This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018TJ0504
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
XG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Persunal ta’ kumpannija privata li tipprovdi servizzi informatiċi fi ħdan l-istituzzjoni – Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni – Kompetenza tal-awtur tal-att.
Kawża T-504/18.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
XG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Persunal ta’ kumpannija privata li tipprovdi servizzi informatiċi fi ħdan l-istituzzjoni – Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni – Kompetenza tal-awtur tal-att.
Kawża T-504/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2019:883
Kawża T‑504/18
XG
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad‑19 ta’ Diċembru 2019
“Persunal ta’ kumpannija privata li tipprovdi servizzi informatiċi fi ħdan l-istituzzjoni – Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni – Kompetenza tal-awtur tal-att”
Rikors għal annullament – Rikors li allegatament jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali – Rikors kontra ittra ta’ istituzzjoni li tista’ tiġi sseparata mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejnha u r-rikorrent – Ammissibbiltà
(Artikoli 263 u 288 TFUE)
(ara l-punti 54 sa 56, 60 sa 66)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Kundizzjonijiet – Deċiżjoni li ma tingħatax mill-awtorità li għandha s-setgħa jew minn awtorità li tkun irċeviet mandat nominattiv – Nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata – Annullament tad-deċiżjoni
(ara l-punti 80 sa 84, 87 sa 91, 93, 94, 96)
Sunt
Fis-sentenza XG vs Il‑Kummissjoni (T‑504/18), mogħtija fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ġenerali annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni li żammet ir-rifjut ta’ aċċess tar-rikorrent għall-bini tagħha minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ din id-deċiżjoni.
Ir-rikorrent, impjegat ta’ kumpannija li kkonkludiet kuntratt-qafas mal-Unjoni Ewropea li l-għan tiegħu kien li jipprovdi servizzi informatiċi lill-Kummissjoni, ingħata avviż ta’ sigurtà negattiv mill-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà (ANS). Skont il-kuntratt-qafas iċċitat iktar ’il fuq, id-dritt ta’ aċċess tal-persunal assenjat fuq il-post tal-awtorità kontraenti kien suġġett għall-għoti ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv mill-awtoritajiet Belġjani.
Fid-dawl tal-avviż ta’ sigurtà negattiv, ir-rikorrent adixxa l-korp Belġjan kompetenti li jisma’ l-appelli li kkunsidra li l-żvviż ma kellux bażi legali u li, konsegwentement, ma kellux kompetenza sabiex jiddeċiedi fuq il-fondatezza ta’ dan l-avviż.
Wara l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), informat lill-persuna li timpjega lir-rikorrent li l-projbizzjoni ta’ aċċess għas-siti tal-Kummissjoni kienet inżammet għar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443 ( 1 ), minħabba li l-avviż negattiv mogħti mill-ANS ma kienx ġie annullat mill-korp li jisma’ l-appelli. Din l-ittra kienet iffirmata mill-Kap tad-Diviżjoni “Sigurtà tal-Informazzjoni” fi ħdan id-Direttorat tas-Sigurtà tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi sseparata mill-qafas kuntrattwali li fih hija tintervjeni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi sseparat mill-kuntratt‑qafas, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2015/443, li tagħti lil din l-istituzzjoni kompetenzi speċifiċi intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw is-sigurtà fi ħdan il-bini tagħha. Min-naħa l-oħra, billi żammet il-projbizzjoni ta’ aċċess tar-rikorrent għall-bini tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi, b’mod unilaterali u indipendentement mill-qafas kuntrattwali, effetti legali vinkolanti fuq is-sitwazzjoni ta’ terz, b’tali mod li tikkostitwixxi att ta’ awtorità pubblika.
Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-persuna firmatarja ma kinitx awtorizzata tadotta d-deċiżjoni kkontestata konformement mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2015/443. Fil-fatt, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ aċċess, bħad-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tal-Kummissjoni għandu jkollu mandat nominattiv, bil-miktub, mogħti mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà.
Barra minn hekk, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-persuna firmatarja tad-deċiżjoni kkontestata kinitx irċeviet delegazzjoni ta’ firma, il-Qorti Ġenerali fakkret li delegazzjoni ta’ firma ma tittrasferixxix kompetenza lid-delegat, li huwa sempliċement awtorizzat ifassal u jiffirma, f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tad-delegat, l-istrument ta’ deċiżjoni li s-sustanza tagħha tkun ġiet iddefinita minn dan tal-aħħar. Minbarra hekk, delegazzjoni ta’ firma għandha tikkonċerna miżuri ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni ddefiniti b’mod ċar.
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali osservat, fl-ewwel lok, li l-kompetenzi indikati fid-dokument, prodott mill-Kummissjoni, li jinkludi deskrizzjoni tal-funzjoni eżerċitata mill-persuna firmatarja tad-deċiżjoni kkontestata ma jinkludux neċessarjament is-setgħa li toħroġ projbizzjonijiet ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan id-dokument ma kienx iffirmat u li d-deskrizzjoni tal-kompetenzi tal-persuna firmatarja tad-deċiżjoni kkontestata li tinsab f’dan id-dokument ma tissodisfax, minħabba n-natura ġenerali tagħha, ir-rekwiżit ta’ ċarezza applikabbli għad-definizzjoni tal-miżuri li huma s-suġġett ta’ delegazzjoni ta’ firma. Fit-tielet lok, tali delegazzjoni ta’ firma hija inkompatibbli mad-Deċiżjoni 2015/443, li teżiġi, għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ aċċess, mandat nominattiv u espliċitu maħruġ mid-Direttur tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-persuna firmatarja tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx kompetenti sabiex tadotta din tal-aħħar.
Fl-aħħar nett, wara li fakkret il-ġurisprudenza tagħha, li tgħid li, fil-każ fejn it-tilwima tiżvolġi bejn istituzzjoni u l-persunal tagħha u tqiegħed inkwistjoni garanziji mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jew regola ta’ amministrazzjoni tajba, nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx neċessarjament għall-annullament ta’ dan tal-aħħar meta r-rikorrent ma jkunx wera li sofra preġudizzju għal garanzija, il-Qorti Ġenerali qieset li ma hemmx lok li din il-ġurisprudenza tiġi estiża għar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u terz, peress li dawn tal-aħħar ma jibbenefikawx mill-garanziji mogħtija lill-uffiċjali tal-Unjoni mir-Regolamenti tal-Persunal tagħhom.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat‑13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU 2015, L 72, p. 41). L-Artikolu 3 jipprevedi d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li l-Kummissjoni għandha tosserva fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni.