Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TJ0088

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat-12 ta’ Ottubru 2022 (Estratti).
Sandra Paesen vs Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Servizz pubbliku – Uffiċjal – Personnel tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Kap ta’ delegazzjoni – Perijodu ta’ prova maniġerjali – Rapport finali ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inammissibbiltà – Assenjazzjoni mill-ġdid għal kariga mhux maniġerjali fis-sede tas-SEAE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni għall-kapijiet ta’ delegazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5028/2, tad‑9 ta’ Settembru 2008, dwar il-persunal maniġerjali intermedju – Nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dokumenti fil-fajl personali – Interess tas-servizz – Użu ħażin ta’ poter – Talba għal assistenza – Deċiżjoni li tiċħad it-talba – Responsabbiltà.
Kawża T-88/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:631

Kawża T-88/21

Sandra Paesen

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat‑12 ta’ Ottubru 2022

“Servizz pubbliku – Uffiċjal – Personnel tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Kap ta’ delegazzjoni – Perijodu ta’ prova maniġerjali – Rapport finali ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali – Att li ma jikkawżax preġudizzju – Inammissibbiltà – Assenjazzjoni mill-ġdid għal kariga mhux maniġerjali fis-sede tas-SEAE – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni għall-kapijiet ta’ delegazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5028/2, tad‑9 ta’ Settembru 2008, dwar il-persunal maniġerjali intermedju – Nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dokumenti fil-fajl personali – Interess tas-servizz – Użu ħażin ta’ poter – Talba għal assistenza – Deċiżjoni li tiċħad it-talba – Responsabbiltà”

  1. Proċedura ġudizzjarja – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Produzzjoni tardiva tal-offerti ta’ prova – Kundizzjonijiet – Applikabbiltà għall-prova kuntrarja u għall-amplifikazzjoni tal-offerti ta’ provi prodotti bi tweġiba għal prova kuntrarja tal-kontroparti – Esklużjoni

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 85(1) u (2) u 92(7)

    (ara l-punti 28, 29, 31)

  2. Rikorsi tal-uffiċjali – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Natura ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni

    (Artikolu 270 TFUE)

    (ara l-punt 38)

  3. Uffiċjali – Karriera – Ħatra għal kariga maniġerjali – Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz – Perijodu ta’ prova – Rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja – Skop

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 ; Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-oħra, Artikolu 14)

    (ara l-punti 45-48)

  4. Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rapport finali ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali – Att preparatorju – Esklużjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 44 u l-Artikolu 90(2))

    (ara l-punti 50-57)

  5. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz għal kariga mhux maniġerjali kontra r-rieda tiegħu – Ġustifikazzjoni fir-rigward tan-nuqqasijiet tal-persuna kkonċernata fil-funzjonijiet tagħha – Dritt għal smigħ

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

    (ara l-punti 85-88)

  6. Uffiċjali – Karriera – Ħatra għal kariga maniġerjali – Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz – Perijodu ta’ prova – Rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja – Adozzjoni – Obbligu li l-persuna kkonċernata tinstema’ minn qabel – Assenza

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 44)

    (ara l-punti 100-103)

  7. Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li tikkawżalha preġudizzju – Portata – Ħtieġa li l-persuna kkonċernata tingħata l-possibbiltà ta’ laqgħa sabiex tesprimi ruħha – Assenza – Obbligu li l-perspettiva tal-persuna kkonċernata tiġi aderita – Assenza

    (ara l-punti 107, 110)

  8. Uffiċjali – Karriera – Ħatra għal kariga maniġerjali – Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz – Perijodu ta’ prova – Rapport intermedju ta’ evalwazzjoni probatorja – Redazzjoni li saret tard – Assenza ta’ effett ħlief fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-persuna kkonċernata

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 44)

    (ara l-punti 118-122)

  9. Uffiċjali – Karriera – Ħatra għal kariga maniġerjali – Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz – Perijodu ta’ prova – Skop – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment – Teħid inkunsiderazzjoni tat-tibdil mhux relatat mal-persuna kkonċernata u mal-esperjenza preċedenti tal-persuna kkonċernata – Ammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 44)

    (ara l-punti 143, 144, 155)

  10. Uffiċjali – Karriera – Ħatra għal kariga maniġerjalit – Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz – Perijodu ta’ prova – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment – Iffissar tal-għanijiet – Assenza bi ksur tar-regoli interni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-livell ta’ responsabbiltà u tal-esperjenza preċedenti tal-persuna kkonċernata – Distinzjoni bejn il-funzjonijiet ta’ Kap ta’ Delegazzjoni u l-funzjonijiet maniġerjali intermedji – Għarfien suffiċjenti min-naħa tal-persuna kkonċernata tal-aspettattivi marbuta mal-kariga – Ammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 44)

    (ara l-punti 161-179)

  11. Uffiċjali – Karriera – Ħatra għal kariga maniġerjali – Kap ta’ Delegazzjoni f’pajjiż terz – Perijodu ta’ prova – Rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi fattwali sfavorevoli għall-persuna kkonċernata – Obbligu ta’ tqegħid minn qabel ta’ dokumenti li jifformalizzaw ilmenti orali fil-fajl individwali tal-persuna kkonċernata – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 u l-Artikolu 44)

    (ara l-punti 195-200)

  12. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

    (ara l-punti 208-212)

  13. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fl-interess tas-servizz minħabba diffikultajiet relazzjonali – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-servizz – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

    (ara l-punt 213)

  14. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid – Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet – Portata – Ħtieġa ta’ paragun bejn il-funzjonijiet attwali u preċedenti tal-persuna kkonċernata – Esklużjoni – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ Kap ta’ Delegazzjoni fl-interess tas-servizz għal kariga mhux maniġerjali – Ammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

    (ara l-punti 222, 223, 226)

  15. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Portata – Dmir tal-amministrazzjoni li teżamina l-ilmenti fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku u li tinforma lil-lanjant bis-segwitu mogħti għall-ilment tiegħu – Kundizzjoni – Produzzjoni ta’ evidenza prima facie – Assenza – Ċaħda tat-talba għal assistenza – Ammissibbiltà – Ksur tad-dmir ta’ premura – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a u 24)

    (ara l-punti 236, 237, 316)

  16. Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett – Aġir li għandu bħala għan jew bħala effett li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha – Natura abbużiva tal-aġir – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżami globali ta’ diversi avvenimenti

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

    (ara l-punti 238-241)

  17. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Implimentazzjoni fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku – Deċiżjoni li tingħalaq investigazzjoni amministrattiva miftuħa b’risposta għal talba għal assistenza mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri – Kontestazzjoni mill-allegata vittma – Stħarriġ ġudizzjarju – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kunċett

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

    (ara l-punt 242)

  18. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Atti li joriġinaw mill-amministrazzjoni – Esklużjoni – Limiti

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

    (ara l-punt 257)

  19. Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid adottata fi tmiem perijodu ta’ prova maniġerjali – Invokazzjoni, mill-persuna kkonċernata, tal-eżistenza ta’ allegat fastidju psikoloġiku li jipprekludiha milli teżerċita l-funzjonijiet maniġerjali tagħha – Inklużjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

    (ara l-punti 258, 259)

Sunt

Sandra Paesen, uffiċjal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inħatret bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fi ħdan ir-Repubblika tal-Malawi mill‑1 ta’ Settembru 2018. Mill-istess data, hija kienet suġġetta għal perijodu ta’ prova maniġerjali ta’ disa’ xhur. Fid-dawl tar-rapport interim ta’ evalwazzjoni ta’ dan il-perijodu, li skontu l-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ awtorità u ta’ maniġment ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti, il-perijodu ta’ prova maniġerjali ġie estiż b’sitt xhur.

F’Novembru 2019, is-SEAE bagħat lil S. Paesen ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni tal-perijodu ta’ prova maniġerjali (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni probatorja”), li skontu l-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ awtorità u ta’ maniġment baqgħu meqjusa bħala insuffiċjenti. Konsegwentement, S. Paesen ġiet assenjata mill-ġdid f’kariga mhux maniġerjali fis-sede tas-SEAE mill‑1 ta’ Mejju 2020.

Sussegwentement, S. Paesen ippreżenat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja u tad-deċiżjoni tas-SEAE li tassenjah mill-ġdid f’kariga mhux maniġerjali.

Il-Qorti Ġenerali, f’kompożizzjoni estiża, ċaħdet ir-rikors u tat deċiżjoni, għall-ewwel darba, dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament diretti kontra rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja. Il-Qorti Ġenerali tippreċiża wkoll il-ġurisprudenza dwar id-dritt għal smigħ tal-uffiċjal li huwa s-suġġett, fi tmiem il-perijodu ta’ prova maniġerjali li għandu jwettaq, ta’ rapport finali li jipproponi l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu fl-interess tas-servizz. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żżid fuq il-ġurisprudenza dwar l-obbligu li għandha l-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa għanijiet u indikaturi ta’ prestazzjoni sabiex tevalwa l-kompetenzi maniġerjali tal-uffiċjal matul il-perijodu ta’ prova u fi tmiem dan il-perijodu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, b’analoġija mal-ġurisprudenza relatata mar-rapporti dwar il-perijodu ta’ prova, li t-talbiet għal annullament indirizzati kontra rapport finali ta’ evalwazzjoni ta’ perijodu ta’ prova maniġerjali ta’ uffiċjal huma inammissibbli sa fejn tali rapport ma jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju iżda att preparatorju.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tosserva li teżisti qrubija fir-rigward tal-perijodu probatorju impost fuq il-kapijiet ta’ delegazzjoni ġodda tas-SEAE b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni 5028/2 ( 1 ) u l-perijodu ta’ prova impost fuq il-membri tal-persunal temporanju taħt l-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li huwa possibbli li wieħed jispira ruħu mill-ġurisprudenza relatata magħha.

Fil-fatt, ir-rapport dwar il-perijodu ta’ prova, li l-għan tiegħu jikkonsisti fit-tħejjija tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni dwar il-ħatra bħala uffiċjal permanenti tal-persuna kkonċernata fi tmiem il-perijodu ta’ prova jew it-tkeċċija tagħha, għandu bħala sempliċi għan li jħejji deċiżjoni speċifika tal-amministrazzjoni, li magħha għalhekk jintrabtu mill-qrib, u, konsegwentement, ma għandux in-natura ta’ atti li jikkawżaw preġudizzju. Bl-istess mod, ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja għandu l-uniku għan, meta jkun negattiv, li jħejji deċiżjoni speċifika tal-amministrazzjoni, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid għal impjieg ieħor f’kariga mhux maniġerjali, li magħha dan ir-rapport huwa marbut mill-qrib.

Għalhekk, rapport interim jew finali ta’ evalwazzjoni probatorja, anki jekk ikun jinkludi numru ta’ osservazzjonijiet dwar il-kapaċitajiet maniġerjali tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ikkonċernat, la jista’, bħala prinċipju, jittieħed inkunsiderazzjoni, minn kumitat ta’ promozzjoni, la mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Ħatriet u lanqas mill-Awtorità tal-Ħatra, fl-okkażjoni ta’ proċedura ġdida ta’ selezzjoni tal-kapijiet ta’ delegazzjoni. Finalment, fl-okkażjoni ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura li tikkostitwixxi l-perijodu ta’ prova maniġerjali, huwa permess li r-rikorrent jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti marbuta miegħu mill-qrib u, b’mod partikolari, l-irregolaritajiet li, fil-fehma tiegħu, jaffettwaw ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja.

Sussegwentement, fir-rigward tad-dritt għal smigħ, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kontra r-rieda tal-uffiċjal ikkunsidrata f’kuntest ikkaratterizzat minn nuqqasijiet fil-funzjonijiet maniġerjali teħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, anki fl-assenza ta’ kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-iskambju li permezz tiegħu l-uffiċjal ikkonċernat għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jesprimi b’mod effettiv il-fehma tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod negattiv l-interessi tiegħu jista’ jkun orali jew bil-miktub.

Barra minn hekk, għalkemm id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna li lilha jiġi indirizzat att li jikkawża preġudizzju li din tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ dan l-att, madankollu dan id-dritt ma huwiex iggarantit lilhafejn jirrigwarda att preparatorju. Għalhekk, f’dan il-każ, kien suffiċjenti li r-rikorrenti kienet instemgħet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġie deċiż l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħha f’kariga mhux maniġerjali, mingħajr ma l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiġi kkritikata li ma semgħethiex qabel l-adozzjoni tar-rapport finali ta’ evalwazzjoni probatorja, li jikkostitwixxi att preparatorju għal din id-deċiżjoni.

Barra minn hekk, għalkemm ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ jeżiġi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lill-persuna kkonċernata minn att li jikkawżalha preġudizzju tesponi l-fehma tagħha b’mod utli, ma jistax jiġi impost fuq l-imsemmija istituzzjonijiet li jaqblu ma’ din il-fehma.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar l-obbligu li għandha l-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa, flimkien mal-uffiċjal suġġett għall-perijodu ta’ prova maniġerjali, għanijiet u indikaturi ta’ prestazzjoni sabiex tevalwa l-kompetenzi maniġerjali tiegħu matul dan il-perijodu u fi tmiemu. Il-Qorti Ġenerali tqis, f’dan ir-rigward, li d-difett proċedurali li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ tali għanijiet u indikaturi għandu jiġi evalwat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ responsabbiltà marbut mal-kariga maniġerjali kkonċernat kif ukoll l-esperjenza preċedenti tal-uffiċjal maħtur f’din il-kariga. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, tali difett ma jeżistix. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-impjieg ta’ Kap ta’ Delegazzjoni tal-Unjoni f’pajjiż terz jimplika neċessarjament, minn naħa, livell għoli ta’ responsabbiltà u, min-naħa l-oħra, kapaċità solida ta’ ġestjoni u awtonomija kbira, indipendentement mill-iffissar ta’ għanijiet konkreti.

Barra minn hekk, f’dan il-każ, li l-preċiżazzjonijiet dwar il-kompiti maniġerjali li kienu jinsabu fid-deskrizzjoni tal-kariga u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti dwar l-impjieg ta’ Kap tad-Delegazzjoni fil-Malawi setgħu servew bħala għanijiet maniġerjali fis-sens u għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 5028/2. B’hekk, peress li S. Paesen kienet kandidata għal dan l-impjieg fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-kariga u tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jikkonċernaw dan l-impjieg, hija kellha neċessarjament għarfien ta’ dawn l-għanijiet u, fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ kandidatura tagħha, hija għandha titqies li approvathom qabel id-dħul tagħha fil-kariga.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5028/2 tad‑9 ta’ Settembru 2008 dwar il-persunal maniġerjali intermedju, li saret applikabbli għas-SEAE permezz tad-deċiżjoni PROC EEAS(2011) 002 tad-Direttur Ġenerali Amministrattiv tas-SEAE tad‑29 ta’ Novembru 2011.

Top