Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0048

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ Settembru 2024.
Google LLC u Alphabet Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tat-tiftix ġenerali u tat-tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fuq l-internet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Abbuż permezz tal-effett ta’ lieva – Kompetizzjoni abbażi tal-mertu jew prattika antikompetittiva – Wiri ffavorit mill-impriża dominanti tar-riżultati tas-servizz tagħha stess ta’ tiftix speċjalizzat – Effetti antikompetittivi potenzjali – Rabta kawżali bejn abbuż u effetti – Oneru tal-prova – Xenarju kontrofattwali – Kapaċità ta’ esklużjoni – Test tal-kompetitur daqstant effiċjenti.
Kawża C-48/22 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:726

Kawża C‑48/22 P

Google LLC
u
Alphabet, Inc.

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑10 ta’ Settembru 2024

“Appell – Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tat-tiftix ġenerali u tat-tiftix speċjalizzat ta’ prodotti fuq l-internet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Abbuż permezz tal-effett ta’ lieva – Kompetizzjoni abbażi tal-mertu jew prattika antikompetittiva – Wiri ffavorit mill-impriża dominanti tar-riżultati tas-servizz tagħha stess ta’ tiftix speċjalizzat – Effetti antikompetittivi potenzjali – Rabta kawżali bejn abbuż u effetti – Oneru tal-prova – Xenarju kontrofattwali – Kapaċità ta’ esklużjoni – Test tal-kompetitur daqstant effiċjenti”

  1. Appell – Ammissibbiltà – Appell ibbażat fuq preżentazzjoni allegatament żnaturata tal-fatti stabbiliti fis-sentenza appellata – Kritika li taqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza tiegħu

    (Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 58)

    (ara l‑punti 60 sa 62)

  2. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Aċċess għal infrastruttura żviluppata u miżmuma minn impriża dominanti – Aċċess ipprovdut lil impriżi kompetituri b’kundizzjonijiet inġusti – Aġir li jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti – Kundizzjonijiet

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 79 sa 91, 110 sa 114)

  3. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kunċett oġġettiv li jikkonċerna l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni – Obbligi tal-impriża dominanti – Eżerċizzju tal-kompetizzjoni abbażi biss tal-mertu – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Prova ta’ prattiki li huma kontra l-kompetizzjoni abbażi biss tal-mertu – Ċirkustanzi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 163 sa 166, 168 sa 172, 186)

  4. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kapaċità ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u effett ta’ esklużjoni – Aġir li għandu bħala għan jew bħala effett attwali jew potenzjali li jipprekludi l-aċċess għas-suq tal-impriżi potenzjalment kompetituri – Inklużjoni

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punt 167)

  5. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Kunċett oġġettiv li jikkonċerna l-aġir ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura tas-suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni – Prattiki li jistgħu jkollhom effetti antikompetittivi fis-suq – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Neċessità li jiġi stabbilit xenarju kontrofattwali – Assenza

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 223 sa 230)

  6. Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Effett antikompetittiv – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Natura suffiċjenti ta’ effett potenzjali – Pożizzjoni dominanti fis-suq tat-tiftix ġenerali fuq l-internet – Prattiki li jiffavorixxu s-servizz ta’ tqabbil tax-xiri tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u li jisfavorixxu s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri – Impatt fuq is-swieq ikkonċernati – Obbligu għall-Kummissjoni li tevalwa l-kapaċità tal-prattiki inkwistjoni li jeskludu kompetitur daqstant effiċjenti – Assenza

    (Artikolu 102 TFUE)

    (ara l-punti 263 sa 269)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, ċaħdet l-appell ippreżentat minn Google LLC u l-kumpannija omm tagħha Alphabet Inc. mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li kienet ikkonfermat il-multa li ġiet imposta fuqhom mill-Kummissjoni Ewropea għal abbuż minn pożizzjoni dominanti f’diversi swieq nazzjonali tat-tiftix fuq l-internet. F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar il-ġurisprudenza tagħha relatata mal-abbuż minn pożizzjoni dominanti kkostitwit mir-rifjut ta’ aċċess għal faċilità essenzjali kif ukoll dwar il-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jitbiegħedx mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2017 ( 1 ), il-Kummissjoni qieset li Google kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha li kienet teżisti fi tlettax-il suq nazzjonali tat-tiftix ġenerali fuq l-internet fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

L-aġir identifikat bħala sors tal-abbuż kien, essenzjalment, li Google kienet turi s-servizz tagħha stess ta’ tqabbil tax-xiri fuq il-paġni tar-riżultati ġenerali magħżula permezz tal-mutur ta’ tfittxija tagħha b’mod prominenti u attraenti f’“kaxxi” ddedikati, mingħajr ma kien suġġett għall-algoritmi ta’ aġġustament tagħha, filwaqt li, fl-istess ħin, is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri setgħu jidhru fuq dawn il-paġni biss fil-forma ta’ riżultati ta’ tiftix ġenerali, u qatt f’format arrikkit, filwaqt li kienu suġġetti għal li jiġu rrelegati fi ħdan il-klassifikazzjoni tar-riżultati ġeneriċi permezz ta’ dawn l-algoritmi ta’ aġġustament. B’dan il-mod Google kienet essenzjalment naqset it-traffiku provenjenti mill-paġni tagħha stess ta’ riżultati ġenerali lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri filwaqt li żiedet dan it-traffiku lejha stess.

Skont il-Kummissjoni, dawn il-prattiki kienu pproduċew effetti antikompetittivi potenzjali kemm fis-swieq nazzjonali tat-tiftix speċjalizzat għat-tqabbil tax-xiri kif ukoll fis-swieq nazzjonali tat-tiftix ġenerali fuq l-internet.

Filwaqt li għalhekk ikkonkludiet li kien hemm ksur, fit-tlettax il-pajjiż eżaminat, tal-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti prevista mill-Artikolu 102 TFUE u mill-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE, il-Kummissjoni imponiet fuq Google multa għal ammont ta’ EUR 2424495000, li minnu EUR 523518000in solidum ma’ Alphabet.

Il-Qorti Ġenerali essenzjalment ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Google u Alphabet kontra din id-deċiżjoni, billi vvalidat l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tas-suq tat-tiftix speċjalizzat għal tqabbil tax-xiri ( 2 ). Abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, minbarra dan, hija żammet il-multa kollha imposta mill-Kummissjoni.

Għalhekk Google u Alphabet ippreżentaw appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja intiż, prinċipalment, għall-annullament ta’ din is-sentenza kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti sostnew b’mod partikolari li, billi rrifjutat li tapplika għal din il-kawża l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bronner ( 3 ) dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kkostitwit minn rifjut ta’ aċċess għal faċilità essenzjali, il-Qorti Ġenerali kienet adottat kriterju ġuridiku żbaljat sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti minn Google.

Dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 102 TFUE jissanzjona l-aġir ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti li jirrestrinġi l-kompetizzjoni abbażi tal-mertu u li għalhekk jista’ jikkawża dannu dirett lill-impriżi individwali u lill-konsumaturi, jew li jipprekludi jew joħloq distorsjoni ta’ din il-kompetizzjoni u għalhekk jista’ jikkawżalhom dannu indirett. Dan l-aġir jinkludi dak li jostakola, b’mezzi li ma humiex il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, iż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’suq fejn il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef, preċiżament minħabba l-preżenza ta’ impriża waħda jew iktar f’pożizzjoni dominanti.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Bronner, li rifjut li jingħata aċċess għal infrastruttura żviluppata u miżmuma minn impriża dominanti għall-bżonnijiet tal-attivitajiet tagħha stess jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti bil-kundizzjoni mhux biss li dan ir-rifjut ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni min-naħa ta’ min jitlob l-aċċess u li ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat, iżda wkoll li l-infrastruttura nnifisha tkun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività tiegħu, fis-sens li ma tkun teżisti ebda sostituzzjoni reali jew potenzjali għal din l-infrastruttura. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-impożizzjoni ta’ din il-kundizzjoni kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża Bronner li kienu jikkonsistu f’rifjut minn impriża dominanti li tagħti aċċess lil kompetitur għal infrastruttura li hija kienet żviluppat għall-bżonnijiet tal-attività tagħha stess, bl-esklużjoni ta’ kull aġir ieħor. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li impriża dominanti kienet abbużat mill-pożizzjoni tagħha minħabba rifjut li tikkuntratta ma’ kompetitur għandha l-konsegwenza li din l-impriża tiġi sfurzata li tikkuntratta ma’ dan il-kompetitur. Issa, tali obbligu huwa partikolarment ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġi konkluż kuntratt u għad-dritt għall-proprjetà tal-impriża dominanti peress li, bħala prinċipju, tibqa’ libera li tirrifjuta li tikkuntratta u li topera l-infrastruttura li hija kienet żviluppat għall-bżonnijiet tagħha stess.

Min-naħa l-oħra, din il-kawża kienet differenti mill-kawża Bronner sa fejn Google, minn jeddha, tat lill-kompetituri tagħha aċċess għall-infrastruttura tagħha stess, jiġifieri s-servizz tagħha ta’ tiftix ġenerali u għall-paġni tar-riżultati ġenerali. Minn dan isegwi li l-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti mwettaq minn Google minħabba kundizzjonijiet inġusti tal-aċċess għal din l-infrastruttura ma setax tagħti lok għal miżuri daqstant ta’ preġudizzju għal-libertà tagħha stess ta’ kontrattazzjoni u għad-dritt għall-proprjetà tagħha bħal dawk inkwistjoni fil-kawża Bronner.

Fid-dawl ta’ din il-preċiżazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta impriża dominanti bħal Google tagħti aċċess għall-infrastruttura tagħha istess iżda tissuġġetta dan l-aċċess għal kundizzjonijiet inġusti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner ma japplikawx.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tevalwa jekk il-prattiki allegati fil-konfront ta’ Google kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Bronner għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża filwaqt li ma kinitx identifikat aġir li kien jitbiegħed mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

L-appellanti kkritikaw b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali li kienet ikkonfermat li tliet ċirkustanzi speċifiċi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk Google kinitx tikkompeti abbażi tal-mertu. Dawn kienu, l-ewwel nett, l-importanza tat-traffiku ddevjat mill-mutur ta’ tfittxija ġenerali ta’ Google għas-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, it-tieni nett, l-aġir tal-utenti li jwettqu tiftix fuq l-internet u, it-tielet nett, il-fatt li t-traffiku ddevjat li rriżulta mill-paġni tar-riżultati ġenerali ta’ Google kien jinkludi proporzjon kbir ta’ traffiku lejn is-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri u ma setax jiġi essenzjalment issostitwit minn sorsi oħra.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li dan l-argument kien ġie invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, billi rrilevat li dan kien jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li dan l-argument, barra minn hekk, inħoloq mis-sentenza appellata nnifisha.

Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 102 TFUE jikkundanna mhux l-eżistenza stess ta’ pożizzjoni dominanti, iżda biss l-abbuż tagħha. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża la li tipprekludi l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti u lanqas li tiżgura ż-żamma ta’ impriżi inqas effiċjenti fis-suq. Għall-kuntrarju, il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu tista’, mid-definizzjoni tagħha stess, twassal għall-għajbien jew għall-marġinalizzazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

Sabiex jiġi kkonstatat l-“abbuż minn pożizzjoni dominanti” fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa neċessarju, bħala regola ġenerali, li jintwera li, permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu, l-aġir inkwistjoni jkollu l-effett attwali jew potenzjali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq jew fis-swieq ikkonċernati, li jistgħu jkunu kemm dawk fejn il-pożizzjoni dominanti tinżamm kif ukoll swieq konnessi jew relatati.

Din il-prova tista’ timplika li jsir l-użu ta’ tabelli ta’ analiżi differenti skont il-każ. Madankollu hija għandha dejjem tieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha, bħal dawk li jikkonċernaw dan l-aġir stess, is-suq jew is-swieq inkwistjoni jew il-funzjonament tal-kompetizzjoni fuqu jew fuqhom. F’dan is-sens, “abbuż minn pożizzjoni dominanti” jista’ jirriżulta mhux biss minn aġir li jista’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni, iżda wkoll minn aġir li jkollu kemm bħala effett attwali jew potenzjali, kemm bħala għan, li jipprekludi l-aċċess għas-suq ta’ kompetituri potenzjali, billi jagħmel użu minn miżuri ta’ esklużjoni jew minn mezzi oħra differenti minn dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

Minn dan jirriżulta li ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk impriża f’pożizzjoni dominanti tabbużax minn din il-pożizzjoni jinkludu dawk li jirrigwardaw mhux biss l-aġir stess, iżda wkoll is-suq jew is-swieq inkwistjoni jew il-funzjonament tal-kompetizzjoni fuqu jew fuqhom. Għalhekk, ċirkustanzi dwar il-kuntest li fih l-aġir ta’ din l-impriża jiġi implimentat, bħal karatteristiċi tas-settur ikkonċernat, għandhom jitqiesu li huma rilevanti sabiex jiġi kkonstatat l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-tliet ċirkustanzi speċifiċi invokati fid-deċiżjoni kontenzjuża kienu jikkostitwixxu elementi tal-kuntest li fih kienu jiffunzjonaw il-mutur ta’ tfittxija ġenerali ta’ Google u s-servizzi ta’ tqabbil tax-xiri, u li fil-qafas tiegħu kien ġie implimentat l-aġir inkwistjoni. Peress li dawn kienu jippermettu li l-prattiki ta’ Google jitqiegħdu fil-kuntest taż-żewġt iswieq ikkonċernati u tal-funzjonament tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq, dawn iċ-ċirkustanzi kienu rilevanti sabiex tiġi ċċarata l-konformità tal-imsemmija prattiki mal-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni stabbilita minn Google bejn is-servizz tagħha stess ta’ tqabbil tax-xiri u s-servizzi kompetituri ta’ tqabbil tax-xiri fuq il-paġni ta’ tiftix ġenerali tagħha, mingħajr ma stabbilixxiet differenza fit-trattament arbitrarja.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ċertament ma setax jitqies, b’mod ġenerali, li impriża dominanti li tapplika għall-prodotti tagħha stess jew għas-servizzi tagħha stess trattament iktar favorevoli minn dak li hija tagħti lil dawk tal-kompetituri tagħha tadotta, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-każ, aġir li jitbiegħed mill-kompetizzjoni abbażi tal-mertu. Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet ġustament stabbilixxiet li, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq upstream u taċ-ċirkustanzi speċifiċi msemmija iktar ’il fuq, l-aġir ta’ Google kien diskriminatorju u ma kienx jaqa’ taħt il-kompetizzjoni abbażi tal-mertu.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-Qorti Ġenerali la qalbet l-oneru tal-prova u lanqas ma eskludiet in-natura utli ta’ analiżi kontrofattwali billi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq tali analiżi għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn il-prattiki inkwistjoni u l-effetti reali jew potenzjali tagħhom, filwaqt li rrilevat, min-naħa l-oħra, li Google setgħet tinvoka analiżi kontrofattwali sabiex tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan il-punt. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss, ġustament, li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ elementi probatorji, mingħajr ma jkollha għalfejn tirrikorri sistematikament għal għodda waħda, sabiex tistabbilixxi rabta kawżali bejn il-prattiki eżaminati u l-effetti antikompetittivi tagħhom fis-suq.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti antikompetittivi tal-prattiki allegati fil-konfront ta’ Google, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina jekk dawn il-prattiki setgħux jeskludu kompetituri daqstant effiċjenti bħal Google.

Fil-fatt, għalkemm l-għan tal-Artikolu 102 TFUE ma huwiex li jiġi żgurat li kompetituri inqas effiċjenti mill-impriża li għandha pożizzjoni dominanti jibqgħu fis-suq, minn dan ma jirriżultax li kull konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għall-prova li l-aġir ikkonċernat jista’ jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti.

Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali indikat, mingħajr ma din il-konstatazzjoni ġiet invalidata mill-appellanti, li ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tikseb riżultati oġġettivi u affidabbli dwar l-effiċjenza tal-kompetituri ta’ Google fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq inkwistjoni. Għaldaqstant, hija kienet ġustament iddeċidiet, minn naħa, li t-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti ma kienx ta’ natura imperattiva fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u, min-naħa l-oħra, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan it-test ma kienx rilevanti.

Peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell kollu kemm hu.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 4444 final tas‑27 ta’ Ġunju 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39740 – Mutur ta’ tfittxija Google (Shopping)) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

( 2 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google Shopping) (T‑612/17, EU:T:2021:763, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 3 ) Sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569).

Top