This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02009R0223-20150608
Regulation (EC) No 223/2009 of the European Parliament and of the Council of 11 March 2009 on European statistics and repealing Regulation (EC, Euratom) No 1101/2008 of the European Parliament and of the Council on the transmission of data subject to statistical confidentiality to the Statistical Office of the European Communities, Council Regulation (EC) No 322/97 on Community Statistics, and Council Decision 89/382/EEC, Euratom establishing a Committee on the Statistical Programmes of the European Communities (Text with relevance for the EEA and for Switzerland)
Consolidated text: Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)
Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)
2009R0223 — MT — 08.06.2015 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
REGOLAMENT (KE) Nru 223/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera) (ĠU L 087 31.3.2009, p. 164) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
REGOLAMENT (UE) 2015/759 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-29 ta' April 2015 |
L 123 |
90 |
19.5.2015 |
REGOLAMENT (KE) Nru 223/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta' Marzu 2009
dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej
(Test b'relevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 (1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 1 ),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( 2 ),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),
Billi:
(1) |
Sabiex tiġi żgurata l-koerenza u kumparabbiltà tal-Istatistika Ewropea, prodotti skont il-prinċipji stabbiliti skont l-Artikolu 285(2) tat-Trattat, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni għandhom jiġu rinfurzati bejn l-awtoritajiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea. |
(2) |
Għal dan l-iskop, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni ta' dawk l-awtoritajiet għandha tkun żviluppata b'mod aktar sistematiku u organizzat b'rispett sħiħ għas-setgħat nazzjonali u tal-Komunità u arranġamenti istituzzjonali u b'kont meħud tal-bżonn li jiġi rivedut il-qafas legali bażiku eżistenti sabiex jiġi adattat għar-realtà kurrenti, sabiex jirrispondi aħjar għal sfidi futuri, u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm armonizzazzjoni aħjar tal-Istatistika Ewropea. |
(3) |
Huwa għalhekk neċessarju li jiġu konsolidati l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) u li tittejjeb il-governanza tagħha, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ċċarati r-rwoli rispettivi tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSIs) u tal-awtoritajiet nazzjonali oħra, u tal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja. |
(4) |
Minħabba l-ispeċifità tal-NSIs u awtoritajiet oħra responsabbli f'kull Stat Membru għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, għandhom ikunu jistgħu jirċievu għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 4 ). |
(5) |
Meta jitqies it-tqassim tal-piż finanzjarju bejn il-baġits tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm tal-istatistika, il-Komunità għandha wkoll, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej ( 5 ), tagħmel kontributi finanzjarji lill-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra biex dawn ikopru ż-żieda fl-ispejjeż li aktarx iġarrbu fit-twettiq tal-azzjonijiet tal-istatistika diretti temporanji li tkun iddeċidiet il-Kummissjoni. |
(6) |
L-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri tal-Assocjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, li huma firmatarji tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ( 6 ) u tal-Iżvizzera għandhom, kif previst rispettivament fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 76 tieghu u l-Protokoll 30 għal dak il-Ftehim, u fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-koperazzjoni fil-qasam tal-istatistika ( 7 ), b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, ikunu assoċjati mill-qrib mal-koperazzjoni u koordinament rinfurzati. |
(7) |
Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib u koordinament adatt bejn l-ESS u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (ESCB), notevolment biex jiġi mħeġġeġ l-iskambju ta' data kunfidenzjali bejn iż-żewġ sistemi għal għanijiet ta' statistika, fid-dawl tal-Artikolu 285 tat-Trattat u l-Artikolu 5 tal-Protokol (Nru 18) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentral Ewropew anness mat-Trattat. |
(8) |
L-Istatistika Ewropea għandha għalhekk tkun żviluppata, prodotta u disseminata kemm mill-ESS kif ukoll mill-ESCB imma taħt oqfsa legali separati li jirriflettu l-istrutturi rispettivi tal-governanza tagħhom. Dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 rigward il-ġbir tal-informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew ( 8 ). |
(9) |
Konsegwentement, u għalkemm il-membri tal-ESCB ma jieħdux sehem fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont dan ir-Regolament, wara ftehim bejn bank ċentrali nazzjonali u l-awtorita' komunitarja fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti nazzjonali bejn il-bank ċentrali nazzjonali u l-NSI u awtoritajiet nazzjonali oħra, data prodotta mill-bank ċentrali nazzjonali, direttament jew indirettament, tista' tiġi użata mill-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-awtorita' Komunitarja għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea. B'mod simili, il-membri tal-ESCB jistgħu, fi ħdan l-isferi ta' kompetenzi rispettivi tagħhom jużaw, direttament jew indirettament, data prodotta mill-ESS, sakemm il-ħtieġa tkun ġustifikata. |
(10) |
Fil-kuntest ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-ESS u l-ESCB, il-Kumitat dwar l-istatistika monetarja, tal-finanzi u l-bilanċ tal-ħlasijiet stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE ( 9 ) għandu rwol importanti, b'mod partikolari permezz ta' għajnuna provduta lill-Kummissjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi tax-xogħol li jikkonċernaw l-istatistika monetarja, tal-finanzi u l-bilanċ tal-ħlasijiet. |
(11) |
Fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fid-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, għandhom jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali u l-aħjar prattika. |
(12) |
Huwa importanti li tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib u koordinazzjoni xierqa bejn l-ESS u atturi oħra fis-sistema internazzjonali tal-istatistika sabiex jitħeġġeġ l-użu ta' kunċetti, klassifikazzjonijiet u metodi internazzjonali, l-aktar bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm aktar koerenza u kumparabilità aħjar bejn l-istatistika fuq livell dinji. |
(13) |
Sabiex jiġu allinjati kunċetti u metodoloġiji fl-istatistika, għandha tiġi żviluppata koperazzjoni interdixxiplinarja adegwata mal-istituzzjonijiet akkademiċi. |
(14) |
It-tħaddim tal-ESS għandu bżonn ukoll li jiġi rivedut minħabba li hemm bżonn ta' metodi aktar flessibbli ta' żvilupp, produzzjoni u disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, kif ukoll li tiġi ffissata prijorità ċara bil-għajn li jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu u fuq il-membri tal-ESS u tittejjeb id-disponibbiltà u t-tempesitività tal-Istatistika Ewropea. Għandha tiġi mfassla Strateġija Ewropea għall-Istatistika għal dan il-għan. |
(15) |
Filwaqt li l-Istatistika Ewropea hija normalment bażata fuq data nazzjonali prodotta u disseminata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika fl-Istati Membri kollha, tista' tiġi wkoll prodotta minn kontribuzzjonijiet nazzjonali mhux pubblikati, subsets ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali, minn stħarriġ statistiku Ewropew speċifikament imfassal jew kunċetti jew metodi armonizzati. |
(16) |
F'dawk il-każijiet speċifiċi u fejn debitament ġustifikat, għandu jkun possibbli li tiġi implimentata Strateġija Ewropea għall-Istatistika li tikkonsisti fi strateġija pragmatika biex tiffaċilita l-ġbir tal-aggregati tal-istatistika Ewropea, li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea kollha jew iż-żona tal-euro kollha, li hija ta' importanza partikolari għall-linji politiċi tal-Kummissjoni. |
(17) |
Strutturi konġunti, għodod u proċessi jistgħu jiġu stabbiliti wkoll jew żviluppati aktar permezz ta' networks ta' kollaborazzjoni, li jinvolvu l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Awtorità tal-istatistika Komunitarja u li jiffaċilitaw l-ispeċjalizzazzjoni minn ċerti Stati Membri f'attivitajiet speċifiċi tal-istatistika għall-benefiċċju tal-ESS b'mod ġenerali. Dawn in-networks kollaborattivi bejn is-sħab u l-ESS għandhom jimmiraw li jevitaw ix-xogħol doppju u għalhekk iżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-piż tar-rispons fuq l-operaturi ekonomiċi. |
(18) |
Fl-istess waqt, għandha tingħata attenzjoni partikulari għal trattament koerenti tad-data miġbura minn varjeta' ta' stħarriġ. Għal dan il-għan għandhom jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma interdixxiplinari. |
(19) |
L-ambjent regolatorju mtejjeb għall-Istatistika Ewropea għandu b'mod partikolari jirrispondi għall-bżonn li jiġi minimizzat il-piż tar-rispons fuq dawk li jirrispondi għall-istħarriġ u jikkontribwixxi għall-għan aktar ġenerali ta' tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li jfiġġu fuq livell Ewropew, skont il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007. Ir-rwol importanti li għandhom l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra fl-imminimizzar tal-piżijiet fuq in-negozji Ewropej fuq livell nazzjonali għandu madanakollu jiġi enfasizzat. |
(20) |
Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fl-Istatistika Ewropea l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom f'kull Stat Membru kif għandha wkoll l-Awtorita' tal-istatistika Komunitarja fi ħdan il-Kummissjoni igawdu minn indipendenza professjonali u jiżguraw l-imparzjalità u kwalità għolja fil-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat kif ukoll il-prinċipji elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea approvati mill-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tal-25 ta' Mejju 2005 tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Komunità (li tinkorpora il-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea). Il-Prinċipji Fundamentali tal-Istatistika Uffiċjali adottati mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa fil-15 ta' April 1992 u mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti fl-14 ta' April 1994, għandhom jitqiesu wkoll. |
(21) |
Ir-Regolament jiggarantixxi id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-ħarsien tad-data personali, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 10 ). |
(22) |
Dan ir-Regolament jiżgura wkoll l-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u jispeċifika, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istatistika Ewropea, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' data simili ( 11 ), u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità dwar il-moviment ħieles ta' data simili ( 12 ). |
(23) |
L-informazzjoni kunfidenzjali li l-awtoritàjiet tal-istatistika nazzjonali u tal-Komunità għandhom jiġbru għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, sabiex tinkiseb u tinżamm il-kunfidenzjalità tal-partijiet responsabbli biex jipprovdu din l-informazzjoni; il-kunfidenzjalità tad-data ta' statistika għandha tissodisfa l-istess prinċipji fl-Istati Membri kollha. |
(24) |
Għal dak l-iskop, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji u linji gwida komuni li jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea u l-aċċess għal dawk id-data kunfidenzjali b'ammont dovut għall-iżviluppi tekniċi u l-bżonnijiet tal-utenti f'soċjetà demokratika. |
(25) |
Id-disponibbiltà ta' data kunfidenzjali għall-bżonnijiet tal-ESS hija ta' importanza partikolari sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tad-data bil-għan li tiżdied il-kwalità tal-Istatistika Ewropea u biex jiġi żgurat rispons flessibbli għall-ħtiġijiet tal-istatistika Komunitarja ġodda li qed jinħolqu. |
(26) |
Il-komunità tar-riċerka għandha tgawdi minn aċċess usa' għal data kunfidenzjali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropej, għall-analiżi fl-interess tal-progress xjentifiku fl-Ewropa. L-aċċess għal data kunfidenzjali mir-riċerkaturi għal skopijiet xjentifiċi għandu għaldaqstant jittejjeb mingħajr ma jiġi kompromess il-livell għoli ta' ħarsien li data statistika kunfidenzjali teħtieġ. |
(27) |
L-użu ta' data kunfidenzjali għal għanijiet li m'humiex esklussivament ta' statistika, bħal għanijiet amministrattivi, legali jew tat-taxxa jew għall-verifika mal-unitajiet tal-istatistika tad-data għandu jkun projbit strettament. |
(28) |
Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali ( 13 ) u r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, Parteċipazzjoni Pubblika fit-teħid tad-Deċiżjonijiet u Aċċess għall-Ġustizzja f'Materji Ambjentali għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità ( 14 ). |
(29) |
Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta' qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk jintlaħaq aħjar fuq livell ta' Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għanu għaldaqstant huwa bla ħsara għall-modalitajiet, l-irwoli, ir-regoli u l-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi għall-istatistika nazzjonali. |
(30) |
Il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni ( 15 ). |
(31) |
B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta miżuri rigward il-kriterji ta' kwalità għall-Istatistika Ewropea u biex tistabbilixxi l-modalitajiet, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li taħthom jista' jingħata aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi fuq livell Komunitarju. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom ikunu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(32) |
Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom jissostitwixxu dawk fir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 16 ), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 ( 17 ) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 83/382/KEE, Euratom ( 18 ). Dawk l-atti għandhom għalhekk jiġu mħassra. Il-miżuri implimentattivi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta' Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika tal-Komunità, rigward aċċess għal data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi ( 19 ) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/452/KE tad-29 ta' April 2004 li tistabbilixxi lista ta' korpi li r-riċerkaturi tagħhom jistgħu jkollhom aċċess għal data kunfidenzjali għal skopijiet xjentifiċi ( 20 ) għandha tkompli tapplika. |
(33) |
Il-Kumitat tal-Programm dwar l-Istatistika ġie konsultat, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas legali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.
F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u skont l-indipendenza, l-integrità u r-responabbilità tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Komunità, l-Istatistika Ewropea hija statistika relevanti meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet tal-Komunità. L-Istatistika Ewropea hija determinati fil-Programm Ewropew tal-Istatistika. Għandhom jiġu żviluppati, prodotti u disseminati f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 285(2) tat-Trattat u elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea skont l-Artikolu 11. Huma għandhom jiġu implimentati skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Prinċipji tal-Istatistika
1. L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandu jkun regolat mill-prinċipji tal-istatistika li ġejjin:
(a) “indipendenza professjonali” tfisser li l-istatistika għandha tkun żviluppata, prodotta u disseminata b'mod indipendenti, partikolarment fir-rigward tal-għażla ta' tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li għandhom jintużaw, u ż-żmien u l-kontenut tal-forom kollha ta' disseminazzjoni, u li t-twettiq ta' dawk il-kompiti jkun ħieles minn kull pressjoni politika jew minn gruppi ta' interess jew minn awtoritajiet tal-Unjoni jew dawk nazzjonali;
(b) “imparzjalità” tfisser li l-istatistika trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata b'mod newtrali, u l-utenti kollha għandhom jingħataw trattament ugwali;
(c) “oġġettività” tfisser li l-istatistika trid tiġi żviluppata, prodotta u disseminata b'mod sistematiku, affidabbli u imparzjali; dan jimplika l-użu ta' standards professjonali u etiċi, u li l-linji politiċi u l-prattika segwiti jkunu trasparenti għall-utenti u għal dawk li jwieġbu għall-istħarriġ;
(d) “affidabbiltà'” tfisser li l-istatistika trid tkejjel b'mod korrett u konsistenti kemm jista' jkun ir-realtà li hija mfassla biex tirrappreżenta u dan jimplika li kriterji xjentifiċi huma użati għall-għażla ta' sorsi, metodi u proċeduri;
(e) “kunfidenzjalità tal-istatistika” tfisser li l-ħarsien ta' data kunfidenzjali relatata ma' unitajiet ta' statistika uniċi li huma miksuba direttament għal skopijiet ta' statistika jew indirettament minn sorsi amministrattivi jew sorsi oħra u dan jimplika l-projbizzjoni tal-użu tad-data miksuba għal skopijiet mhux ta' statistika jew l-iżvelar illegali tagħha;
(f) “effettività tan-nefqa” tfisser li l-ispejjeż għall-produzzjoni tal-istatistika jridu jkunu proporzjonali mal-importanza tar-riżultati u mal-benefiċċji li jinkisbu, li r-riżorsi jridu jintużaw bl-aħjar mod u l-piż tar-rispons minimizzat. L-informazzjoni mitluba għandha, fejn possibbli, tinħareġ malajr mir-rekords jew sorsi disponibbli.
Il-prinċipji tal-istatistika stabbiliti f'dan il-paragrafu huma elaborati ulterjorment fil-Kodiċi ta' Prattika skont l-Artikolu 11.
2. L-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha tqis rakkomandazzjonijiet u l-aqwa prattika internazzjonali.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “statistika” tfisser informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, aggregata u rappreżentattiva li tikkaratterizza fenomenu kollettiv f'popolazzjoni partikulari;
(2) “żvilupp” tfisser l-attivitajiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu, isaħħu u jtejbu l-metodi, l-istandards u l-proċeduri tal-istatistika użati għall-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-statistika kif ukoll it-tfassil ta' statistika u indikaturi ġodda;
(3) “produzzjoni” tfisser l-attivitajiet kollha relatati mal-ġbir, mal-ħażna, mal-ipproċċessar u mal-analiżi meħtieġa biex tinbena l-istatistika;
(4) “disseminazzjoni” tfisser l-attività li tagħmel l-istatistika u l-analiżi tal-istatistika disponibbi għal min irid jużahom;
(5) “ġbir tad-data” tfisser stħarriġ u l-metodi l-oħra kollha ta' ġbir ta' informazzjoni minn sorsi differenti, inklużi sorsi amministrattivi;
(6) “unità tal-istatistika” tfisser l-unità bażika tal-osservazzjoni, jiġifieri persuna naturali, familja, operatur ekonomiku u l-impenji tiegħu, imsemmija mid-data;
(7) “data kunfidenzjali” tfisser data li tippermetti li unitajiet tal-istatistika jkunu identifikati, direttament jew indirettament, biex b'hekk tiġi żvelata informazzjoni individwali. Biex ikun stabbilit jekk unità tal-istatistika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi rilevanti kollha li jistgħu jkunu użati b'mod raġonevoli minn parti terza biex tidentifika l-unità tal-istatistika msemmija;
(8) “użu għal għanijiet tal-istatistika” tfisser l-użu esklussiv għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta' riżultati u analiżi tal-istatistika;
(9) “identifikazzjoni diretta” tfisser l-identifikazzjoni ta' unità statistika permezz tal-isem u l-indirizz, jew permezz ta' numru tal-identifikazzjoni aċċessibbli pubblikament;
(10) “identifikazzjoni indiretta” tfisser l-identifikazzjoni ta' unità tal-istatistika b'mezz ieħor apparti l-identifikazzjoni diretta;
(11) “uffiċjali tal-Kummissjoni (Eurostat)” tfisser uffiċjali tal-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolamenti dwar l-Impjiegi ta' Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu mal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja;
(12) “uffiċjali oħra tal-Kummissjoni (Eurostat)” tfisser uffiċjali tal-Komunitajiet, fis-sens tal-Artikolu 2 sa 5 tar-Regolamenti dwar l-Impiegi ta' Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jaħdmu mal-Awtorità tal-istatistika Komunitarja.
KAPITOLU II
GOVERNANZA TAL-ISTATISTIKA
Artikolu 4
Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika
Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (l-ESS) hija s-sħubija bejn l-awtorita' tal-istatistika Komunitarja, li hija l-Kummissjoni (l-Eurostat), u l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f'kull Stat Membru (awtoritajiet nazzjonali) għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea.
Artikolu 5
L-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u awtoritajiet nazzjonali oħra
1. L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li huma determinati fil-Programm Ewropew tal-Istatistika skont l-Artikolu 1 (l-NSI) għandha taġixxi f'dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika.
Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li huma determinati fil-programm Ewropew tal-istatistika skont l-Artikolu 1. B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli fil-livell nazzjonali, li jikkoordina l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatistika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-data u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tal-ESS. Sa fejn ftit minn dik l-istatistika Ewropea tista' tinġabar mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN) fil-kapaċità tagħhom bħala membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), l-NSIs u l-BĊN għandhom jikkooperaw mill-qrib f'konformità ma' arranġamenti nazzjonali bil-għan li tkun żgurata l-produzzjoni ta' statistika Ewropea kompleta u koerenti, filwaqt li tkun żgurata l-kooperazzjoni meħtieġa bejn l-ESS u s-SEBĊ kif stipulat fl-Artikolu 9.
2. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fis-sit elettroniku tagħha lista ta' NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli mill-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea kif maħtura mill-Istati Membri.
3. L-NSIs inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jistgħu jirċievu għotjiet mingħajr sejħa għall-proposti, skont l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002.
Artikolu 5a
Il-kapijiet tal-NSIs u l-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra
1. Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali ta' uffiċjali responsabbli għall-kompiti stipulati f'dan ir-Regolament.
2. Għal dak il-għan, il-kapijiet tal-NSIs għandhom:
(a) ikollhom ir-responsabbiltà unika li jiddeċiedu dwar proċessi, il-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi u dwar il-kontenut u ż-żmien tar-rilaxx tal-istatistika u l-pubblikazzjonijiet għall-istatistika Ewropea żviluppata, prodotta u disseminata mill-NSI;
(b) jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġjar intern tal-NSI;
(c) jaġixxu b'mod indipendenti fit-twettiq tal-kompiti statistiċi tagħhom; u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra;
(d) ikunu responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-NSI;
(e) jippubblikaw rapport annwali u jistgħu jesprimu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit marbuta mal-attivitajiet statistiċi tal-NSI;
(f) jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali kollha li huma responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 5(1);
(g) jipproduċu linji gwida nazzjonali, fejn dan huwa meħtieġ, biex jiżguraw kwalità fl-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea kollha fis-sistema statistika nazzjonali tagħhom u jimmonitorjaw u jirrevedu l-implimentazzjoni tagħhom filwaqt li jkunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma' dawk il-linji gwida fi ħdan l-NSI biss; u
(h) jirrappreżentaw is-sistema statistika nazzjonali tagħhom fi ħdan l-ESS.
3. Kull Stat Membru għandu jiżgura li awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea jwettqu tali kompiti f'konformità mal-linji gwida nazzjonali prodotti mill-kap tal-NSI.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għar-reklutaġġ u l-ħatra tal-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipproduċu l-istatistika Ewropea, ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi. Ir-raġunijiet għat-tneħħija tal-kapijiet tal-NSIs jew it-trasferiment tagħhom għal pożizzjoni oħra ma għandhomx jikkompromettu l-indipendenza professjonali.
5. Kull- Stat Membru jista' jistabbilixxi korp nazzjonali biex jiżgura l-indipendenza professjonali tal-produtturi tal-istatistika Ewropea. Il-kapijiet tal-NSIs u, fejn xieraq, il-kapijiet tal-istatistika ta' awtoritajiet nazzjonali oħra li jipproduċu statistika Ewropea jistgħu jieħdu parir minn tali korpi. Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u t-tneħħija tal-membri ta' tali korpi għandhom ikunu trasparenti u bbażati biss fuq kriterji professjonali. Dawk il-proċeduri għandhom jiżguraw li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.
Artikolu 6
Il-Kummissjoni (Eurostat)
1. L-awtorità Komunitarja tal-istatistika, kif maħtura mill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa, tipproduċi u tiddissemina l-Istatistika Ewropea, għandha tiġi msejħa “il-Kummissjoni (Eurostat)” f'dan ir-Regolament.
2. Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika.
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tikkoordina l-attivitajiet statistiċi mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, b'mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza u l-kwalità tad-data u l-imminimizzar tal-piż tar-rappurtar. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni (Eurostat) tista' tistieden kull korp jew istituzzjoni tal-Unjoni biex tikkonsultaha jew tikkoopera magħha għall-iskop tal-iżvilupp ta' metodi u sistemi għall-finijiet tal-istatistika fil-qasam tal-kompetenza rispettiva tagħha. Kull waħda minn dawk l-istituzzjonijiet jew korpi li tipproponi li tipproduċi l-istatistika għandha tikkonsulta mal-Kummissjoni (Eurostat) u tieħu kont ta' kull rakkomandazzjoni li din tista' tagħmel għal dan il-għan.
Artikolu 6a
Direttur Ġenerali tal-Kummissjoni (Eurostat)
1. Il-Eurostat huwa l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni u huwa Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni. Huwa għandu jitmexxa minn Direttur Ġenerali.
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proċedura għar-reklutaġġ tad-Direttur Ġenerali tal-Eurostat tkun trasparenti u bbażata fuq kriterji professjonali. Il-proċedura għandha tiżgura li l-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali jkun osservat, b'mod partikolari fir-rigward tas-sessi.
3. Id-Direttur Ġenerali għandu jkollu r-responsabbiltà unika li jiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi, l-istandards u l-proċeduri statistiċi, u dwar il-kontenut u ż-żmien tar-rilaxx u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika kollha prodotta mill-Eurostat. Meta jwettaq dawk il-kompiti statistiċi, id-Direttur Ġenerali għandu jaġixxi b'mod indipendenti u ma għandu la jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew minn xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra.
4. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jkun responsabbli għall-attivitajiet tal-istatistika tal-Eurostat. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jidher immedjatament wara l-ħatra mill-Kummissjoni, u kull sena wara dan, fil-qafas tad-djalogu dwar l-istatistika quddiem il-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew biex jiddiskuti materji relatati mal-governanza tal-istatistika, il-metodoloġija u l-innovazzjoni tal-istatistika. Id-Direttur Ġenerali tal-Eurostat għandu jippubblika rapport annwali.
Artikolu 7
Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika
1. Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (Kumitat tal-ESS), huwa b'dan stabbilit. Huwa għandu jipprovdi gwida professjonali lill-ESS għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea b'konformità mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fl-Artikolu 2(1).
2. Il-Kumitat tal-ESS għandu jkun kompost mir-rappreżentanti tal-NSIs li huma speċjalisti nazzjonali fuq l-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tippresjedi dan il-kumitat (Eurostat).
3. Il-Kumitat tal-ESS għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jirriflettu l-kompiti tiegħu.
4. Il-Kumitat tal-ESS għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni rigward:
(a) il-miżuri li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tieħu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea, il-ġustifikazzjoni għalihom fuq il-bażi tal-effettività tan-nefqa, il-mezzi u ż-żmien sabiex jinkisbu, il-piż tar-rispons fuq dawk li jwieġbu s-servej;
(b) żviluppi u prijoritajiet proposti fil-Programm Ewropew tal-Istatistika;
(c) l-inizjattivi sabiex ir-riprijoritizzazzjoni u t-tnaqqis tal-piż tar-rispons jitwettqu fil-prattika;
(d) kwistjonijiet rigward il-kunfidenzjalità tal-istatistika;
(e) l-iżvilupp ulterjuri tal-Kodiċi ta' Prattika; u
(f) kull kwistjoni oħra, b'mod partikulari kwistjonijiet ta' metodoloġija, li joħorġu mit-twaqqif jew mill-implimentazzjoni tal-programmi tal-istatistika li jitqajmu mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jew fuq it-talba ta' xi Stat Membru.
Artikolu 8
Koperazzjoni ma' korpi oħra
Il-Kumitat Ewropew Konsultattiv tal-Istatistika u l-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika għandhom ikunu kkonsultati skont il-kompetenza rispettiva tagħhom.
Artikolu 9
Koperazzjoni mal-ESCB
Sabiex jiġi minimizzat il-piż tar-rappurtar u tiġi garantita l-koerenza meħtieġa għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea, l- ESS u l-ESCB għandhom jikkooperaw mill-qrib, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1).
Artikolu 10
Koperazzjoni internazzjonali
Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni u l-irwol tal-Istati Membri individwali, il-pożizzjoni tal-ESS rigward kwistjonijiet ta' rilevanza partikolari għall-Istatistika Ewropea fuq livell internazzjonali kif ukoll arranġamenti speċifiċi għar-rappreżentazzjoni f'korpi internazzjonali tal-istatistika għandha tiġi preparata mill-Kumitat tal-ESS u tkun koordinata mill-Kummissjoni (Eurostat).
Artikolu 11
Kodiċi ta' Prattika tal-Istatistika Ewropea
1. Il-Kodiċi ta' Prattika għandu jimmira li jiżgura l-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea billi jiġi stabbilit kif l-Istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata f'konformità mal-prinċipji tal-istatistika kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u l-aqwa prattika internazzjonali tal-istatistika.
2. Il-Kodiċi ta' Prattika għandu jiġi rivedut u aġġornat kif meħtieġ mill-Kumitat tal-ESS. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-emendi tiegħu.
3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, “Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” (l-Impenji) mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-Kodiċi ta' Prattika. L-Impenji għandhom jinkludu impenji speċifiċi ta' politika biex itejbu jew iżommu, kif meħtieġ, il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika u għandhom jiġu ppubblikati b'sommarju għaċ-ċittadini.
4. L-Impenji mill-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati b'mod regolari mill-Kummissjoni abbażi ta' rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.
Fin-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' Impenn sad-9 ta' Ġunju 2017, Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni u jippubblika rapport ta' progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Prattika u, fejn applikabbli, dwar l-isforzi li jkunu saru biex jiġi stabbilit Impenn. Dawk ir-rapporti ta' progress għandhom jiġu aġġornati perjodikament, mill-inqas kull sentejn wara l-pubblikazzjoni inizjali tagħhom.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta' progress, sad-9 ta' Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.
5. L-impenn stabbilit mill-Kummissjoni għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari mill-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ESGAB). Il-valutazzjoni tal-ESGAB tal-implimentazzjoni ta' dan l-Impenn għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 21 ). L-ESGAB għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Impenn sad-9 ta' Ġunju 2018.
Artikolu 12
Kwalità tal-istatistika
1. Sabiex tiġi garantita l-kwalità tar-riżultati, l-istatistika Ewropea għandha tiġi żviluppata, prodotta u disseminata fuq il-bażi ta' standards uniformi u metodi armonizzati. F'dan ir-rigward, il-kriterji ta' kwalità li ġejjin għandhom japplikaw:
(a) “ir-rilevanza” li tindika l-grad ta' kemm l-istatistika tilħaq il-ħtiġijiet attwali u potenzjali tal-utenti;
(b) “il-preċiżjoni” li tirreferi għal kemm l-estimi jqarrbu lejn il-valuri vera mhux magħrufa;
(c) “tempestività” li tirreferi għall-perijodu bejn id-disponibilità tat-tagħrif u l-avveniment jew il-fenomenu li dan jiddeskrivi;
(d) “il-puntwalità” li tirreferi għad-dewmien bejn id-data ta' rilaxx tad-data u d-data mmirata (id-data sa liema kellha tintbagħat id-data);
(e) “l-aċċessibbiltà” u “ċ-ċarezza” li jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;
(f) “il-kumparabilità” li tirreferi għall-kejl tal-impatt tad-differenzi fil-kunċetti tal-istatistika, għodod u proċeduri applikati meta l-istatistika titqabbel bejn iż-żoni ġeografiċi, dominji settorjali jew matul iż-żmien;
(g) “il-koerenza” li tirreferi għall-adegwatezza tad-data li tkun marbuta b'mod affidabbli b'modi differenti u għal użu varju.
2. Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu wkoll jiġu stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali.
Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji ta' kwalità stabbiliti fil-paragrafu 1 għad-data koperta mil-leġislazzjoni settorjali f'oqsma speċifiċi tal-istatistika, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw il-modalitajiet, l-istruttura, u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità koperti mil-leġislazzjoni settorjali. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'rapporti dwar il-kwalità tad-data trażmessa, inkluż kwalunkwe tħassib li jkollhom fir-rigward tal-preċiżjoni tad-data. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data trażmessa abbażi ta' analiżi xierqa, u għandha tħejji u tippubblika rapporti u komunikazzjonijiet dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea.
4. Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, fejn xieraq, tippubblika l-valutazzjoni tagħha tal-kwalità tal-kontributi nazzjonali għall-istatistika Ewropea.
5. Fejn il-leġislazzjoni settorjali tipprevedi multi għal każijiet fejn l-Istati Membri jippreżentaw b'mod żbaljat id-data statistika, il-Kummissjoni tista', f'konformità mat-Trattati u tali leġislazzjoni settorjali, tagħti bidu għal investigazzjonijiet u tmexxihom kif meħtieġ, inkluż, fejn xieraq, spezzjonijiet fuq il-post sabiex tistabbilixxi jekk tali rappreżentazzjoni żbaljata kinitx serja jew intenzjonata jew minħabba negliġenza gravi.
KAPITOLU III
PRODUZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA
Artikolu 13
Programm Ewropew tal-Istatistika
1. Il-programm statistiku Ewropew għandu jipprovdi il-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddefinixxi l-oqsma ewlenin u l-miri tal-azzjonijiet previsti għal perjodu li jikkorrispondi għal dak tal-qafas finanzjarju pluriennali. Dan għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-impatt u l-kosteffettività tiegħu għandhom jiġu vvalutati, bl-involviment ta' esperti indipendenti.
2. Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet rigward il-bżonnijiet ta' informazzjoni bl-iskop li jitwettqu l-attivitajiet tal-Komunità. Dawk il-bżonnijiet għandhom jiġu kkunsidrati skont ir-riżorsi meħtieġa fil-livell Komunitarju u nazzjonali biex tiġi provduta l-istatistika meħtieġa, kif ukoll skont il-piż tar-rappurtar u l-ispejjeż assoċjati għal min jipprovdi l-informazzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tintroduċi inizjattivi biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u biex jitnaqqas il-piż tar-rispons għall-Programm Ewropew tal-Istatistika kollu jew għal parti minnu.
4. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz tal-Programm Ewropew tal-Istatistika lill-Kumitat tal-ESS biex dan jiġi eżaminat minn qabel.
5. Għal kull Programm Ewropew tal-Istatistika, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat tal-ESS, tippreżenta rapport ta' progress intermedjarju u rapport finali evalwattiv u għandha tressaqhom quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Artikolu 14
Implimentazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Istatistika
1. Il-Programm Ewropew tal-Istatistika għandu jiġi implimentat b'azzjonijiet individwali tal-istatistika li għandhom jiġu deċiżi:
(a) mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;
(b) mill-Kummissjoni, f'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati, b'mod partikulari sabiex jiġu sodisfati ħtiġijiet mhux mistennija, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2; jew
(c) permezz ta' qbil bejn l-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Tali qbil għandu jkun bil-miktub.
2. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi dwar azzjoni statistika diretta temporanja sakemm:
(a) l-azzjoni ma tipprevedix il-ġbir ta' data li jkopri iktar minn tliet snin ta' referenza;
(b) id-data tkun diġà disponibbli jew aċċessibbli għand l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli, jew tista' tinkiseb direttament, bl-użu tal-kampjuni adatti għall-osservazzjoni tal-popolazzjoni statistika fil-livell tal-Unjoni bil-koordinazzjoni adegwata mal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħrajn; u
(c) l-Unjoni tagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-NSIs u lil awtoritajiet nazzjonali oħra biex tkopri l-ispejjeż inkrementali li jkunu ġarrbu, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 22 ).
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
3. Fit-twettiq ta' azzjoni li għandha tiġi deċiża taħt il-paragrafu 1(a) jew (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar:
(a) ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-azzjoni, l-aktar fid-dawl tal-għanijiet tal-politika Komunitarja kkonċernata;
(b) l-għanijiet għall-azzjoni u r-riżultati mistennija;
(c) analiżi tal-effettività meta mqabbla mal-ispejjeż, inkluża evalwazzjoni tal-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet u tal-ispejjeż tal-produzzjoni; u
(d) il-modi permezz ta' liema għandha titwettaq l-azzjoni, inkluż id-dewmien tagħha u l-irwol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.
Artikolu 15
Networks kollaborattivi
Fl-azzjonijiet individwali tal-istatistika, għandhom jiġu żviluppati sinerġiji, fejn possibbli, fi ħdan l-ESS permezz ta' networks kollaborattivi, bl-iskambju ta' tagħrif espert u riżultati jew bit-trawwim ta' speċjalizzazzjoni f'ħidmiet speċifiċi. Għal dan il-għan, għandha tiġi żviluppata struttura finanzjarja adegwata.
Ir-riżultati ta' dawk l-azzjonijiet, bħal strutturi, għodda, proċessi u metodi konġunti, għandhom ikunu disponibbli fl-ESS kollha. L-inizjattivi għall-ħolqien ta' networks kollaborattivi kif ukoll ir-riżultati għandhom jiġu eżaminati mill-Kumitat tal-ESS.
Artikolu 16
Strateġija Ewropea għall-Istatistika
1. F'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati u fil-qafas tal-Programm Ewropew tal-Istatistika, l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandha l-għan li:
(a) timmassimizza d-disponibbiltà tal-aggregati tal-istatistika fil-livell Ewropew u t-titjib fil-produzzjoni fil-ħin tal-Istatistika Ewropea;
(b) tnaqqas il-piż fuq dawk li jipprovdu t-tweġibiet, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali abbażi ta' analiżi tal-effettivita' meta mqabbla mal-ispejjeż.
2. Il-każijiet fejn l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika hija rilevanti jinkludu:
(a) il-produzzjoni ta' Statistika Ewropea permezz tal-użu ta':
(i) kontribuzzjonijiet nazzjonali mhux ippubblikati jew kontribuzzjonijiet nazzjonali minn grupp ta' Stati Membri;
(ii) skemi ta' stħarriġ imfassla b'mod speċifiku;
(iii) informazzjoni parzjali permezz ta' tekniki ta' mudellar;
(b) id-disseminazzjoni ta' aggregati tal-istatistika fil-livell Ewropew billi jiġu applikati tekniki speċifiċi ta' kontroll tal-iżvelar tal-istatistika mingħajr ma jiġu affettwati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-disseminazzjoni.
3. Il-miżuri biex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandhom jitwettqu bl-involviment sħiħ tal-Istati Membri. Il-miżuri għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Istatistika għandhom jiġu stabbiliti fl-azzjonijiet individwali tal-istatistika msemmija fl-Artikolu 14(1).
4. Jekk ikun neċessarju, għandha tiġi stabbilita politika koordinata dwar ir-rilaxx u r-reviżjoni f'koperazzjoni mal-Istati Membri.
Artikolu 17
Programm annwali ta' ħidma
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat ESS il-programm annwali ta' ħidma tagħha għas-sena ta' wara sat-30 ta' April.
Fit-tħejjija ta' kull programm annwali ta' ħidma, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti prijoritajiet effettivi inkluż ir-rieżami, ir-rappurtar dwar il-prijoritajiet statistiċi u l-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kemm tistal-kummenti tal-Kumitat ESS. Kull programm annwali ta' ħidma għandu jkun ibbażat fuq il-Programm Ewropew tal-Istatistika u għandu jindika, b'mod partikolari:
(a) l-azzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra li għandhom prijorità, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-politika tal-Unjoni, ir-restrizzjonijiet finanzjarji nazzjonali u dawk tal-Unjoni u l-piż tar-rispons;
(b) l-inizjattivi li jirrigwardaw ir-rieżami tal-prijoritajiet, inklużi l-prijoritajiet negattivi, u t-tnaqqis tal-piż kemm fuq il-fornituri tad-data kif ukoll fuq il-produtturi tal-istatistika; u
(c) il-proċeduri u kull strument legali previst mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm annwali ta' ħidma.
Artikolu 17a
L-aċċess, l-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi
1. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq ir-rispondenti, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmi fl-Artikolu 4, u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess u użu fil-pront u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha u d-dritt li jintegraw dawk ir-rekords amministrattivi bl-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea, li hija determinata fil-Programm Ewropew tal-Istatistika f'konformità mal-Artikolu 1.
2. L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra, biex b'hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta' dawk ir-rekords għall-iskop tal-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Dawn għandhom jiġu involuti fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li huma rilevanti għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.
3. L-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta' awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.
4. Rekords amministrattivi li s-sidien tagħhom jagħmlu disponibbli lill-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jintużaw għall-produzzjoni ta' statistika Ewropea għandhom ikunu akkumpanjati minn metadata rilevanti.
5. L-NSIs u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni meħtieġa.
KAPITOLU IV
DISSEMINAZZJONI TAL-ISTATISTIKA EWROPEA
Artikolu 18
Miżuri ta' disseminazzjoni
1. Id-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha ssir f'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-Istatistika, kif stabbiliti fl-Artikolu 2(1), partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika u l-iżgurar ta' aċċess ugwali kif meħtieġ skont il-prinċipju tal-imparzjalità.
2. Id-disseminazzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha ssir mill-Kummissjoni (Eurostat), l-NSIs u l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom.
3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni, fl-ambitu tal-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, għandhom jipprovdu l-appoġġ neċessarju biex jiżguraw il-kwalità tal-aċċess tal-Istatistika Ewropea għall-utenti kollha.
Artikolu 19
Fajls għall-użu pubbliku
Data dwar unitajiet individwali tal-istatistika tista' tiġi disseminata fil-forma ta' fajls għall-użu pubbliku li jikkonsisti f'rekords anonimizzati li ġew preparati b'tali mod li l-unità tal-istatistika ma tistax jiġi identifikat, direttament jew indirettament, meta jittieħed kont tal-mezzi kollha relevanti li jistgħu jintużaw b'mod raġonevoli minn terza persuna.
Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) l-approvazzjoni espliċita tal-NSIs jew awtorità nazzjonali oħra li tkun ipprovdiet id-data hija meħtieġa.
KAPITOLU V
KUNFIDENZJALITÀ TAL-ISTATISTIKA
Artikolu 20
Ħarsien tad-data kunfidenzjali
1. Ir-regoli u l-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw biex jiġi żgurat li d-data kunfidenzjali tkun użata esklussivament għal għanijiet ta' statistika u għall-prevenzjoni ta' żvelar illegali.
2. Id-data kunfidenzjali miksuba esklussivament għall-produzzjoni tal-Istatistika Ewropea għandha tintuża mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u mill-Kummissjoni (Eurostat) esklussivament għal għanijiet ta' statistika sakemm l-unità tal-istatistika ma tkunx tat il-kunsens mhux ambigwu tagħha għall-użu għal kull għan ieħor.
3. Ir-riżultati tal-istatistika li jistgħu jagħmluha possibbli li tiġi identifikata l-unità tad-data tal-istatistika jistgħu jiġu disseminati mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (l-Eurostat) fil-każijiet eċċezzjonali li ġejjin:
(a) meta jiġu determinati modalitajiet u kundizzjonijiet speċifiċi permezz ta' att tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat u mar-riżultati tal-istatistika jiġu emendati b'tali mod li d-disseminazzjoni tagħhom ma jippreġudikax il-kunfidenzjalità tal-istatistika kull meta l-unità tad-data tal-istatistika titlob dan; jew
(b) meta l-unità tal-istatistika tkun qablet b'mod ċar mal-iżvelar tad-data.
4. Fl-ambitu tal-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (l-Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha regolatorji, amministrattivi, tekniċi u organizzattivi neċessarji biex jiżguraw il-ħarsien fiżiku u loġiku tad-data kunfidenzjali (Kontroll tal-Iżvelar tal-Istatistika).
L-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw l-allinjament tal-prinċipji u l-linji gwida fir-rigward tal-protezzjoni fiżika u loġika ta' data kunfidenzjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm tali allinjament permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, mingħajr ma jiġi supplementat dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
5. Uffiċjali u persunal ieħor tal-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra li jkollhom aċċess għad-data kunfidenzjali għandhom ikunu soġġetti għall-konformità ma' kunfidenzjalità simili, anke wara li jtemmu l-funzjoni tagħhom.
Artikolu 21
Trażmissjoni ta' data kunfidenzjali
1. It-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali minn awtorità ESS, kif imsemmi fl-Artikolu 4, li tkun ġabret id-data għal awtorità ESS oħra tista' sseħħ sakemm din it-trażmissjoni hija meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni effiċjenti tal-Istatistika Ewropea jew sabiex tiżdied il-kwalità tagħha.
2. It-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali bejn awtorità tal-ESS li tkun ġabret id-data u membru tal-ESCB tista' sseħħ sakemm din it-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni effiċjenti tal-Istatistika Ewropea jew sabiex tiżdied il-kwalità tal-Istatistika Ewropea fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tal-ESS u tal-ESCB, u sakemm din in-neċessità tkun ġiet iġġustifikata.
3. Kull trażmissjoni oħra wara l-ewwel trażmissjoni għandha tirrikjedi l-awtorizzazzjoni espliċita tal-awtorità li ġabret id-data.
4. Ir-regoli nazzjonali dwar kunfidenzjalità statistika ma għandhomx jiġu invokati biex jipprevjenu t-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali skont il-paragrafi 1 u 1a fejn att tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, waqt li jaġixxu b'konformità mal-Artikolu 251 tat-Trattat jipprovdi għat-trażmissjoni ta' dik id-data.
5. Id-data kunfidenzjali trażmessa konformement ma' dan l-Artikolu, għandha tintuża biss għal għanijiet ta' statistika u tkun aċċessibbli biss għall-persunal li jaħdem f'attivitajiet tal-istatistika fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.
6. Id-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tal-istatistika previsti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għad-data kollha kunfidenzjali trażmessa fi ħdan l-ESS u bejn l-ESS u l-ESCB.
Artikolu 22
Ħarsien ta' data kunfidenzjali fil-Kummissjoni (Eurostat)
1. Id-data kunfidenzjali għandha tkun aċċessibbli, bl-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, biss għal uffiċjali tal-Kummissjoni (Eurostat) fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.
2. F'każijiet eċċezzjonali l-Kummissjoni (Eurostat) tista' tagħti aċċess għad-data kunfidenzjali lill-persunal l-ieħor tagħha jew lil persuni naturali oħra li jaħdmu għall-Kummissjoni (Eurostat) b'kuntratt fil-qasam tax-xogħol speċifiku tagħhom.
3. Persuni li għandhom aċċess għad-data kunfidenzjali għandhom jużaw dawn id-data esklussivament għal għanijiet tal-istatistika. Għandhom ikunu soġġetti għal din ir-restrizzjoni anke wara li jtemmu l-funzjonijiet tagħhom.
Artikolu 23
Aċċess għal data kunfidenzjali għal għanijiet xjentifiċi
L-aċċess għad-data kunfidenzjali li jippermetti biss identifikazzjoni indiretta tal-unitajiet tal-istatistika jista' jingħata lil riċerkaturi li jwettqu l-analiżi tal-istatistika għal raġunijiet xjentifiċi mill-Kummissjoni (Eurostat) jew mill-NSIs jew awtoritajiet nazzjonali oħra fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Jekk id-data tkun ġiet trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat) l-approvazzjoni tal-NSIs jew awtorità nazzjonali oħra li tkun provdiet id-data hija meħtieġa.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti, ir-regoli u l-kondizzjonijiet għall-aċċess fil-livell tal-Unjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2).
▼M1 —————
Artikolu 25
Data minn sorsi pubbliċi
Data miksuba minn sorsi disponibbli legalment għall-pubbliku u li jibqgħu disponibbli għall-pubbliku skont il-leġislazzjoni nazzjonali m'għandhiex tiġi kkunsidrata kunfidenzjali għall-iskop tad-disseminazzjoni tal-istatistika miksuba minn dik id-data.
Artikolu 26
Ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jipprevjenu u jippenalizzaw kull ksur tal-kunfidenzjalità tal-istatistika. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 27
Il-proċedura ta' Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ESS. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 23 ).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 28
Revoka
1. Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 huwa b'dan imħassar.
Referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
Referenzi għall-Kumitat dwar il-Kunfidenzjalità Statistika stabbilit taħt ir-Regolament Revokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Kumitat ESS stabbilit permezz tal-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.
2. Ir-Regolament (KE) 322/97 huwa b'dan imħassar.
Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.
3. Id-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom hija b'dan imħassra.
Referenzi għall-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Kumitat ESS stabbilit permezz tal-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) ĠU C 291, 5.12.2007, p. 1.
( 2 ) ĠU C 308, 3.12.2008, p. 1.
( 3 ) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-19 ta' Novembru 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2009.
( 4 ) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.
( 5 ) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
( 6 ) ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
( 7 ) ĠU L 90, 28.3.2006, p. 2.
( 8 ) ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.
( 9 ) ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21.
( 10 ) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
( 11 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
( 12 ) 2. ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
( 13 ) ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.
( 14 ) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.
( 15 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
( 16 ) ĠU L 304, 14.11.2008, p. 70.
( 17 ) ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1.
( 18 ) ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.
( 19 ) ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7.
( 20 ) ĠU L 156, 30.4.2004, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 202, 7.6.2004, p. 1.
( 21 ) Deċiżjoni Nru 235/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika (ĠU L 73, 15.3.2008, p. 17).
( 22 ) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
( 23 ) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).