Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 62022CJ0585
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
X BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Taxxa fuq il-kumpanniji – Self transkonfinali intragrupp għall-finijiet tal-finanzjament tal-akkwist jew taż-żieda ta’ sehem f’kumpannija mhux marbuta mal-grupp ikkonċernat li, wara din it-tranżazzjoni, issir marbuta ma’ dan il-grupp – Tnaqqis tal-interessi mħallsa fuq dan is-self – Self konkluż b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa – Kunċett ta’ ‘arranġament purament artifiċjali’ – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-585/22.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2024.
X BV vs Staatssecretaris van Financiën.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Taxxa fuq il-kumpanniji – Self transkonfinali intragrupp għall-finijiet tal-finanzjament tal-akkwist jew taż-żieda ta’ sehem f’kumpannija mhux marbuta mal-grupp ikkonċernat li, wara din it-tranżazzjoni, issir marbuta ma’ dan il-grupp – Tnaqqis tal-interessi mħallsa fuq dan is-self – Self konkluż b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa – Kunċett ta’ ‘arranġament purament artifiċjali’ – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-585/22.
Raccolta della giurisprudenza - generale
Identificatore ECLI: ECLI:EU:C:2024:822
Kawża C‑585/22
X BV
vs
Staatssecretaris van Financiën
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑4 ta’ Ottubru 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Taxxa fuq il-kumpanniji – Self transkonfinali intragrupp għall-finijiet tal-finanzjament tal-akkwist jew taż-żieda ta’ sehem f’kumpannija mhux marbuta mal-grupp ikkonċernat li, wara din it-tranżazzjoni, issir marbuta ma’ dan il-grupp – Tnaqqis tal-interessi mħallsa fuq dan is-self – Self konkluż b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa – Kunċett ta’ ‘arranġament purament artifiċjali’ – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Eżami ta’ miżura nazzjonali marbut ma’ dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali – Kriterji ta’ determinazzjoni tar-regoli applikabbli
(Artikoli 49, 56 u 63 TFUE)
(ara l-punti 23 sa 25)
Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Self transkonfinali intragrupp għall-finijiet tal-finanzjament tal-akkwist jew taż-żieda ta’ sehem f’kumpannija li, wara din it-tranżazzjoni, issir marbuta ma’ dan il-grupp – Rifjut sħiħ tat-tnaqqis tal-interessi ta’ self fil-każ ta’ arranġament purament artifiċjali – Ammissibbiltà – Self konkluż b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa – Ammont tal-interessi li ma jaqbiżx dak li seta’ jiġi miftiehem bejn impriżi indipendenti – Assenza ta’ effett
(Artikolu 49 TFUE)
(ara l-punti 41 sa 46, 49 sa 51, 60, 61, u 63 sa 93, u d-dispożittiv)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà, mal-libertà ta’ stabbiliment, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita t-tnaqqis tal-interessi mħallsa fuq self intragrupp.
X kienet kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż li kienet tagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji multinazzjonali. Dan il-grupp kien jinkludi, b’mod partikolari, il-kumpanniji A u C, li t-tnejn li huma kienu stabbiliti fil-Belġju. A kienet l-uniku soċju ta’ X u l-azzjonista maġġoritarja ta’ C. Fl‑2000, X akkwistat il-maġġoranza tal-azzjonijiet ta’ kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż, li tagħha A akkwistat il-bqija tal-azzjonijiet. X iffinanzjat dan l-akkwist permezz ta’ self konkluż ma’ C, li użat għal dan l-għan fondi proprji miksuba permezz ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital magħmula minn A.
Fl-avviż ta’ taxxa indirizzat lil X għas-sena finanzjarja 2007 għal dak li jirrigwarda t-taxxa fuq il-kumpanniji, l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) irrifjuta t-tnaqqis tal-interessi mħallsa minn din il-kumpannija lil C.
X ikkontestat dan ir-rifjut quddiem il-qrati Olandiżi, sal-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Olandiża f’dan il-qasam, b’mod partikolari, mal-libertà ta’ stabbiliment, peress li din il-leġiżlazzjoni setgħet tiżvantaġġa s-sitwazzjonijiet transkonfinali. Skont il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji ( 1 ), l-interessi mħallsa fuq djun intragrupp, li jkunu relatati, bħalma kienu f’dan il-każ, mal-akkwist jew maż-żieda ta’ sehem f’entità li ssir, wara din it-tranżazzjoni, entità marbuta mal-kontribwent, jkunu jistgħu jitnaqqsu biss jekk il-kontribwent juri li s-self u t-tranżazzjoni legali marbuta miegħu jkunu bbażati, b’mod determinanti, fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, jew li t-taxxa miġbura b’mod definittiv fuq l-interessi twassal għal tassazzjoni ta’ mill-inqas 10 % fuq il-profitti taxxabbli ddeterminati skont il-kriterji tad-dritt Olandiż ( 2 ). Issa, skont il-qorti tar-rinviju, din it-tieni kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 10a(3)(b) ta’ din il-liġi, tkun ġeneralment issodisfatta fil-każ ta’ entitajiet residenti, iżda tkun inqas spiss issodisfatta minn entità mhux residenti.
Madankollu, dik il-qorti qieset li tali restrizzjoni kienet iġġustifikata min-neċessità tal-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Hija kellha dubju, madankollu, jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza Lexel ( 3 ), kellux jitqies li t-tranżazzjonijiet konklużi b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa ma jkunux, għal din ir-raġuni biss, purament artifiċjali.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, filwaqt li kienet applikabbli mingħajr distinzjoni, il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kienet tinkludi differenza fit-trattament li seta’ jkollha effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, iggarantita mill-Artikolu 49 TFUE. Fil-fatt, jekk taxxa b’rata inqas minn 10 % ma tkunx ġiet applikata fil-kuntest tas-sistema fiskali Olandiża, fatt li kellu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, il-konsegwenza inevitabbli u mhux aleatorja tal-Artikolu 10a(3)(b) ta’ din il-liġi tkun li din il-kundizzjoni taffettwa biss is-sitwazzjonijiet transkonfinali. Fil-fatt, kienu biss il-kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi li jħallsu interessi lil entità marbuta stabbilita fi Stat Membru ieħor li setgħu ma jissodisfawx din il-kundizzjoni meta dan l-aħħar Stat Membru jkun issuġġetta lil din l-entità għal taxxa iktar baxxa.
Tali differenza fit-trattament tkun ammissibbli biss jekk tkun tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma jkunux oġġettivament paragunabbli jew jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u tkun proporzjonata għal dan l-għan.
F’dan ir-rigward, fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni intiża li tagħti l-possibbiltà li jitnaqqsu, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-profitti, l-interessi fuq djun dovuti lil entità marbuta biss meta dawn l-interessi ta’ self ma jkunux ġew iġġenerati artifiċjalment, kumpannija ma tkunx tinsab f’sitwazzjoni differenti minħabba s-sempliċi fatt li l-entità marbuta, benefiċjarja tal-interessi kkonċernati, tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, li fih dawn l-interessi jkunu suġġetti għal rata li ma taqbiżx 10 % fuq profitti taxxabbli ddeterminati skont il-kriterji tad-dritt Olandiż. F’każ bħal dan, is-self li fuqu jitħallsu l-imsemmija interessi kif ukoll it-tranżazzjoni legali marbuta miegħu setgħu jkunu bbażati wkoll fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi ( 4 ).
Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ libertà ta’ moviment iggarantita mit-Trattat FUE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 10a(3)(b) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kien isegwi l-għan tal-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa u kien intiż li jipprekludi li fondi proprji ta’ grupp jiġu ppreżentati, b’mod fittizju, bħala fondi mislufa minn entità Olandiża ta’ dan il-grupp u li l-interessi ta’ dan is-self ikunu jistgħu jitnaqqsu mir-riżultat taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dan l-għan japplika wkoll għall-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, entità ssir entità marbuta mal-istess kontribwent biss wara l-akkwist jew iż-żieda ta’ sehem.
Fir-raba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din kienet xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tistabbilixxi preżunzjoni fis-sens li l-interessi mħallsa fuq djun ta’ self intragrupp, konklużi skont kriterji li hija kienet tippreċiża bħala indizji, jikkostitwixxu jew jagħmlu parti minn arranġamenti purament artifiċjali. Il-possibbiltà għall-kontribwent li jikkonfuta din il-preżunzjoni billi juri li kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10a(3)(a) u (b) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji kienet tippermetti li jiġi limitat ir-rifjut tat-tnaqqis tal-interessi ta’ self għas-sitwazzjonijiet biss fejn is-self ikun iddettat minn raġunijiet fiskali sa fejn dan is-self ma jkunx neċessarju għat-twettiq ta’ għanijiet ekonomikament fondati u sa fejn ma jkunx ġie konkluż bejn entitajiet li ma jkollhomx relazzjonijiet speċjali.
It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tranżazzjonijiet stabbiliti b’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa jikkostitwixxux, mid-definizzjoni tagħhom stess, arranġamenti purament artifiċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-eżami tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa ma kellux jirrigwarda biss l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt ta’ self relatati, b’mod partikolari, mal-ammont jew mar-rata ta’ interessi, iżda kellu jirrigwarda wkoll il-loġika ekonomika tas-self inkwistjoni u tat-tranżazzjonijiet legali marbuta miegħu, sabiex tiġi żgurata r-realtà ekonomika tat-tranżazzjonijiet, li l-assenza tagħhom kienet tikkostitwixxi wieħed mill-elementi determinanti fil-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala arranġament purament artifiċjali. F’dan ir-rigward, mis-sentenza Lexel, li kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni Svediża b’konsegwenzi prattiċi differenti, ma jistax jiġi dedott li, fl-assenza ta’ raġuni ekonomika, is-sempliċi fatt li l-kundizzjonijiet tas-self intragrupp jikkorrispondu għal dawk li kienu jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti jimplika li dan is-self u t-tranżazzjonijiet marbuta miegħu ma jikkostitwixxux, mid-definizzjoni tagħhom stess, arranġamenti purament artifiċjali.
It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-rifjut ta’ kull tnaqqis tal-interessi mħallsa fuq is-self intragrupp imur lil hinn mill-għan ta’ prevenzjoni ta’ arranġamenti purament artifiċjali. Meta n-natura artifiċjali ta’ tranżazzjoni tirriżulta minn rata ta’ interessi eċċezzjonalment għolja fuq tali self li barra minn hekk tirrifletti r-realtà ekonomika, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li titneħħa l-parti ta’ dawn l-interessi mħallsa li teċċedi r-rata abitwali tas-suq. Min-naħa l-oħra, meta s-self inkwistjoni jkun, fih innifsu, nieqes minn ġustifikazzjoni ekonomika u meta, fl-assenza tar-relazzjoni speċjali bejn il-kumpanniji kkonċernati u l-vantaġġ fiskali mfittex, dan is-self qatt ma kien jiġi konkluż, ikun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jiġi rrifjutat it-tnaqqis tal-imsemmija interessi kollha.
Ir-raba’ nett, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma kienet tidher li tmur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li huwa inevitabbli li dispożizzjoni intiża li tipprekludi prattiki abbużivi tirrikorri għal kunċetti astratti li jippermettu li jinqabdu l-ikbar numru ta’ sitwazzjonijiet. Madankollu, l-użu ta’ kunċetti astratti ma jimplikax li l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni titħalla kompletament għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni fiskali, peress li din l-applikazzjoni hija suġġetta għal kriterji stabbiliti b’mod ċar fiha, li jippermettu lill-kontribwent jiddetermina minn qabel u bi preċiżjoni suffiċjenti l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
( 1 ) Wet op de vennootschapsbelasting 1969 (il-Liġi tal‑1969 dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), kif kienet fis-seħħ fl‑2007 (Stb. 2006, Nru 631), (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji”).
( 2 ) Ara l-Artikolu 10a(3)(a) u (b) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.
( 3 ) Sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Lexel (C‑484/19, EU:C:2021:34).
( 4 ) Fis-sens tal-Artikolu 10a(3)(a) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji.