This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 01997R0515-20151008
Council Regulation (EC) No 515/97 of 13 March 1997 on mutual assistance between the administrative authorities of the Member States and cooperation between the latter and the Commission to ensure the correct application of the law on customs and agricultural matters
Consolidated text: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat- 13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat- 13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli
1997R0515 — MT — 08.10.2015 — 003.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 (ĠU L 082 22.3.1997, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 807/2003 ta' l-14 ta' April 2003 |
L 122 |
36 |
16.5.2003 |
|
REGOLAMENT (KE) Nru 766/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-9 ta' Lulju 2008 |
L 218 |
48 |
13.8.2008 |
|
REGOLAMENT (UE) 2015/1525 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tad-9 ta' Settembru 2015 |
L 243 |
1 |
18.9.2015 |
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 515/97
tat-13 ta' Marzu 1997
dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 43 u 235 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-Kunsill tal-21 ta'April 1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika komuni agrikola ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 3 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 4 ),
Billi fil-ġlieda kontra l-frodi fil-kuntest tal-għaqda doganali u l-politika komuni agrikola tinħtieġ koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli f'kull Stat Membru għall-applikar tad-disposizzjonijiet adottati f'dawk l-oqsma; billi tinħtieġ ukoll koperazzjoni xierqa bejn dawn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni, li hija responsabbli biex tassigura l-applikar tat-Trattat u d-disposizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu; billi koperazzjoni effettiva f'dan il-qasam issaħħaħ il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji fil-Komunità;
Billi għandhom għalhekk jitħejjew regoli li bihom l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri jgħinu lil xulxin u jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex jiggarantixxu l-applikar xieraq tar-regolamenti doganali u dawk agrikoli u l-ħarsien legali ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità, b'mod partikolari biex ma jħallux li jsiru u jinvestigaw nuqqasijiet f'dawk ir-regolamenti u b'investigazzjoni ta' operazzjonijiet li huma jew jidhru li jmorru kontra dawk ir-regolamenti;
Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta' Mejju 1981 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex jassiguraw l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli ( 5 ) stabbilixxa koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet imsemmija u l-Kummissjoni; billi dik is-sistema ġiet ippruvata li hija effettiva;
Billi b'dana kollu huwa neċessarju, fid-dawl ta' l-esperjenza akkwistata, li jinbidel fl-intier ir-Regolament (KEE) Nru 1468/81 bil-għan li jsaħħaħ il-koperazzjoni kemm fost l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri responsabbli għall-applikar tad-disposizzjonijiet adottati fil-qasam tal-għaqda doganali u l-politika komuni agrikola u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni; billi, għal dak il-għan, għandhom ikunu stabbiliti regoli ġodda fil-livell tal-Komunità;
Billi l-introduzzjoni ta' disposizzjonijiet tal-Komunità dwar għajnuna reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni sabiex jiggarantixxu li l-applikar xieraq tar-regolamenti dwar id-dwana u l-agrikoltura jkun mingħajr preġudizzju għall-applikar tal-Konvenzjoni tal-1967 dwar għajnuna reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet doganali fl-oqsma li jibqgħu l-kamp uniku ta' l-Istati membri; billi dawn id-disposizzjonijiet tal-Komunità mhumiex tali li jaffettwaw l-applikar tar-regoli fl-Istati Membri dwar koperazzjoni ġudizzjarja f'każi kriminali;
Billi, barra minn hekk, ir-regoli ġenerali tal-Komunità li jistabbilixxu sistema ta' għajnuna reċiproka u koperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u bejn dawn u l-Kummissjoni ma jkunux japplikaw meta jidħlu f'xulxin f'dawk stabbiliti b'regolamenti speċifiċi, ħlief meta r-regoli ġenerali jtejbu jew isaħħu l-koperazzjoni amministrattiva; billi, b'mod partikolari, l-implementazzjoni tas-sistema doganali informattiva ma taffettwa bl-ebda mod l-obbligazzjonijiet ta' l-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni, stabbiliti inter alia fir-Regolamenti (KEE, Euratom) Nru 1552/89 ( 6 ) u (KEE) Nru 595/91 ( 7 ), jew l-użu stabbilit ta' folji informattivi dwar il-frodi biex tkun iċċirkolata informazzjoni ta' interess għall-Komunità;
Billi koperazzjoni akbar bejn l-Istati Membri teħtieġ il-kordinament ta' stħarriġ u attivitajiet oħra mwettqa mill-korpi kkonċernati; billi huwa għalhekk essenzali li l-Kummissjoni tingħata aktar informazzjoni dettaljata li tikkonċerna attivitajiet bħal dawn mill-Istati Membri;
Billi l-Kummissjoni għandha tassigura li l-operaturi ekonomiċi jkunu ttrattati ugwalment u li l-applikar mill-Istati Membri ta' sistema ta' għajnuna amministrattiva reċiproka ma twassalx għal diskriminazzjoni bejn operaturi ekonomiċi fi Stati Membri differenti;
Billi huwa xieraq li jkunu definiti l-obbligazzjonijiet ta' l-Istati Membri fis-sistema ta' għajnuna amministrattiva reċiproka f'dak li għandu x'jaqsam ma' każi li fihom ir-rappreżentanti ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri jwettqu stħarriġ li jikkonċerna l-applikar tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola b'mandat mill-awtoritajiet legali, jew bl-awtorità tagħhom;
Billi l-poteri tar-rappreżentanti nazzjonali li jwettqu stħarriġ fi Stati Membri oħra għandhom ikunu definiti; billi għandha wkoll issir disposizzjoni biex rappreżentanti tal-Kummissjoni jkunu preżenti, meta jkun iġġustifikat, fi stħarriġ nazzjonali li jirrigwarda għajnuna amministrattiva reċiproka, u biex il-poteri tagħhom ikunu definiti;
Billi huwa neċessarju, sabiex il-koperazzjoni amministrattiva tiffunzjona b'suċċess, li l-Kummissjoni tkun infurmata bi skambju ta' informazzjoni bejn Stati Membri u pajjiżi terzi f'każijiet ta' interess partikolari għall-Komunità;
Billi, bil-għan li jkun assigurat skambju rapidu u sistematiku ta' informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni, hemm ħtieġa li tkun mibnija sistema ta' informazzjoni doganali kompjuterizzata fuq il-livell tal-Komunità; billi f'dak il-kuntest data sensittiva rigward frodi u irregolaritajiet fid-dominji doganali w agrikoli għandha tkun maħżuna f'bażi ta' data ċentrali aċċessibbli għall-Istati Membri, waqt li tassigura li tkun rispettata n-natura kunfidenzali ta' l-informazzjoni skambjata, b'mod partikolari informazzjoni ta' natura personali; billi, minħabba s-sensittività ġġustifikata tal-każ, għandu jkun hemm regoli ċari u trasparenti biex iħarsu l-libertà ta' l-individwu;
Billi l-awtoritajiet doganali jkollhom ta' kuljum japplikaw disposizzjonijiet kemm tal-Komunità kif ukoll mhux-tal-Komunità; billi huwa għalhekk mixtieq li tkun disponibbli infrastruttura waħda għall-applikar ta' dawn id-disposizzjonijiet;
Billi l-informazzjoni skambjata tista' tikkonċerna persuni fiżiċi u dan ir-Regolament għandu għalhekk jimplimenta, fl-iskop tiegħu, il-prinċipji ta' protezzjoni ta' persuni f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ipproċessar b'mezzi awtomatiċi jew b'mod ieħor, ta' data personali; billi dawn il-prinċipji, kif imsemmija fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' data bħal din ( 8 ) għandhom, f'konformità mat-termini u l-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva, jkunu speċifikati u miżjuda f'dan ir-Regolament; billi sa kemm ikunu implimentati l-miżuri nazzjonali li jqanqlu trasposizzjoni ta' dik id-Direttiva, ċerti Stati Membri ma għandhomx regoli ta' protezzjoni għal data personali li tkun skambjata b'mezzi mhux-awtomatiċi għandhom ikunu eżentati milli japplikaw id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jikkonċerna l-iskambju mhux-awtomatiku ta' data;
Billi, sabiex jieħdu sehem fis-Sistema ta' Informazzjoni Doganali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jadottaw leġislazzjoni dwar id-drittijiet u l-libertajiet ta' individwi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ipproċessar ta' data personali; billi, sa kemm issir l-implementazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jqanqlu trasposizzjoni tad-Direttiva 95/46/KE, huwa importanti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiggarantixxu livell ta' protezzjoni bbażat fuq il-prinċipji li jinsabu f'dik id-Direttiva;
Billi, sabiex ikun assigurat li d-drittijiet tal-persuni kkonċernati jkunu protetti biżżejjed, jeħtieġ li jkun hemm garanzija ta' superviżjoni indipendenti ta' l-ipproċessar ta' data personali fis-Sistema ta' Informazzjoni Doganali kemm fuq il-livell ta' Stat Membru kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-Kummissjoni;
Bili l-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, għandha tiffaċilita l-installazzjoni u t-tmexxija ta' sistemi kompjuterizzati fl-Istati Membri;
Billi l-Kummissjoni għandha tkun innotifikata bil-proċeduri legali u amministrattivi li jinġiebu dwar ksur tal-liġi rigward materji doganali jew agrikoli;
Billi, bil-għan li jkunu implimentati ċerti disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, li jawtorizzaw l-installazzjoni u t-tħaddim tas-Sistema ta' Informazzjoni Doganali u li jeżaminaw il-problemi possibbli f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp ta' koperazzjoni amministrattiva kif hemm ipprovdut għaliha f'dan ir-Regolament, huwa meħtieg li jkun stabbilit Kumitat;
Billi d-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jirreferu kemm għall-applikar tar-regoli dwar il-politika agrikola komuni kif ukoll għall-applikar ta' leġislazzjoni doganali; billi s-sistema stabbilita taħt dan ir-Regolament tikkonstitwixxi entità integrali tal-Komunità; billi, minħabba li d-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat li jkopru speċifikament materji doganali ma jawtorizzawx lill-Komunità biex tistabbilixxi sistema bħal din, huwa meħtieġ li jkun invokat l-Artikolu 235,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-metodi li bihom l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni dwar materji doganali u agrikoli fl-Istati Membri għandhom jikkoperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw konformità ma' dik il-leġislazzjoni fil-qafas ta' sistema tal-Komunità.
2. Id-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma għandhomx ikunu applikabbli meta jikkoinċidu mad-disposizzjonijiet speċifiċi ta' leġislazzjoni oħra dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni għall-applikar ta' leġislazzjoni doganali jew agrikola.
Artikolu 2
1. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:
— “leġislazzjoni doganali” tfisser il-korp ta' disposizzjonijiet tal-Komunità u d-disposizzjonijiet ta' implimentazzjoni assoċjati magħhom li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-transitu u l-preżenza ta' oġġetti nnegozjati bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u bejn Stati Membri fil-każ ta' oġġetti li ma jkollhomx status tal-Komunità skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9(2) tat-Trattat jew oġġetti suġġetti għal kontrolli addizzjonali jew investigazzjonijiet għall-iskopijiet li jkun stabbilit l-istatus tal-Komunità tagħhom,
— “leġislazzjoni agrikola” tfisser il-korp ta' disposizzjonijiet adottati permezz tal-politika komuni agrikola u r-regoli speċjali adottati f'dak li għandu x'jaqsam ma' oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli,
— “l-awtorità applikanti” tfisser l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li tagħmel talba għal għajnuna,
— “l-awtorità l-mitluba” tfisser l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li lilha tkun sartet talba għal għajnuna,
— “inkjesta amministrattiva” tfisser il-kontrolli kollha, verifiki u azzjoni oħra meħudha mill-impjegati ta' l-awtoritajiet amministrattivi speċifikati fl-Artikolu 1(1) fit-twettiq tad-doveri tagħhom bil-għan li jkun assigurat l-applikar tal-leġislazzjoni doganali u agrikola u, fejn neċessarju, il-verifikar tan-natura irregolari ta' operazzjonijiet li jidhru li jiksru dik il-leġislazzjoni, ħlief azzjoni meħudha fuq it-talba jew taħt mandat dirett minn awtorità ġudizzjarja; l-espressjoni “inkjesta amministrattiva” tkopri wkoll il-missjonijiet tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 20,
— “data personali” tfisser l-informazzjoni kollha li għandha x'taqsam ma' individwu identifikat jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija dik li tista' tkun identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari permezz ta' referenza għal numru ta' identifikazzjoni jew għal xi fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, psikoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu,
— “analiżi operattiva” tfisser l-analiżi li tikkonċerna l-operazzjonijiet li jiksru, jew li jidhru li jiksru, il-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola, u li tinvolvi dawn il-fażijiet li ġejjin:
—
(a) il-ġbir ta' l-informazzjoni, inkluża d-data personali;
(b) l-evalwazzjoni ta' l-affidabbiltà tas-sors ta' l-informazzjoni u ta' l-istess informazzjoni;
(ċ) ir-riċerka, il-preżentazzjoni u l-interpretazzjoni metodika tar-rabtiet bejn dawn il-biċċiet ta' informazzjoni jew bejniethom u data sinifikanti oħra;
(d) il-formolazzjoni ta' osservazzjonijiet, ipoteżijiet jew rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkunu sfruttati b'mod dirett bħala informazzjoni ta' riskju mill-awtoritajiet kompetenti u mill-Kummissjoni biex jimpedixxu u jidentifikaw operazzjonijiet oħra li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u agrikola u/jew biex ikunu identifikati bi preċiżjoni l-persuna jew in-negozji implikati f'operazzjonijiet bħal dawn;
— “analiżi strateġika” tfisser ir-riċerka u l-preżentazzjoni tat-tendenzi ġenerali fil-ksur tal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola permezz ta' evalwazzjoni tat-theddida, l-iskala u l-impatt ta' ċerti tipi ta' operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u agrikola, biex wara jsiru l-prijoritajiet, biex ikun hemm stampa aħjar tal-fenomenu jew tat-theddida, biex l-azzjonijiet ta' prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi jiġu orjentati mill-ġdid u biex tiġi riveduta l-organizzazzjoni tad-dipartimenti. Għall-analiżi strateġika tista' tintuża biss dik id-data li minnha jkunu tneħħew il-fatturi ta' identifikazzjoni,
— “skambju awtomatiku regolari” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel, mingħajr talba preċedenti, f'perjodi regolari stabbiliti minn qabel
— “skambju awtomatiku okkażjonali” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel, mingħajr talba preċedenti, kif u meta dik l-informazzjoni tkun disponibbli.
2. Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet kompetenti li jkun ħatar sabiex japplika dan ir-Regolament.
Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet maħtura skond is-subparagrafu preċedenti.
Artikolu 2a
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, u bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tiegħu, partikolarment fejn ma tkunx ġiet preżentata dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni simplifikata jew fejn ma tkunx sħiħa jew fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jissupponi li d-data li jkun fiha tkun falza, il-Kummissjoni jew l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jistgħu jiskambjaw id-data li ġejja ma' l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru ieħor jew mal-Kummissjoni:
(a) l-isem tan-negozju;
(b) l-isem tal-kummerċ;
(ċ) l-indirizz tan-negozju;
(d) in-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT tan-negozju;
(e) in-numru ta' l-identifikazzjoni tat-taxxa tas-sisa ( 9 );
(f) informazzjoni dwar jekk in-numru ta' l-identifikazzjoni tal-VAT u/jew in-numru ta' l-identifikazzjoni tat-taxxa tas-sisa humiex jintużaw;
(g) l-ismijiet tal-maniġers, tad-diretturi u, jekk ikun hemm, ta' l-azzjonisti ewlenin tan-negozju';
(h) in-numru u d-data tal-ħruġ tal-fattura; kif ukoll
(i) l-ammont tal-fattura.
Dan l-Artikolu għandu japplika biss għal movimenti tal-merkanzija kif deskritt fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 2(1).
Artikolu 3
Meta l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu, bi tweġiba għal talba għal għajnuna amministrattiva jew għal komunikazzjoni li tkun ibbażata fuq dan ir-Regolament, li jieħdu azzjoni li tinvolvi miżuri li jistgħu jkunu implimentati biss bl-awtorizzazzjoni jew fuq it-talba ta' awtorità ġudizzjarja:
— kull informazzjoni hekk akkwsitata li tikkonċerna l-applikar tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola, jew għall-anqas
— dik il-parti tal-fajl meħtieġa ħalli titwaqqaf xi prattika ta' frodi,
għandha tkun ikkomunikata bħala parti mill-koperazzjoni amministrattiva li hemm ipprovdut għaliha f'dan ir-Regolament.
Madankollu, kull komunikazzjoni ta' din ix-xorta għandhu jkollha l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-awtorità ġudizzjarja jekk in-neċessità ta' awtorizzazzjoni bħal din toħroġ minn liġi nazzjonali.
TITOLU I
GĦAJNUNA FUQ TALBA
Artikolu 4
1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità l-mitluba għandha tittrasmettilha xi informazzjoni li tkun tista' tgħinha biex tassigura konformità mad-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola, u b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw:
— l-applikar ta' dazji doganali u ħlas li jkollu effett ekwivalenti flimkien ma' taxxi agrikoli u ħlas ieħor li hemm ipprovdut għalih fil-politika komuni agrikola jew l-arranġamenti speċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli,
— operazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta' finanzjar mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija.
2. Sabiex takkwista l-informazzjoni mitluba, l-awtorità l-mitluba jew l-awtorità amministrattiva li lilha tkun saret it-talba għandha tipproċedi bħallikieku qiegħda taġixxi minn jeddha jew fuq talba ta' xi awtorità oħra fil-pajjiż tagħha stess.
Artikolu 5
Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità l-mitluba għandha tforniha b'kull attestazzjoni, dokument jew kopja awtentikata ta' dokument fil-pussess tagħha jew akkwistati bil-manjiera riferuta fl-Artikolu 4(2) li għandu x'jaqsam ma' l-operazzjonijiet koperti bil-leġislazzjoni doganali jew agrikola.
Artikolu 6
1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità l-mitluba għandha, waqt li tosserva r-regoli eżistenti fl-Istat Membru li fih tkun ibbażata, tinnotifika lid-destinatarju jew tara li jkun innotifikat bl-istrumenti jew deċiżjonijiet kollha li joħorġu mill-awtoritajiet amministrattivi u li jikkonċernaw l-applikar tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.
2. Talbiet għal notifika, li jsemmu s-suġġett ta' l-istrument jew deċiżjoni li għandu jkun ikkomunikat, għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'lingwa uffiċjali ta' l-Istat Membru li fih l-awtorità l-mitluba tkun ibbażata, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' dan ta' l-aħħar li jirrinunzja traduzzjoni bħal dik.
Artikolu 7
Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità l-mitluba għandha sa fejn ikun possibbli żżomm għassa speċjali jew tirranġa sabiex tinżamm għassa speċjali fiż-żona ta' operazzjoni tagħha:
(a) fuq persuni, u aktar partikolari fuq il-movimenti tagħhom, fejn ikun hemm bażi raġjonevoli li wieħed jemmen li dawn ikunu qegħdin jiksru l-leġislazzjoni doganali jew agrikola;
(b) fuq postijiet fejn l-oġġetti jkunu maħżuna b'tali mod li jinħoloq suspett li dawn ikunu intenzjonati biex ifornixxu operazzjonijiet li jmorru kontra leġislazzjoni doganali jew agrikola;
(ċ) fuq iċ-ċaqlieq ta' oġġetti meqjusa li jwasslu għal ksur potenzali tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola;
(d) fuq mezzi ta' trasport, meta jkun hemm bażi raġjonevoli li wieħed jemmen li dawn ikunu qegħdin jintużaw sabiex titwettaq operazzjoni bi ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.
Artikolu 8
Fuq talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità l-mitluba għandha tagħmel disponibbli kull informazzjoni fil-pussess tagħha jew akkwistata bil-manjiera riferuta fl-Artikolu 4(2), u b'mod partikolari rapporti u dokumenti oħra jew kopji awtentikati tagħhom jew estratti minnhom, li jikkonċernaw operazzjonijiet misjuba jew ippjanati li jikkostitwixxu, jew li l-awtorità applikanti tqis li jikkostitwixxu, ksur ta' leġislazzjoni doganali jew agrikola jew, fejn applikabbli, jikkonċernaw is-sejbiet ta' l-għassa speċjali mwettqa skond l-Artikolu 7.
Madankollu, dokumenti oriġinali u oġġetti għandhom ikunu pprovduti biss meta dan ma jmurx kontra l-leġislazzjoni eżistenti fl-Istat Membru li fih tkun ibbażata l-awtorità l-mitluba.
Artikolu 9
1. L-awtorità l-mitluba għandha, fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti twettaq, jew tirranġa biex jitwettqu, l-inkjesti amministrattivi xierqa li jikkonċernaw operazzjonijiet li jikkostitwixxu, jew li l-awtorità applikanti tqis li jikkostitwixxu, ksur ta' leġislazzjoni doganali jew agrikola.
L-awtorità l-mitluba jew l-awtorità amministrattiva li lilha tkun saret it-talba għandha twettaq inkjesti amministrattivi bħalli kieku qiegħda taġixxi minn jeddha jew fuq talba ta' xi awtorità oħra fil-pajjiż tagħha stess.
L-awtorità l-mitluba għandha tikkomunika r-riżultati ta' dawn l-inkjesti amministrattivi lill-awtorità applikanti.
2. Bi ftehim bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità l-mitluba, uffiċjali maħtura mill-awtorità applikanti jistgħu jkunu preżenti waqt l-inkjesti amministrattivi riferuti fil-paragrafu 1.
Inkjesti amministrativi għandhom f'kull waqt jitwettqu mill-impjegati ta' l-awtorità l-mitluba. L-impjegati ta' l-awtorità applikanti ma jistgħux, fuq l-inizjattiva tagħhom stess, jassumu poteri ta' spezzjonar li huma mogħtija lill-uffiċjali ta' l-awtorità l-mitluba. Huma, madankollu, għandu jkollhom aċċess għall-istess postijiet u l-istess dokumenti bħal dawn ta' l-aħħar, permezz ta' l-intermedjarju tagħhom u għall-iskop uniku ta' l-inkjesta amministrattiva li tkun qiegħda titwettaq.
Sa kemm id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar proċeduri kriminali jirriservaw ċerti atti għal uffiċjali speċifikament innominati mil-liġi nazzjonali, l-impjegati ta' l-awtorità applikanti m'għandhomx jieħdu sehem f'dawk l-atti. Ikun x'ikun il-każ, dawn b'mod partikolari m'għandhomx jipparteċipaw f'tiftix ta' postijiet jew waqt l-interrogazzjoni formali ta' persuni taħt il-liġi kriminali. Huma, madankollu, għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni akkwistata suġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.
Artikolu 10
Bi ftehim bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità l-mitluba u skond l-arranġamenti stabbiliti minn din ta' l-aħħar, uffiċjali awtorizzati kif xieraq mill-awtorità applikanti jistgħu jakkwistaw, mill-uffiċċji fejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istat Membru li fih tkun ibbażata l-awtorità l-mitluba biex twettaq il-funzjonijiet tagħha, informazzjoni li tikkonċerna l-applikar tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli li tkun meħtieġa mill-awtorità applikanti u li toħroġ minn dokumentazzjoni li jkollhom aċċess għaliha l-impjegati ta' dawk l-uffiċji. Dawn l-uffiċjali għandhom ikunu awtorizzati li jieħdu kopji tad-dokumentazzjoni msemmija.
Artikolu 11
L-impjegati ta' l-awtorità applikanti preżenti fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 9 u 10 għandhom ikunu l-ħin kollu jistgħu jipproduċu awtorità bil-miktub li tiddikjara l-identità tagħhom u l-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.
Artikolu 12
Sejbiet, ċertifikati, informazzjoni, dokumenti, kopji awtentikati u xi tagħrif akkwistat mill-impjegati ta' l-awtorità l-mitluba u kkomunikati lill-awtorità applikanti waqt l-għajnuna li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikoli 4 sa 11 jistgħu ikunu invokati bħala evidenza mill-korpi kompetenti ta' l-Istati Membri ta' l-awtorità applikanti.
TITOLU II
GĦAJNUNA SPONTANJA
Artikolu 13
L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom, kif stabbilit fl-Artikoli 14 u 15, jipprovdu għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra mingħajr talba minn qabel.
Artikolu 14
Meta huma jikkunsidraw li tkun utli sabiex jassiguraw konformità mal-leġislazzjoni doganali jew agrikola, l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom:
(a) sa fejn ikun possibbli jżommu, jew jaraw li tinżamm, l-għassa speċjali deskritta fl-Artikolu 7;
(b) jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra ikkonċernati, l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħhom, u b'mod partikolari rapporti u dokumenti oħra jew kopji awtentikati jew estratti minnhom, li jikkonċernaw operazzjonijiet li jikkostitwixxu, jew jidhru li jikkostitwixxu, ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.
Artikolu 15
►M2 1. ◄ L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom immedjetament jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra kkonċernati l-informazzjoni kollha relevanti li tikkonċerna operazzjonijiet li jikkostitwixxu, jew li jidhrilhom li jikkostitwixxu, ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola, u li b'mod partikolari tikkonċerna l-oġġetti involuti u metodi u mezzi ġodda ta' kif jitwettqu dawk l-operazzjonijiet.
2. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jistgħu wkoll, permezz ta' skambju awtomatiku regolari jew permezz ta' skambju awtomatiku okkażjonali, jgħaddu informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat li jkunu rċevew dwar id-dħul, il-ħruġ, it-tranżitu, il-ħażna u l-użu aħħari ta' merkanzija, inkluż it-traffiku postali, li tgħaddi bejn it-territorju doganali Komunitarju u territorji oħra, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali Kommunitarju ta' merkanzija mhux Komunitarja u għall-użu aħħari, fejn ikun meħtieġ biex jimpedixxu u jidentifikaw operazzjonijiet li jiksru jew jidhru li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola.
Artikolu 16
L-informazzjoni akkwistata mill-impjegati ta' Stat Membru wieħed u kkomunikata lil Stat Membru ieħor waqt l-għajnuna li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikoli 13 sa 15 tista' tkun invokata bħala xhieda mill-korpi kompetenti ta' l-Istat Membru li jirċievi l-informazzjoni.
TITOLU III
RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI
Artikolu 17
1. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni malli l-informazzjoni tkun disponibbli għalihom:
(a) kull informazzjoni li huma jikkunsidraw relevanti rigward:
— oġġetti li kienu jew li huma ssuspettati li kienu l-oġġett ta' ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola,
— metodi jew prattiċi wżati jew issusspettati li kienu ntużaw biex tinkiser il-leġislazzjoni doganali jew agrikola,
— talbiet għal għajnuna, azzjoni meħudha u skambju ta' informazzjoni fl-applikar ta' l-Artikoli 4 sa 16 li jkunu kapaċi jikxfu tendenzi ta' frodi fil-qasam doganali u agrikolu;
(b) kull informazzjoni dwar nuqqas jew lakuna fil-leġislazzjoni doganali u agrikola li tkun saret apparenti jew li wieħed ikun jista' jiddeduċi mill-applikar ta' dik il-leġislazzjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru, malli kull informazzjoni li tkun tista' tgħinhom biex jinforzaw il-leġislazzjoni doganali jew agrikola ssir disponibbli.
Artikolu 18
1. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jsiru konxji ta' operazzjonijiet li jikkostitwixxu, jew li jidhru li jikkostitwixxu, ksur ta' leġislazzjoni doganali jew agrikola li jkunu ta' relevanza partikolari fuq livell ta' Komunità, u b'mod speċjali:
— meta dawn ikollhom, jew jista' jkollhom, ramifikazzjonijiet fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi, jew
— meta aktarx ikun jidher li l-awtoritajiet ta' hawn fuq li operazzjonijiet simili kienu wkoll imwettqa fi Stati Membri oħra,
huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni malajr kemm jista' jkun, jew fuq l-inizjattiva tagħhom jew b'rispons għal talba raġjonevoli mill-Kummissjoni, kull informazzjoni relevanti, ukoll jekk tkun fil-għamla ta' dokumenti jew kopji jew estratti minnhom, meħtieġa biex ikunu ddeterminati l-fatti sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tikkoordina l-passi meħudha mill-Istati Membri.
Il-Kummissjoni għandha twassal din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra.
Fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni ta' l-informazzjoni mgħoddija mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni sommarju tal-miżuri kontra l-frodi li jkunu ħadu fuq il-bażi ta' dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' dawk is-sommarji, għandha tħejji u tgħaddi rapporti b'mod regolari lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-miżuri li jkunu ħadu l-Istati Membri.
2. Meta l-awtoritajiet kompteneti ta' Stat Membru jinvokaw il-paragrafu 1, ma jkollhomx bżonn li jikkomunikaw l-informazzjoni li hemm disposizzjoni dwraha fl-Artikoli 14(b) u 15 lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat.
3. B'rispons għal talba raġjonevoli mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru għandhom jaġixxu bil-manjiera stabbilita fl-Artikoli 4 sa 8.
4. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li jkunu seħħew xi rregolaritajiet fi Stat Membru wieħed jew aktar, hi għandha tinforma lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati b'dan u dak l-Istat jew Stati Membri għandhom fl-ewwel opportunità jwettqu inkjesta, li fiha uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jkunu preżenti taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9(2) u 11 ta' dan ir-Regolament.
L-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom, malajr kemm jista' jkun, jikkomunikaw lill-Kummissjoni s-sejbiet ta' l-inkjesta.
5. Uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jiġbru l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 10 bil-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu bi ftehim komuni.
6. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizju għad-dritt tal-Kummissjoni għal informazzjoni u skrutinju bis-saħħa ta' leġislazzjoni oħra in vigore.
7. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità dwar l-istabbiliment ta' qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskju, id-data skambjata bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri skond l-Artikoli 17 u 18 tista' tinħażen u tintuża għall-finijiet ta' analiżi strateġika u operattiva.
8. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiskambjaw ir-riżultati ta' l-analiżijiet operattivi u strateġiċi li jsiru skond dan ir-Regolament.
Artikolu 18a
1. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta' l-Istati Membri, biex l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu megħjuna jidentifikaw il-moviment ta' merkanzija li tkun l-oġġett ta' operazzjonijiet li jistgħu jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u agrikola u l-mezzi ta' trasport, inklużi l-containers, użati għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tiġġestixxi direttorju ta' data li tasal mill-fornituri tas-servizzi, pubbliċi jew privati, li jkunu attivi fil-katina internazzjonali ta' forniment. Dak id-direttorju għandu jkun aċċessibbli b'mod dirett għal dawk l-awtoritajiet.
2. Fil-ġestjoni ta' dak id-direttorju, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa:
(a) li taċċessa jew tieħu l-kontenut tad-data, b'kull mezz u fi kwalunkwe forma, u li terġa' tuża d-data konformement mal-leġiżlazzjoni li tapplika għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; it-termini u l-proċeduri għall-aċċess jew l-estrazzjoni tad-data għandhom ikunu regolati b'arranġament tekniku bejn il-Kummissjoni, li taġixxi f'isem il-Komunità, u l-fornitur tas-servizz;
(b) li tqabbel u tikkuntrasta data li tkun aċċessibbli fid-direttorju jew li tkun ittieħdet minnu, li tindiċizzaha, li tarrikkiha b'sorsi oħra ta' data u li tanalizzaha konformement mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data ( 10 );
(ċ) li tagħmel id-data ta' dan id-direttorju disponibbli għall-awtoritajiet msemmija fl-Artikolu 1(1) bl-użu ta' teknika għall-ipproċessar tad-data elettronika.
3. Id-data msemmija f'dan l-Artikolu tikkonċerna b'mod partikolari l-movimenti tal-containers u/jew tal-mezzi ta' trasport u l-merkanzija u l-persuni konċernati minn dawk il-movimenti. Dawk għandhom jinkludu, fejn tkun disponibbli, id-data li ġejja:
(a) għall-moviment tal-containers:
— in-numru tal-container;
— l-istatus tat-tagħbija tal-container;
— id-data tal-moviment;
— it-tip ta' moviment (mgħobbi, mhux mgħobbi, trasbordat, dieħel, ħiereġ, eċċ.);
— isem il-bastiment jew ir-reġistrazzjoni tal-mezz ta' trasport;
— in-numru tal-vjaġġ;
— il-post;
— il-polza tat-tagħbija jew xi dokument ieħor tat-trasport;
(b) għall-moviment tal-mezzi ta' trasport:
— isem il-bastiment jew ir-reġistrazzjoni tal-mezz ta' trasport;
— il-polza tat-tagħbija jew xi dokument ieħor tat-trasport;
— l-għadd ta' containers;
— il-piż tat-tagħbija;
— id-deskrizzjoni u/jew l-kodifikazzjoni tal-merkanzija;
— in-numru ta' prenotazzjoni;
— in-numru tas-siġill;
— il-post ta' l-ewwel tagħbija;
— il-post tal-ħatt finali;
— il-postijiet tat-trasbord;
— id-data prevista tal-wasla fil-post fejn isir il-ħatt finali;
(ċ) għal persuni involuti fil-movimenti li għalihom japplikaw il-punti (a) u (b): il-kunjom, il-kunjom ta' xebba, l-isem, il-kunjomijiet ta' qabel, il-psewdonomi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, is-sess u l-indirizz;
(d) għal negozji involuti fil-movimenti li għalihom japplikaw il-punti (a) u (b): l-isem tan-negozju, l-isem tal-kummerċ, l-indirizz tan-negozju, in-numru ta' reġistrazzjoni, in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT u tat-taxxa tas-sisa, kif ukoll l-indirizzi tas-sidien, ta' l-aġenziji tal-bastimenti, tad-destinatarji, ta' l-aġenti tat-trasport, tat-trasportaturi u ta' intermedjarji jew persuni oħra involuti fil-katina internazzjonali ta' forniment.
4. Fi ħdan il-Kummissjoni, l-analisti magħżula biss għandhom is-setgħa li jipproċessaw id-data personali prevista taħt il-paragrafi 2(b) u 2(c).
Id-data personali li mhijiex meħtieġa biex jinkiseb l-għan previst għandha titħassar minnufih jew jitneħħewlha l-elementi li jikxfu l-identità. F'kull każ, id-data tista' tibqa' maħżuna għal mhux iktar minn tliet snin.
Artikolu 18b
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata sabiex tipprovdi taħriġ u kull forma ta' għajnuna, minbarra għajnuna finanzjarja, għall-uffiċjali ta' koordinazzjoni ta' pajjiżi terzi u ta' organizzazzjonijiet u aġenziji Ewropej u internazzjonali.
2. Il-Kummissjoni tista' toffri l-kompetenza, l-għajnuna teknika jew loġistika, it-taħriġ jew attività ta' komunikazzjoni jew kwalunkwe appoġġ operattiv ieħor lill-Istati Membri kemm sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament kif ukoll għat-twettiq tad-dmirijiet ta' l-Istati Membri fil-qafas ta' l-implimentazzjoni tal-koperazzjoni doganali msemmija fl-Artikoli 29 u 30 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 18c
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, dispożizzjonijiet dwar il-frekwenza tar-rappurtar, il-format tad-data fil-MIK u l-metodu tat-trasmissjoni tal-MIK.
Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 43a(2) sad-29 ta' Frar 2016.
TITOLU IV
RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI TERZI
Artikolu 19
Sakemm il-pajjiż terz konċernat ikun ikkuntratta legalment sabiex jipprovdi l-għajnuna meħtieġa sabiex jinġabru l-provi kollha ta' natura irregolari ta' l-operazzjonijiet li jidhru li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola jew biex jiddetermina l-firxa ta' l-operazzjonijiet li jkunu nstabu li jiksru dik il-leġiżlazzjoni, l-informazzjoni miksuba skond dan ir-Regolament tista' tiġi kkomunikata lilu:
— jew mill-Kummissjoni jew mill-Istat Membru kkonċernat, suġġett, fejn ikun xieraq, għall-ftehim minn qabel ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jkunu pprovdew l-informazzjoni; jew
— mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri kkonċernati fi ħdan il-qafas ta' azzjoni konġunta, jekk l-informazzjoni tkun ġiet provduta minn iktar minn Stat Membru wieħed, suġġett għall-ftehim minn qabel ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jipprovdu l-informazzjoni.
Komunikazzjoni bħal din minn Stat Membru għandha ssir konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li japplikaw għat-trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi.
Fil-każijiet kollha, għandu jiġi assigurat li r-regoli tal-pajjiż terz konċernat joffru l-istess livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak previst fl-Artikolu 45(1) u (2).
Artikolu 20
1. Biex jintlaħqu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista', taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19, twettaq missjonijiet amministrattivi u ta' koperazzjoni investigattiva tal-Komunità f'pajjiżi terzi b'kordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.
2. Il-missjonijiet tal-Komunità lejn pajjiżi terzi riferuti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu rregolati b'dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) huma jistgħu jitwettqu fuq l-inizjattiva tal-Kummisjoni, fejn xieraq fuq il-bażi ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Parlament Ewropew, jew fuq talba ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri;
(b) huma għandhom jitwettqu minn uffiċjali tal-Kummissjoni maħtura għal dak l-iskop u minn uffiċjali maħtura għal dak l-iskop mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernati;
(ċ) huma jistgħu wkoll, bi ftehim mal-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati, jitwettqu f'isem il-Komunità minn uffiċjali ta' Stat Membru, b'mod partikolari taħt ftehim ta' għajnuna bilaterali ma' pajjiż terz; f'dak il-każ il-Kummissjoni għandha tkun infurmata bir-riżultati tal-missjoni.
▼M2 —————
3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tal-missjonijiet imwettqa skond dan l-Artikolu.
Artikolu 21
1. Is-sejbiet u l-informazzjoni akkwistata matul il-missjonijiet tal-Komunità riferuti fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari dokumenti mwassla mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi kkonċernati, għandhom ikunu ttrattati skond l-Artikolu 45 ta' dan ir-Regolament.
2. L-Artikolu 12 għandu jkun japplika mutatis mutandis għas-sejbiet u informazzjoni riferuti fil-paragrafu 1.
3. Għall-iskopijiet ta' l-użu tagħhom skond l-Artikolu 12, dokumenti oriġinali akkwistati jew kopji awtentikati tagħhom għandhom jitwasslu mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, jekk dawn jitolbu hekk.
Artikolu 22
Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tpartit ta' l-informazzjoni fil-qafas ta' għajnuna amministrattiva reċiproka ma' pajjiżi terzi kull meta, skond it-tifsir ta' l-Artikolu 18 (1), din tkun ta' relevanza partikolari għall-effettività tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola skond dan ir-Regolament u l-informazzjoni tkun tidħol fl-iskop ta' dan ir-Regolament.
TITOLU V
SISTEMA TA' INFORMAZZJONI DOGANALI
Il-
1Ħolqien ta' Sistema ta' Informazzjoni Doganali
Artikolu 23
1. Sistema ta' informazzjoni awtomatika, is-“Sistema ta' Informazzjoni Doganali”, minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala l-“CIS”, hija b'hekk stabbilita biex tilħaq il-ħtiġijiet ta' l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli biex japplikaw il-leġislazzjoni dwar materji doganali jew agrikoli, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.
2. L-għan tal-CIS, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, għandu jkun li tassisti f'operazzjonijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni u prosekuzzjoni li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u agrikola, billi l-informazzjoni ssir disponibbli iktar malajr u b'hekk tiżdied l-effikaċja tal-proċeduri ta' koperazzjoni u kontroll ta' l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament.
3. L-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri jistgħu jużaw l-infrastruttura teknika tal-CIS fit-twettiq tad-doveri tagħhom fil-qafas tal-koperazzjoni doganali riferuta ►M2 fl-Artikolu 29 u fl-Artikolu 30 ◄ tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea.
F'każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tassigura l-immaniġġar tekniku ta' l-infrastruttura.
4. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 43 li jistabbilixxu dawk l-operazzjonijiet b'rabta mal-applikazzjoni tar-regolamenti agrikoli li jeħtieġu l-introduzzjoni tal-informazzjoni fil-CIS.
Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati sad-29 ta' Frar 2016.
▼M2 —————
6. L-Istati membri u l-Kummissjoni, minn hawn 'il quddiem riferuti bħala l-“imsieħba CIS”, għandhom jieħdu sehem fil-CIS taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan it-Titolu.
2
Operazzjoni u użu tal-CIS
Artikolu 24
Il-CIS għandha tikkonsisti minn faċilità ta' bażi ta' data ċentrali u għandha tkun aċċessibbli permezz ta' terminals f'kull Stat Membru u fil-Kummissjoni. Għandha tħaddan fiha biss data neċessarja biex tilħaq l-għan tagħha kif mistqarr fl-Artikolu 23(2), inkluża data personali, f'dawn il-kategoriji li ġejjin:
(a) merkanzija;
(b) mezzi tat-trasport;
(ċ) negozji;
(d) persuni;
(e) tendenzi ta' frodi;
(f) disponibbiltà ta' kompetenzi;
(g) merkanżija miżmuma, maqbuda jew konfiskata;
(h) flus kontanti kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1889/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar kontrolli fuq il-flus li deħlin jew ħerġin mill-Komunità ( 11 ) li ġew miżmumin, maqbudin jew konfiskati.
Artikolu 25
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, dispożizzjonijiet dwar l-elementi li għandhom ikunu inklużi fil-CIS marbuta ma' kull waħda mill-kategoriji imsemmija fl-Artikolu 24 sa fejn dan ikun meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tal-CIS. Id-data personali m'għandhiex tidher fil-kategorija msemmija fl-Artikolu 24(e). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 43a(2) sad-29 ta' Frar 2016.
2. Fir-rigward tal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 24(a) sa (d), l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża bħala data personali għandha tkun limitata għal dan li ġej:
(a) il-kunjom, il-kunjom ta' xebba, l-isem/ismijiet, il-kunjomijiet ta' qabel u l-psewdonomi;
(b) id-data u l-post tat-twelid;
(ċ) in-nazzjonalità;
(d) is-sess;
(e) in-numru, il-post u d-data tal-ħruġ tad-dokumenti ta' identità (passaporti, karti ta' l-identità, liċenzji tas-sewqan);
(f) l-indirizz;
(g) objettiv partikolari u l-karatteristiċi fiżiċi permanenti;
(h) kodiċi ta' preavviż li jindika xi storja ta' ġarr ta' arma, vjolenza jew ħarba;
(i) raġuni għall-inklużjoni tad-data;
(j) azzjoni suġġerita;
(k) in-numru ta' reġistrazzjoni tal-mezz tat-trasport.
3. Fir-rigward tal-kategorija msemmija fl-Artikolu 24(f), l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża bħala data personali għandha tkun limitata biss għall-ismijiet u l-kunjomijiet ta' l-esperti.
4. Fir-rigward tal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 24(g) u (h), l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża bħala data personali għandha tkun limitata għal dan li ġej:
(a) il-kunjom, il-kunjom ta' xebba, l-isem/ismijiet, il-kunjomijiet ta' qabel u l-psewdonomi;
(b) id-data u l-post tat-twelid;
(ċ) in-nazzjonalità;
(d) is-sess;
(e) l-indirizz.
5. Fil-każijiet kollha, l-ebda data personali li tikxef l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija ma' trade unions kif ukoll id-data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali m'għandha tiġi inkluża.
Artikolu 26
Il-prinċipji li ġejjin għandhom ikunu osservati fl-implementazzjoni tal-CIS meta data personali tkun ikkonċernata:
(a) il-ġbir u kull operazzjoni oħra għall-ipproċessar ta' data personali għandha tittwettaq b'ġustizzja u legalità;
(b) id-data għandha tkun miġbura għall-iskopijiet definiti fl-Artikolu 23(2) u mhux sussegwentement ipproċessata b'manjiera li ma tkunx kompatibbli ma' dawk l-iskopijiet;
(ċ) id-data għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva f'relazzjoni ma' l-iskopijiet li għaliha tiġi pproċessata;
(d) id-data għandha tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;
(e) id-data għandha tinżamm f'għamla li tippermetti identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun neċessarju għall-iskopijiet eżistenti.
Artikolu 27
1. Id-data personali li hija inkluża fil-kategoriji msemmija fl-Artikolu 24 għandha tiġi inkluża fil-CIS unikament għall-għanijiet ta' l-azzjonijiet proposti li ġejjin:
(a) osservazzjoni u rappurtar;
(b) sorveljanza diskreta;
(ċ) kontrolli speċifiċi; u
(d) analiżi operattiva.
2. Id-data personali li hija inkluża fil-kategoriji msemmija fl-Artikolu 24 tista' tiġi inkluża fil-CIS biss jekk, partikolarment fuq il-bażi ta' attivitajiet illegali li jkunu saru qabel jew ta' informazzjoni pprovduta permezz ta' għajnuna, ikun hemm indikazzjoni reali li l-persuna kkonċernata tkun wettqet, qiegħda twettaq jew tkun se twettaq operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola li huma ta' rilevanza partikolari fil-livell tal-Komunità.
Artikolu 28
1. Jekk l-azzjonijiet riferuti fl-Artikolu 27(1) jitwettqu, l-informazzjoni li ġejja tista', kollha kemm hi jew parti minnha, tinġabar u tkun transmessa lis-sieħeb fil-CIS li jkun issuġġerixxa l-azzjonijiet:
(a) il-fatt li l-merkanzija, mezz ta' trasport, negozju jew persuna rrappurtata jkunu nstabu;
(b) il-post, il-ħin u r-raġuni għall-verifika;
(ċ) ir-rotta u d-destinazzjoni tal-vjaġġ;
(d) persuni li jakkumpanjaw il-persuna kkonċernata jew l-okkupanti tal-mezz tat-trasport;
(e) mezz tat-trasport użat;
(f) oġġetti trasportati;
(g) iċ-ċirkostanzi li fihom ikunu nstabu: l-merkanzija, il-mezz tat-trasport, in-negozju jew il-persuna.
Meta informazzjoni bħal din tkun miġbura matul sorveljanza diskreta, għandhom jittieħdu passi sabiex jassiguraw li n-natura sigrieta tas-sorveljanza ma tkunx imqiegħda f'periklu.
2. Fil-kuntest tal-verifiki speċifiċi riferuti fl-Artikolu 27(1), persuni, meżżi tat-trasport u oġġetti jistgħu jkunu mfittxija sa fejn hu permissibbli skond il-liġijiet, regolamenti u proċeduri fl-Istati Membri li fihom it-tfittix ikun sejjer iseħħ. Jekk il-verifiki speċifiċi ma jkunux permissibbli skond il-liġi ta' Stat Membru, dawn għandhom awtomatikament ikunu mibdula minn dak l-Istat Membru f'osservar u rappurtaġġ jew sorveljanza diskreta.
Artikolu 29
1. Aċċess dirett għal data inkluża fil-CIS għandu jkun riservat biss għall-awtoritajiet nazzjonali nnominati minn kull Stat Membru u d-dipartimenti nnominati mill-Kummissjoni. Dawn l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu amministrazzjonijiet doganali, imma jistgħu wkoll jinkludu awtoritajiet oħra li jkunu kompetenti, skond il-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru fil-kwistjoni, biex jaġixxu ħalli jintlaħaq il-għan iddikjarat fl-Artikolu 23(2).
2. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet kompetenti nnominati minnu li jkollhom aċċess dirett għal-CIS li tistqarr, għal kull awtorità, għal liema data din jista' jkollha aċċess u għal liema skopijiet.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra skond il-każ. Għandha wkoll tinforma lill-Istati Membri kollha bid-dettalji korrispondenti li jikkonċernaw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni awtorizzati li jkollhom aċċess għal-CIS.
Il-lista ta' awtoritajiet nazzjonali u dipartimenti tal-Kummissjoni hekk innominati għandhom ikunu ppubblikati mill-Kummissjoni għall-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
3. Minkejja d-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jippermetti aċċess għal-CIS minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali, basta li, fejn relevanti, ikun ġie konkluż protokoll fl-istess waqt ma' dawk l-organizzazzjonijiet f'konformità ma' l-Artikolu 7(3) tal-Konvenzjoni bejn Stati Membri u l-Komunità dwar l-użu tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni għal skopijiet doganali. Biex tintlaħaq id-deċiżjoni, għandhom ikunu ikkunsidrati b'mod partikolari xi arranġamenti bilaterali jew tal-Komunità u l-adegwatezza tal-livell tal-protezjoni tad-data.
Artikolu 30
1. L-imsieħba CIS jistgħu jużaw data akkwistata mill-CIS biss sabiex jilħqu l-għan imsemmi fl-Artikolu 23(2); madankollu, huma jistgħu jagħmlu użu minnha għal skopijiet amministrattivi jew oħrajn bl-awtorizzazzjoni bil-quddiem tas-sieħeb CIS li introduċa d-data fis-sistema suġġetta għall-kondizzjonijiet imposti minnha jew, fejn applikabbli, il-Kummissjoni, li tkun inkludietha fis-Sistema. Użu ieħor simili għandu jkun skond il-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru li jfittex li jużaha u, fejn xieraq, id-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-Kummissjoni f'dan ir-rigward u għandu jikkonsidra l-prinċipji stabbiliti fl-Anness.
2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 4 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 29(3), data akkwistata mill-CIS għandha tintuża biss mill-awtoritajiet nazzjonali jew mid-dipartimenti f'kull Stat Membru u mid-dipartimenti nnominati mill-Kummissjoni li jkunu kompetenti, skond il-liġijiet, regolamenti u proċeduri applikabbli għalihom, biex jaġixxu ħalli jintlaħaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 23(2).
3. Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni lista ta' l-awtoritajiet jew dipartimenti riferuti fil-paragrafu 2.
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra skond il-każ. Għandha wkoll tinforma lill-Istati Membri kollha bid-dettalji korrispondenti li jikkonċernaw lid-dipartimenti tal-Kummissjoni awtorizzati li jkollhom aċċess għal-CIS.
Il-lista ta' l-awtoritajiet jew dipartimenti hekk innominati għandha tkun ippubblikata mill-Kummissjoni għall-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
4. Data akkwistata mill-CIS tista', b'awtorizzazzjoni minn qabel, u suġġetta għal kull kondizzjoni imposta mill-Istat Membru li jkun inkludieha fis-Sistema, tkun ikkomunikata għall-użu minn awtoritajiet nazzjonali apparti minn dawk riferuti fil-paragrafu 2, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali li jixtiequ li jagħmlu użu minnha. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri speċjali biex jassigura s-sigurtà ta' dik id-data waqt li tkun trasmessa jew fornuta lill-dipartimenti li jkunu jinsabu barra mit-territorju tiegħu.
Id-disposizzjonijiet riferuti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-Kummissjoni meta din tkun daħħlet id-data fis-Sistema.
Artikolu 31
1. L-inklużjoni tad-data fil-CIS għandha tkun irregolata bil-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru li qiegħed iforniha u, fejn xieraq, id-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-Kummissjoni f'dan ir-rigward, sa kemm dan ir-Regolament ma jistabbilixxix disposizzjonijiet aktar stretti.
2. L-ipproċessar tad-data akkwistata mill-CIS, inkluż l-użu tagħha jew it-twettiq ta' kull azzjoni taħt l-Artikolu 27(1) issuġġerit mis-sieħeb CIS li qiegħed iforniha, għandu jkun irregolat bil-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru li qiegħed jipproċessa jew juża dik id-data u d-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-Kummissjoni f'dan ir-rigward, sa kemm dan ir-Regolament ma jistabbilixxix disposizzjonijiet aktar stretti.
3
Emendi tad-data
Artikolu 32
1. Is-sieħeb CIS li qiegħed iforni d-data biss għandu jkollu d-dritt li jemenda, iżid, jikkoreġi jew iħassar data li jkun daħħal hu fil-CIS.
2. Jekk sieħeb CIS li qiegħed iforni d-data, jinnota, jew tkun inġibditlu l-attenzjoni tiegħu, li d-data li hu jkun inkluda tkun fattwalment mhux preċiża jew tkun miżmuma kontra dan ir-Regolament, hu għandu jemenda, iżid, jikkorreġi jew iħassar id-data, kif xieraq, u għandu javża lill-imsieħba l-oħra CIS skond il-każ.
3. Jekk is-sieħeb CIS ikollu l-prova biex jissuġġerixxi li entratura fid-data tkun fattwalment mhux preċiża, jew li tkun inkluża jew miżmuma fil-CIS kontra dan ir-Regolament, hu għandu javża lis-sieħeb CIS li jkun forna d-data malajr kemm jista' jkun. Dan ta' l-aħħar għandu jivverifika d-data kkonċernata u, jekk neċessarju, jikkorreġi jew iħassar dik l-entratura mingħajr dewmien. Is-sieħeb CIS li jkun forna d-data għandu javża lill-imsieħba l-oħra b'kull korrezzjoni jew tħassir effettwat.
4. Jekk, meta jinkludi d-data fil-CIS, sieħeb CIS jinnota li r-rapport tiegħu jkun f'kunflitt ma' rapport preċedenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontenut jew azzjoni ssuġġerita, hu għandu immedjatament javża lis-sieħeb li jkun għamel ir-rapport preċedenti. Iż-żewġ imsieħba għandhom jippruvaw jirrisolvu l-materja. Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim, l-ewwel rapport għandu jibqa' jgħodd imma dawk il-partijiet tar-rapport il-ġdid li ma jkunux f'kunflitt għandhom ikunu inklużi fis-Sistema.
5. Suġġett għad-disposizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, meta xi qorti ta' Stat Membru, jew xi awtorità oħra nnominta għal dak il-għan f'dak l-Istat Membru, tieħu deċiżjoni finali biex temenda, iżżid, tikkorreġi jew tħassar data fil-CIS, l-imsieħba CIS għandhom jaġġornaw l-azzjoni tagħhom f'dak ir-rigward.
Fil-każ ta' kunflitt bejn dawk id-deċiżjonijiet tal-qrati jew awtoritajiet innominati għal dak il-għan inklużi dawk riferuti fl-Artikolu 36 li jikkonċernaw korrezzjoni jew tħassir, l-Istat Membru li jinkludi d-data fil-kwistjoni għandu jħassarha mis-Sistema.
Id-disposizzjonijiet ta' l-ewwel subparagrafu għandhom ikunu applikabbli mutatis mutandis meta deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar data li tkun tinstab fil-CIS tkun iddikjarata nulla mill-Qorti tal-Ġustizzja.
4
Żamma tad-data
Artikolu 33
1. Data inkluża fil-CIS għandha tinżamm għat-tul ta' żmien neċessarju biex jintlaħaq l-iskop li għalih tkun ġiet inkluża. Il-ħtieġa għaż-żamma tagħha għandha tkun riveduta mill-anqas darba kull sena mis-sieħeb CIS li jkun forniha.
2. L-imsieħeb CIS li jkun qed iforni jista', matul il-perjodu tar-reviżjoni, jiddeċiedi li jżomm id-data sar-reviżjoni li jkun imiss jekk iż-żamma tagħha tkun neċessarja għall-iskopijiet li dwarhom kienet ġiet inkluża. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36, jekk ma jkunx hemm deċiżjoni biex tinżamm id-data, din għandha awtomatikament tkun trasferita lejn dik il-parti tal-CIS li l-aċċess għaliha għandu jkun limitat skond il-paragrafu 4.
3. Il-CIS għandha awtomatikament tinforma lis-sieħeb CIS fornitur bit-trasferiment skedat tad-data mill-CIS taħt il-paragrafu 2, billi jagħti avviż ta' xahar wieħed.
4. Id-data trasferita taħt il-paragrafu 2 għandha tibqa' miżmuma għal sena waħda fil-CIS iżda, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 36, għandha tkun aċċessibbli biss għal rappreżentant tal-Kumitat riferut fl-Artikolu 43 b'konnessjoni ma' l-applikar tas-seba', it-tmienja u d-disa' indents tal-paragrafu 4 tiegħu, u l-paragrafu 5 tiegħu, jew għal awtoritajiet ta' superviżjoni riferuti fl-Artikolu 37. Matul dak il-perijodu d-data tista' tkun ikkonsultata biss għall-iskopijiet ta' verifika dwar l-eżattezza u l-legalità tagħhom. Wara dan huma għandhom ikunu mħassra.
5
Protezzjoni ta' dettalji personali
Artikolu 34
1. Kull sieħeb CIS li jkollu l-intenzjoni li jirċievi data personali mill-CIS, jew jinkludiha fiha għandu, mhux aktar tard mid-data ta' l-applikar ta' dan ir-Regolament, jadotta leġislazzjoni nazzjonali, jew regoli interni applikabbli għall-Kummissjoni, li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' l-individwi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ipproċessar ta' data personali.
2. Sieħeb CIS jista' jirċievi data personali mill-CIS, jew jinkludiha fih biss meta l-arranġamenti għall-protezzjoni ta' dik id-data li hemm ipprovdut għaliha fil-paragrafu 1 jkunu daħlu fis-seħħ. Kull Stat Membru għandu wkoll ikun innomina minn qabel awtorità jew awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali kif hemm ipprovdut għalihom fl-Artikolu 37.
3. Biex ikun assigurat l-applikar korrett tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqisu l-CIS bħala sistema ta' pproċessar tad-data personali li hija suġġetta:
— għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva (KE) Nru 95/46/KE;
— għar-Regolament (KE) Nru 45/2001; u
— u għal dispożizzjonijiet iktar stretti ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 35
1. Suġġett għall-Artikolu 30(1), l-imsieħba fil-CIS għandhom ikunu pprojbiti milli jużaw data personali mill-CIS għal finijiet li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 23(2).
2. Id-data tista' tiġi duplikata biss għall-finijiet tekniċi, sakemm din id-duplikazzjoni tkun meħtieġa għal tiftix mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 29.
3. Id-data personali fil-CIS imdaħħla minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni ma tistax tiġi kkupjata f'sistemi ta' pproċessar tad-data li għalihom huma responsabbli l-Istati Membri jew il-Kummissjoni, ħlief f'sistemi ta' ġestjoni tar-riskju użati biex isiru kontrolli doganali nazzjonali jew fis-sistema ta' analiżi operattiva użata biex tikkoordina azzjonijiet fil-livell Komunitarju.
F'dak il-każ, huma biss l-analisti magħżula mill-awtoritajiet nazzjonali ta' kull Stat Membru u dawk magħżula mis-servizzi tal-Kummissjoni li għandu jkollhom is-setgħa li jipproċessaw id-data personali miksuba mill-CIS fil-qafas rispettivament ta' sistema ta' ġestjoni tar-riskji użata biex isiru kontrolli doganali minn awtoritajiet nazzjonali jew fil-qafas ta' sistema ta' analiżi operattiva użata biex tikkoordina l-azzjonijiet fil-livell Komunitarju.
L-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni lista tas-servizzi tal-ġestjoni tar-riskji li l-analisti tagħhom huma awtorizzati li jikkupjaw u jipproċessaw data personali mdaħħla fil-CIS. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra skond il-każ. Għandha tipprovdi wkoll lill-Istati Membri kollha bl-informazzjoni korrispondenti rigward is-servizzi tagħha responsabbli għall-analiżi operattiva.
Il-lista ta' awtoritajiet nazzjonali u servizzi tal-Kummissjoni nominati għandha tiġi pubblikata mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Id-data personali kkupjata mill-CIS għandha tinżamm biss għat-tul ta' żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li għalih tkun ġiet ikkupjata. Il-ħtieġa taż-żamma tagħha għandha tkun riveduta mill-anqas darba kull sena mill-imsieħeb tal-CIS li jkun ikkupjaha. Il-perijodu massimu ta' ħażna ma jistax jeċċedi l-għaxar snin. Id-data personali li mhix meħtieġa għat-tkomplija ta' l-analiżi għandha titħassar minnufih jew jitneħħewlha l-elementi ta' identifikazzjoni.
Artikolu 36
1. Id-drittijiet ta' persuni f'dak li għandu x'jaqsam ma' data personali fil-CIS, b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-aċċess, għandhom jidħlu fis-seħħ:
— bi qbil mal-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru li fih dawn id-drittijiet ikunu invokati,
— bi qbil mar-regoli interni applikabbli għall-Kummissjoni riferuti fl-Artikolu 34(1).
Jekk stabbiliti fil-liġijiet, regolamenti jew proċeduri ta' l-Istat Membru ikkonċernat, l-awtorità nazzjonali ta' superviżjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 37 għandha tiddeċiedi jekk l-informazzjoni għandhiex tkun ikkomunikata u xi tkun il-proċedura biex isir dan.
2. Sieħeb CIS li lilu ssir applikazzjoni għal aċċess ta' data personali jista' jirrifjuta l-aċċess jekk il-komunikazzjoni ta' din aktarx li tkun tippreġudika l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' l-operazzjonijiet li jkunu fi ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola. Stat Membru jista' wkoll jirrifjuta l-aċċess skond kif ikun hemm ipprovdut fil-liġijiet, regolamenti jew proċeduri tiegħu f'relazzjoni ma' każijiet meta rifjut bħal dak jikkostitwixxi miżura neċessarja biex tissalvagwardja s-sigurtà nazzjonali, d-difiża, s-sigurtà pubblika u d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn. Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta l-aċċess meta rifjut bħal dan jikkostitwixxi miżura neċessarja biex tissalvagwardja d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.
F'kull każ, l-aċċess jista' jiġi miċħud lil kwalunkwe persuna li d-data tagħha tiġi pproċessata matul il-perjodu li fih jitwettqu l-azzjonijiet għall-finijiet ta' osservazzjoni u ta' rappurtar jew ta' sorveljanza diskreta kif ukoll matul il-perjodu li fih tkun qiegħda ssir l-analiżi operattiva tad-data jew waqt li tkun għaddejja l-inkjesta amministrattiva jew l-investigazzjoni kriminali.
3. Jekk id-data personali li għaliha tkun saret applikazzjoni għal aċċess tkun ġiet fornuta minn sieħeb ieħor CIS, l-aċċess għandu jkun permissibbli biss jekk is-sieħeb li jkun forna d-data jkun ingħata l-opportunità li jistqarr il-posizzjoni tiegħu.
4. Kull persuna tista', bi qbil mal-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' kull Stat Membru jew mar-regoli interni applikabbli għall-Kummissjoni, jkollha data personali li tirreferi għaliha nnifisha ikkoreġuta jew imħassra mis-sieħeb CIS jekk dik id-data tkun fattwalment mhux preċiża, jew tkun inkluża jew miżmuma fil-CIS kontra l-għan mistqarr fl-Artikolu 23(2) jew jekk il-prinċipji ta' l-Artikolu 26 ma jkunux ġew osservati.
5. Fit-territorju ta' kull Stat Membru, kull persuna tista', bi qbil mal-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru fil-kwistjoni, tressaq azzjoni jew, jekk xieraq, ilment quddiem il-qrati jew l-awtorità nnominata għal dak l-iskop, bi qbil ma' dawk il-liġijiet, regolamenti u proċeduri, b'konnessjoni ma' data personali dwarha nnifisha fil-CIS, sabiex:
(a) tikkorreġi jew tħassar data personali li ma tkunx fattwalment preċiża;
(b) tikkorreġi jew tħassar data personali inkluża jew miżmuma fil-CIS kontra dan ir-Regolament;
(ċ) takkwista aċċess għal data personali;
(d) takkwista kumpens taħt l-Artikolu 40(2).
F'dak li għandu x'jaqsam ma' data inkluża mill-Kummissjoni, azzjoni tista' titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bi qbil ma' l-Artikolu 173 tat-Trattat.
L-Istati Membr u l-Kummissjoni jintrabtu reċiprokament li jinfurzaw id-deċiżjonijiet finali meħudha minn qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja jew xi awtorità oħra nnominata għal dak il-għan li tikkonċerna punti (a), (b) u (c) ta' l-ewwel subparagrafu.
6. Ir-referenzi f'dan l-Artikolu u fl-Artikolu 32(5) għal “deċiżjoni finali” ma jimplikaw l-ebda obbligazzjoni minn ebda Stat Membru u lanqas mill-Kummissjoni għal appell kontra deċiżjoni meħudha minn qorti jew awtorità oħra nnominata għal dak il-għan.
6
Superviżjoni ta' protezzjoni ta' data personali
Artikolu 37
1. Kull Stat Membru għandu jiddelega awtorità jew awtoritajiet nazzjonali ta' superviżjoni li jkunu responsabbli mill-protezzjoni ta' data personali biex iwettqu superviżjoni indipendenti ta' dik id-data inkluża fil-CIS.
L-awtoritajiet ta' superviżjoni, f'konformità mal-leġislazzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, għandhom iwettqu superviżjoni u verifika indipendenti biex jassiguraw li l-ipproċessar u l-użu tad-data miżmuma mill-CIS ma jiksrux id-drittijiet ta' dawk li jkunu s-suġġett tad-data. Għal dan l-iskop l-awtoritajiet ta' superviżjoni għandhom ikollhom aċċess għall-CIS.
2. Kwalunkwe persuna tista' titlob lil kwalunkwe awtorità nazzjonali ta' sorveljanza prevista fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE jew lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data previst fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-aċċess għad-data personali li tikkonċerna lilha sabiex tivverifika li d-data hija preċiża u biex issir taf għalxiex intużat jew qiegħda tintuża. Dan id-dritt għandu jkun irregolat bil-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta' l-Istat Membru li fih issir it-talba jew bir-Regolament (KE) Nru 45/2001, skond il-każ. Jekk din id-data tkun ġiet imdaħħla minn Stat Membru ieħor jew mill-Kummissjoni, il-verifika għandha ssir b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtorità nazzjonali ta' kontroll ta' dan l-Istat Membru ieħor jew mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
3. Il-Kummissjoni għandha tieħu kull pass fid-dipartimenti tagħha biex tassigura s-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data personali li toffri s-salvagwardi ta' livell ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-paragrafu 1.
3a. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jikkontrolla l-konformità tal-CIS mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
4. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jsejjaħ laqgħa għall-inqas darba fis-sena ma' l-awtoritajiet nazzjonali kollha għall-kontroll tal-protezzjoni tad-data li huma kompetenti dwar kwistjonijiet ta' kontroll relatati mal-CIS.
7
Sigurtà tad-data
Artikolu 38
1. Għandhom jittieħdu l-miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni xierqa neċessarji kollha biex tinżamm is-sigurtà:
(a) mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, kull wieħed sa fejn jikkonċerna lilu, f'dak li għandu x'jaqsam mat-terminals tal-CIS li jkunu jinsabu fit-territorji rispettivi tagħhom u fl-uffiċini tal-Kummissjoni;
(b) mill-Kumitat riferut fl-Artikolu 43 f'dak li għandu x'jaqsam mal-CIS u t-terminals li jkunu jinsabu fl-istess bini tal-CIS u wżati għal skopijiet tekniċi u għall-verifiki mitluba mill-paragrafu 3;
(ċ) mill-Kummissjoni għall-elementi Komunitarji tan-network komuni ta' komunikazzjoni.
2. B'mod partikolari, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Kumitat riferut fl-Artikolu 43 għandhom jieħdu miżuri:
(a) biex iżommu lil kull persuna mhux awtorizzata milli jkollha aċċess għall-installazzjonijiet użati għall-ipproċessar tad-data;
(b) biex ma jħallux data u mezzi li jwasslu data milli jinqraw, ikunu kkupjati, immodifikati jew imħassra minn persuni mhux awtorizzati;
(ċ) biex iżommu d-dħul mhux awtorizzat ta' data u kull konsultazzjoni, modifikazzjoni jew tħassir mhux awtorizzat ta' data;
(d) biex iżommu l-aċċess ta' data tal-CIS minn persuni mhux awtorizzati permezz ta' tagħmir ta' trasmissjoni ta' data;
(e) biex jiggarantixxu li, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-użu tal-CIS, persuni awtorizzati jkollhom id-dritt ta' l-aċċess biss għal dik id-data li jkollhom kompetenza fiha;
(f) biex jiggarantixxu li jkun possibbli li ssir il-verifika u jkun stabbilit lil-liema awtoritajiet tista' tkun trasmessa data permezz ta' tagħmir ta' trasmissjoni ta' data;
(g) biex jiggarantixxu li jkun possibbli li ssir il-verifika u jkun stabbilit ex post facto liema data tkun iddaħħlet fil-CIS, meta u minn min, u biex jimmonotorjaw l-interrogazzjoni;
(h) biex iżommu il-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzat ta' data matul it-trasmissjoni tad-data u t-trasport tal-mezzi li jwasslu d-data.
3. Bi qbil ma' l-Artikolu 43, il-Kummissjoni għandha tivverifika li t-tfittix li jkun twettaq kien awtorizzat jew kien imwettaq minn nies awtorizzati. Mill-anqas 1 % tat-tfittix kollu magħmul għandu jkun ivverifikat Reġistrazzjoni ta' dan it-tfittix u l-verifiki għandha tiddaħħal fis-sistema u għandha tintuża biss għal dawn il-verifiki. Għandha titħassar wara sitt xhur.
Artikolu 39
1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jaħtar dipartiment li jkun responsabbli għall-miżuri ta' sigurtà stabbiliti fl-Artikolu 38, f'dak li għandu x'jaqsam mat-terminals li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu, ir-reviżjoni tal-funzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33(1) u (2), u, b'mod ġenerali, għall-implimentazzjoni xierqa ta' dan ir-Regolament sa kemm dan ikun neċessarju taħt il-liġijiet, regolamenti u proċeduri tiegħu.
2. Il-Kummissjoni, għall-parti tagħha, għandha tinnomina dawk id-dipartimenti tagħha li jkunu responsabbli għall-miżuri riferuti fil-paragrafu 1.
8
Responsabbiltajiet u pubblikazzjoni
Artikolu 40
1. Kull sieħeb CIS li jkun inkluda data fis-Sistema għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni, l-aġġornament u l-legalità ta' dik id-data. Kull Stat Membru jew, fejn applikabbli, il-Kummissjoni għandhom ukoll ikunu responsabbli li jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament.
2. Kull sieħeb CIS għandu jkun responsabbli, bi qbil mal-liġijiet, regolamenti u proċeduri nazzjonali jew mad-disposizzjonijiet ekwivalenti tal-Komunità, tal-ħsarat ikkaġunati lil xi persuna bl-użu tal-CIS fl-Istat Membru ikkonċernat jew fil-Kummissjoni.
Dan għandu wkoll ikun il-każ meta l-offiża tkun ikkaġunata mis-sieħeb CIS fornitur li jdaħħal data mhux preċiża jew li jdaħħal data kontra dan ir-Regolament.
3. Jekk sieħeb CIS li tinġieb azzjoni kontra tiegħu rigward data mhux eżatta li fil-fatt ma jkunx forniha hu, l-imsieħba kkonċernati għandhom ifittxu ftehim dwar liema proporzjon, jekk ikun hemm, tas-sommom imħallsa b'kumpens għandhom ikunu mħallsa lura mis-sieħeb fornitur lis-sieħeb l-ieħor. Kull somma miftiehma bħal din għandha titħallas lura malli tintalab.
Artikolu 41
Il-Kummissjoni għandha tippubblika komunikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej rigward l-implimentazzjoni tal-CIS.
IT-TITOLU Va
DATABASE GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TA' FAJLS DOGANALI
1
It-twaqqif ta' database għall-identifikazzjoni ta' fajls doganali
Artikolu 41a
1. Il-CIS tinkludi wkoll database speċifika msejħa “Database għall-identifikazzjoni ta' fajls doganali” (“FIDE”). Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu, id-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament relatati mal-CIS għandhom japplikaw ukoll għall-FIDE, u kull referenza għall-CIS għandha tinkludi din id-database.
2. L-għanijiet tal-FIDE għandhom ikunu li tgħin biex timpedixxi operazzjonijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali u l-leġiżlazzjoni agrikola li japplikaw għall-merkanzija li tkun dieħla jew ħierġa mit-territorju doganali Komunitarju u biex tiffaċilita u taċċelera l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħhom.
3. L-għan tal-FIDE għandu jippermetti lill-Kummissjoni, meta tiftaħ fajl ta' koordinazzjoni fl-ambitu ta' l-Artikolu 18 jew meta tħejji missjoni Komunitarja f'pajjiż terz fl-ambitu ta' l-Artikolu 20, u lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru magħżula fir-rigward ta' inkjesti amministrattivi skond l-Artikolu 29, meta jiftħu file investigattiv jew jinvestigaw persuna jew intrapriża waħda jew iktar, biex jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra jew id-dipartimenti tal-Kummissjoni li qegħdin jew kienu qegħdin jinvestigaw il-persuni jew l-intrapriżi kkonċernati, sabiex jinkisbu l-għanijiet speċifikati fil-paragrafu 2 permezz ta' informazzjoni dwar l-eżistenza ta' fajls investigattivi.
4. Jekk l-Istat Membru jew il-Kummissjoni, filwaqt li jkunu qegħdin ifittxu fil-FIDE, ikunu jeħtieġu aktar informazzjoni dwar fajls investigattivi dwar persuni jew intrapriżi, għandhom jitolbu l-għajnuna ta' l-Istat Membru fornitur.
5. L-awtoritajiet doganali ta' l-Istati Membri jistgħu jużaw il-FIDE fil-qafas tal-koperazzjoni doganali previst fl-Artikoli 29 u 30 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tassigura l-ġestjoni teknika tad-database.
2
L-operazzjoni u l-użu tal-FIDE
Artikolu 41b
1. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jdaħħlu d-data mill-fajls ta' l-investigazzjoni fil-FIDE għall-finijiet definiti fl-Artikolu 41a(3) dwar każijiet li jiksru l-leġiżlazzjoni doganali jew il-leġiżlazzjoni agrikola li tapplika għall-merkanzija li tkun dieħla jew ħierġa mit-territorju doganali Komunitarju u li tkun ta' rilevanza partikolari fil-livell Komunitarju. Id-data għandha tinkludi l-kategoriji li ġejjin biss:
(a) il-persuni u l-intrapriżi li huma jew kienu suġġett ta' inkjesta amministrattiva jew ta' investigazzjoni kriminali mis-servizzi rilevanti ta' Stat Membru, u
— li huma suspettati li qegħdin iwettqu jew li wettqu ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola jew li qegħdin jipparteċipaw jew li pparteċipaw f'operazzjoni li tikser tali leġiżlazzjoni;
— li huma s-suġġett ta' skoperta relatata ma' tali operazzjoni; jew
— li kienu suġġett ta' deċiżjoni amministrattiva jew ta' penali amministrattiva jew ġudizzjarja għal tali operazzjoni;
(b) il-qasam konċernat mill-fajl investigattiv;
(ċ) l-isem, in-nazzjonalità u d-dettalji tas-servizz rilevanti fl-Istat Membru u n-numru tal-fajl.
Id-data msemmija fil-punti (a), (b) u (c) għandha tiddaħħal b'mod separat għal kull persuna jew intrapriża. Il-ħolqien ta' rabtiet bejn dawn l-elementi ta' data huwa projbit.
2. Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tkun limitata biss għal dan:
(a) għall-persuni: il-kunjom, il-kunjom ta' xebba, l-isem, il-kunjomijiet ta' qabel u l-psewdonomu, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u s-sess;
(b) għall-intrapriżi: l-isem tan-negozju, l-isem tal-kummerċ, l-indirizz tan-negozju, in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT u/jew in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa tas-sisa.
3. Id-data għandha tiddaħħal għal perjodu ta' żmien limitat skond l-Artikolu 41d.
Artikolu 41c
1. L-introduzzjoni u l-konsultazzjoni tad-data fil-FIDE għandhom ikunu riżervati b'mod esklużiv għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 41a.
2. Kull konsultazzjoni tal-FIDE għandha tispeċifika d-data personali li ġejja:
(a) għall-persuni: l-isem u/jew il-kunjom, u/jew il-kunjom ta' xebba, u/jew il-kunjomijiet ta' qabel, u/jew il-psewdonomu, u/jew id-data tat-twelid;
(b) għall-intrapriżi: l-isem tan-negozju u/jew l-isem tal-kummerċ u/jew in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT u/jew in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa tas-sisa.
3
Il-ħżin tad-data
Artikolu 41d
1. Il-perjodu tal-ħażna tad-data għandu jiddipendi mil-liġijiet, mir-regolamenti u mill-proċeduri ta' l-Istat Membru li jforniha. Dawn huma l-perjodi massimi, ikkalkolati mid-data li fiha tiddaħħal id-data fil-fajl investigattiv, u li m'għandhomx jinqabżu:
(a) tliet snin ta' ħażna għal data li tikkonċerna l-fajls investigattivi kurrenti jekk ma tkunx ġiet osservata xi operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali u agrikola; id-data għandha titħassar qabel jekk tkun għaddiet sena mill-aħħar osservazzjoni;
(b) sitt snin ta' ħażna għal data li tikkonċerna inkjesti amministrattivi jew l-investigazzjonijiet kriminali li fihom tkun ġiet stabbilita operazzjoni li tikser il-leġiżlazzjoni doganali u agrikola iżda li ma tkunx wasslet għal deċiżjoni amministrattiva, kundanna jew ordni ta' ħlas ta' multa kriminali jew penali amministrattiva;
(ċ) għaxar snin ta' ħażna għal data li tikkonċerna inkjesti amministrattivi jew investigazzjonijiet kriminali li jkunu wasslu għal deċiżjoni amministrattiva, kundanna jew ordni ta' ħlas ta' multa penali jew penali amministrattiva.
Dawn il-perjodi m'għandhomx ikunu kumulattivi.
2. Matul l-istadji kollha ta' fajl investigattiv kif imsemmi fil-paragrafu 1(a), (b) u (c), hekk kif persuna jew intrapriża li għaliha japplika l-Artikolu 41(b) ma tibqax suspettata taħt il-liġijiet, regolamenti u proċeduri ta' l-Istat Membru fornitur, id-data li tikkonċerna lil din il-persuna jew l-intrapriża għandha titħassar minnufih.
3. Il-FIDE tħassar id-data b'mod awtomatiku hekk kif jgħaddi l-perjodu massimu tal-ħażna skond il-paragrafu 1.
TITOLU VI
FINANZJAMENT
Artikolu 42a
1. Dan ir-Regolament huwa l-att bażiku li fuqu huwa bbażat il-finanzjament ta' l-azzjonijiet kollha tal-Komunità stabbiliti fih, inklużi:
(a) l-ispejjeż kollha ta' installazzjoni u manutenzjoni ta' l-infrastruttura teknika permanenti li permezz tagħha jsiru disponibbli għall-Istati Membri r-riżorsi loġistiċi, dawk li jgħinuk taħdem f'uffiċċju, u dawk ta' l-informatika biex ikunu kkoordinati l-operazzjonijiet doganali konġunti, b'mod partikolari dawk ta' sorveljanza speċjali previsti fl-Artikolu 7;
(b) Ir-rimborż ta' l-ispejjeż tat-trasport, ta' l-akkomodazzjoni u ta' l-għajxien ta' kuljum tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-missjonijiet Komunitarji msemmija fl-Artikolu 20, fl-operazzjonijiet doganali konġunti organizzati minn jew b'mod konġunt mal-Kummissjoni kif ukoll fis-sessjonijiet ta' taħriġ, fil-laqgħat ad hoc u ta' tħejjija għal investigazzjonijiet amministrattivi jew azzjonijiet operattivi mmexxija mill-Istati Membri, meta dawn ikunu organizzati minn jew b'mod konġunt mal-Kummissjoni.
Meta l-infrastruttura teknika permanenti msemmija fil-punt (a) tintuża għall-finijiet tal-koperazzjoni doganali prevista fl-Artikoli 29 u 30 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-ispejjeż tat-trasport, ta' l-akkomodazzjoni kif ukoll ta' l-għajxien ta' kuljum tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom jitħallsu mill-Istati Membri;
(ċ) l-ispejjeż marbutin ma' l-akkwist, studju, żvilupp u manutenzjoni ta' l-infrastruttura tal-kompjuter (hardware), is-software u l-konnessjonijiet dedikati ta' networks, u ma' servizzi relatati ta' produzzjoni, appoġġ u taħriġ għall-finijiet ta' l-azzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament, partikolarment għall-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi;
(d) l-ispejjeż relatati mal-provvista ta' l-informazzjoni u ta' l-ispejjeż fuq azzjonijiet relatati li jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni, id-data u s-sorsi tad-data għall-finijiet tat-twettiq ta' l-azzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi;
(e) l-ispejjeż relatati ma' l-użu tal-CIS prevista fi strumenti adottati taħt l-Artikoli 29 u 30 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment fil-Konvenzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija ta' l-informatika fil-qasam tad-dwana stabbilita taħt l-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 ( 12 ), safejn dawn l-istrumenti jipprevedu li dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.
2. L-ispejjeż relatati ma' l-akkwist, studju, żvilupp u manutenzjoni ta' komponenti Komunitarji tan-network komuni ta' komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-paragrafu 1(c) għandhom jitħallsu wkoll mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-kuntratti neċessarji biex tassigura n-natura operattiva ta' dawn il-komponenti f'isem il-Komunità.
3. Mingħajr preġudizzju għall-ispejjeż relatati ma' l-operazzjoni tal-CIS u l-ammonti previsti permezz ta' kumpens skond l-Artikolu 40, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirrinunzjaw għat-talbiet kollha għal rimborż ta' l-ispejjeż relatati mal-forniment ta' informazzjoni jew ta' dokumenti jew għall-implimentazzjoni ta' investigazzjoni amministrattiva jew ta' kull azzjoni operattiva oħra skond dan ir-Regolament li jsiru fuq talba ta' Stat Membru jew tal-Kummissjoni, ħlief għall-ispejjeż ta' l-għajxien ta' kuljum (jekk ikun hemm) imħallsa lill-esperti.
TITOLU VII
DISPOSIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 43
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 23(4) tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-8 ta' Ottubru 2015. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.
3. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 23(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 23(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 43a
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ).
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 43b
Sad-9 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tevalwa:
— il-ħtieġa li tiġi estiża d-data tal-esportazzjoni li tinsab fid-direttorji msemmija fl-Artikoli 18a u 18d, billi tiġi inkluża data dwar oġġetti barra dik stipulata fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18a(4) u fil-punt (c) tal-Artikolu 18d(1), u
— il-fattibbiltà li tiġi estiża d-data li tinsab fid-direttorju dwar it-trasportazzjoni, billi tiġi inkluża data dwar l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u t-tranżitu ta' oġġetti fuq l-art jew bl-ajru.
Artikolu 44
Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ►M2 fit-Titoli V u Va ◄ , id-dokumenti li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament jistgħu jkunu sostitwiti b'informazzjoni kompjuterizzata prodotta f'kull għamla għall-istess skop.
Artikolu 45
1. Indipendentement mill-għamla, kull informazzjoni trasmessa skond dan ir-Regolament għandha tkun ta' natura kunfidenzali, inkluża d-data maħżuna fil-CIS. Għandha tkun koperta bl-obbligazzjonijiet ta' segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija lil informazzjoni simili kemm taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri li jirċevuha u taħt id-disposizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-awtoritajiet tal-Komunità.
B'mod partikolari, l-informazzjoni riferuta fl-ewwel subparagrafu ma tistax tintbagħat lil persuni apparti minn dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Komunità li l-funzjonijiet tagħhom ikunu jirrikjedu li jkunu jafuha jew jużawha. Lanqas ma tista' tintuża għal skopijiet oħra apparti minn dawk li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament, sakemm l-Istat Membru, jew il-Kummissjoni, li jkunu fornewha jew daħħluha fil-CIS ma jkunux espressament qablu, suġġett għal kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru jew mill-Kummissjoni u sa kemm komunikazzjoni jew użu bħal dak ma jkunx ipprojbit mid-disposizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità li tirċievi tkun ibbażata.
2. Mingħajr preġudizzji għad-disposizzjonijiet ►M2 fit-Titoli V u Va ◄ , informazzjoni li tikkonċerna persuni naturali u legali għandha tkun trasmessa taħt dan ir-Regolament biss meta jkun strettament neċessarju li jżommu, jinvestigaw jew jieħdu l-azzjonijiet rigward operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx ifixklu l-użu ta' l-informazzjoni akkwistata taħt dan ir-Regolament b'xi azzjoni jew proċeduri legali li jkunu sussegwentement mibdija f'dak li għandu x'jaqsam man-nuqqas ta' konformità mal-leġislazzjoni doganali jew agrikola.
L-awtorità kompetenti li tkun forniet dik l-informazzjoni għandha tkun innotifikata b'dan l-użu minnufih.
4. Meta l-Kummissjoni tkun innotifikata minn xi Stat Membru li aktar inkjesti jkunu eżoneraw mill-involviment fl-irregolaritajiet lil persuna naturali jew legali li isimha kien ġie trasmess taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha minnufih tinnotifika lill-partijiet kollha li lilhom kienu trasmessi dawn id-dettalji fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament. Il-persuna kkonċernata għandha mbagħad tieqaf milli tkun meqjusa li hi involuta fl-irregolarità li tkun bdiet in-notifika inizjali.
Meta d-data personali li jkollha x'taqsam mal-persuna kkonċernata tkun fil-CIS, din għandha titneħħa minnha.
Artikolu 46
Għall-iskopijiet ta' l-applikar ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex:
(a) jassiguraw kordinament intern effettiv bejn l-awtoritajiet amministrattivi riferuti fl-Artikolu 1(1);
(b) jistabbilixxu fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom il-koperazzjoni diretta neċessarja kollha bejn l-awtoritajiet li jkunu mogħtija s-setgħa speċifikament għal dak l-iskop.
Artikolu 47
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu bi ftehim komuni jekk ikunux meħtieġa proċeduri biex jassiguraw l-operat bla problemi ta' l-arranġamenti għal għajnuna-reċiproka li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari sabiex tkun evitata kull interruzzjoni ta' sorveljanza ta' persuni jew oġġetti meta din tista' tippreġudika s-sejba ta' operazzjonijiet fi ksur ta' leġislazzjoni doganali jew agrikola.
Artikolu 48
1. Dan ir-Regolament ma għandux jorbot lill-awtoritajiet amministrattivi ta' Stati Membr milli jagħtu lil xulxin għajnuna meta din aktarx li tkun inġurjuża għall-ordni pubblika (order public) jew interessi fundamentali oħra, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tad-data, ta' l-Istat Membru ta' fejn tkun ibbażata.
2. Raġunijiet għandhom jingħataw għal kull rifjut biex tingħata l-għajnuna.
Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata kmieni kemm jista' jkun b'kull rifjut ta' għajnuna u r-raġunijiet mogħtija għal dan ir-rifjut.
Artikolu 49
Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tkun innotifikata permezz ta' regolamenti oħra fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni deċiżjonijiet amministrattivi jew legali jew l-elementi prinċipali tagħhom li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikar tal-penalitajiet għal ksur tal-leġislazzjoni doganali jew agrikola f'każijiet li kienu s-suġġett tal-komunikazzjoni permezz ta' l-Artikoli 17 jew 18.
Artikolu 50
Mingħajr preġudizzju għall-ispejjeż marbuta ma' l-implimentazzjoni tal-CIS jew ħsarat taħt l-Artikolu 40, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirrinunzjaw t-talbiet kollha għall-ħlas lura ta' spejjeż involuti taħt dan ir-Regolament minn barra, fejn xieraq, f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħlasijiet lill-esperti.
Artikolu 51
Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-applikar fl-Istati Membri tar-regoli dwar proċedura kriminali jew għajnuna reċiproka f'materji kriminali, inklużi dawk dwar is-segretezza f'inkjesti ġudizzjarji.
Artikolu 51a
Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tippreżenta rapport kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 52
1. Ir-Regolament (KEE) Nru 1468/81 huwa rrevokat.
2. Referenzi magħmula għar-Regolament irrevokat għandhom jinftiehmu bħallikieku jirreferu għar-Regolament preżenti.
Artikolu 53
►M2 ————— ◄ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Għandu japplika mit-13 ta' Marzu 1998
▼M2 —————
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
KOMUNIKAZZJONI TA' DATA
( Artikolu 30(1) )
1. Komunikazzjoni lill-korpi pubbliċi oħra
Il-Komunikazzjoni ta' data lill-korpi pubbliċi għandha tkun permissibli biss jekk, f'każ partikolari:
(a) tkun teżisti obbligazzjoni legali ċara jew awtorizzazzjoni, jew bl-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità ta' superviżjoni; jew
(b) din id-data tkun essenzali għar-riċevitur biex iwettaq id-dover legali tiegħu, basta li l-għan tal-ġbir jew l-ipproċessar li jkun sejjer jiġi mwettaq mir-riċevitur ma jkunx inkompatibbli ma' l-għan oriġinali u li ma tkunx ipprojbita mill-obbligazzjonijiet legali tal-korp li jagħmel il-komunikazzjoni.
Komunikazzjoni hija eċċezzjonalment permissibbli jekk, f'każ partikolari:
(a) komunikazzjoni tkun bla ebda dubju fl-interess tas-suġġett tad-data u s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu jew jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jipperemettu preżunzjoni ċara ta' kunsens bħal dak; jew
(b) komunikazzjoni tkun neċessarja sabiex tantiċipa u twaqqaf periklu serju u imminenti.
2. Komunikazzjoni lil individwi privati
Il-kumunikazzjoni ta' data lil individwi privati għandha tkun permissibbli biss jekk f'każ partikolari, jkun hemm obbligazzjoni legali ċara jew awtorizzazzjoni, jew bl-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità ta' superviżjoni.
Komunikazzjoni lil individwi privati hija eċċezzjonalment permissibbli jekk, f'każ partikolari:
(a) komunikazzjoni tkun bla ebda dubju fl-interess tas-suġġett tad-data u s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu jew iċ-ċirkostanzi jkunu jipperemettu preżunzjoni ċara ta' kunsens bħal dak; jew
(b) komunikazzjoni tkun neċessarja sabiex tantiċipa u twaqqaf periklu serju u imminenti.
3. Komunikazzjoni internazzjonali
Komunikazzjoni ta' data lill-awtoritajiet barranin għandha tkun permissibbli biss:
(a) jekk tkun teżisti disposizzjoni legali ċara taħt liġi nazzjonali jew internazzjonali;
(b) fin-nuqqas ta' disposizzjoni bħal din, jekk il-komunikazzjoni tkun neċessarja għall-prevenzjoni ta' periklu serju u imminenti;
u la darba r-regolamenti domestiċi għall-protezzjoni tas-suġġett tad-data ma jkunux ippreġudikati.
4.1. Talbiet għall-komunikazzjoni
Suġġetti għal disposizzjonijiet speċifiċi li jinsabu f'leġislazzjoni nazzjonali jew fi ftehim internazzjonali, talbiet għall-komunikazzjoni ta' data għandhom jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-korp jew persuna li jkunu qegħdin jitolbuhom kif ukoll ir-raġunijiet għat-talba u l-objettiv tagħha.
4.2. Kondizzjonijiet li jirregolaw il-komunikazzjoni
Sa kemm huwa possibbli, il-kwalità tad-data għandha tkun ivverifikata mhux aktar tard minn qabel il-komunikazzjoni tagħha. Sa kemm huwa possibbli, fil-komunikazzjonijiet kollha ta' data deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll deċiżjonijiet biex ma ssirx prosekuzzjoni, għandhom ikunu indikati u mqiegħda f'bażi ta' data dwar opinjonijiet jew assessjar personali għandhom ikunu vverifikati mill-bidu qabel ma jkunu kkommunikati u l-grad ta' l-eżatezza u l-kwalità tagħhom ikunu indikati.
Jekk jinstab li d-data ma tkunx għadha preċiża u aġġornata, din ma għandhiex tkun ikkomunikata; jekk data skaduta jew li ma tkunx preċiża tkun ġiet ikkomunikata, il-korp tal-komunikazzjoni għandu jinforma sa fejn ikun possibbli lir-riċevituri kollha tad-data dwar in-nuqqas ta' konformità tagħha.
4.3. Salvagwardji għall-komunikazzjoni
Id-data kkomunikata lil korpi oħra, individwi privati u awtoritajiet barranin ma għandhiex tintuża għal skopijiet ħlief dawk indikati fit-talba għall-komunikazzjoni.
L-użu tad-data għal skopijiet oħra għandu, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 sa 4.2, ikun suġġett għall-ftehim mal-korp li qed jagħmel il-komunikazzjoni.
( 1 ) ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2048/88 (ĠU L. 185, tal-15.7.1988, p. 1).
( 2 ) ĠU C 56, tas-26.2.1993, p. 1; ĠU C 262, tat-28.9.1993, p. 8, u ĠU C 80, tas-17.3.1994, p. 12.
( 3 ) ĠU C 20, ta' l-24.1.1994, p. 85, u Opinjoni tas-16 ta' Jannar 1997 (ĠU C 33, tat-3.2.1997).
( 4 ) ĠU C 161, ta' l-14.6.1993, p. 15.
( 5 ) ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 (ĠU L. 90, tat-2.4.1987, p. 3).
( 6 ) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta' Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Kumunitajiet infushom (ĠU L 155, tas-7.6.1989, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2729/94 (Ġu Nru L. 293, tat-12.11.1994, p. 5).
( 7 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 ta' l-4 ta' Marzu li jikkonċerna irregolaritajiet u l-irkupru ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika komuni agrikola u l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 283/72 (ĠU L 67, ta' l-14.3.1991, p. 11).
( 8 ) ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.
( 9 ) Kif previst fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2073/2004 tas-16 ta' Novembru 2004 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxi tas-sisa (ĠU L 359, 4.12.2004, p. 1).
( 10 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
( 11 ) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 9.
( 12 ) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 33.
( 13 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).