Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TJ0370

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-24 ta’ Novembru 2021.
KL vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Stat ta’ saħħa – Kapaċità li persuna taħdem – Assenza mhux iġġustifikata – Rikors għal annullament – Kunċett ta’ invalidità – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwim ta’ natura pekunjarja – Ħlas retroattiv tal-pensjoni tal-invalidità – Rikors għad-danni.
Kawża T-370/20.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:822

Kawża T‑370/20

KL

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal‑24 ta’ Novembru 2021

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Stat ta’ saħħa – Kapaċità li persuna taħdem – Assenza mhux iġġustifikata – Rikors għal annullament – Kunċett ta’ invalidità – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwim ta’ natura pekunjarja – Ħlas retroattiv tal-pensjoni tal-invalidità – Rikors għad-danni”

  1. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Invalidità – Kunċett – Evalwazzjoni fir-rigward tal-funzjonijiet eżerċitati fil-Bank

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 78; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 14)

    (ara l-punti 83 sa 89, 100)

  2. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol – Invalidità – Kumitat tal-Invalidità – Kompetenza – Evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ membru tal-persunal li jaħdem barra mill-Bank – Esklużjoni

    (ara l-punti 90 sa 93)

  3. Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwim ta’ natura pekunjarja – Kunċett – Azzjoni intiża li jinkiseb il-ħlas retroattiv ta’ pensjoni tal-invalidità – Inklużjoni

    (Artikolu 266 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

    (ara l-punti 109 sa 113, 117 sa 124)

Sunt

Ir-rikorrent, KL, huwa impjegat mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Wara diversi perijodi ta’ assenza tar-rikorrent, il-BEI implimenta l-proċedura quddiem il-Kumitat tal-Invalidità, peress li, sakemm dan il-kumitat ta l-opinjoni tiegħu, ir-rikorrent kien tqis bħala li kien f’inkapaċità temporanja totali. Wara li evalwa l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent, il-Kumitat tal-Invalidità kkonkluda b’mod unanimu li dan tal-aħħar ma setax jibqa’ jeżerċita funzjonijiet fi ħdan il-BEI, iżda kien għadu kapaċi jeżerċita attività professjonali fis-suq ġenerali tax-xogħol. Konsegwentement, il-BEI ħa żewġ deċiżjonijiet li jiddikjaraw li r-rikorrent kien kapaċi jaħdem u kien assenti b’mod mhux iġġustifikat mid-data li fiha huwa kien talab lil dan tal-aħħar jerġa’ jibda jaħdem. Wara li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma rnexxietx, ir-rikorrent adixxa lill-Qorti Ġenerali b’rikors kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u kontra d-deċiżjoni tal-President tal-BEI li żammet dawn id-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

Il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors u tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tiddefinixxi l-kunċett ta’ invalidità li jinsab fid-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI bħala li għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-BEI u mhux fir-rigward tas-suq ġenerali tax-xogħol. Il-Qorti Ġenerali tapplika wkoll il-“ġurisdizzjoni sħiħa” mogħtija lilha mill-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) għal “tilwim ta’ natura pekunjarja”, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal tal-BEI. Barra minn hekk, huwa jippreċiża l-parametri ta’ dawn iż-żewġ kunċetti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, il-Qorti Ġenerali tosserva li dokument ma jistax jitwarrab għar-raġuni li d-data msemmija fih ma hijiex dik li fiha r-rikorrent ġie eżaminat minn dan il-kumitat.

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ invalidità, il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni b’analoġija tal-Artikoli 78 u 5 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq l-Artikolu 51‑1 tar-Regoli tranżitorji tal-iskema ta’ pensjoni applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI li minnhom jirriżulta li membru tal-persunal iddikjarat invalidu fi ħdanu jista’ jeżerċita attività lukrattiva barra minn dan l-organu, sakemm id-dħul totali tiegħu ma jaqbiżx ir-remunerazzjoni netta li huwa kien jirċievi meta kien jaħdem mal-BEI.

Barra minn hekk, il-kumitati tal-invalidità stabbiliti mill-BEI jikkostitwixxu korpi tiegħu u għalhekk ma għandhomx, fuq il-livell ġuridiku, il-kompetenza sabiex jevalwaw il-kapaċità tar-rikorrent li jeżerċita funzjonijiet professjonali barra minn dan l-organu. Fil-fatt, l-imsemmija kumitati għandhom, fuq il-livell ġuridiku, il-kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar il-kapaċità tal-persunal tal-BEI li jaħdem fi ħdan l-istituzzjoni. Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-kapaċità ta’ dawn il-persuni li jaħdmu barra l-BEI, huma l-kumitati, stabbiliti mill-istituzzjonijiet l-oħra jew mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom jeżaminaw il-persuna kkonċernata.

Billi ddeċieda dwar il-kapaċità tar-rikorrent li jeżerċita attivitajiet fis-suq ġenerali tax-xogħol, il-Kumitat tal-Invalidità għalhekk daħal fil-kompetenza ta’ tali kumitati, b’tali mod li ħoloq riskju ta’ kontradizzjoni bejn l-evalwazzjoni tiegħu tal-kapaċità tar-rikorrent li jaħdem fis-suq ġenerali tax-xogħol u dawk li jistgħu jitwettqu sussegwentement mill-kumitati tal-invalidità stabbiliti mill-istituzzjonijiet l-oħra jew mill-awtoritajiet nazzjonali.

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kunċett ta’ invalidità, fis-sens tal-Artikolu 46‑1 tar-Regoli tranżitorji tal-iskema ta’ pensjoni applikabbli għall-membri tal-persunal tal-BEI u tal-Artikolu 11.1 tad-Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI, adottati b’implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-membru tal-persunal tal-BEI li huwa ddikjarat minn Kumitat tal-Invalidità stabbilit minnu bħala inkapaċi li jerġa’ jibda l-funzjonijiet tiegħu jew funzjonijiet ekwivalenti fi ħdan il-BEI.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tfakkar li għandha tiġi applikata għat-tilwim bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu r-regola li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni tagħti lill-qorti tal-Unjoni, fit-tilwim ta’ natura pekunjarja, ġurisdizzjoni sħiħa li permezz tagħha hija għandha s-setgħa, jekk ikun hemm bżonn, tikkundanna lill-konvenut ex officio sabiex iħallas kumpens għal dannu kkawżat minħabba tort tiegħu, u f’każ bħal dan, wara li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, tiddetermina d-dannu mġarrab ex æquo et bono.

Il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħti lill-qorti tal-Unjoni l-kompitu, b’mod partikolari, li tagħti soluzzjoni sħiħa għat-tilwim li jkollha quddiemha u li tiggarantixxi l-effikaċja prattika tas-sentenzi ta’ annullament li hija tagħti fil-kawżi tas-servizz pubbliku. Meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni ma tindirizzax ordnijiet lill-istituzzjonijiet jew lill-organi kkonċernati, iżda għandha, jekk ikun il-każ, il-kompetenza li tissostitwixxihom sabiex tieħu d-deċiżjonijiet li jimplikaw neċessarjament il-konklużjonijiet li tasal għalihom fi tmiem l-evalwazzjoni ġuridika tagħha tat-tilwima.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li jikkostitwixxu “tilwim ta’ natura pekunjarja” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni mhux biss il-kawżi għad-danni mressqa mill-membri tal-persunal kontra istituzzjoni jew organu tal-Unjoni, iżda wkoll dawk kollha li huma intiżi għall-ħlas minn tali istituzzjoni jew tali organu lil uffiċjal ta’ somma li huwa jqis li hija dovuta lilu bis-saħħa tar-Regolamenti tal-Persunal jew ta’ att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom.

F’dan il-każ, din it-tilwima hija ta’ natura pekunjarja peress li r-rikorrent jitlob lill-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni li ma jingħatax l-istatus ta’ persuna “invalida” u tordna lill-BEI iħallsu somma ta’ flus. Fil-fatt, id-deċiżjoni li r-rikorrent jitqies li huwa “mhux invalidu” għandha konsegwenzi diretti fuq il-kontinwità tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal fi ħdan il-BEI, u għalhekk fuq ir-remunerazzjoni u d-drittijiet pekunjarji tagħha.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, sabiex jadotta d-deċiżjoni l-ġdida li tikkonstata l-istat ta’ invalidità tar-rikorrent, il-BEI għandu biss kompetenza limitata, li tobbligah jislet il-konsegwenzi amministrattivi tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Invalidità.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-BEI jħallas lir-rikorrent il-pensjoni tal-invalidità. Madankollu, hija tiċħad it-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu morali wara li qieset li r-rikorrent ma jurix li dan id-dannu ma jistax jiġi rrimedjat kompletament permezz tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati flimkien ma’ kundanna tal-BEI sabiex iħallsu l-benefiċċji finanzjarji kollha li huwa ġie mċaħħad minnhom permezz tad-deċiżjonijiet annullati.

Top