li jibbenefikaw minn deroga ta’ Stat Membru eżerċitata skont l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2007/64/KE;

    (6) “utent ta’ servizz ta’ ħlas” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tuża servizz ta’ ħlas fil-kapaċità ta’ pagatur jew benefiċjarju, jew tat-tnejn;

    (7) “tranżazzjoni ta’ ħlas” tfisser att, mibdi minn pagatur jew permezz ta’ benefiċjarju, ta’ tqegħid, trasferiment jew ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligi sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju;

    (8) “ordni tal-ħlas” tfisser kwalunkwe struzzjoni minn pagatur jew benefiċjarju lil fornitur tas-servizz tal-ħlas tiegħu, li titlob l-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas;

    (9) “imposta” tfisser kwalunkwe imposta mitluba minn fornitur tas-servizz tal-ħlas fuq l-utent tas-servizz tal-ħlas u direttament jew indirettament marbuta mat-tranżazzjoni tal-ħlas;

    ▼M1

    (10) “fondi” tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali u flus elettroniċi kif definiti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, it-tkomplija u s-superviżjoni prudenti tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ( 7 );

    ▼B

    (11) “konsumatur” tfisser persuna fiżika li taġixxi għal finijiet oħra li m’humiex il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

    (12) “mikro-intrapriża” tfisser intrapriża, li fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizz ta’ pagament tkun intrapriża, kif definit fl-Artikoli 1 u l-Artikolu 2 (1) u (3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi ta’ daqs mikro, żgħir jew medju ( 8 );

    (13) “tariffa ta’ skambju” tfisser tariffa mħallsa bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur u tal-benefiċjarju għal kull tranżazzjoni ta’ debitu dirett;

    (14) “debitu dirett” tfisser servizzi ta’ ħlas biex jiġi ddebitat il-kont tal-ħlas tal-pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ ħlas tkun mibdija minn benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, jew lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas jew tal-pagatur, jew lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju;

    (15) “skema ta’ debitu dirett” tfisser ġabra ta’ regoli, prattika u standards komuni maqbula bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas biex ikunu esegwiti tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett.

    Artikolu 3

    Imposti għal tranżazzjonijiet ta’ ħlasijiet transkonfinal u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti

    ▼M1

    (1)  L-imposti mitluba minn fornitur tas-servizz ta’ pagament mill-utent tas-servizz ta’ pagament fir-rigward ta’ pagamenti transkonfinali għandhom ikunu l-istess daqs l-imposti mitluba minn dak il-fornitur tas-servizz ta’ pagament fuq dak l-utent tas-servizz ta’ pagament għal pagamenti nazzjonali korrispondenti tal-istess valur u fl-istess munita.

    ▼B

    (2)  Waqt il-valutazzjoni, bl-għan tal-konformità mal-paragrafu 1, il-livell tal-imposti għal ħlas transkonfinali, fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu jidentifika l-ħlas nazzjonali korrispondenti.

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom joħorġu linji gwida biex jidentifikaw ħlasijiet nazzjonali korrispondenti fejn iqisu li dan hu meħtieġ. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw b’mod attiv fi ħdan il-Kumitat tal-Ħlasijiet stabbilit bi qbil mal-Artikolu 85(1) tad-Direttiva 2007/64/KE biex jiżguraw il-konsistenza mal-linji gwida għall-ħlasijiet nazzjonali korrispondenti.

    (3)  Meta Stat Membru, b’konformità mal-Artikolu 14, jinnotifika l-estenzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tiegħu, ħlas nazzjonali denominat fil-munita ta’ dak l-Istat Membru jista’ jitqies bħala korrispondenti ma’ ħlas transkonfinali li jkun denominat f’euro.

    (4)  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-imposti fuq bdil ta’ muniti.

    Artikolu 4

    Miżuri għall-faċilitazzjoni tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet

    (1)  Fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu, fejn applikabbli, jikkomunika lill-utent tas-servizz tal-ħlas l-IBAN tal-utent u l-BIC tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas.

    Barra minn dan, fejn applikabbli, fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu jindika l-IBAN tal-utent tas-servizz tal-ħlas u l-BIC tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas fuq id-dikjarazzjonijiet tal-kont, jew f’anness mehmuż magħhom.

    Il-fornitur tas-servizz tal-ħlas għandu jipprovdi lill-utent tas-servizz tal-ħlas, l-informazzjoni mitluba skont dan il-paragrafu, mingħajr ħlas.

    ▼M1 —————

    ▼M1

    (3)  Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament jista’ jimponi mposti addizzjonali ma’ dawk diġà applikati skont l-Artikolu 3(1) fuq l-utent tas-servizz ta’ pagament meta dak l-utent jinforma lill-fornitur tas-servizz ta’ pagament biex jesegwixxi l-pagament transkonfinali mingħajr ma jikkomunika l-IBAN u, meta jkun xieraq u skont ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 ( 9 ), il-BIC relatat mal-kont ta’ pagament fl-Istat Membru l-ieħor. Dawk l-imposti għandhom ikunu adatti u konformi mal-ispejjeż. Huma għandhom jiġu miftiehma bejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament u l-utent tas-servizz ta’ pagament. Il-fornitur tas-servizz ta’ pagament għandu jinforma lill-utent tas-servizz ta’ pagament dwar l-ammont tal-imposti addizzjonali fi żmien kmieni biżżejjed qabel ma l-utent tas-servizz ta’ pagament jintrabat bi ftehim bħal dan.

    ▼B

    (4)  Fejn xieraq fir-rigward tan-natura tat-tranżazzjoni tal-ħlas konċernat, għall-fatturat kollu tal-merkanzija u tas-servizzi fil-Komunità, fornitur li jaċċetta ħlasijiet għal prodotti u servizzi koperti b’dan ir-Regolament għandu jikkomunika l-IBAN tiegħu u l-BIC tal-fornitur tas-servizz tal-ħlas tiegħu lill-klijenti tiegħu.

    Artikolu 5

    Obbligi tar-rappurtar tal-bilanċ tal-ħlasijiet

    ▼M1

    (1)  B’effett mill-1 ta’ Frar 2016, l-Istati Membri għandhom ineħħu l-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi tas-saldu fuq il-fornituri tas-servizz ta’ pagament, għall-istatistika tal-bilanċ ta’ pagamenti relatati ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament tal-klijenti tagħhom.

    ▼B

    (2)  Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jiġbru d-data aggregata jew informazzjoni oħra relevanti li tkun diġà disponibbli, sakemm dan il-ġbir ma jħallix impatt fuq l-ipproċċessar awtomatizzat tal-ħlasijiet mill-fornituri tas-servizz tal-ħlas u jista’ jiġi totalment awtomatizzat mill-fornituri tas-servizz tal-ħlas.

    Artikolu 6

    Tariffa ta’ skambju għal tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ debitu dirett

    Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju u tal-pagatur, tariffa ta’ skambju multilaterali ta’ EUR 0,088, pagabbli mill-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju lill-fornitur tas-servizz tal-ħlas tal-pagatur, għandha tapplika għal kull tranżazzjoni transkonfinali ta’ debitu dirett esegwita wara l-1 ta’ Novembru 2012, sakemm ma tkunx ġiet miftiehma tariffa ta’ skambju multilaterali aktar baxxa bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas ikkonċernati.

    Artikolu 7

    Tariffa ta’ skambju għal tranżazzjonijiet nazzjonali ta’ debitu dirett

    (1)  Mingħajr ħsara għall-paragrafi 2 u 3, meta tariffa ta’ skambju multilaterali jew ftehim ieħor ta’ remunerazzjoni għal tranżazzjoni nazzjonali ta’ debitu dirett esegwita qabel l-1 ta’ Novembru 2009 tapplika bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju u tal-pagatur, din it-tariffa ta’ skambju multilaterali jew ftehim ieħor ta’ remunerazzjoni għandha tapplika għal kull tranżazzjoni nazzjonali ta’ debitu dirett esegwita qabel ►M1  l-1 ta’ Frar 2017 ◄ .

    (2)  Meta din it-tariffa ta’ skambju multilaterali jew ftehim ieħor ta’ remunerazzjoni tkun imnaqqsa jew imneħħija qabel ►M1  l-1 ta’ Frar 2017 ◄ , dan it-tnaqqis jew din it-tneħħija għandha tapplika għal kull tranżazzjoni nazzjonali ta’ debitu dirett esegwita qabel ►M1  l-1 ta’ Frar 2017 ◄ .

    (3)  Fl-eventwalita’ ta’ ftehim bilaterali bejn il-fornituri tas-servizz tal-ħlas tal-benefiċjarju u tal-pagatur għal tranżazzjoni nazzjonali ta’ debitu dirett, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw meta dik it-tranżazzjoni nazzjonali ta’ debitu dirett tkun ġiet esegwita qabel ►M1  l-1 ta’ Frar 2017 ◄ .

    ▼M1 —————

    ▼B

    Artikolu 9

    Awtoritajiet kompetenti

    L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn l-awtoritajiet sad-29 ta’ April 2010. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bdil sussegwenti li jikkonċerna lil dawn l-awtoritajiet.

    L-Istati Membri jistgħu jinnominaw il-korpi eżistenti biex jaġixxu bħala awtoritajiet kompetenti.

    L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament b’mod effettiv u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi żgurata din il-konformità.

    Artikolu 10

    Proċeduri għall-ilmenti għal ksur allegat ta’ dan ir-Regolament

    (1)  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri li jippermettu lill-utenti ta’ servizz tal-ħlas u lil partijiet oħra interessati li jressqu ilmenti lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ allegat ksur ta’ dan ir-Regolament minn fornituri ta’ servizz tal-ħlas.

    Għal dan l-iskop l-Istati Membri jistgħu jutilizzaw jew jestendu l-proċeduri eżistenti.

    (2)  Fejn xieraq u mingħajr preġudizzju għad-dritt li jinfetħu proċedimenti fil-qorti skont il-liġi proċedurali nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-parti li tkun ressqet l-ilment bl-eżistenza tal-proċeduri għall-ilmenti u għar-rimedju bonarju stabbiliti skont l-Artikolu 11.

    Artikolu 11

    Proċeduri għal ilmenti u rimedji bonarji

    (1)  L-Istati Membri għandhom joħolqu proċeduri xierqa u effettivi għal ilmenti u rimedji bonarji għat-tilwim dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-Regolament bejn l-utenti tas-servizz tal-ħlas u l-fornituri tas-servizz tal-ħlas tagħhom. Għal dawk l-għanijiet l-Istati Membri għandhom, fejn adatt, jinnominaw korpi eżistenti jew jistabbilixxu korpi ġodda.

    (2)  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn il-korpi sad-29 ta’ April 2010. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bdil sussegwenti li jikkonċerna lil dawn il-korpi.

    (3)  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dan l-Artikolu japplika biss għall-utenti tas-servizz tal-ħlas li jkunu konsumaturi jew mikrointrapriżi. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

    Artikolu 12

    Koperazzjoni transkonfinali

    L-awtoritajiet kompetenti u l-korpi responsabbli għal proċeduri ta’ rimedju bonarju tal-Istati Membri differenti, imsemmija fl-Artikoli 9 u 11, għandhom jikkooperaw b’mod attiv u immedjatment sabiex isolvu t-tilwim transkonfinali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din il-koperazzjoni sseħħ.

    Artikolu 13

    Penali

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, sal-1 ta’ Ġunju 2010, regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet, sad-29 ta’ Ottubru 2010 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

    Artikolu 14

    Applikazzjoni għall-muniti l-oħrajn li mhumiex l-euro

    (1)  Stat Membru li ma għandux l-euro bħala l-munita tiegħu u li jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-munita nazzjonali tiegħu għandu, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8, jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu kif meħtieġ. Dik in-notifikazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni estiża ta’ dan ir-Regolament għandha tidħol fis-seħħ 14-il jum wara dik il-pubblikazzjoni.

    (2)  Stat Membru li ma għandux l-euro bħala l-munita tiegħu u li jiddeċiedi li jestendi l-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8, jew ta’ kumbinazzjoni ta’ dawn l-Artikoli, għall-munita nazzjonali tiegħu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu dwar dan. Dik in-notifikazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni estiża tal-Artikoli 6, 7 u 8 għandha tidħol fis-seħħ 14-il jum wara dik il-pubblikazzjoni.

    (3)  L-Istati Membri li, fid-29 ta’ Ottubru 2009, ikunu diġà ikkonformaw mal-proċedura ta’ notifikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001, mhumiex mitluba jressqu notifikazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 15

    Reviżjoni

    (1)  Sal-31 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar kemm hu adatt li jitneħħew l-obbligi tar-rappurtar nazzjonali abbażi tas-saldi. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposta xierqa.

    (2)  Sal-31 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa. Dan ir-rapport għandu jkopri, b’mod partikulari:

    (a) l-użu tal-IBAN u l-BIC fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-ħlasijiet;

    (b) l-adattezza tal-limitu massimu previst fl-Artikolu 3(1); u

    (c) l-iżviluppi tas-suq fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 6, 7 u 8.

    Artikolu 16

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 hu mħassar b’effett mill-1 ta’ Novembru 2009.

    Referenzi għar-Regolament mħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2009.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) L-Opinjoni tal-24 ta’ Marzu 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

    ( 2 ) ĠU C 21, 28.1.2009, p. 1.

    ( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

    ( 4 ) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 13.

    ( 5 ) ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

    ( 6 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

    ( 7 ) ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7.

    ( 8 ) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

    ( 9 ) ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22.

    Top