This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0264
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Settembru 2024.
Booking.com BV u Booking.com (Deutschland) GmbH vs 25hours Hotel Company Berlin GmbH et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Kuntratti konklużi bejn pjattaforma ta’ riżervazzjoni online u lukandiera – Klawżoli ta’ parità tal-prezz – Restrizzjoni anċillari – Eżenzjoni skont il-kategorija – Ftehimiet vertikali – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 3(1) – Definizzjoni tas-suq rilevanti.
Kawża C-264/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Settembru 2024.
Booking.com BV u Booking.com (Deutschland) GmbH vs 25hours Hotel Company Berlin GmbH et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Kuntratti konklużi bejn pjattaforma ta’ riżervazzjoni online u lukandiera – Klawżoli ta’ parità tal-prezz – Restrizzjoni anċillari – Eżenzjoni skont il-kategorija – Ftehimiet vertikali – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 3(1) – Definizzjoni tas-suq rilevanti.
Kawża C-264/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:764
Kawża C‑264/23
Booking.com BV
u
Booking.com (Deutschland) GmbH
vs
25hours Hotel Company Berlin GmbH et
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad‑19 ta’ Settembru 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehimiet bejn impriżi – Kuntratti konklużi bejn pjattaforma ta’ riżervazzjoni online u lukandiera – Klawżoli ta’ parità tal-prezz – Restrizzjoni anċillari – Eżenzjoni skont il-kategorija – Ftehimiet vertikali – Regolament (UE) Nru 330/2010 – Artikolu 3(1) – Definizzjoni tas-suq rilevanti”
Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula – Kawża għall-kumpens tad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Valur probatorju li jista’ jiġi rrikonoxxut mill-imsemmija qorti nazzjonali lid-deċiżjonijiet finali meħuda fi Stat Membru ieħor – Assenza ta’ effett
(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, Artikolu 9(2) u (3))
(ara l-punti 33 sa 40)
Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Restrizzjoni anċillari – Kunċett – Restrizzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni prinċipali li ma għandhiex natura antikompetittiva – Natura oġġettiva u proporzjonata – Evalwazzjoni tan-natura oġġettiva – Kundizzjonijiet distinti minn dawk meħtieġa għall-finijiet tal-benefiċċju ta’ eżenzjoni
(Artikolu 101(1) u (3) TFUE)
(ara l-punti 51 sa 53, 55 sa 58, 65 u 66)
Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Restrizzjoni anċillari – Kunċett – Restrizzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni prinċipali li ma għandhiex natura antikompetittiva – Natura oġġettiva u proporzjonata – Evalwazzjoni tan-natura proporzjonata
(Artikolu 101(1) u (3) TFUE)
(ara l-punt 54)
Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Restrizzjoni anċillari – Kunċett – Restrizzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni prinċipali li ma għandhiex natura antikompetittiva – Natura oġġettiva u proporzjonata – Klawżola ta’ parità tal-prezz li tinsab fil-kuntratti bejn il-pjattaformi ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi online u l-fornituri tal-akkomodazzjoni – Esklużjoni
(Artikolu 101(1) TFUE)
(ara l-punti 59 sa 64, 72 sa 73, u 75, u d-dispożittiv 1)
Akkordji – Projbizzjoni – Eżenzjoni skont il-kategorija – Ftehimiet vertikali – Regolament Nru 330/2010 – Kundizzjonijiet – Suq inkwistjoni – Delimitazzjoni – Kriterji – Sostitwibbiltà tal-prodotti jew servizzi min-naħa tal-offerta u min-naħa tad-domanda – Servizzi ta’ intermedjazzjoni pprovduti minn pjattaforma ta’ riżervazzjoni ta’ lukandi fit-tranżazzjonijiet konklużi bejn fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni u konsumaturi – Eżami konkret tas-sostitwibbiltà tal-imsemmija servizzi – Fatturi rilevanti – Teħid inkunsiderazzjoni tal-evalwazzjonijiet ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-istanzi ta’ appell nazzjonali – Verifiki li għandhom isiru mill-qorti nazzjonali
(Artikolu 101(1) u (3) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 330/2010, Artikolu 3(1))
(ara l-punti 80, 82, u 85 sa 90, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet ġodda dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-akkordji previst fl-Artikolu 101(1) TFUE għall-klawżoli ta’ parità tal-prezz użati minn Booking.com, bħal pjattaformi oħra ta’ riżervazzjoni tal-lukandi, fil-kuntratti konklużi mal-fornituri tal-akkomodazzjoni. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali klawżoli ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet anċillari” li bħala tali ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, qabel ma pprovdiet indikazzjonijiet dwar l-elementi ta’ definizzjoni tas-suq tal-prodotti inkwistjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ eżenzjoni Nru 330/2010 ( 1 ).
Booking.com BV, kumpannija rregolata mid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, tqiegħed f’kuntatt stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni u klijenti permezz tal-pjattaforma tagħha ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online booking.com bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ kummissjoni minn dawn l-istabbilimenti għal kull riżervazzjoni mwettqa permezz ta’ din il-pjattaforma u mhux annullata. Booking.com ilha attiva fis-suq Ġermaniż mill‑2006, bl-appoġġ tas-sussidjarja Ġermaniża tagħha Booking.com (Deutschland).
Sal‑2015, Booking.com kienet tinkludi, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-ftehimiet konklużi mal-fornituri ta’ akkomodazzjoni, klawżola msejħa ta’ “parità wiesgħa”, li permezz tagħha dawn tal-aħħar ma setgħux joffru, fuq il-mezzi ta’ bejgħ tagħhom stess jew fuq kanali oħra operati minn terzi, inklużi l-pjattaformi kompetituri, kmamar bi prezz inqas minn dak propost fuq is-sit booking.com.
Fl-2015, Booking.com impenjat ruħha, bi ftehim mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Franċiżi, Taljani u Svediżi, li tneħħi din il-klawżola ta’ parità wiesgħa sabiex tissostitwixxiha bi klawżola msejħa ta’ “parità ristretta” li kienet tillimita l-projbizzjoni magħmula lill-fornituri ta’ akkomodazzjoni milli jipproponu l-kmamar tagħhom bi prezz aħjar minn dawk proposti fuq is-sit tagħha booking.com għall-offerti magħmula mill-mezzi ta’ bejgħ tagħhom stess.
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2015, meħuda wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) madankollu qieset li tali klawżola ta’ parità ristretta kienet ukoll kuntrarja għall-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt Ġermaniż u konsegwentement ordnat lil Booking.com twaqqaf l-użu tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2021, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), adita b’appell ippreżentat mill-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, annullat id-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tal‑4 ta’ Ġunju 2019 li kienet laqgħet parzjalment ir-rikors ippreżentat minn Booking.com kontra d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità. Hija ddeċidiet, mingħajr ma staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-klawżola ta’ parità ristretta kienet tirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq tal-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online kif ukoll fuq dak tal-akkomodazzjoni tal-lukandi. Tali klawżola ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “restrizzjoni anċillari”, peress li ma kienx stabbilit li, fl-assenza tagħha, il-profittabbiltà ta’ Booking.com kienet ser tiġi kompromessa. Din il-klawżola lanqas ma setgħet tibbenefika minn eżenzjoni skont ir-Regolament Nru 330/2010 jew minn kull eżenzjoni oħra mill-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni u fid-dritt Ġermaniż.
Kien f’dan il-kuntest li Booking.com ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju talba intiża sabiex jiġi kkonstatat, b’mod partikolari, li l-klawżoli ta’ parità li hija kienet tuża ma kinux jiksru l-Artikolu 101 TFUE. Għalhekk, bħala kontrotalba, 63 stabbiliment tal-lukandi Ġermaniżi talbu lil dik il-qorti tikkonstata li Booking.com kienet kisret l-Artikolu 101 TFUE u tikkundannaha għall-ħlas tad-danni minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE.
Il-qorti tar-rinviju kellha dubju dwar jekk il-klawżoli ta’ parità tal-prezz applikati mill-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online kellhomx jitqiesu bħala restrizzjonijiet anċillari fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-qorti tar-rinviju kienet tal-fehma li, fil-każ li jkun hemm lok li tiġi eskluża din il-klassifikazzjoni, kienet tqum kwistjoni dwar jekk dawn il-klawżoli setgħux jiġu eżentati skont ir-Regolament Nru 330/2010. Dan wassalha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-mod kif kellu jiġi ddefinit is-suq tal-prodotti inkwistjoni f’dan il-każ għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet il-preċiżazzjonijiet mitluba dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji msemmija fl-Artikolu 101(1) TFUE. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, jekk tranżazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fuq il-kompetizzjoni, restrizzjoni tal-awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant wieħed jew iktar f’din it-tranżazzjoni, li tista’ tidher prima facie antikompetittiva, lanqas ma taqa’ taħt l-imsemmi prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun anċillari għall-imsemmija tranżazzjoni.
Sabiex restrizzjoni antikompetittiva tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “anċillari”, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk l-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni prinċipali tkunx impossibbli li titwettaq fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-imsemmija tranżazzjoni sempliċement issir iktar diffiċli sabiex titwettaq jew inqas profittabbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni ma jirrendix ir-restrizzjoni “oġġettivament neċessarja” għall-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni prinċipali. It-tieni nett, ir-restrizzjoni inkwistjoni għandha tkun proporzjonata fir-rigward tal-għanijiet li fuqhom tkun ibbażata t-tranżazzjoni prinċipali.
F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “restrizzjonijiet anċillari” kif eżaminat fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE u l-eżenzjoni bbażata fuq l-Artikolu 101(3) TFUE. Fil-fatt, b’differenza minn din tal-aħħar, in-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward ta-tranżazzjoni prinċipali ma timplikax li għandhom jiġu bbilanċjati l-effetti favur il-kompetizzjoni u kontra l-kompetizzjoni ta’ ftehim, iżda li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest partikolari ta’ din it-tranżazzjoni, ir-restrizzjoni inkwistjoni hijiex indispensabbli għall-implimentazzjoni tal-imsemmija tranżazzjoni. Għalkemm bħala prinċipju hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha ppreżentati quddiemha, jekk il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni anċillari humiex issodisfatti, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tista’ tagħtiha indikazzjonijiet sabiex tiggwidaha fl-eżami tagħha ta’ dawn il-kundizzjonijiet.
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalkemm il-provvista ta’ servizzi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi online kellha effett newtrali, jew pożittiv, fuq il-kompetizzjoni, ma kienx stabbilit, għall-kuntrarju, li l-klawżoli ta’ parità, kemm wiesgħa kif ukoll ristretti, kienu oġġettivament neċessarji għat-twettiq ta’ din it-tranżazzjoni prinċipali u proporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex minn din tal-aħħar. Fil-fatt, għalkemm il-klawżoli ta’ parità wiesgħa kienu jipproduċu evidentement effetti restrittivi sinjifikattivi, il-klawżoli ta’ parità ristretta, ċertament inqas restrittivi, lanqas ma setgħu jitqiesu bħala oġġettivament neċessarji sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tal-pjattaforma ta’ riżervazzjoni tal-lukandi.
Il-fatt, jekk jitqies li huwa minnu, li dawn il-klawżoli kellhom it-tendenza li jiġġieldu kontra fenomeni eventwali ta’ parassitiżmu u kienu indispensabbli sabiex jiggarantixxu titjib fl-effiċjenza jew sabiex jiżguraw is-suċċess kummerċjali tal-imsemmija servizzi ma kienx jippermetti li l-imsemmija klawżoli jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet anċillari”.
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni jista’, b’mod partikolari, ikun ibbażat fuq analiżi kontrofattwali li tippermetti li jiġi eżaminat b’liema mod is-servizzi kienu jiffunzjonaw fl-assenza tal-klawżola ta’ parità. Hija rrilevat f’dan ir-rigward li l-attività ta’ Booking.com ma kinitx ġiet kompromessa fl-Istati Membri fejn dawn il-klawżoli ġew ipprojbiti.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa, fit-tieni lok, tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni ta’ ċerti ftehimiet, skont l-Artikolu 101(3) TFUE, imsemmija mir-Regolament Nru 330/2010. Il-qorti tar-rinviju kienet telqet mill-premessa li l-klawżoli ta’ parità tal-prezz kienu jagħmlu parti minn “ftehim vertikali” konkluż bejn Booking.com u l-fornituri differenti ta’ akkomodazzjoni. Dawn il-ftehimiet kienu jibbenefikaw minn eżenzjoni meta jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, fosthom il-limitu massimu ta’ 30 % tas-sehem mis-suq miżmum mill-operatur ikkonċernat.
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, sabiex jiġi ddefinit is-suq ta’ prodotti rilevanti, għandu jiġi vverifikat jekk il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti mill-istess suq humiex interkambjabbli jew sostitwibbli bejniethom mill-konsumaturi.
F’dan il-każ, kellu jiġi eżaminat jekk tipi oħra ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni u kanali ta’ bejgħ oħra kinux sostitwibbli għas-servizzi pprovduti minn Booking.com, kemm mill-perspettiva tal-fornituri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll minn dik tal-klijenti finali, anki jekk dawn il-kanali jkun jidher li jkollhom karatteristiċi differenti u jkunu jidhru li ma joffrux l-istess funzjonalitajiet ta’ tiftix u ta’ paragun tal-offerti. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-definizzjoni tas-suq rilevanti tiddependi minn eżami fattwali fil-fond li l-qorti tar-rinviju biss tista’ twettaq, a fortiori meta, bħal f’dan il-każ, ftit elementi jkunu ġew ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Għal dan l-għan, kienet dik il-qorti li kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jkunu ġew ippreżentati lilha. F’dan il-kuntest, l-evalwazzjonijiet tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni u tal-istanzi ta’ appell fil-Ġermanja dwar id-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti kienu jagħmlu parti mill-elementi tal-kuntest partikolarment rilevanti.
Madankollu, il-qorti tar-rinviju kellha tiddetermina jekk tali definizzjoni tas-suq, li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-“servizzi kuntrattwali” offruti mill-pjattaformi ta’ riżervazzjoni tal-lukandi kemm mill-perspettiva tal-fornituri ta’ akkomodazzjoni kif ukoll mill-perspettiva tal-klijenti finali, kinitx ikkaratterizzata minn xi żball ta’ analiżi jew jekk kinitx ibbażata fuq konstatazzjonijiet żbaljati.
( 1 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal‑20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU 2010, L 102, p. 1).