This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02007E0405-20090615
Council Joint Action 2007/405/CFSP of 12 June 2007 on the European Union police mission undertaken in the framework of reform of the security sector (SSR) and its interface with the system of justice in the Democratic Republic of the Congo (EUPOL RD Congo)
Consolidated text: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/405/PESK tat- 12 ta’ Ġunju 2007 dwar il-missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/405/PESK tat- 12 ta’ Ġunju 2007 dwar il-missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)
ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/405/2009-06-15
2007E0405 — MT — 15.06.2009 — 002.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/405/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 151, 13.6.2007, p.46) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/38/PESK ta' l-20 ta’ Diċembru 2007 |
L 9 |
18 |
12.1.2008 |
|
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/485/PESK tat-23 ta’ Ġunju 2008 |
L 164 |
44 |
25.6.2008 |
|
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2009/466/PESK tal-15 ta’ Ġunju 2009 |
L 151 |
40 |
16.6.2009 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/405/PESK
tat-12 ta’ Ġunju 2007
dwar il-missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkonsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 u l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu,
Billi:
(1) |
B’segwitu għall-istedina uffiċjali mill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), il-Kunsill adotta fid-9 ta’ Diċembru 2004 l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea f’Kinshasa (RDK) fir-rigward ta’ l-unità tal-pulizija integrata (EUPOL “Kinshasa”) ( 1 ) prevista fil-ftehim globali u inklużiv dwar it-transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iffirmat fi Pretoria fis-17 ta’ Diċembru 2002, u l-memorandum dwar l-armata u s-sigurtà, fid-29 ta’ Ġunju 2003. |
(2) |
B’segwitu għall-promulgazzjoni fit-18 ta’ Frar 2006 tal-Kostituzzjoni tar-RDK, l-organizzazzjoni ta’ l-elezzjonijiet fir-RDK fl-2006 mmarkat it-tmiem tal-proċess ta’ transizzjoni u ppermettiet il-formazzjoni ta’ gvern fl-2007. Il-programm governattiv jipprevedi b’mod partikolari riforma globali tas-settur tas-sigurtà (RSS), it-tfassil ta’ kunċett nazzjonali kif ukoll azzjonijiet ta’ prijorità fir-riforma tas-setturi tal-pulizija, tal-forzi armati u tal-ġustizzja. |
(3) |
In-Nazzjonijiet Uniti tennew l-appoġġ tagħhom għar-RSS permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u qed imexxu fir-RDK l-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUC) li tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż. Fil-15 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-riżoluzzjoni 1756 (2007) li ttawwal il-mandat tal-MONUC u tippermetti l-kontribut tagħha f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-imsieħba internazzjonali l-oħrajn, inkluża l-Unjoni Ewropea (UE), għall-isforzi maħsubin sabiex jappoġġaw il-gvern fil-proċess inizjali ta’ l-ippjanar tar-RSS. |
(4) |
L-UE wriet appoġġ kostanti għall-proċess ta’ transizzjoni fir-RDK u għar-RSS, inkluż permezz ta’ l-istabbiliment ta’ tliet operazzjonijiet fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurta Komuni (PESK), EUSEC RD Congo ( 2 ), EUPOL Kinshasa u l-Operazzjoni EUFOR RD Congo ( 3 ). |
(5) |
Konxja mill-interess li jiġi adottat approċċ globali li jgħaqqad l-inizjattivi differenti involuti, l’UE indikat, fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fil-15 ta’ Settembru 2006, id-disponibbiltà tagħha sabiex tiżgura l-koordinazzjoni ta’ l-isforzi magħmula mill-komunità internazzjonali fis-settur tas-sigurtà, f’koperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti, sabiex tappoġġa l-awtoritajiet Kongoliżi f’dan il-qasam. |
(6) |
F’dan il-kuntest, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u s-servizzi tal-Kummissjoni wettqu, f’Ottubru 2006 u f’Marzu 2007, żewġ missjonijiet ta’ evalwazzjoni fir-RDK, b’konċertazzjoni ma’ l-awtoritajiet Kongoliżi, sabiex jiżviluppaw approċċ globali ta’ l-UE fil-qasam tar-RSS. |
(7) |
Fis-7 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/913/PESK li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK. Il-mandat il-ġdid, li jibqa’ għaddej sat-30 ta’ Ġunju 2007, ippermetta lill-EUPOL “Kinshasa” sabiex issaħħaħ ukoll ir-rwol tagħha ta’ konsulenza lill-pulizija Kongoliża bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat, il-proċess tar-RSS fir-RDK, flimkien mal-missjoni EUSEC RD Congo. |
(8) |
Fl-14 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill approva kunċett ta’ operazzjonijiet fir-rigward ta’ missjoni tal-pulizija mwettqa fil-qafas tal-Politika Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża dwar ir-RSS u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-RDK, imsejjaħ EUPOL RD Congo. Dan il-kunċett jipprevedi b’mod partikolari li ma jkunx hemm nuqqas ta’ kontinwità bejn it-tmiem ta’ l-attivitajiet ta’ l-EUPOL Kinshasa u l-bidu ta’ dawk ta’ l-EUPOL RD Congo. |
(9) |
Fl-istess data, l-14 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill approva kunċett ġenerali rivedut fir-rigward tat-tkomplija tal-missjoni ta’ konsulenza u assistenza fil-qasam tar-RSS fir-RDK, EUSEC RD Congo. |
(10) |
Jaqbel li jiġu promossi s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, EUSEC RD Congo u EUPOL RD Congo, b’kont meħud ugwalment ta’ l-għaqda eventwali tagħhom f’missjoni unika. |
(11) |
Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koerenza ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-RDK, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni kemm jista’ jkun mill-qrib bejn l-atturi differenti ta’ l-UE f’Kinshasa kif ukoll fi Brussell, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti xierqa. Ir-Rappreżentant Speċjali ta’ l-UE (RSUE) għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar għandu jkollu rwol prinċipali f’dan ir-rigward, b’kont meħud tal-mandat tiegħu. |
(12) |
Fil-15 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/112/PESK ( 4 ), għall-ħatra tas-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-RSUE l-ġdid għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar. |
(13) |
Fil-11 ta’ Mejju 2007, is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) indirizza ittra lill-awtoritajiet Kongoliżi sabiex jinfurmahom dwar id-disponibbiltà ta’ l-UE sabiex tkompli u ssaħħaħ l-impenn attwali tagħha fil-qasam tar-RSS u sabiex jikseb kunsens formali min-naħa tagħhom. Permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Ġunju 2007, l-awtoritajiet Kongoliżi aċċettaw formalment l-offerta ta’ l-UE u stidnuha sabiex tniedi missjoni għal dan il-għan. |
(14) |
Jaqbel l-Istati terzi jipparteċipaw fil-proġett f’konformità mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew. |
(15) |
Il-mandat tal-missjoni huwa implimentat f’kuntest ta’ sigurtà li jista’ jiddeterjora, u li jista’ jkun ta’ ħsara għall-objettivi tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni Ewropea (UE) għandha twettaq missjoni ta’ konsulenza, ta’ assistenza u ta’ monitoraġġ fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), imsejħa EUPOL RD Congo, bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-isforzi Kongoliżi ta’ riforma u ristrutturazzjoni tas-settur tal-pulizija u tar-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja. Il-missjoni għandha tagħti parir u assistenza direttament lill-awtoritajiet Kongoliżi kompetenti u permezz tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ tar-Riforma tal-Pulizija (KMRP) u tal-Kumitat Imħallat tal-Ġustizzja b’attenzjoni li jiġu promossi linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali umanitarja, ir-regoli demokratiċi u l-prinċipji ta’ governanza tajba ta’ l-affarijiet pubbliċi, ta’ trasparenza u tar-rispett għall-istat tad-dritt.
2. Il-missjoni għandha timxi konformement mal-mandat previst fl-Artikolu 2.
Artikolu 2
Mandat
1. Il-missjoni għandha tappoġġa r-RSS fil-qasam tal-pulizija u tar-relazzjonijiet tagħha mal-ġustizzja. Permezz ta’ azzjoni ta’ monitoraġġ, ta’ ġestjoni u ta’ konsulenza u b’enfasi fuq id-dimensjoni strateġika, EUPOL RD Congo għandha:
— tikkontribwixxi għar-riforma u għar-ristrutturazzjoni tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNK) b’appoġġ għall-istabbiliment ta’ forza tal-pulizija vijabbli, professjonali u multietnika/integrata b’kont meħud ta’ l-importanza tal-pulizija lokali mal-pajjiż kollu, bl-inklużjoni sħiħa ta’ l-awtoritajiet Kongoliżi fil-proċess;
— tikkontribwixxi għat-titjib ta’ l-interazzjoni bejn il-pulizija u s-sistema tal-ġudizzjarja kriminali f’sens wiesgħa;
— tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-koerenza bejn l-isforzi kollha li jkunu qed isiru fil-qasam tar-RSS;
— taġixxi f’interazzjoni mill-qrib ma’ l-EUSEC RD Congo u l-proġetti tal-Kummissjoni, u b’koordinazzjoni ma’ l-isforzi l-oħra li jkunu qed isiru fuq il-livell internazzjonali fil-qasam tar-riforma tal-pulizija u l-ġustizzja kriminali;
— tikkontribwixxi għall-aspetti marbuta mal-pulizija kif ukoll mas-sessi, mad-drittijiet tal-bniedem u t-tfal u l-konflitti armati tal-proċess ta' paċi fix-xlokk tar-RDK u speċjalment lir-rabta tiegħu mal-proċess ta' riforma tal-PNC.
2. EUPOL RD Congo hija missjoni mingħajr setgħat eżekuttivi. Hija twettaq il-kompiti li għandha permezz ta’, fost affarijiet oħra, operazzjonijiet ta’ ġestjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ konsulenza.
3. Il-missjoni għandha tagħti pariri lill-Istati Membri u lill-Istati terzi u tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom f’oqsma li huma ta’ interess għall-missjoni u ta’ appoġġ għall-objettivi tagħha.
Artikolu 3
Struttura tal-missjoni u taż-żona ta' insedjament
1. Il-missjoni għandu jkollha Kwartieri Ġenerali (KĠ) f'Kinshasa li jikkonsisti fi:
(a) il-Kap tal-Missjoni;
(b) skwadra ta' kunsilliera tal-pulizija fil-livell strateġiku;
(ċ) skwadra ta' kunsilliera tal-pulizija fil-livell operattiv;
(d) skwadra ta' kunsilliera ġuridiċi fil-livell strateġiku u operattiv;
(e) appoġġ amministrattiv.
2. Il-missjoni għandu jkollha preżenza permanenti f'Goma u Bukavu, fil-parti tax-xlokk tar-RDK, sabiex twassal assistenza u kompetenza lill-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk tar-RDK.
3. It-tqassim operattiv tal-kompiti għandu jkun kif ġej:
(a) esperti li jiffurmaw parti integrali mid-diversi gruppi ta' ħidma dwar ir-riforma tal-pulizija, u kunsilliera assenjati għall-postijiet organizzattivi u deċiżjonali ċentrali tas-CSRP previsti mill-awtoritajiet Kongoliżi;
(b) esperti assenjati lill-PNC, b'mod partikolari fil-postijiet ċentrali, u assenjati għall-ġestjoni tal-pulizija ġudizzjarja u l-pulizija responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni;
(ċ) appoġġ fil-qasam tal-liġi kriminali sabiex, ma' l-attivitajiet fil-qasam tal-pulizija, tingħaqad interfaċċja mal-ġustizzja kriminali u jingħata segwitu għal aspetti importanti tar-riforma tal-ġustizzja kriminali, inkluż fil-każ tal-liġi kriminali militari;
(d) kompetenzi sabiex isir kontribut għall-aspetti orizzontali tar-RSS;
(e) esperti assenjati lill-PNC, partikolarment f'postijiet ċentrali, u assenjati għall-ġestjoni tal-Pulizija tal-Fruntieri u s-Servizz tal-Verifika tal-Pulizija;
(f) esperti assenjati lill-pulizija kif ukoll għall-aspetti marbuta mas-sessi, id-drittijiet tal-bniedem u t-tfal u l-konflitti armati tal-proċess ta' stabilizzazzjoni fix-xlokk, u r-rabta tiegħu mal-proċess nazzjonali ta' riforma tal-pulizija.
4. Iż-żona ta' insedjament għandha tkun Kinshasa, Goma u Bukavu. Minħabba l-implikazzjonijiet ġeografiċi tal-missjoni fit-territorju kollu tar-RDK, bħala riżultat tal-mandat, jista' jkun li l-esperti jkunu meħtieġa jivvjaġġaw u jkunu temporanjament preżenti f'postijiet oħra fil-provinċji, fuq struzzjonijiet tal-Kap tal-Missjoni jew kwalunkwe persuna awtorizzata għal dan l-effett mill-Kap tal-Missjoni, u b'kont debitu meħud ta' l-esiġenzi tas-sitwazzjoni ta' sigurtà.
Artikolu 3a
Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL RD Congo.
2. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jeżerċita kmand u kontroll ta' l-EUPOL RD Congo fil-livell strateġiku taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ.
3. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni adatta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, b' mod partikolari bil-ħruġ ta' struzzjonijiet f'livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.
4. Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat emittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, l-iskwadri u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.
5. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza ta' l-UE jiġi attwat b'mod adatt.
6. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u r-RSUE għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 4
Pjanifikazzjoni
Il-Kap tal-Missjoni għandu jfassal il-Pjan Operattiv (OPLAN) tal-missjoni sabiex jissottomettih lill-Kunsill sabiex jiġi approvat. Il-Kap tal-Missjoni huwa mgħejjun f’dan il-kompitu mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.
Artikolu 5
Kap tal-Missjoni
1. Is-Supretendent Adílio Ruivo Custódio huwa maħtur Kap tal-Missjoni.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni fuq il-post ta' l-operazzjoni.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, l-iskwadri u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika rigward l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, għat-tmexxija effettiva ta' l-EUPOL RD Congo fil-post ta' l-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, billi jsegwi l-istruzzjonijiet f'livell strateġiku tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-fini, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju rigward il-persunal. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUPOL RD Congo fiż-żona ta' l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.
8. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, ma' atturi ta' l-UE oħrajn fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.
Artikolu 6
Persunal
1. Għandhom jiġu ssekondati esperti tal-missjoni mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni għandu jassumi l-ispejjeż relatati ma’ l-esperti ssekondati, inkluż l-ispejjeż ta’ vjaġġar lejn u mid-destinazzjoni tar-RDK, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, ħlief il-per diems.
2. Għandhom jiġu reklutati, kif meħtieġ, persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni.
3. Il-persunal kollu għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill ( 5 ).
Artikolu 7
Linja ta' Kmand
1. L-EUPOL RD Congo għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.
2. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà ser jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPOL RD Congo.
3. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, għandu jkun il-kmandant ta' l-EUPOL RD Congo f'livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ struzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EUPOL RD Congo fuq il-post ta' l-operazzjoni u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.
Artikolu 8
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dak il-fini skond l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta' l-emendament ta' l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.
Artikolu 9
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 għandu jkun ta’ EUR 5 500 000.
L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sal-31 ta’ Ottubru 2009 għandu jkun EUR 6 920 000.
Il-Kunsill għandu jistabbilixxi ammont ta’ referenza finanzjarja ġdid sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perjodu mill-1 ta’ Novembru 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010.
2. Fir-rigward tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont previst fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) in-nefqa għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità applikabbli għall-baġit bl-eċċezzjoni li l-ebda pre-finanzjament m’għandu jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma awtorizzati li jissottomettu offerti għal kuntratti;
(b) il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta bis-sħiħ lill-Kummissjoni li tissorvelja l-azzjoni tiegħu, dwar l-attivitajiet ta’ intrapriżi fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.
3. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw l-esiġenzi operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir.
4. In-nefqa relatata mal-Missjoni għandha ssir eliġibbli mad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Komuni.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta’ Stati Terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jagħtu kontribut għall-missjoni bil-ftehim li huma jħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni ta’ “riskju għoli”, il-per diems u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li huma jikkontribwixxu kif meħtieġ għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni.
2. L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-missjoni għandhom l-istess drittijiet u obbligi fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-missjoni daqs l-Istati Membri ta’ l-UE.
3. Il-Kunsill jawtorizza lill-PKS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex joħloq Kumitat ta’ Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja dawn l-arranġamenti f’isem din ta’ l-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat terz f’operazzjonijiet ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-qafas tal-missjoni.
Artikolu 11
Koordinazzjoni
1. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond il-kompetenzi tiegħu, il-koerenza ta’ l-Azzjoni Konġunta attwali ma’ l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw għal dan il-għan. Għandhom isiru arranġamenti dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-RDK kemm fil-Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi wkoll f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo u l-Kap tal-Missjoni EUPOL RD Congo għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-isforzi tagħhom u jfittxu s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-aspetti orizzontali tar-RSS fir-RDK, kif ukoll fil-qafas tal-kondiviżjoni tal-funzjonijiet bejn iż-żewġ missjonijiet.
4. F’konformità mal-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jiżgura l-koerenza ta’ l-azzjonijiet li jsiru mill-missjoni EUPOL RD Congo u l-missjoni EUSEC RD Congo. Huwa għandu jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni li titwettaq ma’ l-atturi internazzjonali l-oħra impenjati fir-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkopera ma’ l-atturi internazzjonali l-oħra preżenti, b’mod partikolari l-MONUC u l-Istati terzi impenjati fir-RDK.
6. Għandhom jiġu implimentati arranġamenti dwar il-koordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ l-UE fir-RDK kemm fil-Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.
Artikolu 12
Komunikazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
1. Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill ( 6 ).
2. Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti, skond il-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jitfasslu għal dan il-għan.
3. Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva preċiża u immedjata, is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” ġenerati għall-finijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-informazzjoni u d-dokumenti għandhom jiġu rilaxxati lill-Istat ospitanti skond il-proċeduri xierqa fil-livell ta’ koperazzjoni ta’ l-Istat ospitanti ma’ l-Unjoni.
4. Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jirrilaxxa lill-istati terzi assoċjati ma’ din l-Azzjoni Konġunta, dokumenti mhux klassifikati ta’ l-UE dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-operazzjoni u li huma koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali skond l-Artikolu 6(1), tar-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill ( 7 ).
Artikolu 13
L-istatus tal-missjoni u tal-persunal tagħha
1. L-istatus tal-persunal tal-missjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni u għat-twettiq tajjeb tal-missjoni, għandu jiġi stabbilit b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista’ jinnegozja dawn l-arranġamenti f’isem din ta’ l-aħħar.
2. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondament, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja in kwistjoni għandu/ha i/tkun responsabbli sabiex tinbeda kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.
Artikolu 14
Sigurtà
1. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni adatta u effettiva tagħhom għall-EUPOL RD Congo skond l-Artikoli 3a u 7, f'koordinazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta' l-operazzjoni u sabiex jiżgura konformità ma' ħtiġiet minimi ta' sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, f'konformità mal-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-istrumenti ta' appoġġ tiegħu.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.
4. Il-persunal ta' l-EUPOL RD Congo għandu jgħaddi minn taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma' l-OPLAN. Għandu jingħatalu wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post, organizzat mill-MSO.
Artikolu 14a
Għassa
Il-Kapaċità ta' l-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL RD Congo.
▼M2 —————
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u tul ta’ żmien
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007.
Għandha tiskadi fil-30 ta’ Ġunju 2010.
Artikolu 17
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Id-Deċiżjonijiet tal-KPS skond l-Artikolu 8(1), fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
( 1 ) ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30. Azzjoni Konġunta emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2006/913/PESK (ĠU L 346, 9.12.2006, p. 67).
( 2 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/355/PESK tat-2 ta’ Mejju 2005 dwar il-missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) (ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20).
( 3 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/319/PESK tas-27 ta’ April 2006 dwar l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ appoġġ għall-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) matul il-proċess elettorali. (ĠU L 116, 29.4.2006, p. 98.) Azzjoni Konġunta mħassra mill-Azzjoni Konġunta 2007/147/PESK (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 44).
( 4 ) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 79.
( 5 ) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).
( 6 ) Deċiżjoni 2001/264/KE (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).
( 7 ) Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2007/4/ KE, Euratom (ĠU L 1, 4.1.2007, p. 9).