Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex
Document 62016TJ0028
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ April 2017.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Żvilupp Rurali – Konsolidazzjoni tal-art u tiġdid tal-irħula – Kriterji ta’ għażla ta’ operazzjonijiet – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Sussidjarjetà – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-28/16.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ April 2017.
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Żvilupp Rurali – Konsolidazzjoni tal-art u tiġdid tal-irħula – Kriterji ta’ għażla ta’ operazzjonijiet – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Sussidjarjetà – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-28/16.
Culegeri de jurisprudență - general
Kawża T‑28/16
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Żvilupp Rurali – Konsolidazzjoni tal-art u tiġdid tal-irħula – Kriterji ta’ għażla ta’ operazzjonijiet – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Sussidjarjetà – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ April 2017
Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet u ta’ nfiq – Osservanza tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti fid-dritt nazzjonali – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri għall-istabbiliment tal-kriterji – Limiti – Applikazzjoni għall-operazzjonijiet marbuta mal-konsolidazzjoni tal-art jew mat-tiġdid tal-irħula
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005, premessa 61 u Artikolu 71(2))
Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Appoġġ favur il-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija – Konsolidazzjoni tal-art u tiġdid tal-irħula – Klassifikazzjoni ta’ operazzjoni – Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005, Artikoli 2(d) u (e), u 30)
Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet u ta’ nfiq – Osservanza tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti fid-dritt nazzjonali – Operazzjonijiet marbuta mal-konsolidazzjoni tal-art jew mat-tiġdid tal-irħula – Kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni – Verifikazzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-kriterji ta’ għażla kkunsidrati li jippermettu li jiġu identifikati l-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati primarjament skont il-merti tagħhom
(Artikolu 317 TFUE; Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 966/2012, Artikolu 30; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 28a, u Nru 1698/2005, Artikoli 2(c), 71(2) u 73)
Agrikoltura – Finanzjament mill-FAEŻR – Appoġġ għall-iżvilupp rurali – Eliġibbiltà ta’ operazzjonijiet u ta’ nfiq – Osservanza tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti fid-dritt nazzjonali – Operazzjonijiet marbuta mal-konsolidazzjoni tal-art jew mat-tiġdid tal-irħula – Kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni – Ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà – Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005, Artikolu 71(2))
Fil-qasam tal-artikulazzjoni bejn regolament u dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li għalihom jirreferi, l-applikabbiltà diretta ta’ regolament ma għandux jipprekludi t-test tal-istess regolament milli jagħti s-setgħa lil istituzzjoni tal-Unjoni jew Stat Membru milli jieħu l-miżuri ta’ applikazzjoni u li, f’dan il-każ, il-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huma rregolati mid-dritt pubbliku tal-Istat ikkonċernat. Meta regolament ikun fih tali setgħa, minn dan ma jirriżultax li l-Istat Membru għandu setgħa diskrezzjonali assoluta fl-istabbiliment tar-regoli ta’ implementazzjoni, lanqas li dawn tal-aħħar għandhom ikollhom ċertu kontenut. L-Istat Membru għandu josserva l-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti permezz tar-regoli tal-Unjoni li huma applikabbli b’mod speċifiku f’dan il-kuntest, u li saħansitra jikkostitwixxu l-bażi legali konkreta tal-attività leġiżlattiva inkwistjoni.
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-premessa 61 u mill-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1698/2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), li, bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-infiq huma, bħala prinċipju, stabbiliti fil-livell nazzjonali, u li l-infiq ikun eliġibbli biss jekk ikun imwettaq għal operazzjonijiet deċiżi skont il-kriterji tal-għażla stabbiliti mill-korp kompetenti. F’dan il-kuntest, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jaġixxu skont il-linji gwida u l-limiti stabbiliti mill-awtorizzazzjoni mogħtija lilhom mir-Regolament Nru 1698/2005, minn naħa, fl-istabbiliment ta’ kriterji ta’ għażla fir-rigward tan-nefqa kkonċernata u, min-naħa l-oħra, fl-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji. Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ konsolidazzjoni tal-art u ta’ tiġdid tal-irħula huma madankollu intiżi li jkunu rregolati kollha biss bid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1698/2005 ma jippermettix lill-Kummissjoni li timponi proċedura jew għażliet leġiżlattivi speċjali sabiex tinkiseb il-konsolidazzjoni tal-art u t-tiġdid tal-irħula fl-Istat Membru kkonċernat.
(ara l-punti 43 sa 45, 47, 48)
Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ operazzjoni fl-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1698/2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fis-sens li jirreferi għal proġett, kuntratt, arranġament, jew azzjoni oħra implementati minn wieħed jew diversi benefiċjarji sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ appoġġ favur l-iżvilupp rurali, hija wiesgħa ħafna, li jiżgura li, minkejja l-varjetà tat-tipi ta’ operazzjonijiet ikkonċernati u tkun xi tkun is-sitwazzjoni partikolari tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni, għażla, kif imposta mil-leġiżlazzjoni, hija implementata sewwa. Il-konsolidazzjoni tal-art u t-tiġdid tal-irħula, mill-mument fejn jiġu rreġistrati fi proġett, kuntratt, arranġament jew kull azzjoni oħra li huma intiżi sabiex jagħtu lok għal twettiq konkret, għandhom jiġu kkunsidrati bħala operazzjonijiet u għandhom għalhekk jiġu suġġetti għal kriterji ta’ għażla bħal ma huma previsti fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1698/2005.
Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ miżura, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 1698/2005, sa fejn jikkorrispondi ma’ sett ta’ operazzjonijiet li jikkontribwixxu għall-implementazzjoni ta’ assi għandu jitqies bħala kategorija astratta ta’ operazzjonijiet li hija miftuħa għall-Istati Membri li jagħżlu fil-programm tagħhom ta’ żvilupp sabiex ikomplu jwettqu waħda mill-erba’ assi msemmija mir-Regolament Nru 1698/2005. Għalhekk, il-konsolidazzjoni tal-art hija miżura meta hija tirreferi għall-azzjoni ġenerali tar-razzjonalizzazzjoni tal-użu tal-artijiet agrikoli. Huwa l-istess għat-tiġdid tal-irħula meta jirreferi għall-azzjoni ġenerali tat-titjib tal-ħajja f’żoni rurali. Għall-kuntrarju, mill-mument fejn konsolidazzjoni tal-art jew tiġdid ta’ raħal huwa parti minn azzjoni identifikabbli, relatata b’mod partikolari ma’ post ġeografiku jew ma’ komunità ta’ individwi identifikati, għandha tiġi kkunsidrata bħala operazzjoni.
(ara l-punti 51 sa 53)
Mill-kliem tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1698/2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), moqri flimkien mal-Artikolu 2(c), tal-istess regolament, jirriżulta li l-infiq magħmul għal operazzjonijiet bħal ma huma l-konsolidazzjoni tal-art jew it-tiġdid tal-irħula għandhom jiġu mwettqa skont kriterji ta’ għażla. Issa, kif jirriżulta espressament mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1698/2005, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba konformement mal-Artikolu 274 KE li d-dispożizzjonijiet tagħha issa huma fl-Artikolu 317 TFUE.
Jekk il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba ma għandux jiġi ridott għal definizzjoni purament ta’ kontabbiltà, madankollu, jimplika li l-approprjazzjonijiet baġitarji jintużaw skont il-prinċipji ta’ ekonomija, effiċjenza u effettività, dan il-prinċipju tal-aħħar huwa intiż għal rapport aħjar bejn il-mezzi implementati u r-riżultati miksuba, kif jirriżulta mill-Artikolu 28a tar-Regolament Nru 1605/2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat, kif ukoll tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 966/2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-osservanza ta’ dawn il-prinċipji jimplika li l-kriterji ta’ għażla użati jippermettu li jiġu ffinanzjati l-ewwel l-operazzjonijiet li jissodisfaw l-aħjar l-għanijiet tal-iżvilupp rurali kif jirriżultaw mill-erba’ assi msemmija fir-Regolament Nru 1698/2005.
F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-kollaborazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, jekk il-lista ta’ kriterji ta’ għażla tista’ tiġi stabbilita b’mod liberu mill-awtoritajiet nazzjonali, mingħajr ma neċessarjament tinkludi sistema ta’ klassifikazzjoni ikkalkolata tal-operazzjonijiet, hija għandha madankollu tippermetti li jiġi ddeterminat liema, primarjament, għandhom jirċievu appoġġ mill-FAEŻR minħabba l-merti tagħhom. F’dan il-kuntest, il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-operazzjonijiet għandhom jiġu distinti mill-kriterji ta’ għażla. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà jagħmluha possibbli li jiġi kkonstatat li l-operazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet essenzjali biex jirċievu finanzjament mill-FAEŻR, bħal li jaqgħu fi ħdan il-linji gwida tal-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni kif kienu ttieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali, iżda mhux biex jidentifikaw l-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati primarjament fuq il-merti tagħhom.
(ara l-punti 62 sa 64, 66, 68, 69)
Il-Kummissjoni għandha, bħala responsabbli għall-implementazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, minn naħa, tivverifika l-kundizzjonijiet li taħthom ġew imħallsa il-finanzjamenti u l-kontrolli mwettqa u, min-naħa l-oħra, tiffinanzja l-infiq jekk dawn il-kundizzjonijiet jipprovdu l-assigurazzjonijiet kollha neċessarji rigward il-konformità mar-regoli tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, jekk id-diviżjoni tar-rwoli bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali wasslet sabiex dawn tal-aħħar ikunu fdati bl-iżvilupp ta’ regoli nazzjonali rilevanti li jirregolaw l-eliġibbiltà tal-infiq, partikolarment sa fejn ir-Regolament Nru 1698/2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), jirreferi għall-miżuri nazzjonali ta’ applikazzjoni fuq dan il-punt, jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni hija obbligata li tivverifika jekk l-awtoritajiet nazzjonali humiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom f’dan il-qasam, madankollu mingħajr ma dan jagħti lill-Kummissjoni ebda setgħa li tippermettilha timponi regoli speċifiċi fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-proċedura ta’ konsolidazzjoni tal-art u ta’ tiġdid tal-irħula.
Fil-fatt, l-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1698/2005 jikkonsistu fl-implementazzjoni ta’ kriterji ta’ għażla għat-twettiq ta’ għażla komparattiva tal-operazzjonijiet ikkonċernati, li jidher li huwa għan li jista’ jinkiseb mingħajr ma jikkawża xi kontestazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ukoll reġjonali, li tirregola l-proċedura ta’ konsolidazzjoni tal-art u ta’ tiġdid tal-irħula. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma huwiex fondat li jipprevalixxi ruħu minn ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà sa fejn huwa ma jurix li l-Kummissjoni tidħol fuq il-qasam tal-kompetenza tiegħu, kif jirriżulta mill-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, b’talba ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament Nru 1698/2005.
(ara l-punti 109 sa 112)