EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0262

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Gwida tal-Kummissjoni Ewropea għat-Tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni

COM/2021/262 final

Brussell, 26.5.2021

COM(2021) 262 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI EMPTY

Gwida tal-Kummissjoni Ewropea għat-Tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni


1Introduzzjoni 

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet b’mod ċar it-theddidiet u l-isfidi li ġġib magħha d-diżinformazzjoni għas-soċjetajiet tagħna. L-“infodemija” — il-firxa rapida ta’ informazzjoni falza, mhux akkurata jew qarrieqa dwar il-pandemija – ħolqot riskji sostanzjali għas-saħħa personali, għas-sistemi tas-saħħa pubblika, għall-immaniġġar effettiv tal-kriżijiet, għall-ekonomija u għall-koeżjoni soċjali. Il-pandemija żiedet ukoll ir-rwol li għandha t-teknoloġija diġitali f’ħajjitna, u b’hekk għamlitha dejjem aktar ċentrali għal kif naħdmu, nitgħallmu, nissoċjalizzaw, nipprovdu għall-bżonnijiet materjali, u nipparteċipaw fid-diskors ċiviku. Żiedet fl-importanza li jiġi żgurat li l-ekosistema online tkun spazju sikur, u wriet li, minkejja l-isforzi konsiderevoli li saru s’issa, hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu l-isforzi sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni 1 .

Sa mill-bidu tiegħu 2 , l-approċċ tal-UE għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni kien ibbażat fuq il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u drittijiet u libertajiet oħra ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. F’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet, minflok tikkriminalizza jew tipprojbixxi d-diżinformazzjoni fiha nfisha, l-istrateġija tal-UE għandha l-għan li tagħmel l-ambjent online u l-atturi tiegħu aktar trasparenti u responsabbli, u b’hekk tagħmel il-prattiki ta’ moderazzjoni tal-kontenut aktar trasparenti, filwaqt li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u trawwem dibattitu demokratiku miftuħ 3 . Għal dan il-għan, l-UE fittxet li timmobilizza l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, li jinkludu l-awtoritajiet pubbliċi, in-negozji, il-midja, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili.

Fil-qalba tal-isforzi tal-UE kien hemm il-Kodiċi ta’ Prattika awtoregolatorju dwar id-Diżinformazzjoni 4 . Issa, il-firmatarji tal-Kodiċi, li ilu fis-seħħ minn Ottubru 2018, jinkludu l-pjattaformi online ewlenin attivi fl-UE kif ukoll, fost l-oħrajn, assoċjazzjonijiet kummerċjali ewlenin li jirrappreżentaw is-settur Ewropew tar-reklamar. Il-Kummissjoni tqis li l-Kodiċi huwa kisba sostanzjali u mingħajr preċedent. Ipprovda għodda innovattiva sabiex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà akbar tal-pjattaformi online, kif ukoll qafas strutturat għall-monitoraġġ u għat-titjib tal-politiki tal-pjattaformi dwar id-diżinformazzjoni.

Madankollu, il-Valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika fl-2020 5 żvelat nuqqasijiet sinifikanti. Dawn jinkludu applikazzjoni inkonsistenti u mhux kompluta tal-Kodiċi bejn il-pjattaformi u l-Istati Membri, limitazzjonijiet intrinsiċi għan-natura awtoregolatorja tal-Kodiċi, kif ukoll lakuni fil-kopertura tal-impenji tal-Kodiċi. Il-valutazzjoni enfasizzat ukoll in-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ xieraq, inklużi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs), in-nuqqas ta’ impenji dwar l-aċċess għad-data tal-pjattaformi għar-riċerka dwar id-diżinformazzjoni u l-parteċipazzjoni limitata mill-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari mis-settur tar-reklamar. Għalhekk, fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija 6 (EDAP), il-Kummissjoni ħabbret li se toħroġ gwida għat-tisħiħ tal-Kodiċi, bħala parti minn azzjonijiet komprensivi sabiex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni fl-ambjent online, u li se tippreżenta leġiżlazzjoni speċifika dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku.

Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali 7 (DSA) propost mill-Kummissjoni jistabbilixxi qafas koregolatorju permezz ta’ Kodiċijiet ta’ Kondotta għall-indirizzar tar-riskji sistemiċi marbutin mad-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, jintroduċi miżuri ta’ trasparenza mifruxin rigward il-moderazzjoni tal-kontenut u r-reklamar, u jipproponi obbligi legali vinkolanti u eżegwibbli għal pjattaformi online kbar ħafna 8 sabiex jiġu vvalutati u indirizzati r-riskji sistemiċi għad-drittijiet fundamentali jew ippreżentati mill-manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom.

Il-Gwida hija bbażata fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni sal-lum fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-Kodiċi 9 u fuq ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet tal-2019 10 . Tikkontribwixxi wkoll għar-rispons mill-Kummissjoni għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2020 11 . Sabiex tiġbor il-kontributi għall-Gwida, il-Kummissjoni organizzat diskussjonijiet ma’ diversi partijiet ikkonċernati 12 kif ukoll workshop għall-Istati Membri.

Din il-Gwida tistabbilixxi l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar kif il-pjattaformi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jenħtieġ li jsaħħu l-miżuri tagħhom sabiex jindirizzaw il-lakuni u n-nuqqasijiet fil-Kodiċi u joħolqu ambjent online aktar trasparenti, sikur u affidabbli. Qasam minnhom, b’mod partikolari, fejn il-Kodiċi naqas milli jikseb progress suffiċjenti huwa fid-demonetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni, fejn ir-reklamar online għadu jinċentiva t-tixrid ta’ diżinformazzjoni 13 . Għalhekk, il-pjattaformi online u l-atturi l-oħrajn kollha tal-ekosistema tar-reklamar online jenħtieġ li jieħdu r-responsabbiltà u jaħdmu flimkien sabiex jitneħħew il-fondi tad-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kodiċi rivedut iżid l-impenji sabiex tiġi limitata l-imġiba manipulattiva, jissaħħu l-għodod li jagħtu s-setgħa lill-utenti, tiżdied it-trasparenza tar-reklamar politiku, u tingħata aktar setgħa lill-komunità tar-riċerka u tal-verifika tal-fatti. Il-Gwida tistabbilixxi wkoll il-pedamenti għal qafas imtejjeb u robust għall-monitoraġġ tal-Kodiċi msaħħaħ. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jkollu wkoll l-għan li jikseb parteċipazzjoni usa’ ma’ firmatarji ġodda, li jinkludu pjattaformi online addizzjonali attivi fl-UE kif ukoll atturi rilevanti oħrajn.

It-tisħiħ tal-Kodiċi joffri opportunità bikrija għall-partijiet ikkonċernati sabiex ifasslu miżuri xierqa fid-dawl tal-adozzjoni tad-DSA propost. B’mod partikolari, il-Gwida għandha wkoll l-għan li tevolvi l-Kodiċi ta’ Prattika eżistenti f’“Kodiċi ta’ Kondotta” kif previst fl-Artikolu 35 tagħha. Pjattaformi kbar ħafna 14 b’mod partikolari, se jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni fil-Kodiċi msaħħaħ b’antiċipazzjoni ta’ obbligi ġodda applikabbli għalihom skont id-DSA propost, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju, tal-mitigazzjoni tar-riskju, tal-għoti tas-setgħa lill-utenti, u tat-trasparenza madwar ir-reklamar. Pjattaformi iżgħar u partijiet ikkonċernati oħrajn se jibbenefikaw ukoll mit-teħid ta’ impenji xierqa skont il-Kodiċi msaħħaħ sabiex jiggwadanjaw mill-aħjar prattiki tiegħu u sabiex jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskji għar-reputazzjoni ppreżentati mill-użu ħażin tas-sistemi tagħhom sabiex tixxerred id-diżinformazzjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-ftehim finali tal-koleġiżlaturi dwar id-DSA jew dwar l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku, il-Kodiċi ta’ Prattika msaħħaħ jista’ jservi bħala għodda għall-pjattaformi online sabiex itejbu l-politiki tagħhom u jimmitigaw ir-riskji marbutin mad-diżinformazzjoni li s-servizzi tagħhom jippreżentaw għad-demokrazija.

It-tisħiħ tal-Kodiċi ma huwiex biss pass proviżorju. Din il-Gwida titlob l-iżvilupp tal-Kodiċi fi strument b’saħħtu, stabbli u flessibbli li jagħmel il-pjattaformi online aktar trasparenti u responsabbli mid-disinn.

2Monitoraġġ tal-Covid-19 – Riżultati u tagħlimiet meħudin

Minbarra t-tagħlimiet meħudin permezz tal-evalwazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika, inġabret informazzjoni intwittiva ġdida taħt il-programm ta’ monitoraġġ stabbilit wara l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Indirizzar tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 15 , li matulu l-firmatarji tal-pjattaforma online għall-Kodiċi kienu qed jirrapportaw kull xahar dwar l-azzjonijiet meħudin sabiex jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 fl-UE.

Il-programm ta’ monitoraġġ mhux biss ipprovda ħarsa ġenerali fil-fond lejn l-azzjonijiet meħudin sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 fuq il-bażi tal-impenji tal-Kodiċi, iżda wkoll għadda l-Kodiċi minn “test tal-istress”.

Ir-rapporti tal-pjattaformi juru li l-impenji tal-Kodiċi ġew implimentati permezz ta’ azzjonijiet effettivi f’diversi oqsma, bħal viżibbiltà akbar ta’ sorsi awtorevoli fuq is-servizzi tagħhom; l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ għodod u ta’ servizzi ġodda sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal informazzjoni affidabbli; azzjonijiet sabiex jiġi indirizzat kontenut li jkun fih informazzjoni falza jew qarrieqa li x’aktarx tikkawża ħsara fiżika jew li xxekkel l-effettività tal-politiki tas-saħħa pubblika; il-projbizzjoni espliċita ta’ reklamar li jisfrutta l-kriżi jew li jxerred diżinformazzjoni dwar il-COVID-19.

B’mod ġenerali, il-programm wera li l-Kodiċi jipprovdi qafas aġli u strutturat li jista’ jiġi implimentat u jissarraf f’azzjoni deċiżiva mill-firmatarji sabiex jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u li huwa komplementari għall-obbligi skont l-oqfsa regolatorji applikabbli. Il-Kodiċi pprovda wkoll struttura utli għall-monitoraġġ ta’ dawn il-miżuri f’sitwazzjoni straordinarja, u biddel b’mod dinamiku l-enfasi hekk kif evolviet il-kriżi (eż. sabiex jiffoka fuq id-diżinformazzjoni dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19).

Fl-istess ħin, il-programm dwar il-COVID-19 enfasizza numru ta’ nuqqasijiet tal-qafas eżistenti ta’ monitoraġġ tal-Kodiċi ta’ Prattika:

·Kwalità tar-rapportar. Hemm varjazzjonijiet sostanzjali fil-konsistenza, fil-kwalità u fil-livell ta’ dettall tar-rapportar. In-nuqqas ta’ data granulari biżżejjed, b’mod partikolari fil-livell tal-Istati Membri, kien ifisser li l-informazzjoni pprovduta spiss ma wrietx jekk l-azzjonijiet irrapportati ġewx implimentati fl-Istati Membri kollha jew fil-lingwi kollha tal-UE. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ mudell ta’ rapportar komuni u miftiehem għadu ostaklu għal monitoraġġ u għal paraguni bejn il-pjattaformi aktar effiċjenti.

·KPIs. Filwaqt li l-kwalità u l-granularità tar-rapportar tjiebu maż-żmien, id-data pprovduta għadha mhux dejjem adegwata u dettaljata biżżejjed sabiex jitkejjel sa liema punt jiġu implimentati l-impenji jew l-effett tal-azzjonijiet meħudin.

·Valutazzjoni indipendenti. Il-monitoraġġ tal-COVID-19 ikkonferma l-ħtieġa għal verifika indipendenti tar-rapporti tal-firmatarji, b’mod partikolari jekk il-politiki u l-azzjonijiet irrapportati ġewx implimentati fil-livell tal-Istati Membri u fil-lingwi kollha tal-UE, u jekk ir-rapportar jindirizzax biżżejjed it-tħassib dwar id-diżinformazzjoni fil-livell nazzjonali 16 .

·Nuqqas ta’ kopertura suffiċjenti ta’ verifika tal-fatti. Matul l-“infodemija” tal-COVID-19, il-firmatarji żiedu l-attivitajiet ta’ verifika tal-fatti fuq is-servizzi tagħhom li qed isiru disponibbli wkoll għall-utenti ta’ apps tal-messaġġi privati. Madankollu, il-kontenut ittikkettat bħala falz minn verifikaturi indipendenti tal-fatti għandu t-tendenza li jerġa’ jfeġġ fuq pjattaformi oħrajn minħabba n-nuqqas ta’ repożitorju ċentralizzat għall-verifika tal-fatti.

·Monetizzazzjoni kontinwa tad-diżinformazzjoni permezz ta’ tqegħid ta’ reklami. Minkejja l-azzjonijiet sabiex tiġi limitata l-monetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni, ir-riċerka rilevanti turi li għad hemm problemi f’dan il-qasam 17 .

3Kwistjonijiet orizzontali li għandhom jiġu indirizzati

Impenji msaħħin sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Kodiċi

L-impenji tal-Kodiċi ta’ Prattika attwali mhumiex effettivi biżżejjed sabiex jipprovdu rispons komprensiv għall-fenomeni ta’ diżinformazzjoni. Hemm bżonn ta’ impenji aktar b’saħħithom u aktar speċifiċi fl-oqsma kollha tal-Kodiċi sabiex jiġu indirizzati l-lakuni u n-nuqqasijiet, inklużi riskji ġodda u emerġenti. Sabiex jiġi żgurat li l-Kodiċi jibqa’ strument ħaj, il-firmatarji jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti għall-adattament regolari tiegħu.

Kamp ta’ applikazzjoni estiż

L-“infodemija” rigward il-pandemija tal-COVID-19 uriet li l-miżinformazzjoni 18 (tixrid ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa mingħajr intenzjoni malizzjuża) tista’ wkoll toħloq ħsara pubblika sostanzjali jekk issir virali. Filwaqt li l-mira ewlenija tibqa’ d-diżinformazzjoni fis-sens ristrett 19 , fil-Kodiċi msaħħaħ il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jdaħħlu fis-seħħ politiki xierqa u jieħdu azzjonijiet proporzjonati sabiex jimmitigaw ir-riskji ppreżentati mill-miżinformazzjoni, meta jkun hemm dimensjoni sinifikanti ta’ ħsara pubblika u b’salvagwardji xierqa għal-libertà tal-kelma. L-utenti jeħtieġ li jingħataw is-setgħa li jikkuntrastaw din l-informazzjoni ma’ sorsi awtorevoli u li jiġu informati meta l-informazzjoni li jkunu qed jaraw tkun falza b’mod verifikabbli. F’konformità ma’ dan, skont in-natura tagħhom, mhux l-impenji kollha tal-Kodiċi jkunu japplikaw għall-miżinformazzjoni. 

Din il-Gwida tuża – għall-faċilità ta’ referenza – it-terminu ġenerali “diżinformazzjoni” sabiex tirreferi għall-fenomeni differenti li għandhom jiġu indirizzati, filwaqt li tirrikonoxxi b’mod ċar id-differenzi importanti bejniethom 20 . Id-diżinformazzjoni f’dan is-sens tinkludi d-diżinformazzjoni fis-sens ristrett, il-miżinformazzjoni, kif ukoll l-operazzjonijiet ta’ influwenza tal-informazzjoni 21 u l-interferenza barranija 22 fl-ispazju tal-informazzjoni, inkluż minn atturi barranin, fejn tintuża manipulazzjoni tal-informazzjoni bl-effett li tikkawża ħsara pubblika sinifikanti.

Parteċipazzjoni mifruxa

Il-firmatarji tal-Kodiċi attwali jinkludu l-pjattaformi online ewlenin li joperaw fl-UE. Madankollu, parteċipazzjoni usa’ kemm mill-pjattaformi stabbiliti kif ukoll minn dawk emerġenti tista’ tipprovdi rispons aktar komprensiv u kkoordinat għat-tixrid tad-diżinformazzjoni. Firmatarji potenzjali ġodda jistgħu jinkludu fornituri ta’ servizzi online li jxerrdu informazzjoni lill-pubbliku, bħal midja soċjali jew servizzi ta’ tiftix iżgħar (eż. atturi li joffru servizzi fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew fuq bażi speċjalizzata/topika). Minħabba l-piżijiet ta’ konformità rilevanti, inklużi l-obbligi ta’ rapportar, l-impenji skont il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jqisu d-daqs tas-servizzi tal-firmatarji. Filwaqt li pjattaformi online kbar ħafna se jkollhom bżonn jieħdu miżuri robusti sabiex jindirizzaw ir-riskji sistemiċi rilevanti skont id-DSA propost, jenħtieġ li l-miżuri applikabbli għas-servizzi iżgħar jew emerġenti ma jimponux piż sproporzjonat fuqhom.

Is-servizzi tal-messaġġi privati jistgħu jintużaw ħażin ukoll sabiex ikebbsu d-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni, kif osservat f’kampanji elettorali riċenti u matul il-pandemija tal-COVID-19 23 . Tali fornituri ta’ servizzi jistgħu jkunu firmatarji tal-Kodiċi, li jieħdu impenn għal miżuri speċifiċi xierqa għal dan it-tip ta’ servizzi, mingħajr ma jiddgħajjef il-kriptaġġ li spiss jintuża minn dan it-tip ta’ servizzi, u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-protezzjoni tal-privatezza u għad-dritt għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja inklużi l-komunikazzjonijiet.

Sabiex jiżdied l-impatt tal-Kodiċi fuq id-demonetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni, parteċipazzjoni usa’ tal-partijiet ikkonċernati mill-ekosistema tar-reklamar lil hinn miċ-ċirku tal-firmatarji attwali tal-Kodiċi (assoċjazzjonijiet Ewropej u nazzjonali mis-settur tar-reklamar) hija kruċjali. Il-Kodiċi jibbenefika b’mod partikolari minn aktar involviment ta’ marki (b’mod partikolari dawk b’infiq sostanzjali fuq ir-reklamar online) kif ukoll minn parteċipanti oħrajn tas-settur tar-reklamar online (eż. pjattaformi tal-iskambju tar-reklami, fornituri ta’ teknoloġiji tar-reklamar, aġenziji tal-komunikazzjoni) u atturi oħrajn li jipprovdu servizzi li jistgħu jintużaw sabiex tiġi mmonetizzata d-diżinformazzjoni (eż. servizzi ta’ pagament elettroniku, pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, sistemi ta’ finanzjament kollettiv/donazzjoni) 24 .

Firmatarji ġodda jistgħu jinkludu wkoll partijiet ikkonċernati oħrajn li jista’ jkollhom impatt sinifikanti permezz tal-għodod, tal-istrumenti, tas-soluzzjonijiet jew tal-għarfien espert speċifiku rilevanti tagħhom, inklużi verifikaturi tal-fatti, organizzazzjonijiet li jipprovdu klassifikazzjonijiet relatati mas-siti ta’ diżinformazzjoni jew li jivvalutaw id-diżinformazzjoni, kif ukoll il-fornituri ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi li jistgħu jappoġġaw l-isforzi sabiex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni. Tali organizzazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-Kodiċi u għas-suċċess tiegħu.

Impenji mfasslin apposta

Sabiex tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni usa’, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jinkludi impenji mfasslin apposta li jikkorrispondu għad-diversità tas-servizzi pprovduti mill-firmatarji u għar-rwoli partikolari li għandhom fl-ekosistema.

Il-firmatarji jenħtieġ li jaderixxu mal-impenji li huma rilevanti għas-servizzi tagħhom. Filwaqt li l-parteċipazzjoni fil-Kodiċi u l-adeżjoni mal-impenji tiegħu jibqgħu volontarji, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Kodiċi bħala għodda għall-mitigazzjoni tar-riskju, fil-prinċipju, il-firmatarji ma għandhomx jagħżlu li ma jipparteċipawx f’impenji li huma rilevanti għas-servizzi tagħhom. Meta l-firmatarji jagħżlu li ma jaderixxux għal impenn partikolari rilevanti għas-servizzi tagħhom, jenħtieġ li jipprovdu ġustifikazzjoni pubblika, fl-ispirtu tal-premessa 68 tad-DSA propost. Il-firmatarji li qed jipprovdu għodod, strumenti jew soluzzjonijiet għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni jistgħu jaderixxu għal impenji xierqa u jappoġġaw lil firmatarji oħrajn tal-Kodiċi bl-għarfien espert tagħhom. Kwalunkwe rekwiżit ta’ rapportar għal tali organizzazzjonijiet jenħtieġ li jiġi adattat għall-missjoni tagħhom.

Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali 

Sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni effettiva għall-indirizzar tal-kwistjoni tad-diżinformazzjoni, huwa kruċjali li jkun hemm l-appoġġ ta’ komunità multidixxiplinari li tinkludi verifikaturi tal-fatti, riċerkaturi akkademiċi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn. Sabiex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tali komunità u jiffaċilita l-ħidma tagħha, ġie stabbilit l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali (EDMO) 25   . Billi jipprovdi appoġġ lil riċerkaturi indipendenti u lill-verifikaturi tal-fatti, l-EDMO u l-hubs nazzjonali tiegħu se jżidu l-kapaċità tagħhom li jidentifikaw u janalizzaw il-kampanji ta’ diżinformazzjoni. L-EDMO jista’ jkollu rwol importanti fl-ilħuq ta’ diversi mill-objettivi tal-Kodiċi. Għalhekk, huwa mistenni li l-firmatarji tal-Kodiċi jikkooperaw mal-EDMO kif xieraq.

Sistema ta’ Twissija Rapida

Kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 kontra d-Diżinformazzjoni 26 , il-pjattaformi online jenħtieġ li jikkooperaw mas-Sistema ta’ Twissija Rapida tal-UE, li tgħaqqad l-Istati Membri kollha tal-UE u l-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE sabiex tippermetti risponsi konġunti għad-diżinformazzjoni permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u billi tipprovdi twissijiet f’waqthom dwar kampanji ta’ diżinformazzjoni. Filwaqt li jibni fuq dan, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jesplora opportunitajiet għat-tisħiħ tat-tali kooperazzjoni, b’mod partikolari billi jiffaċilita skambju informali bejn il-firmatarji sabiex jippreżentaw ix-xogħol u s-sejbiet tagħhom, kif ukoll sabiex jiżgura rabtiet mill-qrib, issimplifikati u koerenti fuq livell nazzjonali bejn l-Istati Membri kollha u l-firmatarji kif xieraq. Dan jenħtieġ li jqis ukoll il-kooperazzjoni mal-EDMO, kif imsemmi aktar ’il fuq.

4Skrutinju tat-tqegħid ta’ reklami 

Kif spjegat, azzjoni deċiżiva għad-demonetizzazzjoni tax-xandara ta’ diżinformazzjoni hija kruċjali għas-suċċess tal-Kodiċi. Għalhekk, l-impenji tal-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jieħdu azzjoni aktar granulari u mfassla apposta sabiex jindirizzaw ir-riskji ta’ diżinformazzjoni marbuta mad-distribuzzjoni tar-reklamar online, filwaqt li jżommu f’moħħhom ir-rekwiżiti regolatorji li ġejjin fid-DSA propost applikabbli għar-reklamar online kollu, inkluż ir-reklamar politiku u tematiku u, sa fejn applikabbli, l-inizjattiva mħabbra dwar ir-reklamar politiku.

Demonetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni

Il-Kodiċi jenħtieġ li jsaħħaħ l-impenji mmirati lejn id-definanzjament tat-tixrid ta’ diżinformazzjoni dwar is-servizzi proprji tal-firmatarji jew fuq siti web ta’ partijiet terzi 27 . Sabiex jittejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà rigward it-tqegħid ta’ reklami, il-firmatarji li jipparteċipaw fit-tqegħid ta’ reklami, inklużi l-kumpaniji ta’ teknoloġiji tar-reklamar 28 , jenħtieġ li jidentifikaw il-kriterji li jużaw sabiex iqiegħdu r-reklami, u jadottaw miżuri li jippermettu l-verifika tal-landing/tal-post tad-destinazzjoni tar-reklami, bl-għan li jiġi evitat it-tqegħid tar-reklamar qrib kontenut ta’ diżinformazzjoni jew f’postijiet li huma magħrufin għall-pubblikazzjoni ripetuta ta’ diżinformazzjoni. Il-pjattaformi jenħtieġ li jieħdu impenn, b’mod partikolari, li jissikkaw ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u l-proċessi ta’ rieżami tal-kontenut għall-monetizzazzjoni tal-kontenut u għall-programmi ta’ kondiviżjoni tad-dħul mir-reklami fuq is-servizzi tagħhom sabiex jipprojbixxu l-parteċipazzjoni minn atturi li sistematikament itellgħu kontenut li nkixef li huwa diżinformazzjoni 29 . Barra minn hekk, il-pjattaformi jenħtieġ li jieħdu impenn ukoll li jsaħħu l-politiki rilevanti u li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta bl-għan li jeskludu l-parteċipazzjoni fin-networks tar-reklamar jew fil-pjattaformi tal-iskambju tar-reklami ta’ siti web li b’mod persistenti jxerrdu kontenut ta’ diżinformazzjoni.

L-impenji f’dan il-qasam jenħtieġ li jibnu wkoll fuq id-disponibbiltà u fuq l-adozzjoni ta’ għodod tas-sikurezza tal-marka, li għandhom jintegraw l-informazzjoni u l-analiżi minn verifikaturi tal-fatti, minn riċerkaturi u minn partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn li jipprovdu informazzjoni, eż., dwar is-sorsi ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni. Sostnuti minn informazzjoni u minn għodod bħal dawn, is-sidien tal-marki u oħrajn li jirreklamaw jenħtieġ li jieħdu impenn li jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex jevitaw it-tqegħid ta’ reklamar tagħhom ħdejn kontenut ta’ diżinformazzjoni jew f’postijiet li jippubblikaw diżinformazzjoni ripetutament.

Titjib tal-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti

Il-kisba ta’ riżultati tanġibbli teħtieġ il-kooperazzjoni mill-qrib bejn atturi differenti fl-ekosistema tar-reklamar. Għal dan l-għan, kif stabbilit fit-Taqsima 3.3, parteċipazzjoni usa’ tal-partijiet ikkonċernati mill-ekosistema tar-reklamar hija kruċjali. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jipprovdi qafas għal tali parteċipazzjoni estiża li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tal-atturi rilevanti kollha u jkompli jiffaċilita l-inizjattivi transindustrijali li għaddejjin f’dan il-qasam 30 .

Bħala parti mill-Kodiċi msaħħaħ, l-atturi kollha involuti fix-xiri, fil-bejgħ u fit-tqegħid ta’ reklamar diġitali jenħtieġ li jieħdu impenn li jiskambjaw l-aħjar prattiki u jsaħħu l-kooperazzjoni. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li tiffaċilita l-integrazzjoni u l-fluss ta’ informazzjoni fil-katina tal-valur kollha tar-reklamar, b’mod partikolari informazzjoni rilevanti għall-identifikazzjoni tax-xandara tad-diżinformazzjoni b’rispett sħiħ tar-regoli rilevanti kollha dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi tista’ tinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni dwar reklami ta’ diżinformazzjoni rrifjutati minn pjattaforma waħda sabiex jiġi evitat li jidhru fuq pjattaformi oħrajn – pereżempju, bil-ħolqien ta’ repożitorju komuni ta’ reklami rrifjutati – għall-għarfien ta’ pjattaformi oħra li s-servizzi tagħhom jistgħu jiġu affettwati wkoll.

L-azzjonijiet sabiex jitneħħew il-fondi tad-diżinformazzjoni jenħtieġ li jitwessgħu bil-parteċipazzjoni ta’ atturi attivi fil-katina tal-valur tal-monetizzazzjoni online, bħas-servizzi tal-pagamenti elettroniċi online, il-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku u s-sistemi rilevanti ta ’ finanzjament kollettiv/donazzjoni.

Impenji sabiex jiġi indirizzat ir-reklamar li fih diżinformazzjoni

Skont il-Kodiċi msaħħaħ, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jfasslu politiki ta’ reklamar xierqa u mfasslin apposta li jindirizzaw l-użu ħażin tas-sistemi ta’ reklamar tagħhom għall-propagazzjoni ta’ diżinformazzjoni 31 . Jenħtieġ li jinfurzaw dawn il-politiki b’mod konsistenti u effettiv. Għal dan l-għan, il-firmatarji jenħtieġ li jikkooperaw ma’ verifikaturi tal-fatti sabiex jidentifikaw reklami li fihom diżinformazzjoni li tkun saritlha verifika tal-fatti u nkixfet bħala tali. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jadattaw is-sistemi attwali tagħhom ta’ verifika u ta’ rieżami sabiex jiżguraw li r-reklami mqiegħda permezz tas-servizzi tagħhom jew fuqhom jikkonformaw mal-politiki dwar ir-reklamar tagħhom fir-rigward tad-diżinformazzjoni. Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn ukoll li jispjegaw b’mod ċar lil dawk li jirreklamaw li nkisru l-politiki tar-reklamar meta jirrifjutaw jew ineħħu reklami ta’ diżinformazzjoni jew jiddiżattivaw il-kontijiet ta’ reklamar 32 .

5Reklamar politiku u reklamar tematiku 

Ir-“reklamar politiku” u r-“reklamar tematiku” 33 għandhom rwol importanti fit-tfassil ta’ kampanji politiċi u fid-dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet soċjali importanti. Tali kontenut online mħallas jista’ jkollu rwol deċiżiv fit-tiswir tal-opinjoni pubblika u fl-influwenzar tal-eżitu tal-elezzjonijiet. L-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet fl-UE hija rregolata fil-biċċa l-kbira fil-livell tal-Istati Membri, b’diversi regoli rilevanti li jaffettwaw ir-reklamar politiku inkluża t-trasparenza tiegħu. Fl-EDAP, il-Kummissjoni ħabbret leġiżlazzjoni sabiex issaħħaħ it-trasparenza tar-reklamar politiku. Sabiex jiġi żgurat il-livell adegwat ta’ trasparenza u ta’ responsabbiltà f’dan il-qasam, l-impenji tal-Kodiċi jeħtieġu aktar tisħiħ, b’appoġġ għall-qafas legali usa’.

Ir-reviżjoni tal-Kodiċi f’dan il-qasam se jkollha tqis il-proposta leġiżlattiva li jmiss tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza ta’ kontenut politiku sponsorjat u d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DSA propost. Kodiċi msaħħaħ se jservi bħala mezz importanti sabiex jinkiseb progress tanġibbli b’appoġġ tal-qafas legali eżistenti, minbarra li jwitti t-triq għal leġiżlazzjoni msaħħa u permezz tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid ladarba jkun fis-seħħ u sabiex jitfasslu soluzzjonijiet immexxija mill-industrija b’appoġġ tal-implimentazzjoni tiegħu u jinkiseb progress kontinwu f’dan il-qasam.

Għal applikazzjoni konsistenti u effettiva tal-impenji, huwa meħtieġ fehim kondiviż fost il-firmatarji tar-“reklamar politiku” u tar-“reklamar tematiku” li jqis b’mod adegwat l-oqfsa legali nazzjonali applikabbli eżistenti. Il-firmatarji jenħtieġ li jiżguraw li jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli u jallinjaw il-prattiki tagħhom mal-leġiżlazzjoni li jmiss dwar it-trasparenza ta’ kontenut politiku sponsorjat.

Tikkettar effiċjenti ta’ reklami politiċi u tematiċi

Il-Kodiċi jenħtieġ li jinkludi impenji msaħħin li jiżguraw it-trasparenza u d-divulgazzjoni pubblika tar-reklami kemm politiċi kif ukoll tematiċi, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-DSA propost 34 , l-inizjattiva leġiżlattiva li jmiss dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku, u mingħajr preġudizzju għall-oqfsa regolatorji eżistenti. Dawn ir-reklami jenħtieġ li jkunu ttikkettati u distinti b’mod ċar u effettiv bħala kontenut imħallas, u l-utenti għandhom ikunu jistgħu jifhmu li l-kontenut muri jkun fih reklamar relatat ma’ kwistjonijiet politiċi jew tas-soċjetà. Il-Kodiċi msaħħaħ jista’ jinkludi sett ta’ kriterji komuni u ta’ eżempji dwar l-immarkar u t-tikkettar ta’ reklami politiċi u tematiċi. Fejn rilevanti, il-firmatarji jenħtieġ li jintegraw ir-riċerka rilevanti sabiex itejbu l-effettività tat-tikketti fl-informar lill-utenti 35 . Il-Kodiċi jenħtieġ li jinkludi impenji li jkollhom l-għan li jiżguraw li t-tikketti jibqgħu fis-seħħ meta l-utenti jaqsmu reklami politiċi jew tematiċi b’mod organiku 36 , sabiex ikomplu jiġu identifikati b’mod ċar bħala reklami.

Impenji ta’ verifika u ta’ trasparenza għar-reklami politiċi u tematiċi

Il-firmatarji li juru reklami politiċi u tematiċi jenħtieġ li jiżguraw li l-identità ta’ min jirreklama tkun viżibbli għall-utenti, inkluż impenn speċifiku li jistabbilixxi obbligi ta’ trasparenza f’konformità mar-rekwiżiti fid-DSA propost 37 .

Il-firmatarji jenħtieġ li jagħmlu wkoll sforzi raġonevoli sabiex jiżguraw, permezz ta’ sistemi effettivi ta’ verifika tal-identità u ta’ awtorizzazzjoni, li l-kundizzjonijiet neċessarji kollha jkunu ssodisfati qabel ma jippermettu t-tqegħid ta’ dawn it-tipi ta’ reklami. 

Trasparenza fil-pjattaformi tal-messaġġi

Il-Kodiċi ta’ Prattika rivedut jenħtieġ li jinkludi impenji ġodda u mfasslin apposta li jindirizzaw l-użu ta’ pjattaformi ta’ messaġġi għat-tixrid ta’ reklami politiċi u tematiċi, b’rispett sħiħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u tar-rekwiżiti tal-UE għall-privatezza fis-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Ir-rekwiżit imsemmi aktar ’il fuq li meta l-kontenut politiku sponsorjat jinqasam bejn l-utenti, dan jenħtieġ li jkompli jiġi ttikkettat bħala kontenut imħallas, għandu japplika wkoll sa fejn ikun possibbli għall-kontenut politiku sponsorjat kondiviż fuq pjattaformi tal-messaġġi. Għal dan l-għan, il-firmatarji jenħtieġ li jiżviluppaw soluzzjonijiet li jkunu kompatibbli mat-teknoloġija tal-kriptaġġ li spiss tintuża minn pjattaformi tal-messaġġi, mingħajr ma jiddgħajjef il-kriptaġġ.

Immirar tar-reklami politiċi

L-immirar mikro tar-reklamar politiku jista’ jqajjem ħafna tħassib. Iqajjem kwistjonijiet ta’ konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data, peress li l-immirar mikro huwa bbażat fuq informazzjoni personali u xi drabi jinkludi tekniki sofistikati ta’ tfassil ta’ profili psikoloġiċi 38 . Jista’ jaffettwa d-dritt tal-votanti li jirċievu informazzjoni, peress li l-immirar mikro jippermetti lil min itella’ reklami politiċi jibagħtu messaġġi mfasslin apposta lil udjenzi mmirati, filwaqt li udjenzi oħrajn jistgħu jiġu mċaħħda minn din l-informazzjoni. L-immirar mikro jagħmilha diffiċli li ssir verifika tal-fatti jew li jsir skrutinju ta’ reklami bħal dawn, u li l-individwi jasserixxu d-drittijiet tagħhom, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jżid ir-riskju ta’ polarizzazzjoni politika 39 .

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jikkontribwixxi sabiex jillimita jew jevita r-riskji assoċjati mal-immirar mikro ta’ individwi b’reklamar politiku u/jew tematiku. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-GDPR u ma’ liġijiet rilevanti oħrajn, b’mod partikolari l-kisba ta’ kunsens validu fejn meħtieġ 40 . L-aċċess għall-informazzjoni jenħtieġ li jiġi ffaċilitat sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-funzjoni ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar tagħhom.

Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu informati b’mod ċar meta jkunu qed jiġu mikroimmirati u jingħataw informazzjoni sinifikattiva dwar il-kriterji u d-data użati għal dan l-għan. Huma jenħtieġ li jimplimentaw miżuri ta’ trasparenza relatati b’saħħithom, inklużi libreriji tar-reklami dedikati li jistgħu jitfittxu bir-reklami mikroimmirati kollha pprovduti lil gruppi ta’ utenti speċifiċi 41 , akkumpanjati minn informazzjoni dwar il-kriterji ta’ mmirar u ta’ konsenja.

Titjib fir-repożitorji tar-reklami u funzjonalitajiet minimi għall-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs)

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura li l-pjattaformi firmatarji jieħdu impenn li jtejbu l-kompletezza u l-kwalità tal-informazzjoni fir-repożitorji tar-reklami politiċi tagħhom, sabiex dawn ikunu jinkludu b’mod effettiv il-kontenut politiku sponsorjat kollu li jiġi servut. Dawn ir-repożitorji jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni attwali u aġġornata regolarment dwar il-volum u l-baġit tar-reklami politiċi servuti minn dawk li jtellgħu reklami politiċi fl-Istati Membri, l-għadd ta’ drabi li kull reklam ikun intwera online, u l-kriterji ta’ mmirar użati minn min jirreklama, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-DSA propost u l-proposta leġiżlattiva li jmiss dwar ir-reklamar politiku 42 . 

Xi pjattaformi żviluppaw interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) jew interfaċċi oħrajn li jippermettu lill-utenti u lir-riċerkaturi jwettqu tfittxijiet personalizzati fi ħdan ir-repożitorji politiċi tagħhom. Madankollu, il-funzjonalitajiet ta’ dawn l-APIs huma limitati ħafna. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura li l-APIs għar-repożitorji tar-reklami politiċi tal-pjattaformi jinkludu sett ta’ funzjonalitajiet minimi, kif ukoll sett ta’ kriterji minimi ta’ tiftix li jippermettu lill-utenti u lir-riċerkaturi jwettqu tfittxijiet personalizzati sabiex jiksbu data f’ħin reali f’formats standard u jippermettu tqabbil, riċerka u monitoraġġ aktar faċli bejn il-pjattaformi. Jekk jiġu stabbiliti repożitorji għar-reklami tematiċi, jenħtieġ li jkollhom funzjonalitajiet tal-API u kapaċitajiet ta’ tiftix komparabbli. L-impenji jenħtieġ li jiżguraw ukoll aċċess wiesa’ għall-APIs u li l-funzjonalitajiet tal-APIs jiġu aġġornati regolarment sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-riċerkaturi.

6Integrità tas-servizzi 

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jipprovdi kopertura komprensiva tal-forom attwali u emerġenti ta’ mġiba manipulattiva użata sabiex tinxtered id-diżinformazzjoni. Jenħtieġ li jqis in-natura li qed tevolvi u r-riskji usa’ assoċjati mat-tixrid tad-diżinformazzjoni, pereżempju l-fatt li l-kampanji ta’ diżinformazzjoni jistgħu jkunu parti minn theddidiet ibridi għas-sigurtà, b’mod partikolari flimkien ma’ attakki ċibernetiċi 43 . Jenħtieġ li jinkludi impenji mfasslin apposta sabiex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet u jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward ta’ azzjonijiet li jieħdu l-firmatarji sabiex jillimitaw l-imġiba manipulattiva li, skont it-termini rilevanti tas-servizz tagħhom, mhumiex permessi fuq is-servizzi tal-firmatarji, anki fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji li ġejjin stabbiliti fid-DSA propost 44 .

Fehim komuni ta’ mġiba manipulattiva mhux permissibbli

Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura li l-firmatarji jaqblu dwar fehim bejn is-servizzi ta’ mġiba manipulattiva mhux permessa fuq is-servizzi tagħhom, li tinkludi “mġiba mhux awtentika”, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet eżistenti tal-UE u dawk nazzjonali. Dak il-fehim jenħtieġ li jkun wiesa’ biżżejjed sabiex ikopri l-firxa sħiħa ta’ mġibiet li permezz tagħha atturi malizzjużi jistgħu jippruvaw jimmanipulaw is-servizzi. Għal dan l-għan, il-firmatarji jenħtieġ li jfasslu lista komprensiva ta’ tattiċi, ta’ tekniki u ta’ proċeduri manipulattivi (TTPs) li jikkostitwixxu mġiba mhux awtentika mhux permissibbli fis-servizzi kollha tagħhom. It-tekniki identifikati jenħtieġ li jiġu ddefiniti b’mod suffiċjenti sabiex jippermettu t-tqabbil tal-prevalenza ta’ mġibiet mhux permissibbli bejn il-pjattaformi, kif ukoll l-effettività tal-azzjonijiet meħudin sabiex jiġu miġġielda. Il-fehim komuni jenħtieġ li jipprovdi vokabularju kondiviż għall-firmatarji, għar-regolaturi, għas-soċjetà ċivili u għal partijiet ikkonċernati oħrajn sabiex jiġu diskussi l-problemi tad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni online kemm fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Prattika kif ukoll f’fora oħrajn, bħas-Sistema tal-UE ta’ Twissija Rapida u n-Network tal-UE ta’ Kooperazzjoni għall-Elezzjonijiet, u bi tħejjija għall-applikazzjoni tad-DSA propost. Din il-ħidma jenħtieġ li tqis is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa malajr fir-rigward tat-TTPs u tirrifletti dawn it-tibdiliet possibbli meta jiġu żviluppati t-terminoloġija u d-definizzjonijiet.

Impenji msaħħin sabiex tiġi limitata l-imġiba manipulattiva mhux permissibbli

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jistabbilixxi impenji ġodda fil-qasam tal-imġiba manipulattiva mhux permissibbli, li jkopru l-firxa sħiħa ta’ tekniki manipulattivi u li jeħtieġu risponsi effettivi sabiex jiġu miġġielda. L-impenji jenħtieġ li jirrikjedu li l-firmatarji jindirizzaw tekniki manipulattivi li jevolvu, bħal operazzjonijiet ta’ hack-and-leak, il-ħtif ta’ kontijiet, il-ħolqien ta’ gruppi mhux awtentiċi, l-impustura, id-deepfakes, ix-xiri ta’ interazzjonijiet foloz jew l-involviment mhux trasparenti ta’ influwenzaturi. Barra minn hekk, l-impenji jenħtieġ li mhux biss jirrikjedu lill-firmatarji jippubblikaw il-politiki rilevanti, iżda għandhom jistabbilixxu wkoll l-elementi, l-objettivi u l-parametri referenzjarji tal-linja bażi għall-miżuri implimentati sabiex tiġi miġġielda l-imġiba manipulattiva mhux permissibbli. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jqis l-obbligi ta’ trasparenza għas-sistemi tal-IA li jiġġeneraw jew jimmanipulaw il-kontenut u l-lista ta’ prattiki manipulattivi pprojbiti skont il-proposta għal Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 45 .

Aġġustament tal-impenji, kooperazzjoni u trasparenza

Sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-adegwatezza kontinwi tiegħu, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jistabbilixxi mekkaniżmu li permezz tiegħu l-impenji tiegħu jistgħu jiġu aġġustati maż-żmien fuq il-bażi tal-aħħar evidenza dwar l-imġibiet u t-TTPs użati minn atturi malizzjużi.

Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jistabbilixxu kanali ta’ skambju bejn it-timijiet ta’ fiduċja, ta’ ċibersigurtà u ta’ sikurezza rispettivi tagħhom. Dawn il-kanali ta’ skambju jenħtieġ li jiffaċilitaw il-kondiviżjoni proattiva ta’ informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ influwenzar u l-interferenza barranija fl-ispazju tal-informazzjoni dwar is-servizzi tal-firmatarji sabiex tiġi evitata l-feġġa mill-ġdid ta’ tali kampanji fuq pjattaformi oħrajn. Ir-riżultati u t-tagħlimiet meħudin jenħtieġ li jiġu inklużi fir-rapporti ta’ monitoraġġ annwali tal-firmatarji, diskussi fit-task force permanenti 46 , u għandhom ikunu disponibbli fuq bażi regolari f’formats komuni tad-data 47 .

L-impenji għandhom jiżguraw li l-politiki u l-miżuri kollha jiġu kkomunikati b’mod ċar lill-utenti, inkluż permezz taċ-ċentru ta’ trasparenza 48 . Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn ukoll li jagħmlu l-azzjonijiet kollha kontra mġiba manipulattiva permissibbli soġġetta għal sistema interna għall-ġestjoni tal-ilmenti, filwaqt li jqisu d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-DSA propost 49 .

7Għoti tas-setgħa lill-utenti 

L-għoti tas-setgħa lill-utenti huwa kruċjali sabiex jiġi limitat l-impatt tad-diżinformazzjoni. Fehim aħjar tal-funzjonament tas-servizzi online, kif ukoll għodod li jrawmu mġiba aktar responsabbli online jew li jippermettu lill-utenti jidentifikaw u jirrapportaw kontenut falz u/jew qarrieqi, jistgħu jillimitaw b’mod drammatiku t-tixrid ta’ diżinformazzjoni. L-impenji tal-Kodiċi f’dan il-qasam jenħtieġ li jitwessgħu sabiex ikopru firxa wiesgħa ta’ servizzi, inklużi pereżempju impenji mfasslin apposta għas-servizzi tal-messaġġi. Dawn jenħtieġ li jinkludu wkoll mekkaniżmi sabiex jappellaw kontra azzjonijiet meħudin mill-firmatarji bħala segwitu għar-rapporti tal-utenti. Il-firmatarji jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tat-tfal li jistgħu jkunu partikolarment vulnerabbli għad-diżinformazzjoni.

Impenn għal miżuri li jtejbu l-litteriżmu medjatiku

Diversi firmatarji għamlu sforzi fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku sabiex jipprovdu lill-utenti b’għodod rilevanti. Skont il-Kodiċi msaħħaħ, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jkomplu dawn l-isforzi u jieħdu impenn b’mod partikolari għal involviment aktar b’saħħtu tal-komunità tal-litteriżmu medjatiku fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ għodod u fil-valutazzjoni ta’ kampanji dwar il-litteriżmu medjatiku fuq is-servizzi tagħhom, inkluż sabiex jipproteġu lit-tfal. Dawn l-isforzi jistgħu jkunu allinjati wkoll mal-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-litteriżmu medjatiku 50 , inkluż il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) 51 , sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji rilevanti. Għal dan l-għan, il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Litteriżmu Medjatiku 52 u l-EDMO jistgħu jipprovdu appoġġ sabiex jiġi stabbilit qafas permanenti għad-diskussjoni.

Impenn favur “disinn sikur”

Id-disinn u l-arkitettura tas-servizzi online għandhom impatt sinifikanti fuq l-imġiba tal-utenti 53 . Għalhekk, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jivvalutaw ir-riskji li s-sistemi tagħhom joħolqu u jfasslu l-arkitettura tas-servizzi tagħhom b’mod li jimminimizza r-riskji marbutin 54 mat-tixrid u mal-amplifikazzjoni tad-diżinformazzjoni 55 . Dan jista’ jinkludi wkoll l-ittestjar minn qabel tal-arkitettura tas-sistemi. Il-firmatarji jenħtieġ li jinvestu wkoll fir-riċerka u jiżviluppaw karatteristiċi u disinji tal-prodotti li jtejbu l-ħsieb kritiku tal-utenti kif ukoll l-użu responsabbli u sikur tas-servizzi tagħhom.

Il-pjattaformi online jistgħu jaħdmu wkoll flimkien mal-fornituri ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi sabiex jintegraw fis-servizzi tagħhom soluzzjonijiet li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità jew tal-akkuratezza jew sabiex jidentifikaw il-provenjenza jew is-sors tal-kontenut diġitali 56 .

Il-fornituri ta’ sistemi online mħaddma bl-IA jenħtieġ li jqisu wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti fl-Att propost dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.

Responsabbiltà tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni

Billi jiddeterminaw l-ordni li fiha tiġi ppreżentata l-informazzjoni, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni għandhom impatt sinifikanti fuq liema informazzjoni fil-fatt tiġi aċċessata mill-utenti. Huwa ta’ importanza kbira li l-firmatarji tal-Kodiċi msaħħaħ jieħdu impenn li jagħmlu s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom trasparenti fir-rigward tal-kriterji użati għall-għoti tal-prijorità jew għat-tneħħija tal-prijorità tal-informazzjoni, bl-għażla biex l-utenti jadattaw l-algoritmi ta’ klassifikazzjoni. Dan kollu jenħtieġ li jsir b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipju tal-libertà tal-midja filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-proposta tad-DSA 57 .

L-impenji jenħtieġ li jinkludu wkoll miżuri konkreti sabiex jittaffew ir-riskji tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni li jkebbsu l-firxa virali ta’ diżinformazzjoni, bħall-esklużjoni mill-kontenut rakkomandat ta’ informazzjoni falza u/jew qarrieqa meta tkun inkixfet bħala tali minn verifikaturi tal-fatti indipendenti u ta’ paġni web u ta’ atturi li jxerrdu d-diżinformazzjoni b’mod persistenti.

Viżibbiltà ta’ informazzjoni affidabbli ta’ interess pubbliku

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi, tal-promozzjoni ta’ informazzjoni ta’ interess pubbliku li hija affidabbli, bħal informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tas-saħħa relatata ma’ miżuri li jipprevjenu l-marda jew mas-sikurezza tal-vaċċini 58 . Il-firmatarji implimentaw diversi soluzzjonijiet sabiex jipprovdu lill-utenti b’tali informazzjoni u jagħmluha viżibbli u faċli sabiex tiġi aċċessata. Filwaqt li jibnu fuq din l-esperjenza, il-firmatarji għall-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jieħdu impenn li jiżviluppaw u japplikaw aktar għodod speċifiċi bħal dawn (eż. pannelli ta’ informazzjoni, kartelluni, pop-ups, mapep u indikazzjonijiet) li jagħtu prijorità u jwasslu lill-utenti għal sorsi awtorevoli dwar suġġetti ta’ interess pubbliku u soċjetali partikolari jew f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Sabiex jissaħħaħ l-impenn tal-Kodiċi eżistenti 59 dwar il-prijoritizzazzjoni ta’ kontenut rilevanti, awtentiku u awtorevoli, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn ukoll li jippubblikaw informazzjoni li tiddeskrivi l-metodoloġija li s-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom jużaw f’dan ir-rigward. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi inkluża fiċ-ċentru ta’ trasparenza. Il-firmatarji tal-Kodiċi jenħtieġ li jikkunsidraw li jiżguraw li din l-informazzjoni tkun tista’ tiġi vverifikata minn partijiet terzi jew permezz ta’ awditu indipendenti, filwaqt li jqisu wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-proposta dwar id-DSA.

Twissijiet maħruġin lill-utenti li jinteraġixxu jew li jkunu interaġixxew ma’ kontenut falz jew qarrieqi

Il-kxif ta’ informazzjoni falza u/jew qarrieqa bħala tali huwa kruċjali sabiex jitrażżnu l-fenomeni ta’ diżinformazzjoni 60 . Diversi firmatarji stabbilew kooperazzjoni ma’ verifikaturi tal-fatti indipendenti u/jew ħolqu timijiet ta’ moderazzjoni interni sabiex jipprovdu tikketti għal kontenut falz jew qarrieqi. Madankollu, bħalissa l-Kodiċi ma jinkludix impenji rilevanti. Għaldaqstant – filwaqt li jikkomplementaw l-impenji ġodda sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tal-verifika tal-fatti, kif diskuss aktar ’il quddiem fit-Taqsima 8.3 – il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jipprovdu, għal-lingwi kollha tal-UE li fihom jiġi pprovdut is-servizz tagħhom, sistemi għat-tikkettar regolari u konsistenti tal-kontenut identifikat bħala falz jew qarrieqi u għall-ħruġ ta’ twissijiet immirati għall-utenti li jkunu interaġixxew mat-tali kontenut. Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jinformaw lill-utenti għaliex kontenut jew kontijiet partikolari ġew ittikkettati, dimossi jew affettwati b’xi mod ieħor mill-miżuri meħudin, kif ukoll il-bażi għal tali azzjoni. Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jfasslu s-sistemi ta’ tikkettar u ta’ twissija tagħhom f’konformità ma’ evidenza xjentifika aġġornata dwar kif jiġi mmassimizzat l-impatt ta’ tali interventi, filwaqt li jiġi żgurat b’mod partikolari li dawn ikunu mfasslin sabiex jaqbdu l-attenzjoni tal-utenti 61 .

Funzjonalità għall-immarkar ta’ informazzjoni falza dannuża

Għalkemm xi firmatarji diġà jipprovdu funzjonalità ddedikata biex l-utenti jimmarkaw informazzjoni falza u/jew qarrieqa, din il-karatteristika għadha ma hijiex disponibbli fuq is-servizzi kollha. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jkun fih impenn dedikat li jirrikjedi li l-firmatarji rilevanti joffru proċeduri effettivi u faċli għall-utent dwar is-servizzi tagħhom, li jippermettu lill-utenti jimmarkaw diżinformazzjoni bil-potenzjal li tikkawża dannu pubbliku jew individwali. Din il-funzjonalità jenħtieġ li tappoġġa wkoll is-sistemi u l-mekkaniżmi ta’ tikkettar sabiex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kontenut ta’ informazzjoni falza li jerġa’ jfeġġ u li diġà kien tikkettat bħala falz f’lingwi oħrajn jew fuq servizzi oħrajn, b’rispett sħiħ għal-libertà tal-espressjoni. L-impenn jenħtieġ li jispeċifika li l-funzjonalità jeħtieġ li tkun protetta kif xieraq minn abbuż (jiġifieri t-tattika ta’ “mmarkar tal-massa” biex jiġu msikkta vuċijiet oħrajn) u tkun disponibbli fil-lingwi kollha tal-Istati Membri tal-UE li fihom jiġu pprovduti s-servizzi tagħhom. L-azzjonijiet meħudin mill-firmatarji dwar il-kontenut immarkat jenħtieġ li jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u ma jkunux sproporzjonati. Il-miżuri f’dan il-qasam jistgħu jinkludu l-applikazzjoni ta’ proċedura trasparenti ta’ verifika tal-fatti għall-kontenut immarkat b’azzjonijiet sussegwenti ta’ segwitu, bħat-tikkettar tal-kontenut fejn rilevanti. Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jipprovdu lill-utenti b’informazzjoni ta’ segwitu dwar il-kontenut irrapportat, bħal jekk il-kontenut ġiex rieżaminat u, jekk iva, ir-riżultati tal-valutazzjoni u ta’ kwalunkwe azzjoni meħuda fir-rigward tal-kontenut. L-utenti li l-kontenut jew il-kontijiet tagħhom kienu soġġetti għal tali miżuri jenħtieġ li jiġu informati bl-istess mod sabiex jifhmu r-raġunijiet wara l-azzjonijiet meħudin u jkollhom aċċess għal mekkaniżmu xieraq u trasparenti sabiex jappellaw u jfittxu rimedju kontra l-miżuri applikati.

Disponibbiltà ta’ indikaturi għal navigazzjoni online informata

Mhuwiex għan tal-Kodiċi msaħħaħ li jevalwa l-veraċità tal-kontenut editorjali. Madankollu, minħabba l-abbundanza tal-informazzjoni disponibbli online, l-utenti jaffaċċjaw sfidi dwar liema sorsi ta’ informazzjoni għandhom jikkonsultaw u jafdaw. L-indikaturi tal-affidabbiltà, iffokati fuq l-integrità tas-sors, żviluppati minn partijiet terzi indipendenti, f’kollaborazzjoni mal-media tal-aħbarijiet, li jinkludu assoċjazzjonijiet ta’ ġurnalisti u organizzazzjonijiet tal-libertà tal-media, kif ukoll verifikaturi tal-fatti, jistgħu jappoġġaw lill-utenti sabiex jagħmlu għażliet informati 62 .

Il-firmatarji jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għal indikaturi bħal dawn billi jipprovdu lill-utenti bl-għażla li jużawhom fis-servizzi tagħhom. F’dan il-każ, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura li l-firmatarji jipprovdu trasparenza fir-rigward ta’ tali indikaturi ta’ partijiet terzi, inkluż dwar il-metodoloġija tagħhom.

L-implimentazzjoni ta’ tali indikaturi tal-affidabbiltà jenħtieġ li tkun kompletament konformi mal-prinċipji tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jitħalla f’idejn l-utenti li jiddeċiedu jekk iridux jużaw tali għodod 63 .

Miżuri sabiex titnaqqas id-diżinformazzjoni fuq l-apps tal-messaġġi

Minbarra l-inizjattivi riċenti żviluppati f’kooperazzjoni mal-verifikaturi tal-fatti 64 , il-firmatarji li jipprovdu applikazzjonijiet tal-messaġġi privati jenħtieġ li jittestjaw u jimplimentaw karatteristiċi tekniċi li jgħinu lill-utenti jidentifikaw diżinformazzjoni mxerrda permezz ta’ tali servizzi. Tali soluzzjonijiet jenħtieġ li jkunu kompatibbli man-natura ta’ dawn is-servizzi u b’mod partikolari mad-dritt għal komunikazzjonijiet privati, mingħajr ma jiddgħajjef il-kriptaġġ. Tali karatteristiċi jistgħu, pereżempju, jgħinu lill-utenti jivverifikaw jekk kontenut partikolari li jirċievu ġiex immarkat bħala falz permezz ta’ verifika tal-fatti. Dan jista’ jinkiseb, pereżempju, permezz ta’ soluzzjonijiet li jagħmlu tikketti tal-verifika tal-fatti viżibbli meta l-kontenut mill-media soċjali jitqassam fuq app tal-messaġġi. Il-firmatarji jistgħu jikkunsidraw ukoll soluzzjonijiet li jippermettu lill-utenti jivverifikaw il-kontenut li jirċievu fuq applikazzjoni tal-messaġġi kontra repożitorju ta’ verifiki tal-fatti.

8Għoti tas-setgħa lill-komunità tar-riċerka u tal-verifika tal-fatti 

Fid-dawl tal-kontribut ewlieni tagħhom għal strateġija effettiva għall-indirizzar tad-diżinformazzjoni, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jistabbilixxi qafas għal aċċess robust għad-data tal-pjattaformi mill-komunità tar-riċerka u tal-verifika tal-fatti u appoġġ adegwat għall-attivitajiet tagħha.

Aċċess għad-data tal-firmatarji għar-riċerka dwar id-diżinformazzjoni

Billi joffru analiżi bbażata fuq l-evidenza, ir-riċerkaturi huma essenzjali għall-fehim xieraq tal-evoluzzjoni tar-riskji marbutin mad-diżinformazzjoni 65 u jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Din il-ħidma tiddependi b’mod kritiku fuq l-aċċess għad-data tal-pjattaformi. Id-DSA propost jipprovdi mekkaniżmu regolatorju għar-riċerkaturi skrutinizzati sabiex ikollhom aċċess għad-data għar-riċerka dwar ir-riskji li jirriżultaw mis-servizzi tal-pjattaformi 66 . Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li joħloq qafas li, diġà fl-interim qabel l-adozzjoni tad-DSA, jippermetti lir-riċerkaturi l-aċċess neċessarju għad-data tal-pjattaformi u jiffaċilita wkoll fit-tul l-iżvilupp ta’ qafas speċifiku għall-aċċess għad-data mfassal għat-twettiq ta’ riċerka dwar il-fenomeni ta’ diżinformazzjoni.

8.1.1Qafas ġenerali għall-aċċess għad-data 

Għall-Kodiċi msaħħaħ, il-firmatarji rilevanti, b’mod partikolari l-pjattaformi, jenħtieġ li jieħdu impenn li joħolqu flimkien qafas robust għall-aċċess għad-data għal finijiet ta’ riċerka. Il-kundizzjonijiet għall-aċċess jenħtieġ li jkunu trasparenti, miftuħin u mhux diskriminatorji, proporzjonati u ġġustifikati. Fir-rigward tad-data personali, il-kundizzjonijiet iridu jkunu konformi mal-GDPR. B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal kwalunkwe data jenħtieġ li jirrispettaw id-dritt għal komunikazzjonijiet privati u jipproteġu b’mod xieraq id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati kollha.

Il-firmatarji jenħtieġ li jiżviluppaw il-qafas f’kooperazzjoni mal-komunità tar-riċerka, mal-EDMO u mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti. L-impenji jenħtieġ li jinkludu skeda ta’ żmien dettaljata għall-progress mistenni fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-qafas.

Il-qafas jenħtieġ li jikkontempla aċċess differenti għar-reġimi tad-data b’salvagwardji xierqa għal i) data anonimizzata u mhux personali u għal ii) data li teħtieġ skrutinju addizzjonali, inkluża data personali. Il-qafas jenħtieġ li jipprevedi l-possibbiltà ta’ aċċess f’ħin reali għal ċerti tipi ta’ data, sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni fil-pront tar-riskji emerġenti jew li qed jevolvu u għat-tfassil tal-miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

Filwaqt li l-qafas qed jiġi żviluppat, il-firmatarji jenħtieġ li jittestjaw soluzzjonijiet temporanji. Pereżempju, l-użu ta’ “sandboxes” jista’ jipprovdi aċċess għad-data tal-pjattaformi rilevanti għar-riċerka dwar suġġetti speċifiċi għal numru limitat ta’ riċerkaturi li jinformaw it-tfassil tal-qafas u jittestjaw soluzzjonijiet operazzjonali għal aċċess usa’ għad-data fost il-pjattaformi.

8.1.2Aċċess għal data anonimizzata u mhux personali

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jinkludi impenn li jipprovdi, kull fejn ikun prattikabbli, aċċess kontinwu, f’ħin reali, stabbli u armonizzat għal data anonimizzata, aggregata jew b’xi mod ieħor mhux personali għall-finijiet ta’ riċerka permezz ta’ APIs jew permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi miftuħin u aċċessibbli oħrajn li jippermettu l-isfruttar sħiħ tas-settijiet ta’ data.

L-aċċess għal soluzzjonijiet tad-data jenħtieġ li jiffaċilita t-tiftix u l-analiżi tad-data. Il-firmatarji rilevanti jenħtieġ li jiżguraw li l-funzjonalitajiet tas-sistemi ta’ aċċess jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-riċerkaturi u jkunu interoperabbli. L-impenji jenħtieġ li jiżguraw proċeduri għar-rapportar tal-funzjonament ħażin tas-sistemi ta’ aċċess, u għar-restawr tal-aċċess u għat-tiswija ta’ funzjonalitajiet difettużi fi żmien raġonevoli.

8.1.3Aċċess għal data li teħtieġ skrutinju addizzjonali, inkluża data personali

Id-data li tista’ tesponi informazzjoni personali, inkluża dik sensittiva 67 , teħtieġ sigurtà u salvagwardji addizzjonali. L-informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari s-sigrieti tal-mestier, jew id-data marbuta mas-sigurtà tas-servizzi tal-pjattaformi, ukoll jistħoqqilha protezzjoni xierqa. Fl-istess ħin, il-qafas għall-aċċess għad-data jenħtieġ li tal-anqas jippermetti lir-riċerkaturi akkademiċi jkollhom aċċess għas-settijiet ta’ data neċessarji sabiex jifhmu s-sorsi, il-vetturi, il-metodi u x-xejriet ta’ propagazzjoni li jikkaratterizzaw il-fenomenu tad-diżinformazzjoni.

Għal dan l-għan, il-Kodiċi jenħtieġ li jistabbilixxi proċedura trasparenti li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, b’mod partikolari, il-pjattaformi u l-komunità tar-riċerka, sabiex jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet applikabbli għall-aċċess għal dawn is-settijiet ta’ data. Fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jkunu standardizzati u uniformi bejn il-pjattaformi. Il-proċedura jenħtieġ li tirregola, fost l-oħrajn (i) l-istandards u l-kwalifika minimi għar-riċerkaturi li lilhom jingħata aċċess, (ii) il-kategoriji minimi ta’ data li jsiru disponibbli, (iii) il-miżuri tekniċi u organizzazzjonali ta’ sigurtà li għandhom jiġu osservati fl-ipproċessar ta’ tali data, inklużi l-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-data; u (iv) fir-rigward ta’ data psewdonimizzata, kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiġi evitata attribuzzjoni mill-ġdid 68 .

8.1.4Rwol tal-EDMO

Fid-dawl tal-indipendenza u tal-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni tiegħu, l-EDMO jista’ jipprovdi appoġġ fil-qasam tal-aċċess għad-data, inkluża gwida dwar, fost l-oħrajn, il-kategoriji ta’ data li għandhom isiru disponibbli, l-għanijiet li għalihom tista’ tiġi pproċessata d-data, u l-miżuri ta’ sigurtà xierqa għall-ipproċessar ta’ data personali u għall-prevenzjoni tat-tħassir ta’ data anonimizzata.

Iffaċilitata mill-EDMO, qed issir ħidma sabiex jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ kodiċi ta’ kondotta skont l-Artikolu 40 tal-GDPR bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tar-rekwiżiti ta’ privatezza u ta’ protezzjoni tad-data għall-kondiviżjoni ta’ data personali minn pjattaformi mar-riċerkaturi. Il-GDPR jipprovdi kundizzjonijiet ġenerali tal-ipproċessar tad-data personali wkoll fil-forma ta’ kondiviżjoni tad-data personali minn pjattaformi mar-riċerkaturi. Tali kodiċi jnaqqas l-inċertezzi u r-riskji legali għall-pjattaformi li jipprovdu aċċess għad-data u jiżgura ambjent sigur u armonizzat għall-ipproċessar ta’ data personali għal skopijiet ta’ riċerka 69 . Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jimpenja lill-firmatarji sabiex jiffaċilitaw, kif meħtieġ, l-iżvilupp tal-kodiċi ta’ kondotta skont l-Artikolu 40 tal-GDPR.

8.1.5Aċċess għad-data għal partijiet ikkonċernati oħrajn

Partijiet ikkonċernati oħrajn, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iċ-ċentri ta’ riċerka mhux akkademiċi u l-ġurnalisti investigattivi, ukoll għandhom rwoli importanti fl-identifikazzjoni u fl-analiżi tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni, fil-formulazzjoni ta’ risponsi ta’ politika, kif ukoll fil-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tar-reżiljenza soċjali. Il-firmatarji tal-Kodiċi jenħtieġ li jippermettu, b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn ma jkunx hemm kapaċità akkademika adegwata, livell suffiċjenti ta’ aċċess għal tali partijiet ikkonċernati b’mod konsistenti mar-rekwiżiti tal-privatezza u soġġetti għal kontroll imsaħħaħ kontra l-użu ħażin ta’ data personali u l-attribuzzjoni mill-ġdid tad-data psewdonimizzata.

Qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-firmatarji u r-riċerkaturi

Sabiex titrawwem u tingħata s-setgħa lil komunità multidixxiplinari akbar ta’ riċerkaturi indipendenti, il-Kodiċi jenħtieġ li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni trasparenti, miftuħa u mhux diskriminatorja bejn il-firmatarji u l-komunità tar-riċerka tal-UE rigward ir-riżorsi u l-appoġġ magħmula disponibbli għar-riċerkaturi. Dan il-qafas jenħtieġ li jippermetti lill-komunità tar-riċerka timmaniġġja b’mod indipendenti l-fondi magħmula disponibbli mill-firmatarji għar-riċerka dwar id-diżinformazzjoni, filwaqt li tiddefinixxi l-prijoritajiet xjentifiċi u l-proċeduri ta’ allokazzjoni trasparenti bbażati fuq il-mertu xjentifiku. F’dan ir-rigward, l-EDMO jista’ jgħin fl-allokazzjoni tat-tali riżorsi.

Kollaborazzjoni mal-verifikaturi tal-fatti

Il-verifikaturi tal-fatti huma atturi importanti fl-indirizzar tal-fenomenu tad-diżinformazzjoni 70 . Huma jivvalutaw u jivverifikaw il-kontenut fuq il-bażi ta’ fatti, ta’ evidenza u ta’ informazzjoni kuntestwali, u jżidu l-għarfien tal-utenti dwar id-diżinformazzjoni online. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jipprevedi appoġġ imsaħħaħ għall-ħidma tagħhom u jżid il-kopertura tal-attivitajiet ta’ verifika tal-fatti fost l-Istati Membri u fil-lingwi tal-UE.

8.1.6Forom ta’ kooperazzjoni 

Fid-dawl tal-lakuni sinifikanti u tal-applikazzjoni mhux uniformi tal-attivitajiet ta’ verifika tal-fatti fis-servizzi u fl-Istati Membri 71 , il-firmatarji tal-pjattaforma jenħtieġ li jieħdu impenn favur passi konkreti, b’miri u bi skedi ta’ żmien ċari, sabiex jestendu l-kooperazzjoni tagħhom mal-verifikaturi tal-fatti sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tal-verifika tal-fatti fis-servizzi tagħhom. L-isforzi jenħtieġ li jiffukaw, b’mod partikolari, fuq l-Istati Membri u fuq il-lingwi li fihom għadha ma ġietx ipprovduta l-verifika tal-fatti  72 .

Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ ftehimiet multilaterali bejn il-pjattaformi u organizzazzjonijiet indipendenti tal-verifika tal-fatti li jissodisfaw standards etiċi u professjonali għoljin. Tali ftehimiet jenħtieġ li jkunu bbażati fuq kundizzjonijiet trasparenti, miftuħin u mhux diskriminatorji, u jiżguraw l-indipendenza tal-verifikaturi tal-fatti. Il-ftehimiet jenħtieġ li jipprovdu għal remunerazzjoni ġusta għall-verifikaturi tal-fatti għax-xogħol użat mill-pjattaformi, irawmu l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-verifikaturi tal-fatti, u jiffaċilitaw il-fluss tal-verifika tal-fatti bejn is-servizzi tal-firmatarji.

Fid-dawl tar-rwol tiegħu fit-tkattir ta’ attivitajiet konġunti ta’ verifika tal-fatti, l-EDMO jinsab f’pożizzjoni tajba sabiex jappoġġa pjattaformi u verifikaturi tal-fatti fl-iżvilupp ta’ qafas għall-kollaborazzjoni, inklużi l-ħolqien ta’ interfaċċa komuni għall-verifikaturi tal-fatti, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-verifikaturi tal-fatti, u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni transfruntiera. 73  

8.1.7Użu u integrazzjoni tal-verifika tal-fatti fis-servizzi tal-firmatarji

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jinkludi impenji li jeħtieġu użu u integrazzjoni aktar konsistenti tal-ħidma tal-verifikaturi tal-fatti fis-servizzi tal-pjattaformi, inkluż fis-sistemi ta’ reklamar programmatiku u fil-kontenut tal-vidjos. Il-pjattaformi jenħtieġ li jieħdu impenn li jużaw mekkaniżmi li jippermettu l-inkorporazzjoni fil-pront u konsistenti tal-verifiki tal-fatti fis-servizzi tagħhom wara n-notifika mill-verifikaturi tal-fatti, inkluż tikkettar rapidu u effiċjenti. Il-firmatarji rilevanti jenħtieġ li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ repożitorju komuni ta’ artikli ta’ verifika tal-fatti (verifiki tal-fatti) prodotti minn verifikaturi tal-fatti u jesploraw soluzzjonijiet teknoloġiċi sabiex jiffaċilitaw l-użu effiċjenti tiegħu bejn il-pjattaformi u l-lingwi sabiex tiġi evitata l-feġġa mill-ġdid ta’ diżinformazzjoni li tkun inkixfet bħala tali minn verifikaturi tal-fatti 74 .

8.1.8Aċċess tal-verifikaturi tal-fatti għal informazzjoni rilevanti 

Sabiex jiġu mmassimizzati l-kwalità u l-impatt tal-verifiki tal-fatti, il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura li l-firmatarji tal-pjattaformi jieħdu impenn li jipprovdu lill-verifikaturi tal-fatti b’aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni dwar l-azzjonijiet  li jkunu ħadu fir-rigward tal-kontenut li tkun saritlu verifika tal-fatti u fir-rigward tal-verifika tal-fatti. L-informazzjoni jenħtieġ li tikkwantifika (i) l-interazzjonijiet tal-utenti maż-żmien (eż. in-numru ta’ viżwalizzazzjonijiet, ta’ likes, ta’ kondiviżjonijiet, ta’ kummenti qabel u wara l-verifika tal-fatti) 75 ma’ kontenut li saritlu verifika tal-fatti, u (ii) l-ammont ta’ persuni milħuqa mill-verifika tal-fatti maż-żmien fis-servizzi online fejn ġie ppubblikat il-kontenut. Il-pjattaformi u l-verifikaturi tal-fatti jenħtieġ li jaqblu fuq interfaċċa komuni għall-verifika tal-fatti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-mod kif il-pjattaformi jużaw, jikkreditaw u jipprovdu feedback dwar il-ħidma tal-verifikaturi tal-fatti. Barra minn hekk, il-Kodiċi jenħtieġ li jipprevedi skambju regolari ta’ informazzjoni bejn il-firmatarji tal-Kodiċi rilevanti u l-komunità tal-verifika tal-fatti bl-għan li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni.

9Monitoraġġ tal-Kodiċi 

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiġi kkomplementat b’sistema ta’ monitoraġġ robusta, li tibni fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni sal-lum fil-monitoraġġ tal-Kodiċi, inkluż il-programm tal-COVID-19. Is-sistema mtejba ta’ monitoraġġ jenħtieġ li tipprovdi għall-valutazzjoni regolari tal-implimentazzjoni mill-firmatarji tal-impenji tal-Kodiċi, tixpruna t-titjib fil-politiki u fl-azzjonijiet tagħhom, u tippermetti l-evalwazzjoni tal-effettività tal-Kodiċi bħala għodda sabiex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni. Is-sistema mtejba ta’ monitoraġġ jenħtieġ li ssaħħaħ ir-responsabbiltà tal-pjattaformi online fl-interim qabel l-adozzjoni tad-DSA, u tipprovdi qafas, fost l-oħrajn, għal djalogu strutturat ma’ pjattaformi kbar ħafna dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ valutazzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju, b’antiċipazzjoni tal-obbligi legali previsti għalihom fid-DSA propost.

Fid-dawl ta’ dawn l-objettivi, l-impenji eżistenti tal-Kodiċi dwar il-monitoraġġ jenħtieġ li jissaħħu u jiġu estiżi sabiex jinħoloq qafas robust li jinkorpora l-elementi fundamentali stabbiliti hawn taħt. Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura b’mod partikolari li l-firmatarji jipprovdu l-informazzjoni u d-data għall-monitoraġġ f’formats standardizzati, bid-diżaggregazzjonijiet tal-Istati Membri u fuq bażi f’waqtha.

Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni

Il-monitoraġġ tal-Kodiċi jenħtieġ li jkun ibbażat fuq KPIs li kapaċi jkejlu l-implimentazzjoni u l-effettività tal-impenji tal-Kodiċi u l-impatt tal-Kodiċi fuq il-fenomenu tad-diżinformazzjoni. Għal dan l-għan, żewġ klassijiet ta’ KPIs huma pertinenti: (i) indikaturi fil-livell tas-servizzi, li jkejlu r-riżultati u l-impatt tal-politiki implimentati mill-firmatarji sabiex iwettqu l-impenji tagħhom skont il-Kodiċi, u (ii) indikaturi strutturali, li jkejlu l-impatt ġenerali tal-Kodiċi fuq id-diżinformazzjoni fl-UE.

9.1.1Indikaturi fil-livell tas-servizzi

Skont il-Kodiċi rivedut, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn għall-formulazzjoni ta’ indikaturi konkreti fil-livell tas-servizzi. L-indikaturi fil-livell tas-servizzi jenħtieġ li jkejlu b’mod effettiv l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Kodiċi u l-impatt tal-politiki tal-firmatarji. L-indikaturi jenħtieġ li jkunu flessibbli biżżejjed sabiex jipprovdu għan-natura differenti tas-servizzi tal-firmatarji filwaqt li jippermettu rapportar u paraguni konsistenti bejn is-servizzi.

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jirrikjedi li l-firmatarji jidentifikaw, jirrapportaw u jieħdu impenn dwar sett minimu ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi mmirati lejn l-evalwazzjoni fost l-oħrajn:

·L-impatt tal-għodod u tal-karatteristiċi implimentati sabiex itejbu l-għarfien tal-utenti u l-għoti tas-setgħa lill-utenti, inklużi l-interazzjonijiet tal-utenti ma’ tali għodod u karatteristiċi 76 .

·L-impatt tal-għodod u tal-karatteristiċi li juru jew jagħmlu aktar viżibbli informazzjoni affidabbli ta’ interess pubbliku, inklużi l-interazzjonijiet tal-utenti ma’ tali għodod u karatteristiċi 77 .

·In-numru ta’ verifiki tal-fatti, il-perċentwal ta’ kontenut li saritlu verifika tal-fatti meta mqabbel mal-kontenut immarkat mill-utenti, u l-finanzjament ipprovdut għal attivitajiet ta’ verifika tal-fatti.

·L-impatt tal-attivitajiet ta’ verifika tal-fatti u tal-interazzjonijiet tal-utenti ma’ informazzjoni li wara li saritilha verifika tal-fatti rriżultat bħala falza jew qarrieqa 78 .

·In-numru ta’ appelli fir-rigward ta’ azzjonijiet meħudin dwar il-kontenut mill-pjattaformi bħala riżultat tal-immarkar ta’ diżinformazzjoni u ta’ informazzjoni dwar l-eżitu tagħhom.

·In-numru ta’ paġni, ta’ kontijiet, ta’ profili u ta’ gruppi li jaqsmu diżinformazzjoni soġġetti għal azzjonijiet li jnaqqsu l-viżibbiltà tagħhom 79 u l-ammont ta’ tali kontenut maqsum.

·L-impatt tal-imġiba manipulattiva mhux permissibbli identifikata, inklużi każijiet ta’ kontenut jew ta’ kontijiet imneħħija jew dimossi 80 .

·In-numru ta’ sħubijiet bejn il-firmatarji tal-Kodiċi mill-industrija tar-reklamar u minn entitajiet terzi li jivvalutaw il-kwalità tas-sorsi ta’ informazzjoni.

·L-impatt tal-miżuri użati għall-iskrutinju tat-tqegħid ta’ reklami. 81  

·Il-kwantità u l-granularità tad-data magħmula disponibbli għal skopijiet ta’ riċerka u n-numru ta’ organizzazzjonijiet Ewropej ta’ riċerka li għandhom aċċess għad-data tal-pjattaformi.

·L-ammont ta’ riżorsi magħmula disponibbli mill-firmatarji għar-riċerka dwar id-diżinformazzjoni u n-numru ta’ organizzazzjonijiet Ewropej tar-riċerka li għandhom aċċess għal tali riżorsi.

·Informazzjoni dwar il-forza tax-xogħol umana involuta fit-twettiq tal-impenji tal-Kodiċi 82 . 

9.1.2Indikaturi strutturali

Il-firmatarji tal-Kodiċi jenħtieġ li jieħdu impenn ukoll li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ indikaturi strutturali li jistgħu jkejlu b’mod effettiv l-impatt ġenerali tal-Kodiċi fuq il-fenomenu tad-diżinformazzjoni. Kif deskritt aktar ’il quddiem, il-firmatarji jenħtieġ li jistabbilixxu task force permanenti li dmirijietha jinkludu l-iżvilupp, l-ittestjar u l-aġġustar ta’ indikaturi strutturali.

L-indikaturi strutturali jistgħu, pereżempju, ikunu bbażati fuq kampjuni rappreżentattivi ta’ utenti f’diversi Stati Membri mmirati sabiex ikejlu l-prevalenza ta’ xandara persistenti ta’ diżinformazzjoni 83 fid-dieti tal-media online taċ-ċittadini Ewropej 84 . Tali indikaturi jistgħu jkejlu l-interazzjoni tal-pubbliku mas-sorsi ta’ informazzjoni, kif ukoll stħarriġiet regolari u standardizzati sabiex jitkejjel l-esponiment taċ-ċittadini għad-diżinformazzjoni.

Sakemm jiġi żviluppat sett aktar stabbli ta’ indikaturi strutturali, il-firmatarji u l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jaqblu dwar sett minimu vijabbli ta’ indikaturi strutturali li jistgħu jiġu implimentati u ttestjati malajr, filwaqt li jaħdmu għall-iżvilupp ta’ sett stabbli ta’ indikaturi strutturali effettivi.

Qafas ta’ monitoraġġ

Il-qafas ta’ monitoraġġ jenħtieġ li jippermetti l-valutazzjoni regolari tal-implimentazzjoni mill-firmatarji tal-impenji tal-Kodiċi, inklużi t-tibdiliet u l-evoluzzjonijiet tal-politiki u tal-azzjonijiet pertinenti. Għal dan l-għan, il-firmatarji jenħtieġ li jirrapportaw b’mod regolari lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom, inklużi l-KPIs rilevanti.

Wara l-esperjenza pożittiva tal-programmi ta’ monitoraġġ matul l-elezzjonijiet tal-UE tal-2019 85 u tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni se tibbaża fuq l-appoġġ tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi fil-livell tal-Istati Membri. L-EDMO u l-hubs tiegħu jenħtieġ li jappoġġaw ukoll lill-Kummissjoni fl-analiżi tal-informazzjoni u tad-data rrapportati mill-firmatarji u fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kodiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE.

Filwaqt li tqis il-parir minn esperti u l-appoġġ mill-ERGA u mill-EDMO, il-Kummissjoni se tivvaluta b’mod regolari l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi, kif ukoll l-impatt tal-Kodiċi fuq il-fenomenu tad-diżinformazzjoni u tippubblika l-konklużjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll gwida ulterjuri dwar kif il-firmatarji jenħtieġ li jindirizzaw in-nuqqasijiet u d-diskrepanzi li jifdal fil-Kodiċi.

9.1.3Rapportar regolari

L-obbligi ta’ rapportar skont il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jqisu d-daqs tal-firmatarji u t-tip ta’ servizzi li jipprovdu. Il-fornituri ta’ servizzi online li jintużaw b’mod wiesa’ fil-livell tal-UE u li jkollhom profili ta’ riskju ogħla fir-rigward tat-tixrid tad-diżinformazzjoni jenħtieġ li jirrapportaw kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-impenji li għalihom ikunu aderixxew u għandhom jipprovdu indikaturi korrispondenti fil-livell tas-servizzi. Fuq bażi annwali, jenħtieġ li jivvalutaw ukoll ir-riskji marbutin mal-fenomenu tad-diżinformazzjoni. Il-firmatarji l-oħrajn tal-Kodiċi jenħtieġ li jirrapportaw kull sena u jipprovdu data li tikkorrispondi għall-attivitajiet tagħhom. Il-firmatarji li jipprovdu għodod, strumenti jew soluzzjonijiet għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, jew li jappoġġaw il-Kodiċi permezz tal-provvista ta’ għarfien espert, jenħtieġ li jirrapportaw ukoll dwar l-attivitajiet u s-sejbiet tagħhom li jkunu rilevanti għall-implimentazzjoni u għall-effettività tal-Kodiċi fuq bażi annwali. Ir-rapportar jenħtieġ li jitwettaq f’konformità ma’ skeda definita li tistabbilixxi l-perjodi ta’ kopertura u l-iskadenzi għas-sottomissjoni. Id-data użata sabiex jitkejlu l-KPIs jenħtieġ li tinkludi diżaggregazzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri.

Ir-rapportar jenħtieġ li jkun ibbażat fuq mudell armonizzat li jippermetti paraguni bejn il-pjattaformi, sa fejn ikunu prattikabbli. Barra minn hekk, il-firmatarji jenħtieġ li jaqblu fuq sett ta’ formats standard u verifikabbli għall-forniment ta’ data relatata mal-KPIs. Dawn il-formats jenħtieġ li jiġu żviluppati flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti mit-task force permanenti u għandhom jissodisfaw l-istandards u jużaw metodi tal-komunità tar-riċerka u tal-verifika tal-fatti. Eventwalment, dawn il-formats jenħtieġ li jippermettu l-aġġornar kontinwu ta’ dashboard pubblika li ssir disponibbli permezz taċ-ċentru ta’ trasparenza, kif deskritt hawn taħt.

9.1.4Ċentru ta’ trasparenza

Sabiex jittejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà rigward l-implimentazzjoni tal-Kodiċi, il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li joħolqu u jżommu ċentru ta’ trasparenza aċċessibbli għall-pubbliku. Il-firmatarji jenħtieġ li jindikaw fiċ-ċentru ta’ trasparenza l-politiki speċifiċi li adottaw sabiex jimplimentaw kull impenn tal-Kodiċi li għalihom aderixxew u jipprovdu informazzjoni bażika dwar kif jiġu infurzati dawn il-politiki, inkluża l-kopertura ġeografika u lingwistika. Iċ-ċentru ta’ trasparenza jenħtieġ li jkollu wkoll dashboard pubbliku li juri l-KPIs rilevanti. Iċ-ċentru ta’ trasparenza jenħtieġ li jitfassal, b’mod partikolari, bil-ħsieb li jippermetti paraguni bejn is-servizzi tal-progress tal-firmatarji fl-implimentazzjoni tal-impenji tal-Kodiċi u fil-kisba ta’ impatti li jistgħu jitkejlu fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Il-firmatarji jenħtieġ li jieħdu impenn li jżommu ċ-ċentru ta’ trasparenza aġġornat b’mod regolari u jiżvelaw kwalunkwe tibdil fil-politiki rilevanti mhux aktar tard minn 30 jum wara li jkun tħabbar jew ġie implimentat tibdil.

9.1.5Task force permanenti

Il-Kodiċi msaħħaħ jenħtieġ li jistabbilixxi task force permanenti mmirata lejn l-evoluzzjoni u l-adattament tal-Kodiċi fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, tas-soċjetà, tas-suq u leġiżlattivi. It-task force jenħtieġ li tinkludi l-firmatarji tal-Kodiċi u rappreżentanti mill-EDMO, mill-ERGA u tista’ tistieden esperti rilevanti sabiex jappoġġaw il-ħidma tagħha. It-task force jenħtieġ li tkun ippreseduta mill-Kummissjoni u tinkludi rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. F’konformità mal-objettiv ġenerali li jingħata kontribut għar-rieżami u għall-adattament tal-Kodiċi, l-attivitajiet tat-task force jenħtieġ li jinkludu fost l-oħrajn:

·L-istabbiliment ta’ metodoloġija ta’ valutazzjoni tar-riskju u ta’ sistema ta’ rispons rapidu li għandha tintuża f’sitwazzjonijiet speċjali bħal f’elezzjonijiet jew fi kriżijiet.

·Ir-rieżami tal-kwalità u tal-effettività tal-mudell armonizzat ta’ rapportar, kif ukoll tal-formats u tal-metodi tad-divulgazzjoni tad-data għal finijiet ta’ monitoraġġ.

·L-ottimizzazzjoni tal-kwalità u tal-preċiżjoni tad-data li għandha tiġi pprovduta għall-kejl tal-indikaturi.

·Il-kontribut għall-valutazzjoni tal-kwalità u tal-effettività tal-indikaturi fil-livell tas-servizz u għall-adattament rilevanti tagħhom.

·L-iżvilupp, l-ittestjar u l-aġġustament tal-indikaturi strutturali u t-tfassil ta’ mekkaniżmi sabiex jitkejlu fil-livell tal-Istati Membri.

·Il-forniment ta’ kontribut minn esperti u ta’ evidenza aġġornata rilevanti għall-impenji tal-Kodiċi, bħal, fost l-oħrajn, forom ġodda ta’ mġiba mhux awtentika.

10Konklużjoni u l-passi li jmiss

Din il-Gwida tistabbilixxi elementi ewlenin li huma meħtieġa, fil-fehma tal-Kummissjoni, sabiex il-Kodiċi jinbidel fi strument aktar b’saħħtu għall-indirizzar tad-diżinformazzjoni u għall-ħolqien ta’ ambjent online aktar sikur u aktar trasparenti.

Il-Kummissjoni tistieden lill-firmatarji tal-Kodiċi sabiex jiltaqgħu u jwettqu t-tisħiħ tal-Kodiċi, f’konformità ma’ din il-Gwida. Il-Kummissjoni tistieden lill-firmatarji sabiex jipprovdu l-ewwel abbozz tal-Kodiċi rivedut fil-ħarifa sabiex tkun tista’ ssir diskussjoni xierqa. Hija tistieden ukoll lill-firmatarji ġodda potenzjali sabiex jissieħbu fil-Kodiċi u jieħdu sehem fir-reviżjoni tiegħu, inklużi pjattaformi stabbiliti u emerġenti, atturi korporattivi u parteċipanti oħrajn fis-settur tar-reklamar online, kif ukoll partijiet ikkonċernati oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu riżorsi jew għarfien espert għall-funzjonament effettiv tal-Kodiċi.

Peress li d-diżinformazzjoni hija fenomenu mingħajr fruntieri u sabiex jissaħħaħ l-impatt reali tal-Kodiċi ta’ Prattika, l-azzjonijiet fil-viċinat Ewropew ikunu siewja, bħall-ħidma mas-soċjetà ċivili, il-kooperazzjoni mal-professjonisti fil-media u l-inizjattivi dwar il-litteriżmu medjatiku.

(1)

Il-Komunikazzjoni Konġunta Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 — X’inhuma l-fatti (JOIN (2020) 8 final).

(2)

Fil-Pjan ta’ Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni (JOIN (2018) 36 final), il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli stabbilew strateġija komprensiva sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni fl-UE.

(3)

Filwaqt li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi online jistgħu jkopru wkoll kontenut li huwa ta’ ħsara iżda mhux illegali, meta d-diżinformazzjoni tikkostitwixxi kontenut illegali (eż. diskors ta’ mibegħda jew kontenut terroristiku), japplikaw ir-rimedji leġiżlattivi rilevanti).

(4)

  https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/code-practice-disinformation

(5)

SWD (2020) 180 final.

(6)

COM (2020) 790 final.

(7)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (COM (2020) 825 final). Ir-referenzi għad-DSA f’dan id-dokument għandhom jinftiehmu bħala referenzi għat-test kif propost mill-Kummissjoni.

(8)

Il-proposta tad-DSA tiddefinixxi pjattaformi kbar ħafna fl-Art. 25 bħala pjattaformi online li jipprovdu s-servizzi tagħhom lil numru ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni li jikkorrispondu għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni.

(9)

Il-Valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2020 (SWD (2020) 180 final)

(10)

Ir-Rapport dwar l-elezzjonijiet tal-2019 għall-Parlament Ewropew (SWD (2020) 113 final) https://ec.europa.eu/info/files/com_2020_252_en.pdf_mt

(11)

  https://www.consilium.europa.eu/media/47296/1011-12-20-euco-conclusions-en.pdf  

(12)

Sommarju tad-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati huwa disponibbli hawnhekk: https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/summary-multi-stakeholder-discussions-preparation-guidance-strengthen-code-practice-disinformation  

(13)

L-evidenza turi wkoll li d-dħul mir-reklamar online għadu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-monetizzazzjoni tas-siti web ta’ diżinformazzjoni, inkluż ir-reklamar minn marki kbar li, bla ma jafu dawn tal-aħħar, jitqiegħed ħdejn il-kontenut ta’ diżinformazzjoni (eż. Ir-rapport tal-Global Disinformation Index https://disinformationindex.org/2020/03/why-is-ad-tech-giving-millions-to-eu-disinformation-sites/ u r-rapport ta’ Avaaz https://secure.avaaz.org/campaign/en/youtube_climate_misinformation/ )

(14)

Fis-sens tal-Art. 25 tad-DSA kif propost mill-Kummissjoni. Għad-definizzjoni, ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(15)

 Il-Komunikazzjoni Konġunta Nindirizzaw id-Diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X’inhuma l-fatti (JOIN (2020) 8 final).

(16)

Kif previst fil-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2020, il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva qed jassisti lill-Kummissjoni bil-programm ta’ monitoraġġ tal-COVID-19.

(17)

Ir-riċerka tal-GDI f’Jannar u fi Frar 2021 dwar Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja tenfasizza li l-maġġoranza tal-kumpaniji tat-teknoloġija tar-reklami ma għandhomx politiki speċifiċi dwar il-kontenut ta’ diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 jew li dawk il-politiki jinkisru u għadhom jiffinanzjaw siti tal-aħbarijiet li huma mmarkati pubblikament bħala xandara ta’ diżinformazzjoni: https://disinformationindex.org/2021/02/ad-funded-covid-19-conspiracy-sites-a-look-at-the-eu/ . Ir-riċerka ta’ Avaaz f’Awwissu 2020 enfasizzat li l-kontenut mill-akbar 10 siti web li jxerrdu miżinformazzjoni dwar is-saħħa kellu kważi erba’ darbiet l-ammont ta’ viżwalizzazzjonijiet fuq Facebook meta mqabbel ma’ kontenut ekwivalenti mis-siti web ta’ 10 istituzzjonijiet ewlenin tas-saħħa: https://secure.avaaz.org/campaign/en/facebook_threat_health/ .

(18)

L-EDAP jiddefinixxi l-miżinformazzjoni kif ġej: “il-miżinformazzjoni hija kontenut falz jew qarrieqi li jinfirex mingħajr intenzjoni ta’ ħsara, għalkemm l-effetti xorta jistgħu jkunu ta’ ħsara, pereżempju meta n-nies jaqsmu informazzjoni falza mal-ħbieb u l-familja in bona fide”.

(19)

L-EDAP jiddefinixxi d-diżinformazzjoni kif ġej: “id-diżinformazzjoni hija kontenut falz jew qarrieqi li jinfirex b’intenzjoni ta’ qerq jew ta’ gwadann ekonomiku jew politiku u li jista’ jikkawża ħsara pubblika”.

(20)

Fejn rilevanti, il-Gwida tagħmel distinzjoni bejn is-subkategoriji differenti.

(21)

Kif iddefinita fl-EDAP:l-operazzjoni ta’ influwenza tal-informazzjoni tirreferi għal sforzi kkoordinati minn atturi domestiċi jew barranin biex jinfluwenzaw udjenza fil-mira bl-użu ta’ firxa ta’ mezzi qarrieqa, inkluż it-trażżin ta’ sorsi ta’ informazzjoni indipendenti flimkien mad-diżinformazzjoni”.

(22)

Kif iddefinita fl-EDAP: “l-indħil barrani fl-ispazju tal-informazzjoni, li ta’ spiss jitwettaq bħala parti minn operazzjoni ibrida aktar mifruxa, jista’ jinftiehem bħala sforzi koerċittivi u qarrieqa li jfixklu l-formazzjoni libera u l-espressjoni tar-rieda politika tal-individwi minn attur Statali barrani jew l-aġenti tiegħu”.

(23)

“Stop the virus of disinformation”, l-Istitut Interreġjonali ta’ Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI), http://www.unicri.it/sites/default/files/2020-11/SM%20misuse.pdf  

(24)

“How COVID-19 conspiracists and extremists use crowdfunding platforms to fund their activities”, EUDisinfoLab https://www.disinfo.eu/publications/how-covid-19-conspiracists-and-extremists-use-crowdfunding-platforms-to-fund-their-activities/  

(25)

  https://edmo.eu/  

(26)

JOIN (2018) 36 final.

(27)

 L-evidenza turi wkoll li d-dħul mir-reklamar online għadu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-monetizzazzjoni tas-siti web ta’ diżinformazzjoni, inkluż ir-reklamar minn marki kbar li, bla ma jafu dawn tal-aħħar, jitqiegħed ħdejn il-kontenut ta’ diżinformazzjoni. Pereżempju, il-Global Disinformation Index jistma li madwar $ 76 miljun dollaru fis-sena fi fluss tad-dħul mir-reklami jmur għand siti ta’ diżinformazzjoni mmirati lejn l-Ewropa: https://disinformationindex.org/2020/03/why-is-ad-tech-giving-millions-to-eu-disinformation-sites/ .

(28)

Numru limitat ta’ kumpaniji ta’ teknoloġiji tar-reklamar diġà adottaw politiki bħal dawn.

(29)

Ara, pereżempju, ir-Rapport tal-2020 ta’ Avaaz,  Why is YouTube Broadcasting Climate Misinformation to Millions?” : https://secure.avaaz.org/campaign/en/youtube_climate_misinformation/ .

(30)

L-Alleanza Globali għal Media Responsabbli, imnedija f’Ġunju 2019 taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Dinjija ta’ dawk li Jirreklamaw (WFA), tinkludi firmatarji tas-settur tal-pjattaformi u tar-reklamar tal-Kodiċi, kif ukoll partijiet ikkonċernati notevoli oħrajn mill-ekosistema sħiħa tar-reklamar. Qed tiżviluppa sett ta’ definizzjonijiet u ta’ standards komuni għall-industrija kollha dwar kif kontenut dannuż jiġi kkategorizzat bejn il-pjattaformi, approvat minn dawk li jirreklamaw, u implimentat minn pjattaformi fil-prodotti tar-reklamar u fl-għodod tas-sikurezza tal-marki tagħhom. B’mod partikolari, l-Alleanza qed timmira lejn kategorija separata għad-diżinformazzjoni u għall-miżinformazzjoni li għandha tiġi inkluża fis-sett. Ara d-WFA, “Interim Report on Activities related to the EU Code of Practice on Disinformation”, Settembru 2020, p. 2: https://ec.europa.eu/newsroom/dae/document.cfm?doc_id=69683

(31)

 L-evidenza turi l-persistenza ta’ reklami online li fihom diżinformazzjoni li l-verifikaturi tal-fatti identifikaw u kixfu bħala tali. Ara “Facebook Approved Ads With Coronavirus Misinformation”: https://www.consumerreports.org/social-media/facebook-approved-ads-with-coronavirus-misinformation/ .

(32)

Kif innotat mill-Kummissjoni, il-politiki tal-pjattaformi jsegwu firxa ta’ objettivi, li wħud minnhom mhumiex imfasslin speċifikament sabiex jindirizzaw id-diżinformazzjoni — eż. asserzjonijiet kummerċjali mhux sostnuti, prattiki kummerċjali qarrieqa. Ara SWD (2020) 180 final.

(33)

 Filwaqt li bħalissa ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta’ reklami tematiċi fil-Kodiċi, jidher li hemm qbil li r-reklami tematiċi huma reklami li jinkludu kontenut sponsorjat fuq temi tas-soċjetà jew relatati ma’ dibattitu ta’ interess ġenerali li jista’ jkollu impatt fuq id-diskors pubbliku. Eżempji ta’ temi bħal dawn jinkludu t-tibdil fil-klima, temi ambjentali, l-immigrazzjoni jew il-COVID-19.

(34)

B’mod partikolari l-Artikolu 24.

(35)

Dobber et al.,”Effectiveness of online political ad disclosure labels: empirical findings”, Marzu 2021: https://www.uva-icds.net/wp-content/uploads/2021/03/Summary-transparency-discloures-experiment_update.pdf .

(36)

Kontenut organiku huwa kontenut mingħajr ħlas li l-utenti jaqsmu ma’ xulxin mingħajr ma jħallsu għalih. Dan jinkludi wkoll sitwazzjonijiet li fihom l-utenti jaqsmu ma’ xulxin kontenut sponsorjat ieħor li mbagħad isir kontenut organiku.

(37)

L-Artikolu 30 tal-Proposta dwar id-DSA.

(38)

Obbligi speċifiċi ta’ trasparenza huma inklużi fil-proposta tad-DSA kif ukoll fil-proposta għall-Att dwar is-Swieq Diġitali.

(39)

Ara, pereżempju, Papakyriakopoulos et. al, “Social media and microtargeting: Political data processing and the consequences for Germany”, Big Data & Society, Novembru 2018, doi 10.1177/2053951718811844, jew Lewandowsky et al., “Understanding the influence of online technologies on political behaviour and decision-making”, EUR 30422 EN, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.

(40)

Għal aktar gwida, ara l-Linji Gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data  05/2020 dwar il-kunsens skont ir-Regolament 2016/679 u l-Guidelines 08/2020 on the targeting of social media users (li jipprovdu eżempji dwar meta jkun meħtieġ il-kunsens għar-reklamar immirat).

(41)

Pereżempju, il-libreriji tar-reklami, jekk ikunu mgħammra bid-data neċessarja, jistgħu jintużaw sabiex jivverifikaw l-esponiment online għall-ħin ugwali għall-messaġġi politiċi.

(42)

Ara l-Artikolu 30 tal-proposta dwar id-DSA.

(43)

Il-Komunikazzjoni Konġunta “Inżidu r-reżiljenza u nsaħħu l-kapaċitajiet biex nindirizzaw it-theddidiet ibridi” (JOIN (2018) 16 final)

(44)

Il-punt c tal-Artikolu 26(1) tal-proposta dwar id-DSA jidentifika l-“manipulazzjoni intenzjonata” tas-servizzi bħala riskju sistemiku, li kontrihom pjattaformi kbar ħafna jridu jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

(45)

COM (2021) 206 final.

(46)

Fir-rigward tat-Task Force Permanenti, ara t-Taqsima 9.2.3 aktar ’l isfel.

(47)

Dan jenħtieġ li jqis ukoll il-Qafas tal-AMITT (Tattiċi u Tekniki ta’ Miżinformazzjoni u ta’ Influwenzar Avversarjali): https://cogsec-collab.org/

(48)

Fir-rigward taċ-Ċentru tat-Trasparenza, ara t-Taqsima 9.2.2 aktar ’l isfel.

(49)

B’mod partikolari l-Artikolu 17, li diġà japplika għal deċiżjonijiet inkompatibbli mat-termini u mal-kundizzjonijiet tagħhom, inklużi deċiżjonijiet li jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għall-kontenut, jissospendu jew jitterminaw il-forniment tas-servizz kollu jew parzjalment lir-riċevitur jew deċiżjonijiet sabiex jissospendu jew jitterminaw il-kont tar-riċevitur.

(50)

Ara b’mod partikolari l-azzjonijiet stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija, (COM (2020) 790 final) u fil-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv (COM (2020) 784 final).

(51)

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM (2020)624 final) jippreżenta proposta għall-iżvilupp ta’ linji gwida għall-għalliema u għall-edukaturi bl-għan li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u jiġi promoss il-litteriżmu diġitali permezz tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

(52)

  https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/media-literacy  

(53)

Ara eż. Lewandowsky et al., “Understanding the influence of online technologies on political behaviour and decision-making”, EUR 30422 EN, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020.

(54)

Ara l-proposta tad-DSA, il-punt c tal-Artikolu 26(1) dwar il-valutazzjoni tar-riskju relatata.

(55)

Interventi tekniċi sempliċi (pereżempju, messaġġi pop-up li jitolbu lill-utenti jekk verament jixtiqux jaqsmu links li ma jkunux raw) jistgħu jħeġġu lill-utenti jiskrutinizzaw il-kontenut qabel ma jxerrduh u b’hekk jgħinu sabiex jillimitaw it-tixrid ta’ informazzjoni falza u/jew qarrieqa mill-utenti li jaġixxu bona fide. Eżempji: Avviż ta’ “Check it out before you Tweet it” implimentatat minn Twitter: https://help.twitter.com/en/using-twitter/how-to-retweet ;

Il-pannelli ta’ informazzjoni tal-verifika tal-fatti ta’ YouTube: https://support.google.com/youtube/answer/9229632?hl=en ; Avviż pop-up fuq Facebook qabel il-qsim ta’ kontenut mikxuf bħala mhux veritier minn verifikatur tal-fatti: https://www.facebook.com/journalismproject/programs/third-party-fact-checking/faqs ;

L-għodda “Know your Facts tool” ta’ TikTok: https://newsroom.tiktok.com/en-gb/taking-action-against-covid-19-vaccine-misinformation .

(56)

Fit-Taqsima 3.3, il-Gwida tistieden lill-partijiet ikkonċernati li jistgħu jagħtu kontribut permezz tal-għodod, tal-istrumenti jew tas-soluzzjonijiet tagħhom li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, sabiex isiru firmatarji ġodda tal-Kodiċi.

(57)

B’mod partikolari, l-Artikoli 26, 27 u 29.

(58)

Ir-rapporti ta’ monitoraġġ dwar il-COVID-19 jipprovdu data dwar il-viżwalizzazzjonijiet jew ir-rati ta’ click-through tal-pannelli ta’ informazzjoni u tal-kartelluni li jipprovdu tali informazzjoni: https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/reports-march-actions-fighting-covid-19-disinformation-monitoring-programme  

(59)

Ara l-impenn 8 tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni.

(60)

The Debunking Handbook 2020: https://sks.to/db2020 .

(61)

L-ottimizzazzjonijiet jistgħu pereżempju jkunu relatati mad-disinn viżwali, mal-mument jew mal-preżentazzjoni grafika tal-intervent.

(62)

Eżempji ta’ indikaturi bħal dawn jistgħu jkunu l-Global Disinformation Index (GDI), il-Journalism Trust Initiative (JTI) jew it-Trust Project, kif ukoll is-servizz NewsGuard.

(63)

L-għodod għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà tas-sorsi ta’ informazzjoni, bħall-hekk imsejħin marki ta’ fiduċja, jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-utenti sabiex jikkonsultawhom jekk jixtiequ hekk. L-utenti jistgħu jingħataw ukoll l-għażla li jkollhom sinjali relatati mal-affidabbiltà tas-sorsi tal-media mdaħħlin fis-sistemi awtomatizzati li jagħżlu u jikklassifikaw il-kontenut li jidher fil-feeds tal-utenti tagħhom.

(64)

L-organizzazzjonijiet tal-verifika tal-fatti, appoġġati minn xi fornituri ta’ applikazzjonijiet tal-messaġġi, jagħtu lill-utenti tal-applikazzjonijiet tal-messaġġi l-possibbiltà li ssirilhom verifika tal-fatti fuq il-messaġġi li jirċievu permezz ta’ kanali privati bħal dawn: https://faq.whatsapp.com/general/ifcn-fact-checking-organizations-on-whatsapp/?lang=en  

(65)

 Dan huwa kruċjali wkoll sabiex jiġu informati l-firmatarji, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-pubbliku.

(66)

B’mod partikolari l-Artikolu 31.

(67)

Fis-sens tal-Artikolu 9 tal-GDPR.

(68)

 Kif meħtieġ mill-GDPR, fir-rigward tad-data personali, id-divulgazzjoni tagħha trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika ċara b’salvagwardji xierqa, inkluż ir-reġim tal-Artikolu 9 għall-kategoriji speċjali ta’ data.

(69)

 Id-diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati wriet appoġġ mill-firmatarji tal-Kodiċi u mill-komunità tar-riċerka għal din l-inizjattiva:  https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/library/summary-multi-stakeholder-discussions-preparation-guidance-strengthen-code-practice-disinformation .

(70)

L-organizzazzjonijiet ta’ verifika tal-fatti jippubblikaw regolarment rapporti mhux partiġġani dwar l-akkuratezza tad-dikjarazzjonijiet minn figuri pubbliċi u minn istituzzjonijiet ewlenin u asserzjonijiet oħrajn iċċirkolati b’mod wiesa’ li huma ta’ interess għas-soċjetà. Dawn huma indipendenti u jsegwu regoli stretti etiċi u ta’ trasparenza bħal dawk iddefiniti min-Network Internazzjonali għall-Verifika tal-Fatti (IFCN) ( https://www.poynter.org/international-fact-checking-network-fact-checkers-code-principles ).

(71)

  https://www.disinfo.eu/publications/bulgaria%3A-the-wild-wild-east-of-vaccine-disinformation/  

(72)

Mappa tal-attivitajiet ta’ verifika tal-fatti tal-EDMO fl-UE: https://edmo.eu/fact-checking-activities/  

(73)

Sabiex tiġi appoġġata aktar il-ħidma tal-verifikaturi Ewropej tal-fatti, il-kooperazzjoni tagħhom u l-iżvilupp ta’ standards professjonali maqbulin b’mod komuni, il-proġett pilota “Integrità tal-media soċjali” se jappoġġa l-abbozzar ta’ Kodiċi għall-integrità professjonali għall-verifikaturi tal-fatti Ewropej f’kooperazzjoni mal-EDMO. Ara: il-programm ta’ ħidma annwali, adottat skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2020) 2259.

(74)

 Fir-rigward tal-ħolqien ta’ repożitorju tal-verifiki tal-fatti, il-firmatarji jistgħu jfittxu sinerġiji mal-EDMO.

(75)

Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll demografija u lokalizzazzjoni anonimizzati ta’ dawk li jikkondividu/jirċievu kontenut li saritlu verifika tal-fatti.

(76)

L-impatt jista’ jitkejjel permezz ta’ indikaturi li jikkwantifikaw il-livell ta’ interazzjoni (eż. viżwalizzazzjonijiet, rati ta’ click-through, kondiviżjonijiet, eċċ.) tal-utenti b’tali għodod u li jikkwantifikaw il-perċezzjoni tal-utenti fir-rigward tal-utilità ta’ tali għodod. Barra minn hekk, l-indikaturi jenħtieġ li jinkludu data dwar l-użu ta’ għodod għall-immarkar u għar-rapportar ta’ kontenut perċepit bħala falz.

(77)

L-impatt jista’ jitkejjel permezz ta’ indikaturi li jikkwantifikaw il-livell ta’ interazzjoni (eż. viżwalizzazzjonijiet, impressjonijiet, rati ta’ click-through, kondiviżjonijiet, eċċ.) tal-utenti b’tali għodod u li jikkwantifikaw il-perċezzjoni tal-utenti fir-rigward tal-utilità ta’ tali għodod.

(78)

L-impatt jista’ jitkejjel permezz ta’ indikaturi li jikkwantifikaw il-livell ta’ interazzjoni (eż. viżwalizzazzjonijiet, rati ta’ click-through, kondiviżjonijiet) ma’ biċċiet ta’ kontenut qabel u wara li jiġu ttikkettati jew dimossi minħabba li l-verifika tal-fatti sabet li kienu foloz. Indikaturi oħrajn jistgħu jagħtu wkoll informazzjoni dwar kif iseħħu l-interazzjonijiet tal-utenti.

(79)

Inklużi miżuri bħat-tnaqqis tal-klassifikazzjoni ta’ kontenut, kif ukoll l-għeluq ta’ profili u ta’ gruppi.

(80)

L-impatt jista’ jitkejjel permezz ta’ indikaturi li jikkwantifikaw il-livell ta’ interazzjoni (eż. viżwalizzazzjonijiet, rati ta’ click-through, kondiviżjonijiet, eċċ.) mal-kontenut, mal-kontijiet u mal-każijiet qabel ma tneħħew u wara li ġew dimossi.

(81)

L-impatt jista’ jitkejjel permezz ta’ indikaturi li jikkwantifikaw in-numru ta’ postijiet ta’ tqegħid ta’ reklami murija fuq siti web identifikati bħala siti web li b’mod persistenti jxerrdu diżinformazzjoni u n-numru ta’ reklami li fihom diżinformazzjoni li tneħħew.

(82)

Dan jinkludi n-numru ta’ persunal impjegat sabiex iwettaq attivitajiet għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-lingwi koperti mill-attivitajiet tal-persunal.

(83)

 L-identifikazzjoni tax-xandara online ta’ diżinformazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq metodoloġija ċara u miftiehma definita minn sett usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi riċerkaturi akkademiċi, verifikaturi tal-fatti, NGOs u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

(84)

Il-mekkaniżmu ta’ kejl għall-indikaturi strutturali jista’ jieħu l-ispirazzjoni tiegħu minn dak li jsir mis-settur awdjoviżiv sabiex ikejjel l-udjenzi.

(85)

  https://erga-online.eu/wp-content/uploads/2020/05/ERGA-2019-report-published-2020-LQ.pdf  

Top