Odaberite eksperimentalnu funkciju koju želite isprobati

Ovaj je dokument isječak s web-mjesta EUR-Lex

Dokument 32017R0572

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/572 tat-2 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-provvista ta' dejta ta' qabel u wara n-negozjar u l-livell ta' diżaggregazzjoni tad-dejta (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2016/3206

    ĠU L 87, 31.3.2017., str. 142–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Pravni status dokumenta Na snazi

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/572/oj

    31.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 87/142


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/572

    tat-2 ta' Ġunju 2016

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-provvista ta' dejta ta' qabel u wara n-negozjar u l-livell ta' diżaggregazzjoni tad-dejta

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1) u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jonqsu l-ispejjeż għall-parteċipanti tas-suq meta jixtru d-dejta, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistipula li dejta tat-trasparenza ta' qabel in-negozjar u wara n-negozjar għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod “mhux iggruppat” għal elementi ta' dejta separati. Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-livell ta' diżaggregazzjoni li bih iċ-ċentri għandhom joffru d-dejta. Meqjusa x-xhieda ta' domanda għal tali dejta minn partijiet ikkonċernati oħra, operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentri tan-negozjar għandhom jiddiżaggregaw id-dejta skont il-klassi ta' assi, skont il-pajjiż tal-ħruġ, skont il-munita li fiha strument finanzjarju jiġi nnegozjat, u skont jekk id-dejta tkunx ġejja minn irkantijiet skedati ta' kuljum jew minn negozjar kontinwu.

    (2)

    Biex jiġi żgurat li d-dejta ta' qabel in-negozjar u ta' wara n-negozjar offruta tkun taqbel b'mod xieraq mad-domanda minn parteċipanti fis-suq, operaturi tas-suq u ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom joffru kull kombinazzjoni ta' kriterji ta' diżaggregazzjoni fuq bażi kummerċjali raġonevoli.

    (3)

    Għal xi strumenti finanzjarji bħad-derivattivi mhux dejjem jista' jkun possibbli li tiġi ddeterminata mingħajr ambigwità l-klassi tal-assi partikolari li għaliha jkun jappartjeni dak l-istrument billi d-determinazzjoni ta' klassi tal-assi tiddependi fuq liema karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji jkunu meqjusa li huma dawk deċiżivi. Bl-istess mod, jista' ma jkunx dejjem possibbli li jiġi ddeterminat mingħajr ambigwità liema kriterji oħra tip ta' dejta jissodisfa. Sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq li jixtru dejta minn ċentru partikolari tan-negozjar jirċievu sett ta' dejta konsistenti, jeħtieġ li l-operaturi tas-suq jew id-ditti tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar ikunu obbligati jiddeterminaw, f'dawk il-każijiet fejn il-kriterji tad-diżaggregazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu applikati b'mod mhux ambigwu, liema kriterji strument finanzjarju jew tip ta' dejta għandhom jitqiesu li jissodisfaw.

    (4)

    Għal raġunijiet ta' konsistenza u sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplikaw mill-istess data.

    (5)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) lill-Kummissjoni.

    (6)

    L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Provvista ta' dejta tat-trasparenza ta' qabel u wara n-negozjar

    1.   Operatur tas-suq jew ditta tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom fuq talba jagħmlu l-informazzjoni ppubblikata skont l-Artikoli 3, 4 u 6 sa 11 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 disponibbli għall-pubbliku billi joffru d-dejta ta' qabel in-negozjar u wara n-negozjar, diżaggregati skont il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    in-natura tal-klassi tal-assi:

    (i)

    ishma;

    (ii)

    riċevuti depożitarji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji simili oħra msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

    (iii)

    bonds u prodotti finanzjarji strutturati;

    (iv)

    kwoti ta' emissjonijiet;

    (v)

    derivattivi;

    (b)

    il-pajjiż tal-ħruġ għall-ishma u d-dejn sovran;

    (c)

    il-munita li fiha huwa nnegozjat l-istrument finanzjarju;

    (d)

    irkantijiet skedati ta' kuljum u mhux kummerċ kontinwu.

    2.   Derivattivi msemmija fil-punt (a)(v) għandhom ikunu diżaggretati skont il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    derivattivi tal-ekwità;

    (b)

    derivattivi tar-rati tal-imgħax;

    (c)

    derivattivi tal-kreditu;

    (d)

    derivattivi tal-kambju;

    (e)

    derivattivi tal-komoditajiet u tal-kwoti tal-emissjonijiet:

    (f)

    derivattivi oħra.

    3.   L-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom jistabbilixxu liema kriterji strument finanzjarju jew tip ta' dejta jkunu jissodisfaw meta l-kriterji tad-diżaggregazzjoni fil-paragrafi 1 jew 2 ma jkunux jistgħu jiġu applikati b'mod mhux ambigwu.

    4.   L-operatur tas-suq jew id-ditta tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar għandhom japplikaw il-kriterji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 f'kull kombinazzjoni fuq talba.

    5.   Minbarra l-għoti tal-informazzjoni skont il-paragrafu 1 u 2, operatur tas-suq jew ditta tal-investiment li joperaw ċentru tan-negozjar jistgħu joffru d-dejta b'mod iggruppat.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu jibda japplika mid-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    Vrh