Alegeți funcționalitățile experimentale pe care doriți să le testați

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 62023CJ0144

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Ottubru 2024.
KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo, d.o.o. vs Republika Slovenija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Portata tal-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-qorti suprema ta’ Stat Membru – Talba mill-parti li titlob l-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni għat-tressiq ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-appell għal reviżjoni jiġi awtorizzat meta jqajjem kwistjoni ta’ liġi importanti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tiegħu – Obbligu għall-qorti suprema nazzjonali li teżamina fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni jekk ikunx hemm lok li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari – Motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni.
Kawża C-144/23.

Identificator ECLI: ECLI:EU:C:2024:881

Kawża C‑144/23

KUBERA, trgovanje s hrano in pijačo, d.o.o.

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑15 ta’ Ottubru 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Portata tal-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-qorti suprema ta’ Stat Membru – Talba mill-parti li titlob l-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni għat-tressiq ta’ domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-appell għal reviżjoni jiġi awtorizzat meta jqajjem kwistjoni ta’ liġi importanti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tiegħu – Obbligu għall-qorti suprema nazzjonali li teżamina fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni jekk ikunx hemm lok li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari – Motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni”

  1. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi ta’ interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Portata – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-qorti suprema ta’ Stat Membru – Ċaħda ta’ talba għal awtorizzazzjoni mingħajr evalwazzjoni minn qabel tal-obbligu, għal din il-qorti, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni li tqajmet insostenn ta’ din it-talba – Inammissibbiltà

    (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE)

    (ara l-punti 31 sa 39, 45 u 46, 54 sa 56, 58 sa 60, u d-dispożittiv 1)

  2. Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi ta’ interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-qorti suprema ta’ Stat Membru – Ċaħda ta’ talba għal awtorizzazzjoni li tinkludi talba sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li ma titressaqx din id-domanda preliminari

    (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 62 sa 65, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Vrhovno sodišče (il-Qorti Suprema, is-Slovenja), il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, iddeċidiet li proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni quddiem il-qorti suprema nazzjonali ma teżentax lil din tal-aħħar mill-obbligu tagħha li teżamina, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jekk ikunx hemm lok li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma insostenn tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ dan l-appell.

Il-kumpannija KUBERA kienet xtrat, fit-Turkija, laned ta’ Red Bull prodotti fl-Awstrija u ttrasportathom bil-baħar sal-port ta’ Koper (is-Slovenja) sabiex jiġu importati. Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑5 ta’ Ottubru 2021, l-Amministrazzjoni tal-Finanzi tar-Repubblika tas-Slovenja tat deċiżjoni dwar il-qbid ta’ dawn il-laned, skont ir-Regolament Nru 608/2013 ( 1 ), fl-istennija tal-eżitu tal-proċedura ġudizzjarja mibdija minn Red Bull bl-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha relatati mal-imsemmija laned. Wara li eżawriet ir-rimedji amministrattivi, KUBERA ppreżentat rikorsi kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem l-Upravno sodišče (il-Qorti Amministrattiva, is-Slovenja), li ċaħdithom permezz ta’ żewġ sentenzi.

KUBERA għalhekk ressqet, quddiem il-qorti tar-rinviju, żewġ talbiet għal awtorizzazzjoni biex jiġi ppreżentat appell għal reviżjoni minn dawn is-sentenzi, fejn sostniet li l-kawża prinċipali kienet tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 608/2013 li kienet tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, kwistjoni ġuridika importanti li kienet tiġġustifika l-awtorizzazzjoni tal-appelli għal reviżjoni. Hija talbet ukoll lill-qorti tar-rinviju, fil-każ li din ma kinitx taqbel mal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament issuġġerita minnha, tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni.

Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-appell għal reviżjoni kien jiġi awtorizzat jekk il-kawża mressqa quddiem il-Qorti Suprema tkun tqajjem kwistjoni ta’ liġi importanti sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew l-iżvilupp tiegħu. Din il-leġiżlazzjoni kienet tindika każijiet partikolari li jikkorrispondu għal tali ipoteżi. Filwaqt li qieset li, f’dan il-każ, it-talbiet ta’ KUBERA għall-awtorizzazzjoni tal-appelli tagħha għal reviżjoni ma kinux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju staqsiet madankollu jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE ( 2 ) kienx jobbligaha, sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn it-talbiet għal awtorizzazzjoni, teżamina t-talba ta’ KUBERA għat-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn din il-kumpannija. Hija staqsiet ukoll jekk, fil-każ li kellha tiddeċiedi li ma kienx hemmx lok li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija kinitx obbligata, skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tat-talba għal awtorizzazzjoni tal-appell għal reviżjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jipprekludi li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li l-eżitu tagħha jkun jiddependi mill-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma minn waħda mill-partijiet fit-tilwima għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu, li tiċħad tali talba għal awtorizzazzjoni mingħajr ma tkun evalwat jekk hija kinitx obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma insostenn ta’ din it-talba.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabel kollox, li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn l-Istati, dawn tal-aħħar huma madankollu marbuta, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, bħala prinċipju, li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-appelli jew sistemi oħra ta’ għażla jew ta’ “filtrazzjoni” tat-tressiq ta’ kawżi quddiem il-qrati supremi nazzjonali, l-implimentazzjoni ta’ tali proċeduri jew sistemi għandha tosserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt, b’mod partikolari mill-Artikolu 267 TFUE.

F’dan ir-rigward, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati taħt id-dritt nazzjonali li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jifforma parti mill-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja u għandu, b’mod partikolari, l-għan li jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Tali qorti nazzjonali tista’ tinħeles minn dan l-obbligu biss fi tliet sitwazzjonijiet, jiġifieri meta hija tkun ikkonstatat li l-kwistjoni mqajma ma tkunx rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tkun diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli ( 3 ). Meta tkun fil-preżenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ( 4 ), din il-qorti ma tkunx obbligata li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tkun tqajmet minn parti fil-proċedura quddiemha.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-eżistenza ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni ma tistax tittrasforma l-qorti inferjuri li d-deċiżjoni tagħha tkun tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ tali appell f’qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati taħt id-dritt nazzjonali u li, konsegwentement, ikollha l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Għall-kuntrarju, dan l-obbligu huwa impost fuq qorti suprema nazzjonali, bħalma hija l-qorti tar-rinviju.

Madankollu, din tal-aħħar esponiet li, skont l-interpretazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, hija ma kinitx obbligata tevalwa, fl-istadju tal-eżami tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, jekk ikunx hemm lok jew le, fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni, li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma insostenn ta’ din it-talba. Meta appell għal reviżjoni ma jiġix awtorizzat, id-deċiżjoni ta’ ċaħda ttemm definittivament il-proċedura. F’dan il-każ, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata mill-qorti inferjuri tkun tista’ tiġi imposta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni, anki jekk il-kwistjoni mqajma insostenn tat-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni kienet tiġġustifika t-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li tali leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha domanda dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għalkemm tkun tqajmet minn parti quddiem il-qorti suprema, ma titressaqx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi ksur tal-obbligu impost fuq din il-qorti nazzjonali mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Issa, tali sitwazzjoni tista’ tikkomprometti l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll, b’mod partikolari, it-twettiq tal-għan li jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma tkunx konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 5 ).

Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet madankollu lill-qorti tar-rinviju tivverifika jekk kienx hemm il-possibbiltà li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 267 TFUE ( 6 ). Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni kienet tidher li ma kinitx tipprekludi lil din il-qorti milli tevalwa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, jekk il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma insostenn ta’ din it-talba kinitx teħtieġ li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk kinitx taqa’, għall-kuntrarju, taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ rinviju. B’mod partikolari, il-każijiet li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tistabbilixxi u li kienu jirrigwardaw esklużivament sitwazzjonijiet ikkaratterizzati, essenzjalment, minn diverġenzi fil-ġurisprudenza nazzjonali jew mill-assenza ta’ ġurisprudenza tal-qorti suprema nazzjonali ma kinux jidhru li kienu ta’ natura eżawrjenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet tidher li setgħet tiġi interpretata fis-sens li l-kriterju tal-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu kien jinkludi l-każ fejn il-parti fit-tilwima li titlob l-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta appell għal reviżjoni tqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma kienet taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-rinviju u li kienet teżiġi, konsegwentement, li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, barra minn hekk, li hija qorti suprema nazzjonali, adita b’tali talba għal awtorizzazzjoni u li jkollha l-obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi jekk dan ir-rinviju għandux isir fl-istadju tal-eżami ta’ din it-talba jew fi stadju ulterjuri. Jekk hija tiddeċiedi li tressaq it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-eżami tal-imsemmija talba, hija jkollha tissospendi t-trattament ta’ din tal-aħħar fl-istennija tad-deċiżjoni preliminari u sussegwentement timplimenta din id-deċiżjoni fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk ikunx hemm lok li jiġi awtorizzat l-appell għal reviżjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li, meta qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux jistgħu jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tqis, minħabba li tkun tinsab f’waħda mit-tliet eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-rinviju, li tkun meħlusa minn dan l-obbligu, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru jew li d-domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li tqajmet ma tkunx rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal-Unjoni tkun ibbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella, fl-assenza ta’ tali ġurisprudenza, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tant tkun evidenti għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, peress li, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ motiv ta’ inammissibbiltà ta’ natura purament proċedurali, tali qorti nazzjonali ma tistax tiċħad talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni li tqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tevalwa minn qabel jekk tkunx obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jew jekk din tal-aħħar taqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-rinviju, din il-qorti nazzjonali għandha, meta tiċħad tali talba għal awtorizzazzjoni abbażi ta’ waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, tindika r-raġunijiet għalfejn hija ma tkunx għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.


( 1 ) Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15). Ara l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament.

( 2 ) Skont din id-dispożizzjoni, meta titqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew ta’ validità tad-dritt tal-Unjoni f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern, din il-qorti hija obbligata tressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 3 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 21), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 33).

( 4 ) Dawn it-tliet sitwazzjonijiet li fihom il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza ma humiex suġġetti għall-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari huma indikati iktar ’il quddiem bil-kliem “eċċezzjonijiet għall-obbligu tar-rinviju”.

( 5 ) Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Aquino (C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 56), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61), li tipprovdi li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu kkontestati taħt id-dritt intern tista’ tastjeni milli tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà speċifiċi għall-proċedura quddiem din il-qorti nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. B’differenza minn tali motivi, kriterju ta’ awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni bħal dak previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jirrikjedi li l-qorti suprema teżamina l-importanza tal-kwistjoni ta’ liġi mqajma insostenn tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ tali appell għaċ-ċertezza legali, għall-applikazzjoni uniformi tad-dritt jew għall-iżvilupp tiegħu.

( 6 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għall-indikazzjonijiet ipprovduti fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja). B’mod partikolari, minn deċiżjoni ta’ din il-qorti tal‑31 ta’ Marzu 2022 jirriżulta li t-talba ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa fil-kuntest tat-talba għal awtorizzazzjoni ta’ appell għal reviżjoni, kellha tiġi ttrattata sa mill-istadju tal-eżami ta’ din l-aħħar talba.

Sus