Este documento es un extracto de la web EUR-Lex
Documento 32005E0556
Council Joint Action 2005/556/CFSP of 18 July 2005 appointing a Special Representative of the European Union for Sudan
Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/556/PESK tat- 18 ta' Lulju 2005 li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan
Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/556/PESK tat- 18 ta' Lulju 2005 li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan
ĠU L 188, 20.7.2005, p. 43/45
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 246/248
(MT)
Ya no está vigente, Fecha de fin de validez: 17/07/2006; Imħassar b' 32006E0468
16.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
246 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/556/PESK
tat-18 ta' Lulju 2005
li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għas-Sudan
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,
Billi
(1) |
L-Unjoni Ewropea kienet involuta b’mod attiv fuq il-livell diplomatiku u politiku mill-bidu ta’ l-isforzi internazzjonali sabiex tiġi mrażżna u riżolta l-kriżi fid-Darfur. |
(2) |
L-Unjoni tixtieq issaħħaħ ir-rwol politiku tagħha fi kriżi b’numru kbir ta’ atturi lokali, reġjonali u internazzjonali, u li żżomm koerenza bejn l-assistenza ta’ l-Unjoni lill-maniġġar ta’ kriżi fid-Darfur immexxi mill-Unjoni Afrikana (AU) fuq naħa l-waħda, u r-relazzjonijiet politiċi globali mas-Sudan, inkluż fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Moviment/Armata għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż (SPLM/A) fuq in-naħa l-oħra. |
(3) |
L-Unjoni provdiet ammont dejjem jikber ta’ assistenza lill-missjoni ta’ l-Unjoni Afrikana fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan (AMIS), f’termini ta’ appoġġ għall-ippjanar u l-maniġġar, finanzjament u loġistika. |
(4) |
L-AU ddeċidiet li żżid in-numru tal-persunal tal-pulizija ta’ l-AMIS għal 6 171 membru militari u 1 560 membru ċivili, u l-Unjoni qed tipproponi għal dan it-tisħiħ, f’appoġġ għall-AU, numru ta’ miżuri kif definiti bl-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK tat-18 ta' Lulju 2005 dwar l-azzjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta’ appoġġ ċivili-militari għall-missjoni ta’ l-Unjoni Arfikana fir-reġjun tad-Darfur tas-Sudan, li jeħtieġu impenn politiku proporzjonat ma’ l-AU u l-Gvern tas-Sudan, u kapaċità speċifika ta’ koordinazzjoni. |
(5) |
Fil-31 ta’ Marzu 2005 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) adotta r-Riżoluzzjoni 1593(2005) dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta’ Inkjesta dwar ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-Darfur. |
(6) |
L-EUSR ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tmur għall-agħar u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-PESK kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Is-Sinjur Pekka HAAVISTO qiegħed hawn jinħatar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għas-Sudan.
Artikolu 2
Il-mandat ta’ l-EUSR għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika ta' l-Unjoni fis-Sudan, b’mod partikolari fir-rigward ta’
(a) |
l-isforzi, bħala parti mill-komunità internazzjonali i f’appoġġ għall-AU u n-NU, biex tinkiseb riżoluzzjoni politika tal-konflitt fid-Darfur kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tas-CPA u biex jiġi promoss id-djalogu Nofsinhar-Nofsinhar, b’kont debitu għar-ramifikazzjonijiet reġjonali ta’ dawn il-kwistjonijiet u għall-prinċipju tad-dritt għall-pussess Afrikan; |
(b) |
l-iżgurar ta’ l-effikaċja u l-viżibbiltà massima tal-kontribut ta’ l-Unjoni lill-AMIS. |
Artikolu 3
1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta’ l-Unjoni, il-mandat ta’ l-EUSR għandu jkun li:
(a) |
iżomm kollegament ma’ l-AU, il-Gvern tas-Sudan u partijiet oħra Sudaniżi kif ukoll organizzazzjonijiet non-governattivi, u jżomm kollaborazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u atturi internazzjonali oħra rilevanti, bil-għan li jitwettqu l-objettivi tal-politika ta’ l-Unjoni; |
(b) |
jirrapreżenta lill-Unjoni fit-taħdit politiku f’Abuja, fil-laqgħat ta’ livell għoli tal-Kummissjoni Konġunta, kif ukoll laqgħat oħra rilevanti kif mitlub; |
(ċ) |
jiżgura koerenza bejn il-kontribut ta’ l-Unjoni għall-maniġġar tal-kriżi fid-Darfur u r-relazzjoni politika ġenerali ta’ l-Unjoni mas-Sudan; |
(d) |
fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa, u l-ġlieda kontra l-impunità fis-Sudan, isegwi s-sitwazzjoni u jżomm kuntatti regolari ma’ l-awtoritajiet Sudaniżi, l-AU u l-UN, b’mod partikolari l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservaturi għad-drittijiet tal-bniedem attivi fir-reġjun u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. |
2. Għall-fini li jwettaq il-mandat tiegħu, l-EUSR għandu, inter alia,
(a) |
ikollu ħarsa ġenerali fuq l-attivitajiet kollha ta’ l-Unjoni |
(b) |
jiżgura l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-kontributi ta’ l-Unjoni lill-AMIS. |
(ċ) |
jagħti appoġġ għall-proċess politiku, u l-attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tas-CPA; u |
(d) |
isegwi u jirraporta dwar il-konformità tal-partijiet Sudaniżi mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti ta’ l-UN, b’mod partikolari l-1556, il-1564, il-1591 u l-1593. |
Artikolu 4
1. L-EUSR għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tar-Rappreżentant Għoli. L-EUSR għandu jagħti rendikont ta’ kull infiq lill-Kummissjoni.
2. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PSC) għandu jżomm kuntatt privileġġat ma’ l-EUSR u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-PSC għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lill-EUSR fil-qafas tal-mandat.
3. L-EUSR għandu jirraporta b’mod regolari lill-PSC dwar l-implimentazzjoni ta’ l-assistenza ta’ l-Unjoni lill-AMIS u dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fid-Darfur kif ukoll fis-Sudan kollu.
Artikolu 5
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub sabiex ikopri l-infiq għal perijodu ta’ 6 xhur relatat mal-mandat ta’ l-EUSR għandu jkun ta’ EUR 675 000. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, kif meħtieġ, dwar l-ammont ta’ referenza finanzjarju għall-kontinwazzjoni ta’ din l-Azzjoni Konġunta.
2. L-infiq finanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ proprjetà tal-Komunità.
3. L-amministrazzjoni ta’ l-infiq għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn l-EUSR u l-Kummissjoni. L-infiq għandu jkun eleġibbli sa mid-data ta' l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.
4. Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, għandhom jagħtu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 6
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu/tagħha u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jkunu disponibbli, l-EUSR għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu/tagħha b'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mill-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Kummssjoni dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu li l-persunal jiġi sekondat sabiex jaħdem ma’ l-EUSR. Ir-renumerazzjoni tal-persunal li jista’ jiġi sekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-EUSR għandha tiġi koperta mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea konċernati rispettivament.
3. Il-karigi kollha tat-tip A li ma jimtlewx permezz ta' sekondament għandhom jiġu mxandra kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u jiġu notifikati wkoll lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.
4. Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni ta’ l-EUSR u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-iskop.
Artikolu 7
1. Fil-koordinazzjoni tal-kontributi ta’ l-Unjoni lill-AMIS, l-EUSR għandu jiġi assistit minn Ċellula ad hoc ta’ Koordinazzjoni (ACC) stabbilita f’Addis Ababa, li taġixxi taħt l-awtorità tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2) ta’ l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK
2. L-ACC għandha tinkludi konsulent politiku, konsulent militari u konsulent tal-pulizija.
3. Il-konsulenti tal-pulizija u militari fl-ACC għandhom jaġixxu bħala konsulenti lill-EUSR rispettivament fir-riward tal-komponenti tal-pulizija u dawk militari ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ta’ l-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. F’dik il-kapaċità, għandhom jirrapurtaw lill-EUSR.
4. Il-konsulenti tal-pulizija u militari m’għandhomx jirċievu struzzjonijiet mill-EUSR fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-infiq relatat rispettivament mal-komponenti tal-pulizija u dawk militari ta’ l-azzjoni ta’ appoġġ ta’ l-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. L-EUSR m’għandu jkollu ebda responsabbiltà f’dan ir-rigward.
Artikolu 8
Bħala regola, l-EUSR għandu jirrapporta personalment lir-Rappreżentant Għoli u lill-PSC u jista' jirrapporta wkoll lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċirkolati lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-PSC, l-EUSR jista’ jirrapporta lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.
Artikolu 9
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ta’ l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l-EUSR għandhom ikunu koordinati ma’ dawk tar-Rappreżentant Għoli, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. F'dan il-qasam, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lill-EUSR fl-implimentazzjoni tal-mandat. L-EUSR għandu wkoll jżomm kollegament ma’ atturi internazzjonali u regjonali oħra f’dan il-qasam.
Artikolu 10
L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. L-EUSR għandu jippreżenta rapport komprensiv bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni xahrejn qabel ma jiskadi l-mandat. Ir-rapport għandu jservi ta' bażi għall-valutazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta fil-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti u mill-PSC. Fil-kuntest tal-prioritajiet globali għall-insedjament, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-PSC fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emenda jew it-tmiem tal-mandat.
Artikolu 11
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika sa tmiem l-azzjoni ta’ appoġġ ta’ l-Unjoni kif deċiż mill-Kunsill skond l-Artikolu 16(2) ta’ l-Azzjoni Konġunta 2005/557/PESK.
Artikolu 12
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussel, 18 ta' Lulju 2005.
Għall-Kunsill
J. STRAW
Il-President