Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1576

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1576 tas-6 ta' Lulju 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 606/2009 fir-rigward ta' ċerti prattiċi enoloġiċi u r-Regolament (KE) Nru 436/2009 fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' dawn il-prattiċi fir-reġistri tal-qasam tal-inbid

    ĠU L 246, 23.9.2015, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0934

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1576/oj

    23.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 246/1


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1576

    tas-6 ta' Lulju 2015

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 606/2009 fir-rigward ta' ċerti prattiċi enoloġiċi u r-Regolament (KE) Nru 436/2009 fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' dawn il-prattiċi fir-reġistri tal-qasam tal-inbid

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 75(2), (3)(g) u 147(3)(e) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 (2), il-prattiċi enoloġiċi awtorizzati huma stabbiliti fl-Anness IA ta' dak ir-Regolament. L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) adottat riżoluzzjonijiet li jippermettu tliet prattiki enoloġiċi ġodda. Sabiex jitqies il-progress tekniku u biex il-produtturi mill-Unjoni jingħataw l-istess possibiltajiet bħal dawk disponibbli għall-produtturi minn pajjiżi terzi, jenħtieġ li dawn il-prattiċi enoloġiċi ġodda jiġu awtorizzati fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet tal-użu ddefiniti mill-OIV.

    (2)

    Ċerti prattiċi enoloġiċi huma partikolarment esposti għar-riskju ta' użu qarrieqi u għandhom jiġu reġistrati fir-reġistri skont l-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 (3). Għal din ir-raġuni, it-tliet prattiki enoloġiċi ġodda, jiġifieri t-trattament tal-inbejjed bl-użu ta' teknoloġija tal-membrana flimkien mal-karbonju attivat, l-użu ta' kopolimeri polivinilimidażol-polivinilpirrolidon u l-użu ta' klorur tal-fidda, fejn iż-żewġ sustanzi tal-aħħar qed jintużaw bħala għajnuniet għall-ipproċessar, għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistri.

    (3)

    Għalhekk ir-Regolamenti (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 436/2009 għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 606/2009

    L-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 606/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Emenda tar-Regolament (KE) Nru 436/2009

    Fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament (KE) Nru 436/2009 għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

    “(x)

    trattament bl-użu ta' teknoloġija tal-membrana flimkien ma' karbonju attivat;

    (y)

    l-użu ta' kopolimeri polivinilimidażol-polivinilpirrolidon;

    (z)

    l-użu ta' klorur tal-fidda.”

    Artikolu 3

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 tas-26 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 f'dak li jirrigwarda r-reġistru tal-vinji, il-prospetti obbligatorji u l-istabbiliment ta' tagħrif għall-monitoraġġ tas-suq, id-dokumenti li jakkumpanjaw il-ġarr tal-prodotti u r-reġistri li għandhom jinżammu fis-settur tal-vinji tal-inbid (ĠU L 128, 27.5.2009, p. 15).


    ANNESS

    L-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-tabella, jiżdiedu r-ringieli 53, 54 u 55 li ġejjin:

    1

    2

    3

    Prattika enoloġika

    Kundizzjonijiet tal-użu

    Limiti fuq l-Applikazzjonijiet tal-użu

    “53

    It-trattament tal-inbejjed bl-użu tat-teknoloġija tal-membrana flimkien mal-karbonju attivat biex jitnaqqas l-eċċess tal-4-etilfenol u l-4-etilgwajakol

    Għall-inbejjed u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Appendiċi 19

     

    54

    L-użu tal-kopolimeri polivinilimidażol-polivinilpirrolidon (PVI/PVP)

    Għall-most u għall-inbejjed, u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Appendiċi 20

    Mhux aktar minn 500 mg/l (meta miżjuda kemm mal-most u kif ukoll mal-inbid, il-kwantità globali totali ma għandhiex taqbeż il-500 mg/l)

    55

    L-użu tal-klorur tal-fidda

    Għall-inbejjed u skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Appendiċi 21

    Mhux aktar minn 1 g/hl, residwu fl-inbid < 0,1 mg/l (fidda)”

    (2)

    Għandhom jiżdiedu l-Appendiċijiet 19, 20 u 21 li ġejjin:

    Appendiċi 19

    Ir-rekwiżiti għat-trattament tal-inbejjed bl-użu tat-teknoloġija tal-membrana flimkien mal-karbonju attivat biex jitnaqqas l-eċċess tal-4-etilfenol u l-4-etilgwajakol,

    L-għan ta' dan it-trattament huwa li jitnaqqas il-kontenut tal-4-etilfenol u l-4-etilgwajakol ta' oriġini mikrobjali li jikkostitwixxi difetti organolettiċi u jostor l-aromi tal-inbid.

    Ir-rekwiżiti:

    (1)

    It-trattament għandu jsir taħt ir-responsabbiltà ta' enologu jew ta' teknixin ikkwalifikat.

    (2)

    It-trattament irid jiġi rreġistrat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 147(2) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.

    (3)

    Il-membrani li jintużaw jridu jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1935/2004 u tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-implimentazzjoni tagħhom. Għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Kodiċi Enoloġiku Internazzjonali ppubblikat mill-OIV.

    Appendiċi 20

    Ir-rekwiżiti għall-kopolimeri polivinilimidażol-polivinilpirrolidon (PVI/PVP)

    L-iskop tal-użu ta' PVI/PVP huwa li jiġu evitati difetti kkaġunati minn kontenuti għolja wisq ta' metall u biex jitnaqqsu konċentrazzjonijiet għoljin u mhux mixtieqa ta' metalli.

    Ir-rekwiżiti:

    (1)

    Il-kopolimeri għandhom jiġu eliminati permezz ta' filtrazzjoni sa mhux aktar tard minn jumejn wara ż-żieda tagħhom b'kont meħud tal-prinċipju ta' prekawzjoni.

    (2)

    Fil-każ ta' mostijiet imtappna, il-kopolimeru jrid jiżdied mhux aktar kmieni minn jumejn qabel il-filtrazzjoni.

    (3)

    It-trattament għandu jsir taħt ir-responsabbiltà ta' enologu jew ta' teknixin ikkwalifikat.

    (4)

    It-trattament irid jiġi rreġistrat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 147(2) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.

    Appendiċi 21

    Ir-rekwiżiti għall-klorur tal-fidda

    Il-klorur tal-fidda jintuża għat-trattament tal-inbejjed biex titneħħa l-fermentazzjoni u l-irwejjaħ anormali relatata mal-ħażna (ikkawżati minn reazzjonijiet ta' tnaqqis ikkaratterizzati mill-preżenza ta' sulfur tal-idroġenu u tat-tjoli).

    Ir-rekwiżiti:

    (1)

    It-trattament għandu jsir taħt ir-responsabbiltà ta' enologu jew ta' teknixin ikkwalifikat.

    (2)

    It-trattament irid jiġi rreġistrat fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 147(2) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.

    (3)

    Il-klorur tal-fidda miżjud mal-inbid irid jiġu applikat għal appoġġ inerti, bħall-kieselguhr (it-trab tad-diatomi), il-bentonit u l-kaolin, eċċ. Il-preċipitat irid jiġi eliminat permezz ta' xi proċedura fiżika xierqa u jrid jiġi ttrattat minn settur speċjalizzat.


    Top