EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01991L0477-20080728

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi (90/477/KEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/477/2008-07-28

1991L0477 — MT — 28.07.2008 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 1990

dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi

(90/477/KEE)

(ĠU L 256, 13.9.1991, p.51)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DIRETTIVA 2008/51/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Mejju 2008

  L 179

5

8.7.2008




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 1990

dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi

(90/477/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 a,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ( 1 ),

B’ kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku ( 3 ),

Billi l-Artikolu 8a tat-Trattat jipprovdi li s-suq internazzjonali għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern fih żona mingħajra fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond d-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

Billi, fil-laqgħa ta’ Fontainbleau fil-25 u 26 ta’ Ġunju 1984, il-Kunsill Ewropew espressament iddeċida li jabolixxi l-formalitajiet tal-pulizija u tad-dwana fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunità;

Billi l-abolizzjoni totali tal-kontrolli u tal-formalitajiet fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunita teħtieġ li ċerti kondizzjonijiet fundamentali jiġu mħarsa; billi fil-white paper tagħha ‘Sabiex jitkompla s-suq intern ’ il-Kummissjoni qalet illi l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà ta’ l-oġġetti ttrasportati u fuq il-persuni teħtieġ fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi;

Billi l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess ta’ l-armi fil-fruntieri interni tal-Kommunità tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor; billi l-kontrolli sistematiċi għandhom għaldaqstant jiġu aboliti fil-fruntieri interni tal-Kommunità;

Billi l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; billi għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni;

Billi in prinċipju m’għandux ikun permess li wieħed imur minn Stat Membru għall-ieħor meta jkollu fuqu arma; billi deroga minn dan hija biss aċċettabli jekk tiġi adottata proċedura li biha l-Istati Membri jiġu nnotifikati li arma tan-nar ser tinġieb fit-territorju tagħhom;

Billi, madanakollu, għandhom jiġu adottati regoli aktar flessibli dwar il-kaċċa u l-isparar fuq bersalji sabiex jiġi evitat t-tfixkil aktar minn dak li hemm bżonn għall-moviment liberu tal-persuni;

Billi d-Direttiva ma taffettwax id-dritt ta’ l-Istati Membri li jieħdu miżuri sabiex iwaqqfu l-kummerċ illegali fl-armi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



KAPITOLU 1

Il-qasam ta’ applikazzjoni

Artikolu 1

▼M1

1.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “arma tan-nar” tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-taqsima III ta’ l-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-taqsima II ta’ l-Anness I.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli jekk:

 ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar, u

 bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi faċilment konvertit hekk.

▼M1

1a.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “parti” tfisser kwalunkwe element jew element ta’ sostituzzjoni mfassal apposta għal arma tan-nar u li jkun essenzjali sabiex din taħdem, inklużi l-kanna, il-frame jew ir-receiver, is-slide jew iċ-ċilindru, il-bolt jew il-breech block, u kwalunkwe apparat imfassal jew adattat biex inaqqas il-ħoss ikkawżat mill-isparar ta’ arma tan-nar.

1b.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “komponent essenzjali” tfisser il-mekkaniżmu għall-għeluq, iċ-chamber u l-kanna ta’ arma tan-nar, li billi huma oġġetti separati, huma inklużi fil-kategorija ta’ l-armi tan-nar li fuqhom huma jiġu jew huma maħsuba li jiġu mmuntati.

1c.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “munizzjon” tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kaxxi ta’ l-iskrataċ, il-kaps, il-porvli tal-propellant, il-balal jew il-projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru rilevanti.

1d.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “traċċar” tfisser l-ittraċċar sistematiku ta’ l-armi tan-nar u, fejn possibbli, tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom mill-manifattur sax-xerrej bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri biex jiskopru, jinvestigaw u janalizzaw il-manifattura illeċita u t-traffikar illegali.

1e.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “sensar” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, minbarra negozjant, li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew sa ċertu punt fix-xiri, bejgħ jew arranġament tat-trasferiment ta’ armi.

▼M1

2.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew sa ċertu punt fil-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija jew il-konverżjoni ta’ armi tan-nar, tal-partijiet tagħhom u tal-munizzjon tagħhom.

▼M1

2a.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “manifattura illegali” tfisser il-manifattura jew l-immuntar ta’ l-armi tan-nar, tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom:

(i) minn kwalunkwe parti essenzjali ta’ tali armi tan-nar li jkunu ġew traffikati illegalment;

(ii) mingħajr awtorizzazzjoni, konformement ma’ l-Artikolu 4 minn awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih iseħħu l-manifattura jew l-immuntar; jew

(iii) mingħajr l-immarkar ta’ l-armi tan-nar mmuntati waqt il-manifattura, konformement ma’ l-Artikolu 4(1).

2b.  Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “traffikar illegali” tfisser l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsenja, il-moviment jew it-trasferiment ta’ l-armi tan-nar, tal-partijiet u l-munizzjon tagħhom, bi tluq mit-territorju ta’ Stat Membru jew b’passaġġ minn dan it-territorju lejn dak ta’ Stat Membru ieħor, jekk wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati ma jawtorizzax li dan isir skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew jekk l-armi tan-nar immuntati ma jkunux immarkati konformement ma’ l-Artikolu 4(1).

▼B

3.  Għall-fini ta’ din id-Direttiva, persuna tkun meqjusa residenti tal-pajjiż indikat fl-indirizz li jidher fuq dokument li juri l-post tar-residenza tagħha, bħalma hu passaport jew karta ta’ l-identità, li meta jsir il-kontroll fuq il-pussess jew l-akkwist, jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru jew lill-kummerċjant.

▼M1

4.  Il-“Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar” għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru lil persuna li b’mod legali tikseb pussess ta’ arma tan-nar u tużaha. Għandu jkun validu għal perjodu massimu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M’għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass użati minnu in konnessjoni miegħu. Irid dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla fil-pussess jew fil-karatteristiċi ta’ l-armi tan-nar, kif ukoll is-serq jew it-telf tagħhom, għandhom jiġu indikati fuq il-Pass.

▼B

Artikolu 2

1.  Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr ta’ armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersalji.

2.  Din id-Direttiva ma tapplikax għall-akkwist jew għall-pussess ta’ armi jew munizzjoni, skond il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, il-pulizija, u l-awtoritajiet pubbliċi jew minn kollezzjonisti u korpi interessati fl-aspetti kulturali jew storiċi ta’ l-armi u li huma magħrufa bħala tali mill-Istat Membru li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom. Lanqas ma tapplika għat-trasferimenti kummerċjali ta’ armi u munizzjoni tal-gwerra.

Artikolu 3

Fil-liġi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma aktar strinġenti minn dawk ipprovduti f’ din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet mogħtija lir-residenti ta’ l-Istati Membri fl-Artikolu 12(2).



KAPITOLU 2

Armonizzazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw l-armi tan-nar.

▼M1

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arma tan-nar jew komponent essenzjali tagħha li titqiegħed fis-suq tkun immarkata u rreġistrata konformement ma’ din id-Direttiva, jew li tkun ġiet diżattivata.

2.  Għall-finjiet ta’ l-identifikazzjoni jew l-ittraċċar ta’ kull arma tan-nar immuntata, l-Istati Membri, waqt il-manifattura ta’ kull arma tan-nar, għandhom jew:

(a) jesiġu li ssirilha marka unika inklużi l-isem tal-manifattur, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, in-numru tas-serje u s-sena tal-manifattura (jekk ma tkunx parti min-numru tas-serje). Dan għandu jkun bla ħsara għaż-żieda tat-trademark tal-manifattur. Għal dawn il-finijiet, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ Lulju 1969 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Marki ta’ Prova fuq Armi Żgħar (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni ta’ Brussell dwar il-Marki ta’ Prova”); jew

(b) iżommu fis-seħħ marka unika alternattiva u ta’ użu faċli li tuża numru jew kodiċi alfanumeriku, li tippermetti l-identifikazzjoni faċli, minn kull Stat, tal-pajjiż tal-manifattura.

Il-marka għandha tkun imwaħħla ma’ komponent essenzjali ta’ l-arma tan-nar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pakkett elementari ta’ munizzjon sħiħ ikun immarkat sabiex jipprovdi l-isem tal-manifattur, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta’ munizzjon. Għal dawn il-finijiet l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ l-1 ta’ Lulju 1969 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Marki ta’ Prova fuq Armi Żgħar tan-Nar.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-ħin tat-trasferiment ta’ arma tan-nar mill-ħażniet governattivi bil-ħsieb ta’ użu ċivili permanenti, din l-arma jkollha marka unika adegwata li tkun tippermetti lill-Istati li jidentifikaw faċilment il-pajjiż ta’ dan it-trasferiment.

3.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ negozjant ta’ l-armi fit-territorju tagħhom dipendenti fuq approvazzjoni, li tingħata fuq il-bażi almenu ta’ verifika ta’ l-integrità privata u professjonali u tal-kapaċitajiet tan-negozjant. Fil-każ ta’ persuna ġuridika, il-verifika għandha ssir fir-rigward tal-persuna li tkun qiegħda tmexxi l-impriża.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw, sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema kompjuterizzata tal-fajling tad-data, jew sistema ċentralizzata jew sistema deċentralizzata li tiggarantixxi aċċess lill-awtoritajiet awtorizzati għas-sistemi tal-fajling tad-data li fihom kull arma tan-nar suġġetta għal din id-Direttiva tkun irreġistrata. Din is-sistema tal-fajling għandha tirreġistra u żżomm għal mhux inqas minn 20 sena t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornitur u tal-persuna li takkwista jew tieħu pussess ta’ l-arma tan-nar.

In-negozjanti, matul il-perjodu ta’ attività tagħhom, għandhom jintalbu jżommu reġistru li fih għandhom jiġu rreġistrati l-armi tan-nar kollha suġġetti għal din id-Direttiva u li huma jirċievu jew li ma jibqgħux, flimkien ma’ tali partikularitajiet li jippermettu li l-arma tan-nar tiġi identifikata u ttraċċata, b’mod partikulari t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u in-numru tas-serje tagħha u l-ismijiet u l-indirizzi tal-persuni li jfornu u li jakkwistawha. Meta jieqaf mill-attivitajiet tiegħu, in-negozjant għandu jagħti r-reġistru lill-awtorità nazzjonali responsabbli mis-sistema ta’ fajling stipulata fis-subparagrafu 1.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-armi tan-nar kollha jkunu jistgħu jiġu assoċjati mas-sidien attwali tagħhom. Iżda, fir-rigward ta’ l-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija D, l-Istati Membri għandhom jattwaw, sa mit-28 ta’ Lulju 2010, miżuri xierqa ta’ ttraċċar, inklużi, sa mill-31 ta’ Diċembru 2014, miżuri li jippermettu assoċjazzjoni mas-sid attwali ta’ l-armi tan-nar li jitqiegħdu fis-suq wara it-28 ta’ Lulju 2010.

▼M1

Artikolu 4a

Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar minn persuni li jkunu ngħataw liċenzja jew, fir-rigward tal-kategoriji C jew D, li jkunu speċifikament awtorizzati li jakkwistaw u jkollhom pussess ta’ tali armi tan-nar jagħmlu dan konformement mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 4b

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu sistema li tirregola l-attivitajiet tas-sensara. Tali sistema għandha mnejn tinkludi miżura waħda jew aktar bħal:

(a) rekwiżit ta’ reġistrazzjoni ta’ sensara li joperaw fit-territorju tagħhom;

(b) rekwiżit ta’ l-għoti ta’ liċenzja jew awtorizzazzjoni ta’ l-attivita’ ta’ senserija.

▼M1

Artikolu 5

Bla ħsara għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li:

(a) ikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief fil-każ ta’ l-akkwist, b’mod ieħor milli permezz tax-xiri, u l-pussess ta’ armi tan-nar għal kaċċa u sparar fuq bersall, bil-kondizzjoni li f’dak il-każ persuni li jkollhom inqas minn 18-il sena jkollhom il-permess tal-ġenituri, jew ikunu taħt il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta’ adult li jkollu liċenzja valida ta’ l-armi tan-nar jew tal-kaċċa jew ikunu f’ċentru ta’ taħriġ liċenzjat jew approvat xort’oħra;

(b) mhux probabbli li jkunu ta’ periklu għalihom infushom, għall-ordni pubblika jew għas-sikurezza pubblika. Il-fatt li wieħed ikun instab ħati ta’ reat intenzjonat vjolenti jitqies bħala indikattiv ta’ tali periklu.

L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-awtorizzazzjoni għall-pussess ta’ arma tan-nar jekk kwalunkwe kondizzjoni li fuq il-bażi tagħha tkun inħarġet ma tibqax issodisfata.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom milli jkollhom pussess ta’ arma akkwistata fi Stat Membru ieħor sakemm l-akkwist ta’ arma bħal din ma jkunx ipprojbit fit-territorju tagħhom stess.

▼B

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa sabiex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u tal-munizzjoni kklassifikata fil-kategorija A. F’każijiet speċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaaw l-akkwist ta’ dawn l-armi u munizzjoni fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà u l-ordni pubbliku.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, ħlief fir-rigward tan-negozjanti, l-akkwist ta’ armi tan-nar u l-partijiet tagħhom u ta’ munizzjon permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni ta’ konsumaturi fir-rigward ta’ kuntratti b’distanza ( 4 ) fejn awtorizzat, għandu jkun kkontrollat b’mod strett.

▼B

Artikolu 7

1.  Ħadd ma jista’ jakkwista arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru.

L-ebda awtorizzazzjoni ma tista’ tingħata lil resident ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ftehim minn qabel ma’ l-Istat Membru ta’ l-aħħar.

2.  Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar li hija kklassifikata fil-kategorija B fit-territorju ta’ Stat Membru sakemm ma jkunx awtorizzat minn dak l-Istat Membru. Jekk huwa residenti ta’ Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat b’dan.

3.  L-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jixtri jew ikollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B, tista’ tingħata permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva waħda.

▼M1

4.  L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu lil persuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ arma tan-nar, liċenzja pluriennali għall-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar kollha li jkunu suġġetti għal awtorizzazzjoni, bla ħsara għal dawn li ġejjin:

(a) l-obbligu li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar trasferimenti;

(b) il-verifika perjodika li dawk il-persuni għadhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet; u

(c) il-limiti massimi għall-pussess stipulati fil-liġi nazzjonali.

5.  L-Istati Membri għandhom jadottaw regoli biex jiżguraw li l-persuni li jkollhom awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar fil-kategorija B fis-seħħ skond il-liġi nazzjonali sa mit-28 ta’ Lulju 2008 ma jkollhomx bżonn japplikaw għal liċenzja jew permess rigward l-armi tan-nar li jkollhom fil-kategoriji C jew D minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 ( 5 ). Madankollu, kwalunkwe trasferiment sussegwenti ta’ armi tan-nar ta’ kategoriji C jew D għandu jkun fuq kondizzjoni li l-persuna li lilha tiġi ttrasferita l-arma tikseb jew ikollha liċenzja jew tkun permessa speċifikament li jkollha l-pussess ta’ dawk l-armi tan-nar konformement mal-liġi nazzjonali.

▼B

Artikolu 8

1.  Ħadd ma jista’ jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija Ċ sakemm ma jkunx iddikjaraha lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru fejn dik l-arma tan-nar tinżamm.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni obbligatorja ta’ l-armi tan-nar kollha li huma kklassifikati fil-kateorija Ċ u li bħal issa jinżammu fit-territorji tagħhom iżda li ma ġewx iddikjarati lilhom matul is-sena qabel id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva jkunu daħlu fis-seħħ

2.  Kull bejjiegħ, kummerċjant jew persuna privata għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn dan jiġri dwar kull trasferiment jew passaġġ ta’arma tan-nar kklassifikata fil-kategorija Ċ, u tagħti d-dettalji li permezz tagħhom l-arma tan-nar u l-persuna li tixtriha tista’ tiġi identifikata. Kemm-il darba l-persuna li takkwista tali arma tan-nar hija residenti fi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi infurmat dwar l-akkwist, mill-Istat Membru fejn dan iseħħ u mill-persuna li takkwista l-arma tan-nar.

3.  Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B, Ċ jew D, fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f’dan is-sens f’kull pass Ewropew għall-armi tan-nar li huma joħorġu għal din l-arma tan-nar, taħt l-Artikolu 12(2).

Artikolu 9

1.  It-trasfermiment ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji A, B jew Ċ lill-persuna li mhijiex residenti fl-Istat Membru in kwistjoni huwa permess sakemm l-obbligi msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 jiġu rrispettati:

 meta l-persuna li takkwistaha tkun awtorizzata skond l-Artikolu 11 sabiex hija stess tagħmel it-trasferiment lejn il-pajjiż tar-residenza tagħha,

 meta l-persuna li takkwistaha tagħmel dikjarazzjoni bil-miktub li turi u tiġġustifika l-intenzjoni tagħha li żżomm fil-pussess tagħha l-arma tan-nar fl-Istat Membru fejn hi akkwistatha, sakemm hija tħares il-kondizzjonijiet legali dwar il-pussess fis-seħħ f’dak l-Istat Membru.

2.  L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-passaġġ temporanju ta’ l-armi tan-nar skond il-proċeduri li huma jistabbilixxu.

Artikolu 10

L-arranġamenti dwar l-akkwist u l-pussess tal-munizzjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk dwar il-pussess ta’ l-armi tan-nar li għalihom huwa maħsub il-munizzjoni.



KAPITOLU 3

Formalitajiet dwar il-moviment ta’ armi fil-Kommunità

Artikolu 11

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skond il-proċedura stabbilit fil-paragrafi li ġejjin. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għat-trasferimenti ta’armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta’ ordni bil-posta.

2.  Meta arma tan-nar għandha tiġi ttrasferita lejn Stat Membru ieħor, il-persuna interessata għandha qabel din tittieħed hemm, tagħti lill-Istat Membru fejn tkun tinstab l-arma d-dettalji li ġejjin:

 u l-indirizzi tal-persuna li tbiegħ jew tagħti l-arma tan-nar u tax-xerrej jew ta’ min jakkwistaha jew fejn xieraq tas-sid,

 -l-indirizz fejn l-arma tan-nar għandha tiġi kkonsenjata jew ittrasportata,

 in-numru ta’ armi tan-nar li għandhom jiġu kkonsenjati jew ittrasportati,

 id-dettalji li jippermettu li l-arma tan-nar tiġi identifikata kif ukoll indikazzjoni li l-arma tan-nar għaddiet minn kontrolli skond il-Konvenzjoni tal-1 ta’ Lulju 1969 dwar ir-Rikonnoxximent Reċiproku tal-Marki li jidentifikaw l-Armi ż-Żgħar,

 il-mezz li bih isir it-trasferiment,

 id-data tat-tluq u d-data maħsuba għall-wasla tagħha.

M’hemmx bżonn li tingħata l-informazzjoni msemmija fl-aħħar żewġ inċiżi meta t-trasferiment isir bejn żewġ kummerċjanti.

L-Istat Membru għandu jeżamina l-kondizzjonijiet li taħthom għandu jsir it-trasferiment, l-aktar fejn tidħol is-sigurtà.

Meta l-Istat Membru jawtorizza dan it-trasferiment, huwa għandu joħroġ liċenzja li tinkludi d-dettalji kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu. Din il-liċenzja għandha tinżamm ma’ l-arma tan-nar sakemm din tilħaq id-destinazzjoni tagħha; hija għandha tiġi ppreżentata kull meta hekk meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

3.  Fil-każ ta’ trasferiment ta’ l-armi tan-nar, barra mill-armi tal-gwerra, li huma esklużi mill-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 2(2), kull Stat Membru jista’ jagħti lill-kummerċjanti d-dritt li jagħmlu trasferimenti ta’ l-armi tan-nar mit-territorju tagħhom lill-kummerċjant stabbilit fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. Għal dan l-għan kull Stat Membru għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tkun valida għal mhux aktar minn tliet snin, u li tista’ tiġi sospiża jew ikkanċellata f’ kull ħin permezz ta’ deċiżjoni li tagħti r-raġunijiet għal dan. Dokument li jirreferi għal din l-awtorizzazzjoni għandu jinżamm ma’ l-arma tan-nar sakemm din tilħaq id-destinazzjoni tagħha; huwa għandu jiġi ppreżentat kull meta hekk meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri.

▼M1

Qabel id-data ta’ trasferiment, f’perjodu li jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li minnu jkun se jsir it-trasferiment, in-negozjant għandu jikkomunika lil dawk l-awtoritajiet il-partikularitajiet kollha elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħmlu spezzjonijiet, fejn xieraq fuq il-post, biex jivverifikaw il-korrispondenza bejn l-informazzjoni kkomunikata min-negozjant u l-karatteristiċi attwali tat-trasferiment. L-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata min-negozjant fi żmien suffiċjenti.

▼B

4.  Kull Stat Membru għandu jagħti lill-Istati Membri l-oħra lista ta’ l-armi tan-nar li t-trasferiment tagħhom fit-territorju tiegħu ma tistax tiġi awtorizzata mingħajr il-kunsens tiegħu minn qabel.

Din il-lista ta’ armi tan-nar għandha tiġi kkomunikata lill-kummerċjanti li jkunu ġabu l-approvazzjoni għat-trasferiment tal-armi tan-nar mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel taħt il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3.

Artikolu 12

1.  Kemm-il darba l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11 ma tiġix segwita, il-pussess ta’ l-arma tan-nar matul il-vjaġġ bejn żewġ Stati Membri jew aktar, m’ għandux jitħalla sakemm il-persuna interessata ma tkunx ġabet l-awtorizzazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu din l-awtorizzazzjoni għal vjaġġ wieħed jew aktar għal żmien massimu ta’ sena, bil-possibilità ta’ tiġdid. Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiddaħħlu fil-pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar, li l-vjaġġatur għandu jippreżenta kull meta hekk rikjest mill-awtoritatjiet ta’ l-Istati Membri.

2.   ►M1  Minkejja l-paragrafu 1, il-kaċċaturi, fil-każ tal-kategoriji C u D, u t-tiraturi, fil-każ tal-kategoriji B, C u D, jistgħu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ikunu fil-pussess ta’ arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ minn ġewwa żewġ Stati Membri jew aktar bil-għan li jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom, sakemm ikunu fil-pussess ta’ Pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar li fuqu jkunu mniżżlin tali arma jew armi u sakemm ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet tal-vjaġġ tagħhom, b’mod partikulari billi jippreżentaw invit jew prova oħra ta’ l-attivitajiet tagħhom tal-kaċċa jew ta’ l-isparar fuq bersall fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu l-aċċettazzjoni ta’ pass Ewropew ta’ l-armi tan-nar fuq kondizzjoni ta’ pagament ta’ kwalunkwe miżata jew ħlas. ◄

Madankollu din id-deroga ma tapplikax għal vjaġġi lejn Stat Membru li jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess ta’ l-arma tan-nar in kwistjoni jew li taħt l-Artikolu 8(3), jirrekjedi awtorizzazzjoni; f’dan il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-Pass Ewropew ta’ l-Armi tan-Nar.

Fil-kuntest tar-rapport msemmi fl-Artikolu 17, il-Kummissjoni b’ konsultazzjoni ma’ l-Istati Membri, għandha wkoll tikkonsidra l-effetti ta’ l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu, l-aktar dwar l-impatt tagħha fuq l-ordni u s-sigurtà pubblika.

3.  Żewġ Stati Membri jew aktar, jistgħu taħt il-ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-dokumenti nazzjonali, jipprovdu għal arranġamenti aktar flessibli minn dawk meħtieġa minn dan l-Artikolu għall-moviment ta’ l-armi tan-nar fit-territorji tagħhom.

Artikolu 13

1.  Kull Stat Membru għandu jikkomunika l-informazzjoni utili kollha li jkollu disponibbli dwar it-trasferiment definittiv ta’ l-armi tan-nar lill-Istat Membru li t-trasferiment isir fit-territorju tiegħu.

2.  L-informazzjoni kollha li Stat Membru jirċievi permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 11 dwar it-trasferimenti ta’ l-armi tan-nar u fl-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(2) dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar minn persuni mhux residenti għandu jiġi kkomunikat, mhux aktar tard miż-żmien tat-trasferiment relevanti, lill-Istat Membru tad-destinazzjoni u fejn xieraq, mhux aktar tard miż-żmien tat-trasferiment lejn l-Istati Membri matul il-vjaġġ.

▼M1

3.  Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni effiċjenti ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jaqsmu ma’ xulxin informazzjoni fuq bażi regolari. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, sat-28 ta’ Lulju 2009, grupp ta’ kuntatt għall-iskambju ta’ informazzjoni sabiex ikun applikat dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet li jkollhom ir-responsabilità li jittrażmettu u jirċievu informazzjoni u li jkunu konformi ma’ l-obbligi stipulati fl-Artikolu 11(4).

▼M1

Artikolu 13a

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni ( 6 ), b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

▼B

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha relevanti li jipprojbixxu d-dħul fit-territorju tagħhom:

 ta’ arma tan-nar, barra mill-każijiet msemmija fl-Artikoli 11 u 12 u sakemm il-kondizzjonijiet hemm imsemmija jiġu mħarsa,

 ta’ arma barra minn arma tan-nar sakemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru in kwistjoni hekk jippermettu.



KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 15

1.  L-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-kontrolli fuq il-pussess ta’ armi fil-fruntieri esterni tal-Kommunità. B’ mod partikolari huma għandhom jaraw li l-vjaġġaturi minn terzi pajjiżi li għandhom intenzjoni jmorru lejn Stat Membru ieħor jaderixxu ma’ l-Artikolu 12.

2.  Din id-Direttiva ma tipprekludix li jsiru kontroll mill-Istati Membri jew mit-trasportatur fil-mument li wieħed jitla’ fuq il-mezz tat-trasport.

3.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mod li bih isiru l-kontrolli msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Il-Kummissjoni għandha tiġbor din l-informazzjoni u tagħmilha disponibbli lill-Istati Membri kollha.

4.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom, inklużi l-bidliet dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi, fejn il-liġi nazzjonali hija aktar iebsa mill-istandards minimi li huma għandhom jadottaw. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

▼M1

Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 17

Il-Kummissjoni għandha sat-28 ta’ Lulju 2015 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni li tkun inħolqot minħabba l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ proposti, jekk ikun xieraq.

Il-Kummissjoni għandha sat-28 ta’ Lulju 2012 twettaq riċerka u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi possibbli ta’ tnaqqis għal żewġ kategoriji ta’ armi tan-nar (ipprojbiti jew awtorizzati) bil-għan li s-suq intern għall-prodotti kkonċernati jiffunzjona aħjar, permezz ta’ simplifikazzjoni possibbli.

Il-Kummissjoni għandha sat-28 ta’ Lulju 2010 tippreżenta rapport li jippreżenta l-konklużjonijiet ta’ studju dwar il-kwistjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ armi tan-nar li jkunu replika sabiex ikun determinat jekk l-inklużjoni ta’ tali prodotti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva hix possibbli u mixtieqa.

▼B

Artikolu 18

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex iħarsu din id-Direttiva fi żmien xieraq sabiex il-miżuri pprovduti minn din id-Direttiva jistgħu jidħlu fis-seħħ mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 1993. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom tali referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

I.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

▼M1

 kwalunkwe arma tan-nar kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva,

▼B

 armi barra minn armi tan-nar kif definiti fil-liġi nazzjonali.

II.

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser:

A.

Kull oġġett li jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin, sakemm ma jaqax taħt it-tifsira iżda jkun eskluż minħabba waħda mir-raġunijiet imsemmija fis-sezzjoni III.

Kategorija A- Armi tan-nar ipprojbiti

1. Missili splossivi militari u launchers.

2. Armi tan-nar awtomatiċi.

3. Armi tan-nar moħbija bħala oġġetti oħra.

4. Munizzjon bi projettili li jippenetraw, jisplodu jew iqabbdu, u l-projettili għal dan il-munizzjon.

5. Munizzjon għall-pistoli u revolvers bi projettili li jespandu u l-projettili għal dan il-munizzjon, ħlief f’ każ ta’ armi għall-kaċċa jew għall-isparar fuq bersalji, għall-persuni li għandhom id-dritt jużawhom.

Kategorija B - armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni

1. Armi tan-nar semi-awtomatiċi jew qosra li jirrepetu.

2. Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’centre-fire percussion.

3. Armi tan-nar qosra b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa inqas minn 28cm.

4. Armi tan-nar semi-awtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien jieħdu aktar minn tlett tiri.

5. Armi tan-nar twal u semi-awtomatiċi li l-magazin u chamber tagħhom flimkien ma jeħdux aktar minn tliet tiri, fejn il-mezz sabiex l-arma tiġi kkargata jista’ jitneħħa jew fejn mhux żgur jekk l-arma tistax tinbidel jew le b’ għodda normali f’arma li l-magazin u chamber tagħha flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

6. Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semi-awtomatiċi b’ kanen lixxi li ma jaqbżux is-60cm tul.

7. Armi tan-nar semi-awtomatiċi għall-użu minn ċittadini li jixbħu lill-armi b’mekkaniżmi semi-awtomatiċi.

Kategorija Ċ - armi tan-nar soġġetti għal dikjarazzjoni

1. Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk mniżżla fil-kategorija B, punt 6.

2. Armi tan-nar twal b’kanen li jisparaw tir wieħed.

3. Armi tan-nar twal u semi-awtomatiċi barra dawk tal-kategorija B, punti 4 sa 7.

4. Armi tan-nar b’tir wieħed b’rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom mhux inqas minn 28 cm.

Kategorija D- Armi tan-nar oħra

Armi tan-nar twal b’tir wieħed u kanen lixxi.

B.

Kull komponent essenzjali ta’ dawn l-armi.

Il-mekkaniżmu tal-għeluq, iċ-chamber u l-kanna ta’ l-arma tan-nar, li filwaqt li huma separati, huma inklużi fil-kategorija ta’ l-armi tan-nar fejn huma jew huma maħsuba li jiġu mmuntati.

III.

Għall-fini ta’ dan l-Anness oġġetti li jikkorrispondu għat-tifsira ta’ ‘arma tan-nar’ m’għandhomx jiġu inklużi f’ dik it-tifsira jekk:

▼M1

(a) ikunu saru definittivament mhux tajba għall-użu permezz ta’ diżattivazzjoni li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali ta’ l-arma tan-nar ikunu saru għal kollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jiġu maqlugħa, sostitwiti jew mibdula bil-għan ta’ kwalunkwe riattivazzjoni;

▼B

(b) huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, isalvaw ħajja, il-qtil ta’ l-annimali jew is-sajd bil-harpun jew għal għaijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għal dawn l-għanijiet;

(ċ) huma meqjusa bħala armi antiki jew riproduzzjoni tagħhom meta dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji ta’ qabel u huma soġġetti għall-liġijiet nazzjonali.

▼M1

L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex awtorità kompetenti tivverifika l-miżuri ta’ diżattivazzjoni msemmija fil-punt (a), sabiex jiġi ggarantit li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamluha mhux tajba għall-użu b’mod irriversibbli. L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fil-kuntest tal-verifika msemmija, għall-ħruġ ta’ ċertifikat jew ta’ dokument li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata jew li saret marka viżibbli b’mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan. Il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13a(2), toħroġ linji gwida komuni dwar l-istandards u t-teknika ta’ diżattivazzjoni sabiex tiżgura li l-armi tan-nar diżattivati jsiru inoperabbli b’mod irriversibbli.

▼B

Sakemm issir il-koordinazzjoni tul il-Kommunità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom għall-armi tan-nar mniżżla f’ din is-Sezzjoni.

IV.

Għall-fini ta’ dan l-Anness:

(a) ‘arma tan-nar qasira’ tfisser arma tan-nar b’kanna li ma taqbiżx it-30 cm jew li t-tul kollu tagħha ma jaqbiżx is-60cm;

(b) ‘arma tan-nar twila’ tfisser kull arma tan-nar barra minn arma tan-nar qasira;

(ċ) ‘arma tan-nar awtomatika’ tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara aktar minn tir wieħed b’għafsa waħda tal-grillu;

(d) ‘arma tan-nar semi-awtomatika’ tfisser arma tan-nar li terġa’ tikkarga b’mod awtomatiku kull darba li jiġi sparat tir u li tista’ tispara tir wieħed biss b’għafsa waħda tal-grillu;

(e) ‘arma tan-nar li tirrepeti’ tfisser arma tan-nar li wara li jiġi sparat tir hija ddisinjata sabiex terġa’ tiġi kkargata minn magazin jew ċilindru permezz ta’ azzjoni li ssir manwalment;

(f) ‘arma tan-nar b’tir wieħed’ tfisser arma tan-nar mingħajr magazin li tikkarga qabel kull tir billi wieħed bl-id idaħħal tir fic-chamber jew rokna għall-ikkargar fil-breech tal-kanna;

(g) ‘munizzjon bi projettili li jippenetraw’ tfisser munizzjon għall-użu militari meta l-projettili għandu qoxra u għandu ċentru iebes li jippenetra;

(h) ‘munizzjon bi projettili splussivi’ tfisser munizzjon għall-użu militari meta l-projettili fih kariga li tisplodi mal-kuntatt;

(i) ‘munizzjon bi projettili li jieħdu n-nar’ tfisser munizzjon għall-użu militari meta l-projettili jkun fih taħlita kimika li tisplodi fi fjamma mal-kuntatt ma’ l-arja jew ma’ l-impatt.




ANNESS II

PASS EWROPEW TA’ L-ARMI TAN-NAR

Il-pass għandu jkun fih is-sezzjonijiet li ġejjin:

(a) l-identità tad-detentur;

(b) l-identifikazzjoni ta’ l-arma jew l-arma tan-nar, inkluża referenza għall-kategorija skond it-tifsira tad-Direttiva;

(ċ) il-perjodu ta’ validità tal-pass;

(d) is-sezzjoni għall-użu mill-Istat Membru li joħroġ il-pass (tip u referenzi għall-awtorizzazzjonijiet, eċċ.);

(e) is-sezzjoni għal daħliet minn Stati Membri oħra (awtorizzazzjonijiet sabiex tidħol fit-territorju tagħhom, eċċ.);

(f) id-dikjarazzjonijiet:

“‘Id-dritt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor b’arma tan-nar jew aktar tal-kategoriji B, Ċ jew D msemmija f’ dan il-pass huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Din jew dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu fuq il-pass.

Fil-prinċipju m’hemmx bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b’arma tan-nar fil-kategorija Ċ jew D bi ħsieb li jipprattika l-kaċċa jew b’arma tan-nar tal-kategorija B, Ċ jew D sabiex jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass għall-arma tan-nar u jista’ jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.’”

Fejn Stat Membru jinforma lill-Istati Membri l-oħra skond l-Artikolu 8(3), li l-pussess ta’ ċerti armi tan-nar tal-kategoriji B, Ċ jew D huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandu jagħmel ukoll waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa pprojbit.”

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni.”



( 1 ) ĠU Ċ 235, 1.9.1987, p. 8u

ĠU Ċ 299, 28.11.1989, p. 6.

( 2 ) ĠU Ċ 231, 17.9.1990, p. 69 u

ĠU Ċ 158, 17.6.1991, p. 89.

( 3 ) ĠU Ċ 35, 8.2.1988, p. 5.

( 4 ) ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/29/KE (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

( 5 ) ĠU L 179, 8.7.2008, p. 5.

( 6 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

Top