Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2592

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2592 tas-26 ta’ Settembru 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) rigward ir-rieżami tal-limiti tar-responsabbiltà mwettaq mill-ICAO skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal)

ST/13322/2024/INIT

ĠU L, 2024/2592, 30.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2592/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2592/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2592

30.9.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2592

tas-26 ta’ Settembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) rigward ir-rieżami tal-limiti tar-responsabbiltà mwettaq mill-ICAO skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru (il-“Konvenzjoni ta’ Montreal”), magħmula f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, ġiet konkluża mill-Unjoni u approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE (1).

(2)

Skont l-Artikolu 24(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization), bħala d-Depożitarju tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, għandha tirrevedi l-limiti tar-responsabbiltà previsti fl-Artikoli 21, 22 u 23 tiegħu f’intervalli ta’ 5 snin.

(3)

Bħala riżultat tal-aħħar rieżami mwettaq mill-ICAO, il-limiti tar-responsabbiltà previsti fl-Artikolu 21 u l-Artikolu 22(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jeħtieġ li jiġu aġġustati, kif imsemmi fl-Ittra lill-Istati LE 3/38.1-IND/24/4 maħruġa mill-ICAO fit-28 ta’ Ġunju 2024 (l-“Ittra tal-ICAO lill-Istati”). Skont l-Ittra tal-ICAO lill-Istati, dawk il-bidliet imsemmija għandhom isiru effettivi għall-Istati Partijiet kollha sitt xhur wara n-notifika tagħhom, sakemm fi żmien 3 xhur wara dik in-notifika l-maġġoranza tal-Istati Partijiet ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-ICAO.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-ICAO, peress li l-limiti riveduti tar-responsabbiltà se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 21 u l-Artikolu 22(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, u peress li l-Konvenzjoni ta’ Montreal tifforma parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni.

(5)

Fid-dawl tan-natura teknika tal-imsemmi rieżami, li jsegwi l-metodu ta’ kalkolu ddefinit b’mod ċar stabbilit fil-Konvenzjoni ta’ Montreal, ma hemm l-ebda raġuni biex l-Unjoni toġġezzjona għar-rieżami.

(6)

Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni għal-limiti l-ġodda ta’ responsabbiltà proposti kif imsemmi fl-Ittra tal-ICAO lill-Istati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati LE 3/38.1-IND/24/4, maħruġa mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili fit-28 ta’ Ġunju 2024, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni għal-limiti l-ġodda ta’ responsabbiltà proposti msemmija f’dik l-Ittra lill-Istati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

LÓGA M.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal) (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 38).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2592/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top