This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62024CJ0318
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
P.P.R.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet dwar l-assenza ta’ prova tal-ġurament tal-imħallfin – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Effetti ta’ dan ir-rifjut għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C-318/24 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024.
P.P.R.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet dwar l-assenza ta’ prova tal-ġurament tal-imħallfin – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Effetti ta’ dan ir-rifjut għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C-318/24 PPU.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:658
Kawża C-318/24 PPU [Breian] ( i )
P.P.R.
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Brașov)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Lulju 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ Arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Konsenja ta’ persuni rikjesti lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet dwar l-assenza ta’ prova tal-ġurament tal-imħallfin – Projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Effetti ta’ dan ir-rifjut għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi ta’ Stat Membru ieħor”
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Domandi li jirrigwardaw l-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, magħmula mill-awtorità ġudizzjarja emittenti – Domandi ammissibbli
(Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)
(ara l-punti 30 sa 32)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ din is-setgħa – Riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq – Verifika mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Portata – Konsegwenzi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))
(ara l-punti 37, 38, 76 sa 82)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest motivat bir-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq – Effetti tad-deċiżjoni ta’ rifjut – Effetti għall-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ Stati Membri oħra – Obbligu li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest – Assenza – Obbligu, għal kull awtorità ta’ eżekuzzjoni, li tivverifika l-eżistenza ta’ raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3), il‑punt 2 tal-Artikolu 3, Artikolu 15(1))
(ara l-punti 39 sa 46, u 55, u d-dispożittiv 1)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest motivat mir-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq – Effetti tad-deċiżjoni ta’ rifjut – Effetti għall-awtorità emittenti – Possibbiltà għall-awtorità emittenti li żżomm dan il-mandat ta’ arrest – Kundizzjonijiet
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))
(ara l-punti 47 sa 49, 52 sa 55, u d-dispożittiv 1)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Evalwazzjoni tar-riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq – Tħassir ta’ avviż ta’ tfittxija internazzjonali tal-persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew – Ċirkustanza li ma tiġġustifikax, waħedha, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest – Ċirkustanza li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))
(ara l-punti 59 sa 61, u d-dispożittiv 2)
Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Domandi ta’ interpretazzjoni – Obbligu ta’ rinviju – Portata – Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew – Awtorità ġudizzjarja emittenti tal-imsemmi mandat li għandha tagħti deċiżjoni dwar iż-żamma jew l-irtirar ta’ dan il-mandat – Assenza ta’ obbligu ta’ rinviju – Kundizzjoni – Deċiżjoni ta’ din l-awtorità li hija suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern
(Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)
(ara l-punti 65 sa 69, u d-dispożittiv 3)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati li jikkonċernaw l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti – Nuqqasijiet li jirrigwardaw il-proċedura ta’ ħatra tal-membri ta’ din is-setgħa – Inċertezzi dwar ir-regolarità tal-ġurament tal-Imħallfin tal-kulleġġ ġudikanti – Ċirkustanzi li ma jiġġustifikawx, waħedhom, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))
(ara l-punti 84 sa 88, u d-dispożittiv 4)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ kooperazzjoni leali – Dritt tal-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li tipparteċipa, bħala parti, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Assenza
(Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 15 u 19)
(ara l-punti 90, 93, 95, 96, u d-dispożittiv 5)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Konsegwenzi tal-konstatazzjoni tar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti tal-persuna li tkun is-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikolu 1(3))
(ara l-punti 101, 102)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Konsenja ta’ persuni kkundannati jew taħt suspett lill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti – Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet u tal-prinċipji ġuridiċi fundamentali – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti – Riskju ta’ trattament inuman jew degradanti – Verifika mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni – Portata – Obbligu li tintalab informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ġudizzjarja emittenti dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni – Assenza ta’ possibbiltà li tintalab l-applikazzjoni ta’ standard ogħla fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni minn dak iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, Artikoli 1(3) u 15(2) u (3))
(ara l-punti 103 sa 112, 114 sa 117, 119 sa 122, u d-dispożittiv 6)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Curtea de Apel Brasov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-kuntest ta’ kawża b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, il-ġurisprudenza tagħha dwar ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE) relatat mar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata fil-każ tal-konsenja tagħha lill-awtoritajiet Rumeni.
Fis-17 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov ħarġet MAE kontra P.P.R., bl-għan li tiġi eżegwita piena ta’ priġunerija. Minkejja li ġie arrestat fi Franza fl-2022, P.P.R. ma ġiex ikkonsenjat lill-awtoritajiet Rumeni. Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Novembru 2023, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) irrifjutat l-eżekuzzjoni tal-MAE minħabba l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq quddiem qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi ( 1 ). Skont dik il-qorti, kienu jeżistu nuqqasijiet sistemiċi u ġeneralizzati li kienu jaffettwaw il-poter ġudizzjarju fir-Rumanija sa fejn il-post taż-żamma tal-proċessi verbali tal-ġurament tal-imħallfin kien inċert, ħaġa li kienet tqajjem dubju dwar il-kompożizzjoni regolari tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-proċess verbal ta’ teħid ta’ ġurament ta’ mħallef tal-kulleġġ ġudikanti li impona l-piena ta’ priġunerija ma kienx jinstab filwaqt li mħallef ieħor tal-istess kulleġġ kien ħa biss ġurament meta nħatar bħala prosekutur. Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appelli tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-fajls tal-Interpol (CCF), l-avviż ta’ tfittxija internazzjonali li kien jirrigwarda lil P.P.R. tħassar mid-database tal-Interpol għar-raġuni li d-data li kienet tikkonċernah ma kinitx konformi mar-regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data personali. Dan wera l-eżistenza ta’ tħassib serju, b’mod partikolari, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali matul il-proċedura li P.P.R. kien is-suġġett tagħha fir-Rumanija.
Fid-29 ta’ April 2024, P.P.R. ġie arrestat f’Malta bis-saħħa tal-MAE maħruġ kontrih. Fl-istess jum, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni Maltija talbet lill-qorti tar-rinviju informazzjoni addizzjonali, filwaqt li ppreċiżat li P.P.R. kien invoka s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tad-29 ta’ Novembru 2023.
Sussegwentement, fl-20 ta’ Mejju 2024, il-qorti Maltija ddeċidiet li ma tikkonsenjax lil P.P.R. lill-awtoritajiet Rumeni, peress li qieset li l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fir-Rumanija li hija kellha ma kinitx tippermettilha tikkonkludi li l-projbizzjoni ta’ pieni jew ta’ trattamenti inumani u degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, kienet ser tiġi osservata jekk P.P.R. kellu jiġi kkonsenjat lil dawn l-awtoritajiet.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari li kienu jirrigwardaw essenzjalment: l-ewwel nett, fuq l-effetti prodotti, għal awtoritajiet oħra ta’ eżekuzzjoni u għall-awtorità emittenti, minn deċiżjoni ta’ awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE; sussegwentement, fuq ir-raġunijiet li fuqhom huma kienu bbażati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni Franċiża u Maltija li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni tal-MAE maħruġa mill-awtorità emittenti; fl-aħħar nett, fuq l-obbligu tagħha stess li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara tali rifjut kif ukoll fuq id-dritt tagħha li tipparteċipa fil-proċedura quddiem l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-MAE.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-effetti ta’ deċiżjoni li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE għal awtoritajiet oħra ta’ eżekuzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-deċiżjoni qafas dwar il-MAE ( 2 ) ma tipprevedix il-possibbiltà jew l-obbligu, għal awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru, li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE għas-sempliċi raġuni li l-eżekuzzjoni tagħha tkun ġiet irrifjutata mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr ma twettaq hija stess il-verifika tal-eżistenza ta’ raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha. Għalhekk, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ma hijiex obbligata tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun preċedentement irrifjutat li teżegwixxih għar-raġuni li l-konsenja tal-persuna kkonċernata tirriskja li tippreġudika d-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tagħha stess tal-eżistenza ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut adottata mill-ewwel awtorità ta’ eżekuzzjoni.
Fir-rigward tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni għall-awtorità emittenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma teskludix il-possibbiltà, għal din l-awtorità, li żżomm it-talba tagħha għal konsenja abbażi ta’ MAE minkejja r-rifjut li dan jiġi eżegwit. Issa, għalkemm l-awtorità emittenti ma hijiex marbuta, wara tali rifjut, li tirtira l-MAE tagħha, deċiżjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tagħha għandha, xorta waħda, tindirizzaha għall-viġilanza. Hija ma tistax, speċjalment fl-assenza ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi, iżżomm MAE meta awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun leġittimament irrifjutat ( 3 ) li teżegwixxih minħabba riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali riskju, b’mod partikolari wara bidla fiċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat li teżegwixxi l-imsemmi MAE ma jistax jostakola lill-awtorità ġudizzjarja emittenti milli żżommu. Barra minn hekk, hija din l-awtorità li għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ, iż-żamma tal-MAE tkunx ta’ natura proporzjonata.
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni Franċiża u Maltija li jirrifjutaw l-eżekuzzjoni tal-MAE inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, l-ewwel nett, li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq minħabba nuqqasijiet sistemiċi jew ġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tibbaża l-eżami tagħha kemm fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati dwar il-funzjonament ta’ din is-sistema kif ukoll fuq analiżi konkreta u preċiża tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna rikjesta. Għaldaqstant, deċiżjoni taċ-CCF dwar is-sitwazzjoni tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ MAE ( 4 ) ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE. Madankollu, tali deċiżjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE.
It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-MAE billi tibbaża ruħha fuq ir-raġuni li l-verbal tal-eżekuzzjoni ta’ ġurament ta’ mħallef li jkun impona din il-piena ma jinstabx jew fuq il-fatt li mħallef ieħor tal-istess kulleġġ ikun ħa biss ġurament meta nħatar bħala prosekutur. Fil-fatt, kull irregolarità li sseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef, jew fl-okkażjoni tad-dħul tiegħu fil-kariga, ma hijiex ta’ natura li tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar il-kwalità ta’ “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ta’ kulleġġ ġudikanti li fih ikun jinsab. B’mod partikolari, ma jistax jikkostitwixxi nuqqas sistemiku jew ġeneralizzat fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura l-fatt li d-dritt intern ta’ Stat Membru jipprevedi, eventwalment, li prosekutur, li jkun ħa l-ġurament mad-dħul tiegħu fil-kariga, ma jkollux, fil-ħatra sussegwenti tiegħu fil-funzjonijiet ta’ mħallef, jieħu ġurament għal darba oħra. Barra minn hekk, inċertezza dwar il-post fejn jinżammu l-proċessi verbali tal-ġurament tal-imħallfin ta’ Stat Membru jew l-impossibbiltà li dawn il-proċessi verbali jiġu llokalizzati, b’mod partikolari jekk ikunu għaddew diversi snin minn meta jkun ingħata l-ġurament tal-imħallef ikkonċernat, ma jistgħux, fihom infushom u fin-nuqqas ta’ indizji rilevanti oħra, juru li l-imħallfin ikkonċernati jkunu qiegħdin eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mingħajr ma ħadu l-ġurament meħtieġ. Fi kwalunkwe każ, inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-qrati ta’ Stat Membru jkunux, qabel id-dħul fil-kariga tagħhom, ħadu l-ġurament previst mid-dritt intern ma tistax titqies li tikkostitwixxi nuqqas sistematiku jew ġeneralizzat fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura f’dan l-Istat Membru, jekk id-dritt intern jipprevedi rimedji legali effikaċi li jippermettu li tiġi invokata eventwali ommissjoni ta’ teħid ta’ ġurament mill-qrati li jkunu taw sentenza partikolari u li b’hekk jinkiseb l-annullament ta’ din is-sentenza. Kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tivverifika jekk tali rimedji legali jeżistux fid-dritt Rumen.
It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE billi tibbaża ruħha fuq elementi li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fi ħdan l-istabbilimenti penitenzjarji tal-Istat Membru emittenti li hija stess ġabret u li fir-rigward tagħhom hija ma tkunx talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità ġudizzjarja emittenti. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tapplika standard ogħla fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni minn dak iggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, is-sempliċi assenza ta’ stabbiliment ta’ “pjan preċiż għall-eżekuzzjoni tal-piena” jew ta’ “kriterji preċiżi sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari” ma taqax taħt il-kunċett ta’ “trattament inuman jew degradanti”, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.
Jekk jitqies li l-istabbiliment ta’ tali pjan jew ta’ tali kriterji huwa meħtieġ fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, l-Istati Membri jistgħu jkunu marbuta jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li ma jkunx possibbli għalihom, b’mod partikolari, li jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta għas-sempliċi raġuni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx ikkomunikatilha “pjan preċiż tal-eżekuzzjoni tal-piena” jew “kriterji preċiżi sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ eżekuzzjoni partikolari”.
Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-obbligi u tad-drittijiet tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, minn naħa, li din l-awtorità ma kinitx marbuta tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari qabel ma tiddeċiedi, fid-dawl tar-raġunijiet li wasslu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE, li tirtirah jew li żżommu, sakemm id-deċiżjoni li hija jkollha tieħu ma tkunx suġġetta għal rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern, f’liema każ hija tkun, bħala prinċipju, marbuta tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija tista’ tinħeles minn dan l-obbligu biss meta tkun ikkonstatat li l-kwistjoni mqajma ma tkunx rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkun tant evidenti li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ MAE ma għandhiex id-dritt li tipparteċipa, bħala parti, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. Fil-fatt, tali parteċipazzjoni ma hijiex indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ kooperazzjoni leali li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-MAE.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 1 ) Dan id-dritt huwa stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem il-“Karta”).
( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).
( 3 ) Skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jipprovdi: “Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” »
( 4 ) F’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni tagħha, iċ-CCF ordnat it-tħassir tal-avviż ta’ tfittxija internazzjonali li kien jikkonċerna lil P.P.R., minħabba ksur tar-regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data personali.