This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0227
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2024.
Kwantum Nederland BV u Kwantum België BV vs Vitra Collections AG.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Propjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 4 – Drittijiet esklużivi – Protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġetti tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jkunx Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Berna – Artikolu 2(7) – Kriterju ta’ reċiproċità materjali – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha – Applikazzjoni mill-Istati Membri tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.
Kawża C-227/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Ottubru 2024.
Kwantum Nederland BV u Kwantum België BV vs Vitra Collections AG.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Propjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 4 – Drittijiet esklużivi – Protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġetti tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jkunx Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Berna – Artikolu 2(7) – Kriterju ta’ reċiproċità materjali – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha – Applikazzjoni mill-Istati Membri tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE.
Kawża C-227/23.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:914
Kawża C‑227/23
Kwantum Nederland BV
u
Kwantum België BV
vs
Vitra Collections AG
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tal‑24 ta’ Ottubru 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Propjetà intellettwali u industrijali – Drittijiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Artikoli 2 sa 4 – Drittijiet esklużivi – Protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġetti tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jkunx Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Berna – Artikolu 2(7) – Kriterju ta’ reċiproċità materjali – Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha – Applikazzjoni mill-Istati Membri tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Xogħol tal-arti applikata li joriġina minn pajjiż terz iddisinjat minn ċittadin ta’ tali pajjiż – Inklużjoni
(Artikolu 52 TUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 6, 9 u 15, Artikoli 2(a), 3(1), 4(1) u 10(1))
(ara l-punti 45 sa 47, 51, u 59 sa 66, u d-dispożittiv 1)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Xogħol – Kunċett – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi – Klassifikazzjoni ta’ suġġett bħala xogħol – Kundizzjonijiet kumulattivi
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2 sa 4)
(ara l-punti 48 sa 50, u 56)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Drittijiet ta’ riproduzzjoni u ta’ distribuzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Portata – Eċċezzjoni jew limitazzjoni minbarra dawk previsti mid-Direttiva – Esklużjoni – Inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst mill-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi tali limitazzjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 17(2) u 52(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikoli 2(a), 4(1) u 5)
(ara l-punti 68 sa 79, u d‑dispożittiv 2)
Ftehimiet internazzjonali – Ftehimiet tal-Istati Membri – Ftehimiet preċedenti għall-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni – Ftehim li jagħti lill-Istat Membru l-possibbiltà li jieħu miżura li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Obbligu tal-Istat Membru li jastjeni ruħu milli jieħu tali miżura – Inkompatibbiltà li tirriżulta minn żvilupp tad-dritt tal-Unjoni – Impossibbiltà għall-Istat Membru li jinvoka l-imsemmi ftehim sabiex jeżenta ruħu mill-obbligi li nħolqu minn dan l-iżvilupp – Inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst mill-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi
(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE)
(ara l-punti 83 sa 91, u d-dispożittiv 3)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali previst mill-Konvenzjoni ta’ Berna, li jissuġġetta l-protezzjoni ta’ ċerti xogħlijiet permezz tad-drittijiet tal-awtur għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ protezzjoni simili fil-pajjiż ta’ oriġini ( 1 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, mill-Istati Membri, fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li joriġina minn pajjiż terzi u li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ tali pajjiż.
Vitra Collections AG (iktar ’il quddiem “Vitra”), kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru, kienet timmanifattura u kienet detentriċi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq is-siġġu Dining Sidechair Wood (iktar ’il quddiem is-“siġġu DSW”). Dan is-siġġu kien ġie ddisinjat minn żewġ ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ta’ disinn ta’ għamara mnedija mill-Museum of Modern Art ta’ New York (l-Istati Uniti) u espost f’dan il-mużew mis-sena 1950.
Kwantum Nederland BV u Kwantum België BV (iktar’ il quddiem, flimkien, “Kwantum”) kienu joperaw, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju, katina ta’ ħwienet ta’ oġġetti ta’ tagħmir għad-djar, u kienu jikkummerċjalizzaw siġġu msejjaħ “siġġu Paris”. Skont Vitra, din il-kummerċjalizzazzjoni kienet tikser id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq is-siġġu DSW.
Adita minn Vitra, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li Kwantum ma kisritx id-drittijiet tal-awtur ta’ Vitra fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Belġju. Din is-sentenza ġiet annullata mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), li ddeċidiet li Kwantum kisret id-drittijiet tal-awtur ta’ Vitra fuq is-siġġu DSW f’dawn iż-żewġ pajjiżi.
Adita b’appell, il-qorti tar-rinviju staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni. Sussegwentement, hija staqsiet, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ( 2 ), moqrija fid-dawl tal-Karta ( 3 ), kif ukoll l-Artikolu 351 TFUE, kinux jipprekludu li l-qorti nazzjonali tapplika l-kriterju ta’ reċiproċità materjali, stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ reċiproċità materjali”), fil-kawża prinċipali.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 huwa ddefinit mhux skont il-kriterju tal-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol jew tan-nazzjonalità tal-awtur tiegħu, iżda b’riferiment għas-suq intern, li jikkonsisti fit-territorji tal-Istati Membri. B’hekk, sitwazzjoni li fiha kumpannija tinvoka protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur ta’ suġġett tal-arti applikata kkummerċjalizzat fi Stat Membru, bħalma kien is-siġġu DSW, sa fejn dan jista’ jiġi kklassifikat bħala “xogħol” fis-sens ta’ din id-direttiva, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni.
Fit-tieni lok, qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 japplikaw għax-xogħlijiet tal-arti applikata li joriġinaw minn pajjiżi terzi jew li l-awturi tagħhom ikunu ċittadini ta’ tali pajjiżi. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jipprevedu, għall-awturi, id-drittijiet esklużivi li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom. Issa, din id-direttiva ma tistabbilixxi ebda kundizzjoni marbuta mal-pajjiż ta’ oriġini tax-xogħol inkwistjoni jew man-nazzjonalità tal-awtur tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ddefinixxa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 permezz ta’ kriterju territorjali, il-leġiżlatur tal-Unjoni neċessarjament ħa inkunsiderazzjoni x-xogħlijiet kollha li l-protezzjoni tagħhom tintalab fit-territorju tal-Unjoni, indipendentement mill-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn ix-xogħlijiet jew min-nazzjonalità tal-awtur tagħhom. Hija żiedet li din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2001/29 ( 5 ), li jikkonsistu fl-armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur fis-suq intern.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux l-applikazzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-kriterju ta’ reċiproċità materjali. Hija rrilevat, minn naħa, li, skont dan il-kriterju, xogħlijiet tal-arti applikata li joriġinaw minn pajjiż terz jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti fi Stati Membri differenti. Min-naħa l-oħra, peress li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma protetti taħt l-Artikolu 17(2) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet għandha, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tkun prevista mil-liġi. Fil-fatt, l-applikazzjoni, minn Stat Membru, ta’ dan il-kriterju tista’ tikkostitwixxi tali limitazzjoni li għandha tkun prevista mil-liġi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, meta regola tad-dritt tal-Unjoni tarmonizza l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni, u mhux il-leġiżlaturi nazzjonali, li għandu jiddetermina jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, ta’ dawn id-drittijiet fir-rigward tax-xogħlijiet li joriġinaw minn pajjiż terz jew li l-awtur tagħhom ikun ċittadin ta’ tali pajjiż ( 6 ). Issa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma inkludiex, fid-Direttiva 2001/29 u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tad-drittijiet esklużivi mogħtija lill-awturi permezz tal-Artikolu 2(a) u permezz tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva fil-forma ta’ kriterju ta’ reċiproċità materjali.
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn l-artikoli tad-Direttiva 2001/29, moqrija flimkien mal-Artikolu 17(2) u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jipprekludu li l-Istati Membri japplikaw, fid-dritt nazzjonali, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali fir-rigward ta’ xogħol tal-arti applikata li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun pajjiż terz u li l-awtur tiegħu jkun ċittadin ta’ tali pajjiż. Huwa biss il-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprevedi, permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jekk hemmx lok li jiġi limitat l-għoti, fl-Unjoni, tad-drittijiet previsti f’dawn l-artikoli tad-Direttiva.
Fl-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ma jippermettix lil Stat Membru japplika, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, il-kriterju ta’ reċiproċità materjali fir-rigward ta’ xogħol li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jkun l-Istati Uniti tal-Amerika. Dan l-artikolu jippreċiża li l-applikazzjoni tat-Trattat ma taffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-Istati terzi li jirriżultaw minn ftehim preċedenti għall-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Istati Membri ma jistgħux iktar jinvokaw il-possibbiltà li japplikaw dan il-kriterju, minkejja li l-Konvenzjoni ta’ Berna daħlet fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 1958. Fil-fatt, meta ftehim internazzjonali konkluż minn Stat Membru qabel l-adeżjoni tiegħu jippermettilu jieħu miżura li tidher li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, mingħajr madankollu ma jobbligah jagħmel hekk, dan l-Istat għandu jastjeni milli jadottaha. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-Konvenzjoni ta’ Berna ma tipprojbixxix lill-partijiet tagħha milli jipproteġu permezz tad-drittijiet tal-awtur xogħol tal-arti applikata li, fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan ix-xogħol, huwa protett biss bis-saħħa ta’ sistema speċjali bħala disinn. Fil-fatt, il-partijiet f’dan il-ftehim għandhom marġni ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.
( 1 ) Konvenzjoni għall‑Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”).
( 2 ) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).
( 3 ) Ara l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
( 4 ) It-tieni sentenza tal-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Berna kien jipprovdi li: “[h]uwa rriżervat għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni [stabbilita minn din il-konvenzjoni] li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġijiet li jikkonċernaw ix-xogħlijiet tal-arti applikata u d-disinni industrijali, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet u disinni [...] Għal xogħlijiet protetti unikament bħala disinni fil-pajjiż ta’ oriġini, f’pajjiż ieħor tal-Unjoni [stabbilita mill-imsemmija konvenzjoni] tista’ tintalab biss il-protezzjoni speċjali mogħtija f’dan il-pajjiż lid-disinni; madankollu, jekk tali protezzjoni speċjali ma tingħatax f’dan il-pajjiż, dawn ix-xogħlijiet ikunu protetti bħala xogħlijiet artistiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
( 5 ) Premessi 6, 9 u 15 tad-Direttiva 2001/29.
( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Recorded Artists Actors Performers (C‑265/19, EU:C:2020:677, punt 88).