Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AR1750

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej — spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir”

    ĠU C 17, 19.1.2013, p. 8–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 17/8


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej — spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir”

    2013/C 17/03

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    huwa konvint li l-politika tal-konsumaturi ser tikkontribwixxi biex l-UE toħroġ mill-kriżi aktar malajr: konsumaturi responsabbli huma rekwiżit essenzjali għall-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi sikuri, ta’ kwalità u kompetittivi, fattur li jikkontribwixxi għall-irkupru sostenibbli tal-ekonomija;

    u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex

    l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu mgħammra bl-għodod adatti ħalli jiddefendu kemm jistgħu d-drittijiet tal-konsumaturi;

    tikkoopera aktar mill-viċin mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. B’mod aktar speċifiku, anke jekk fin-natura tagħhom l-azzjonijiet tal-aġenda jridu jiġu implimentati prinċipalment mill-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali huwa importanti peress li jirrappreżentaw lill-komunitajiet lokali u jistgħu jikkontribwixxu għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

    ma tinsiex il-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma huma stess konsumaturi ta’ oġġetti u servizzi u li għaldaqstant, għandhom bżonn, qafas sikur li jiggarantixxi r-rispett tal-interessi tagħhom u ta’ dawk il-komunitajiet li jirrappreżentaw u li spiss jikkontribwixxu għall-baġits tagħhom;

    tagħraf li l-għoti tal-awtonomija lill-konsumaturi tirrikjedi wkoll l-edukazzjoni tagħhom u f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll is-soċjetà ċivili jipparteċipaw fil-kampanji ta’ informazzjoni tal-konsumaturi;

    jenfasizza l-importanza li l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza fir-reġjuni li jbatu minn limitazzjonijiet ġeografiċi jew demografiċi permanenti jitjiebu permezz ta’ riżorsi u kompetenzi adegwati;

    Berichterstatter

    Spyros SPYRIDON (EL/EVP), Mitglied des Regionalrats der Region Attika

    Referenzdokument

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir

    COM(2012) 225 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Introduzzjoni

    1.

    jilqa’ b’sodisfazzjon il-komunikazzjoni approfondita tal-Kummissjoni Ewropea, li tkopri firxa wiesgħa ta’ problemi li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-konsumaturi;

    2.

    jinsab sodisfatt li l-aġenda tifforma strument koerenti u komplut li jwassal għall-progress fil-qasam tat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi. Għandu jkun hemm rikonoxximent ta’ kemm hi kbira l-isfida li naslu għall-awtonomija tal-konsumaturi u għat-tisħiħ tas-suq intern. Il-fattur essenzjali biex l-Istrateġija Ewropa 2020 ikollha suċċess huwa li l-konsumaturi jkunu informati u responsabbli;

    3.

    jesprimi t-tħassib tiegħu li filwaqt li l-ambitu tal-aġenda huwa pjuttost globali, ma jinkludix is-servizzi tas-saħħa, li huma element importanti tal-politika tal-konsumatur. Is-servizzi tas-saħħa huma pprovduti lill-konsumaturi, il-konsumaturi jħallsu għalihom u fil-biċċa l-kbira huma jipprovdu missjoni ta’ interess ġenerali. Il-politika tas-saħħa għalhekk għandha tiġi inkluża fl-aġenda bħala politika rilevanti għall-konsumatur;

    4.

    huwa jaqbel mal-erba’ għanijiet tematiċi ewlenin magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea, bħala oqsma li fuqhom trid tiffoka l-politika tal-protezzjoni tal-konsumaturi, jiġifieri i) titjib tas-sigurtà tal-konsumaturi ii) titjib tal-għarfien, iii) titjib tal-implimentazzjoni, żieda fl-infurzar u l-iżgurar tar-rimedju u iv) allinjament tad-drittijiet u l-politiki ewlenin mal-bidla fl-ekonomija u s-soċjetà. Il-Kumitat jappella għat-tisħiħ tat-trasparenza u li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni li tista’ titqabbel u ta’ kwalità aħjar, biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar razzjonali;

    Implimentazzjoni tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea

    5.

    jinsisti li waqt li jkunu qed jitfasslu l-azzjonijiet, iridu jiġu rispettati l-prinċipju tal-proporzjonalità tal-miżuri li jkunu ser jittieħdu u b’mod partikolari trid issir analiżi fil-fond tal-bilanċ spejjeż-vantaġġi;

    6.

    jenfasizza l-importanza li jiġu garantiti l-effikaċja u l-adegwatezza tal-miżuri li ser jittieħdu, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa u tas-sigurtà. Il-metodi li jintgħażlu jridu jkunu flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu aġġustati għar-realtajiet reġjonali, il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli u l-iżviluppi mgħaġġlin tas-swieq, bil-għan li jitħarsu l-konsumaturi;

    7.

    jipproponi li biex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumaturi fil-politiki Ewropej b’mod globali, ikun hemm ukoll perspettiva orizzontali fil-qafas tal-kompetenzi eżistenti tal-implimentazzjoni tal-miżuri, barra mill-miżuri settorjali msemmija hawn fuq;

    8.

    jinnota n-nuqqas ta’ enfasi fuq l-għan tal-koeżjoni territorjali li kien iddaħħal mit-Trattat ta’ Lisbona. B’mod partikolari, huwa jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu mħarsa l-gruppi ta’ konsumaturi vulnerabbli, li jkollhom diffikultajiet kemm ta’ aċċess għas-swieq, kemm ta’ għażliet limitati kif ukoll ta’ problemi meta jiġu biex jiddefendu drittijiethom. F’din il-kategorija jinsabu l-konsumaturi li ġejjin minn reġjuni ultraperiferiċi, dawk minn reġjuni b’densità baxxa fil-popolazzjoni, kif ukoll dawk minn reġjuni iżolati jew muntanjużi, fejn is-suq jaħdem b’mod imperfett.

    9.

    għaldaqstant jinsisti fuq l-importanza dejjem tikber tal-internet għal dawn il-kategoriji ta’ konsumaturi, peress li permezz tiegħu jkunu jistgħu jilħqu s-swieq, jiksbu informazzjoni, iqabblu l-prodotti u s-servizzi differenti, u jiddefendu d-drittijiet tagħhom f’każ ta’ tilwim;

    10.

    jenfasizza l-importanza li l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza fir-reġjuni li jbatu minn limitazzjonijiet ġeografiċi jew demografiċi permanenti jitjiebu permezz ta’ riżorsi u kompetenzi adegwati;

    11.

    jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet nazzjonali leġislattivi li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri adottati jiġu adattati għal dak li jistgħu jagħmlu l-produtturi minn reġjuni żvantaġġjati. Għal dawn il-kategoriji, l-ispejjeż u ż-żmien meħtieġa għal dawn l-adattamenti jistgħu jkunu differenti ferm minn dawk ta’ reġjuni oħra Ewropej;

    L-isfruttar tal-opportunitajiet li joffri l-Internet, kontroll u aġġornar

    12.

    qed jieħu l-okkażjoni biex jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata aġenda diġitali, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 peress li r-rwol tal-internet huwa partikolarment importanti għall-kategoriji kollha tal-konsumaturi. Il-livelli differenti ta’ governanza, minn dak Ewropew għal dawk nazzjonali u reġjonali, iridu jipparteċipaw b’mod attiv f’dan l-isforz, sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej;

    13.

    jinsisti fuq l-influwenza tal-internet fuq dawk l-aktar żgħar, li nistgħu nassumu li huma ferm aktar vulnerabbli mill-adulti quddiem it-teknoloġiji l-ġodda li huma jużaw ħafna aktar;

    14.

    josserva li l-użu tal-internet huwa aktar baxx fost gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni bħall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u dawk soċjalment żvantaġġati. B’mod partikolari, il-Kumitat jenfasizza li r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi ġeografiċi għandhom problemi akbar ta’ tixjiħ tal-popolazzjoni mill-oħrajn. B’mod ġenerali, dawn il-kategoriji tal-popolazzjoni għandhom inqas possibbiltà li jgawdu l-opportunitajiet li joffri s-suq uniku u li jiddefendu drittijiethom. Għandu jsir sforz speċjali, bil-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex tiġi promossa prosperità li tilħaq ukoll din il-kategorija ta’ ċittadini permezz ta’ azzjonijiet immirati;

    15.

    fid-dawl tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw it-territorji u l-komunitajiet sabiex itejbu aċċess għall-internet, b’mod partikolari ż-żoni rurali, dawk muntanjużi, il-gżejjer u dawk imbiegħda u periferiċi, jappoġġja l-proposti reċenti tal-Kummissjoni biex tinbidel il-leġislazzjoni dwar l-għajnuna Statali. Hija tipproponi fost affarijiet oħra li l-eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika legali tal-għajnuna għall-provvista ta’ konnessjoni broadband hija kompatibbli mas-suq intern

    16.

    jistieden lill-Kummissjoni Ewropea li taħdem flimkien mal-Istati Membri biex jitnedew inizjattivi mmirati li jtejbu l-kompetenzi elettroniċi tal-konsumaturi, filwaqt li taċċerta li l-gruppi kollha taċ-ċittadini jkollhom aċċess għas-suq uniku diġitali u li jkunu jistgħu jgawdu minnu kompletament;

    17.

    jenfasizza li l-iżvilupp mgħaġġel tal-kummerċ elettroniku huwa essenzjali għall-konsumaturi peress li jżid il-possibbiltajiet li jkollhom ta’ għażla, l-aktar fil-każ taċ-ċittadini li jgħixu f’reġjuni li mhumiex aċċessibbli ħafna, f’dawk ultraperiferiċi jew lil hinn miċ-ċentri prinċipali, kif ukoll għal dawk b’mobbiltà ridotta, li, altrimenti, ma jkollhomx aċċess għal għażla kbira;

    18.

    jirrimarka b’insistenza li s-sigurtà tal-Internet hija problema kbira ħafna li l-importanza tagħha tiżboq l-aġenda tal-konsumaturi. Hemm bżonn li jittieħdu l-miżuri adegwati kollha biex din l-għodda importanti tintuża għall-benefiċċju taċ-ċittadini, kemm konsumaturi kif ukoll intrapriżi, u biex jiġu evitati l-prattiki kriminali u sleali, preżempju l-ġbir abbużiv ta’ data personali jew il-vjolazzjoni tad-dritt fuq il-proprjetà;

    19.

    jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tressaq proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim onlajn u r-riżoluzzjoni alternattiva tal-kontroversji,, peress li jiffurmaw strument importanti għall-koeżjoni territorjali. Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-infurzar tal-liġi tal-konsumaturi għandu jiġi semplifikat anke permezz tas-soluzzjoni extra-ġudizzjarja tat-tilwim. Madankollu jqis li hemm bżonn li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi jiġi limitat għall-kompetenzi tal-UE u b’mod partikolari għal sitwazzjonijiet transkonfinali;

    Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    20.

    huwa konvint li huwa indispensabbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw għodod adatti biex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumaturi, skont il-kompetenza tagħhom. F’dan il-qafas, u fid-dawl tal-fatt li bħalissa qed jiġi diskuss il-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020, u minħabba f’hekk ninsabu fi żmien propizju, il-Kumitat jipproponi li ma jintużawx biss ir-riżorsi tal-fondi strutturali għall-implimentazzjoni tal-aġenda imma wkoll il-previżjonijiet tal-programmi nazzjonali ta’ riforma;

    21.

    fir-rigward tal-fondi strutturali b’mod partikolari, jipproponi li jiġu adottati miżuri biex l-iffinanzjar tal-intrapriżi jiġi marbut ma’ kriterji ta’ rispett tal-obbligi tagħhom u l-attitudni ġenerali lejn il-konsumaturi (pereżempju, il-produzzjoni sostenibbli) u ma jkunux limitati biss għal fatturi marbutin essenzjalment mas-sostenibbiltà ekonomika;

    22.

    dwar dan il-punt, jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni mill-viċin bejn l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali meta jiġu adottati dawn il-miżuri. B’mod aktar speċifiku, anke jekk fin-natura tagħhom l-azzjonijiet tal-aġenda jridu jiġu implimentati prinċipalment mill-awtoritajiet Ewropej u dawk nazzjonali, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali huwa importanti peress li jirrappreżentaw lill-komunitajiet lokali u jistgħu jikkontribwixxu għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

    23.

    jenfasizza wkoll li m’għandux jiġi traskurat il-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma huma stess konsumaturi ta’ oġġetti u servizzi u li għaldaqstant, għandhom bżonn, kif jammettu huma stess, qafas sikur li jiggarantixxi r-rispett tal-interessi tagħhom u ta’ dawk il-komunitajiet li jirrappreżentaw u li spiss jikkontribwixxu għall-baġits tagħhom;

    24.

    josserva li l-isforz biex l-aġenda tal-konsumaturi tiġi applikata b’mod effikaċi fil-perjodu attwali ta’ kriżi m’għandux jitqies bħala lussu. Għall-kuntrarju, il-KtR huwa konvint li l-politika tal-konsumaturi ser tikkontribwixxi biex l-UE toħroġ mill-kriżi aktar malajr: konsumaturi responsabbli huma rekwiżit essenzjali għall-produzzjoni ta’ oġġetti u servizzi sikuri, ta’ kwalità u kompetittivi, fattur li jikkontribwixxi għall-irkupru sostenibbli tal-ekonomija;

    Id-dimensjoni soċjali tal-aġenda

    25.

    jirrimarka li l-kriżi finanzjarja attwali għandha tibdel b’mod radikali d-drawwiet tal-konsum taċ-ċittadini, peress li minn naħa, hija qed tkabbar id-diżugwaljanzi soċjali u min-naħa l-oħra qed tnaqqas id-dħul disponibbli għall-konsum. Dan jista’ jwassal biex iċ-ċittadini jduru lejn modi ġodda ta’ konsum, li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jridu jkollhom kontroll aktar strett fuq it-tranżazzjonijiet, informazzjoni aktar sħiħa u l-possibbiltà li jqabblu, li jbiddlu d-deċiżjoni li jkunu ħadu u jiddefendu d-drittijiet tagħhom f’każ ta’ tilwim. Il-Kummissjoni trid tqis il-kundizzjonijiet il-ġodda li qed jitfaċċaw u tuża l-aġenda b’mod li toħloq l-aħjar ambjent possibbli għall-promozzjoni tal-benesseri taċ-ċittadini, kif wara kollox jipprevedi t-Trattat ta’ Lisbona;

    26.

    jindika li sabiex il-konsumatur ikun jista’ jivvaluta r-rapport bejn il-kost u l-kwalità tal-merkanzija, jeħtieġ li jkollu aktar informazzjoni u garanziji dwar it-traċċabbilità tal-prodotti;

    27.

    jinnota li hemm riskju li dejjem qed jiżdied li l-konsumaturi jibdew iduru lejn għażliet li jkunu dettati mill-prezz tal-merkanzija kkonċernata, għad-detriment tal-kwalità. Peress li dan jirrigwarda b’mod speċifiku n-negozju fuq il-fruntieri tal-UE, il-Kumitat jibża’ li tista’ tiġi reġistrata żieda fil-każijiet ta’ kuntrabandu;

    28.

    jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju dwar l-effetti tad-dejn tal-familji. Jissuġġerixxi li dan l-istudju ma janalizzax biss il-metodi li bihom tista’ tiġi indirizzata l-problema, li bil-kriżi kibret u ħarġet mil-limiti tal-kontroll, iżda li janalizza wkoll il-kawżi u jipproponi miżuri bħal, pereżempju, il-garanzija ta’ self responsabbli u fl-istess waqt it-tnedija ta’ azzjonijiet speċifiċi mmirati li jnaqqsu l-effetti tad-dejn eċċessiv;

    29.

    jinnota li hemm bżonn li jiddaħħal regolament dwar is-sigurtà tal-prodotti u tal-prestazzjonijiet fil-qasam tal-mediċina, kwistjonijiet li reċentement ġibdu l-attenzjoni tal-istampa;

    30.

    jinnota b’sens ta’ preokkupazzjoni li, skont il-Komunikazzjoni, kienu biss 2 % tal-konsumaturi li rrispondew tajjeb għall-mistoqsijiet dwar id-drittijiet tagħhom. Dan il-perċentwali jidher baxx ħafna; għalhekk il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jsaħħu l-isforzi tagħhom ħalli d-drittijiet tal-konsumaturi jsiru magħrufa b’mod aktar mifrux. Il-proposta li tiġi organizzata kampanja ta’ informazzjoni fil-livell Ewropew tagħti kontribut f’dan ir-rigward. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu wkoll, b’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati li jaħdmu fid-difiża tal-konsumaturi;

    31.

    jesprimi wkoll il-qbil tiegħu mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tal-liġi huma mistiedna li jagħmlu aktar b’anqas riżorsi. Dan jeħtieġ ippjanar iddettaljat u l-eżami kontinwu tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet meħuda biex jinkiseb l-aħjar riżultat;

    32.

    jenfasizza li l-għoti tal-awtonomija lill-konsumaturi tirrikjedi wkoll l-edukazzjoni tagħhom u f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll is-soċjetà ċivili jipparteċipaw fil-kampanji ta’ informazzjoni tal-konsumaturi. Għandu jkun hemm lok li l-kampanji tal-informazzjoni jiġu adattati għall-karatteristiċi reġjonali. Huwa jissuġġerixxi li l-enfasi tkun fuq il-programmi ta’ tagħlim fl-iskejjel u l-universitajiet, biex il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jitħejjew ħalli jsiru konsumaturi attenti fl-għażliet tagħhom; barra minn hekk, m’għandux jiġi injorat ir-rwol li għandhom l-istituzzjonijiet li joffru tagħlim lill-adulti;

    33.

    jaqbel mal-isforzi biex il-problemi jissolvew fis-sors, b’miżuri intiżi li jinkoraġġixxu l-konformità tal-intrapriżi. Madankollu, dan l-approċċ irid iqis il-kundizzjonijiet partikolari tal-produtturi, f’kull pajjiż u reġjun, kif ukoll madwar id-dinja, fejn jinsabu l-fornituri. Il-miżuri ta’ inċentivazzjoni jridu jkunu suffiċjenti biex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-konformità mar-regolamenti l-ġodda li għad joħorġu u trid titqies ukoll il-kapaċità tal-intrapriżi li jadattaw;

    34.

    jenfasizza li hija u timplimenta l-politika għall-konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea ser ikollha tirrispetta l-ordni ġuridiku tal-Istati Membri u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Min-naħa l-oħra, huma u jintegraw il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-liġi nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz partikolari biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ eżiġenzi akbar minn dawk li huma meħtieġa għal dan il-għan. Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri, f’każijiet individwali, jimmiraw lejn livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumaturi;

    35.

    iqis li l-konsumaturi jridu jiġu informati dwar it-tibdil li jseħħ biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-titjib fil-leġislazzjoni. Il-Kumitat jinsisti wkoll dwar il-possibbiltà li għandha tingħata lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ miżuri ta’ informazzjoni fost il-konsumaturi dwar drittijiethom u t-tibdil li seħħ fil-liġijiet għall-benefiċċju tagħhom;

    36.

    jinsab sodisfatt li l-aġenda għall-konsumaturi tirreferi għall-azzjonijiet kollettivi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas speċifiku sabiex dawn jitwettqu; il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-istrumenti kollettivi għall-protezzjoni legali għandhom ikunu limitati għal leġislazzjoni qafas li tinkludi linji gwida dwar standards minimi li għandhom jiġu applikati fil-livell nazzjonali, u li tħalli f’idejn l-Istati Membri d-deċiżjoni dwar kif jistgħu jiġu implimentati l-istrumenti kollettivi ta’ protezzjoni legali fid-dawl tat-tradizzjonijiet legali nazzjonali rispettivi individwali. Sakemm l-UE ma titlobx li jkollha kompetenza regolatorja għal aktar strumenti legali kollettivi, dawn għandhom jirrispettaw l-ordinamenti ġuridiċi rispettivi u s-sistemi ta’ infurzar tal-liġi tal-Istati Membri individwali;

    37.

    huwa konvint li l-promozzjoni ta’ strateġija integrata għall-konsumaturi tissupponi li huma jkollhom rappreżentanza qawwija fil-korpi deċiżjonali. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jinsisti fuq ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, li għandhom l-aktar stampa sħiħa tal-problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi fil-ħajja ta’ kuljum, u b’hekk jistgħu jikkontribwixxu biex jinstabu s-soluzzjonijiet meta jintalbu biex jagħmlu dan. Fl-istess waqt, dawn l-organizzazzjonijiet huma kanali ta’ informazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni, li b’hekk jippermettu d-diffużjoni tal-informazzjoni minn fuq għal isfel. Il-Kumitat jirrikonoxxi li hemm lok li r-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jitjiebu, kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju, fl-istess waqt jistieden lill-Istati Membri li jappoġġjawhom skont il-ħtieġa, u li jistabbilixxu qafas għall-azzjoni f’każ ta’ bżonn;

    Lejn implimentazzjoni aktar effikaċi tal-aġenda

    38.

    jitlaq mill-prinċipju li ċ-ċittadini jridu jkunu jistgħu jafdaw fl-awtoritajiet responsabbli li japplikaw il-liġi; dan l-għan jintlaħaq kemm bl-applikazzjoni korretta tar-regolament kif ukoll bil-possibbiltà li ċ-ċittadini jingħataw li jirrikkorru għand dawn l-awtoritajiet f’każ ta’ tilwim;

    39.

    jenfasizza li fir-rigward tal-intrapriżi, tul il-katina tal-produzzjoni kollha, l-intrapriżi jridu jiġu konvinti li jkun aħjar għalihom li jirrispettaw l-impenji tagħhom marbutin mal-liġi milli li ma jikkonformawx. Ta’ min wieħed jinnota li l-informazzjoni marbuta mal-liġijiet dwar il-konsumaturi m’għandhiex tkun immirata biss lejn dawn tal-aħħar imma għandha testendi wkoll għall-intrapriżi;

    40.

    jaqbel li l-importanza tar-rwol tal-intermedjarji, qed tikber dejjem aktar speċjalment għas-servizzi bl-internet. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu ggarantiti t-trasparenza u l-kunfidenza iżda wkoll li jiġi assigurat li ssir ġustizzja u li jiġu imposti sanzjonijiet f’każijiet ta’ insolvenza tal-intermedjarji. Dan jirrikjedi l-ħolqien ta’ strutturi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE;

    41.

    jissuġġerixxi li jiġu adottati wkoll regoli vinkolanti dwar il-garanziji kummerċjali biex jimtela vojt importanti fil-ħarsien tal-konsumaturi fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li taħdem mal-intermedjarji u mal-professjonisti biex ittejjeb il-qafas li jirregola l-ftehimiet kummerċjali;

    42.

    jappella lill-Kummissjoni biex tara li l-Istati Membri japplikaw il-leġislazzjoni dwar l-approfonidment tas-suq uniku fil-ħin u fil-waqt u fuq kollox li japplikawha mingħajr riżervi;

    43.

    jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-baġit previst għall-azzjonijiet tal-aġenda tal-konsumaturi huwa limitat, peress li jilħaq madwar 0,05 € għal kull ċittadin Ewropew fis-sena. B’hekk jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħtieġa li tkun prudenti ħafna fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri biex tikseb l-aħjar riżultat possibbli;

    44.

    ser ikun attent biex jara li l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej tiġi implimentata b’mod effiċjenti u effikaċi, biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

    Brussell, 29 ta’ Novembru 2012.

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    Top