This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0185
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2024.
protectus s.r.o., anciennement BONUL, s.r.o. vs Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2013/488/UE – Informazzjoni kklassifikata – Approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) – Irtirar tal-approvazzjoni – Nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni klassifikata li fuqha huwa bbażat l-irtirar – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aċċess għall-proċess – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-185/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-29 ta’ Lulju 2024.
protectus s.r.o., anciennement BONUL, s.r.o. vs Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2013/488/UE – Informazzjoni kklassifikata – Approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) – Irtirar tal-approvazzjoni – Nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni klassifikata li fuqha huwa bbażat l-irtirar – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aċċess għall-proċess – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
Kawża C-185/23.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:657
Kawża C‑185/23
protectus s.r.o., li kienet BONUL s.r.o.
vs
Výbor Národnej rady Slovenskej republiky na preskúmavanie rozhodnutí Národného bezpečnostného úradu
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑29 ta’ Lulju 2024
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2013/488/UE – Informazzjoni kklassifikata – Approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità (ASF) – Irtirar tal-approvazzjoni – Nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni klassifikata li fuqha huwa bbażat l-irtirar – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aċċess għall-proċess – Prinċipju ta’ kontradittorju – Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”
Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Kamp ta’ applikazzjoni – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Deċiżjoni li tirtira ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tagħti aċċess għal informazzjoni klassifikata minn Stat Membru – Stħarriġ, minn qorti nazzjonali, tal-legalità ta’ tali deċiżjoni – Att ikkonċernat li ma jikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488, Artikolu 1(1))
(ara l-punti 44 sa 47, 68 u d-dispożittiv 1)
Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Kamp ta’ applikazzjoni – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Irtirar ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tagħti aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru – Deċiżjoni li tirtira, skont id-Deċiżjoni 2013/488, bħala konsegwenza tal-irtirar ta’ tali ċertifikazzjoni, ċertifikat tas-sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata tal-Unjoni Ewropea – Stħarriġ, minn qorti nazzjonali, tal-legalità ta’ tali deċiżjoni – Att ikkonċernat li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488, Artikoli 11(5) u 15(3)(c), u Anness V)
(ara l-punti 48, 49, 54 sa 57, 59, 60, 62 sa 68, u d-dispożittiv 1)
Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Deċiżjoni li tirtira approvazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà għal faċilità skont it-tifsira tad-Deċiżjoni 2013/488 li ma tindikax informazzjoni klassifikata li tiġġustifika dan l-irtirar – Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali – Leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li tippermetti lill-qorti inkarigata mill-istħarriġ tal-legalità ta’ tali rtirar taċċedi għal din l-informazzjoni – Aċċess ikkundizzjonat għal din l-informazzjoni mogħti lill-avukat tal-ex detentur ta’ din l-approvazzjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488, Artikolu 11(5) u Anness V)
(ara l-punti 72 sa 92, 102 u d-dispożittiv 2)
Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal rimedju effettiv – Deċiżjoni li tirtira approvazzjoni nazzjonali ta’ sigurtà għal faċilità fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488 li ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li tiġġustifika dan l-irtirar – Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni għall-motivi marbutin mal-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali – Leġislazzjoni u prassi nazzjonali li jippermettu lill-qorti responsabbli tal-istħarriġ tal-legalità ta’ tali rtirar li taċċedi għal din l-informazzjoni – Aċċess inkundizzjonat għal din l-informazzjoni mogħti lill-avukat tal-ex detentur ta’ din l-approvazzjoni – Ipoteżi ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà mal-Artikolu 47 tal-Karta – Obbligu, għall-qorti nazzjonali kompetenti, li tikkomunika hija stess lil ex detentur tal-approvazzjoni ta’ ċerti informazzjoni kklassifikata – Assenza – Obbligu li jaqa’, jekk ikun il-każ, fuq l-awtorità nazzjonali kompetenti – Sistema applikabbli għall-istħarriġ, imwettaq minn dik il-qorti, tal-legalità tal-irtirar ta’ din l-approvazzjoni, fil-każ ta’ rifjut minn dik l-awtorità li tawtorizza tali komunikazzjoni
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488)
(ara l-punti 99 sa 102, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari min-Najvyšší správny súd Slovenskej republiky (il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Slovakka) fil-kuntest ta’ kawża li kienet tirrigwarda l-irtirar ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà għal faċilità bbażata fuq informazzjoni kklassifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, għamlet preċiżazzjonijiet dwar l-ibbilanċjar li għandu jitwettaq bejn id-dritt għal rimedju effettiv u l-interessi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni kklassifikata.
F’Settembru 2018, l-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali tas-Slovakkja (iktar ’il quddiem l-“USN”) ħareġ lil protectus s. r. o. ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li permezz tagħha, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, hija ġiet awtorizzata taċċedi għal informazzjoni kklassifikata skont id-dritt nazzjonali. F’Novembru 2018, l-USN ħarġilha wkoll ċertifikat tas-sigurtà industrijali għal-livell “SECRET UE/EU SECRET”. Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, hija ġiet awtorizzata taċċedi għal informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“IKUE”).
Sussegwentement, l-USN sar jaf b’informazzjoni mhux ikklassifikata li kienet tindika, b’mod partikolari, li protectus jew il-ġestjonarji tagħha kienu s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali, li hija kienet ikkonkludiet kuntratti ma’ kumpanniji suġġetti għal tali investigazzjoni u li kien hemm suspetti li r-rikorrenti u kumpannija oħra, imqiegħda taħt kontroll komuni, kienu wieġbu għall-istess sejħiet għal offerti. L-USN kiseb ukoll informazzjoni oħra, li ġiet ikklassifikata bħala “provi bil-miktub ikklassifikati”.
L-USN ippermetta lil protectus tesprimi l-fehmiet tagħha dwar l-informazzjoni mhux ikklassifikata għad-dispożizzjoni tiegħu. Permezz ta’ deċiżjoni adottata f’Awwissu 2020, ibbażata, parzjalment, fuq informazzjoni kklassifikata, dan il-korp, minn naħa, annulla ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali tar-rikorrenti minħabba li kien ġie stabbilit riskju ta’ sigurtà li jikkonċernaha u, min-naħa l-oħra, b’konsegwenza tal-annullament ta’ din iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, annulla ċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali tar-rikorrenti.
Permezz ta’ deċiżjoni tal-kumitat tal-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-USN adottata f’Novembru 2020, ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra din id-deċiżjoni tal-USN ġie miċħud. F’Settembru 2022, l-USN bagħat lill-qorti tar-rinviju, adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-imsemmi kumitat, il-proċess kollu, inklużi l-provi bil-miktub ikklassifikati.
F’Ottubru 2022, il-President tal-awla adita bir-rikors tar-rikorrenti l-ewwel eskluda mill-konsultazzjoni il-partijiet ikklassifikati tal-proċess u mbagħad ċaħad it-talba tal-avukat tar-rikorrenti li jikkonsulta l-provi bil-miktub ikklassifikati, filwaqt li talab lill-USN jeżamina tali possibbiltà ta’ komunikazzjoni. F’Novembru 2022, dan il-korp awtorizza l-komunikazzjoni ta’ żewġ provi bil-miktub ikklassifikati, filwaqt li rrifjuta li jikkomunika l-provi bil-miktub ikklassifikati l-oħra inkwistjoni, minħabba li dan kien ser iwassal għall-iżvelar ta’ sorsi ta’ informazzjoni.
F’Jannar 2023, filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-avukat tar-rikorrenti talab mill-ġdid li jkun jista’ jikkonsulta l-provi kollha bil-miktub.
F’dan il-kuntest, minn naħa, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikabbiltà tal-Karta għat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, hija rrilevat b’mod partikolari li d-Deċiżjoni 2013/488 dwar il-protezzjoni tal-IKUE ( 1 ) timponi ċerti obbligi konkreti fuq l-Istati Membri fil-qasam tal-awtorizzazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom il-kapaċità ġuridika li jikkonkludu kuntratti, li seta’ jimplika li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Karta kienet applikabbli għat-tilwima, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża sa fejn il-leġiżlazzjoni u l-prassi Slovakki dwar l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi li jikkontestaw l-annullament ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ ċertifikati ta’ sigurtà industrijali kienu kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat qabelxejn l-applikabbiltà tagħha għall-irtirar ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru. Hija rrilevat f’dan ir-rigward li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tiegħu, att li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri sabiex jawtorizzaw l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata skont leġiżlazzjonijiet nazzjonali. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 2013/488, li għaliha għamlet riferiment il-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-IKUE, ma tinkludix dispożizzjonijiet li jirregolaw tali aċċess. Għaldaqstant, ma kienx jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tirregola l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ sigurtà industrijali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha l-għan jew l-effett li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ sigurtà industrijali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jimplika implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Karta.
Sussegwentement, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Karta għall-irtirar ta’ ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni adottaw atti speċifiċi intiżi li jirregolaw il-protezzjoni ta’ tali informazzjoni fil-kuntest tal-funzjonament tagħhom. B’mod partikolari, fid-dawl tar-regoli stabbiliti mid-Deċiżjoni 2013/488 li jimponu obbligi fuq l-Istati Membri ( 2 ), il-miżuri li huma jadottaw sabiex jiżguraw is-sigurtà industrijali, billi jirregolaw l-aċċess għall-IKUE marbuta ma’ kuntratti konklużi mill-Kunsill permezz tal-ħruġ u l-kontroll tal-approvazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali għal faċilità (ASF), għandhom jitqiesu li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. L-irtirar, minn awtorità nazzjonali, ta’ ASF fis-sens ta’ din id-deċiżjoni jimplika b’mod partikolari tali implimentazzjoni. Fil-fatt, tali rtirar idaħħal inkwistjoni approvazzjoni li l-ħruġ tagħha u, tal-inqas parzjalment, l-effetti tagħha huma previsti mid-Deċiżjoni 2013/488 ( 3 ).
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istħarriġ, minn qorti nazzjonali, tal-legalità ta’ deċiżjoni li tirtira ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni kklassifikata minn Stat Membru ma jkollux bħala suġġett att li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għall-kuntrarju, l-istħarriġ, minn tali qorti, tal-legalità ta’ deċiżjoni li tirrigwarda, bħala konsegwenza tal-irtirar ta’ din iċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà industrijali, l-irtirar ta’ ċertifikat ta’ sigurtà industrijali li jawtorizza l-aċċess għal IKUE, skont l-Artikolu 11 u l-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488, ikollu bħala suġġett att li jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni u ta’ prassi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 47 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat qabelxejn jekk is-sitwazzjoni kkonċernata kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija enfasizzat f’dan ir-rigward li mill-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488 jirriżulta li l-aċċess għal IKUE minn operatur ekonomiku għall-finijiet tal-konklużjoni jew tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikklassifikat tal-Kunsill huwa suġġett għaż-żamma ta’ ASF. Il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet ukoll is-sistema applikabbli, skont din id-deċiżjoni, għall-parteċipazzjoni tal-kuntratturi f’kuntratti klassifikati li jeħtieġu l-aċċess għal IKUE fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom, fl-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jew matul il-fażi prekuntrattwali, li tippreżumi l-pussess ta’ ASF. Għalhekk, l-irtirar ta’ ASF għandu l-konsegwenza li l-operatur ekonomiku kkonċernat jitlef l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għal IKUE għall-finijiet tal-konklużjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ikklassifikat. Għaldaqstant, tali rtirar jimplika b’mod partikolari li dan jiġi mċaħħad mill-possibbiltà, li kellu qabel dan l-irtirar, li jipparteċipa fil-fażi prekuntrattwali relatata ma’ kuntratt ikklassifikat tal-Kunsill u li jingħata tali kuntratt minn din l-istituzzjoni jekk l-offerta tiegħu tintgħażel. Konsegwentement, tali operatur ekonomiku għandu jkollu, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, rimedju effettiv sabiex jikkontesta l-irtirar tal-ASF tiegħu.
Sussegwentement, fir-rigward tal-garanziji minimi li tali rimedju għandu jissodisfa, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’sitwazzjoni fejn l-irtirar ta’ ASF ikun ibbażat esklużivament fuq l-irtirar ta’ approvazzjoni ta’ sigurtà oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-irtirar ta’ din l-ASF jista’ jkun effettiv biss sa fejn l-ex detentur tal-imsemmija ASF jista’ jkollu aċċess għar-raġunijiet li jkunu ġġustifikaw l-irtirar ta’ din l-awtorizzazzjoni l-oħra. Għalkemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu b’mod partikolari l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni lill-ex detentur ta’ ASF tal-informazzjoni li fuqha kien ibbażat l-irtirar tagħha, hija madankollu l-qorti nazzjonali kompetenti li għandha timplimenta, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, tekniki li jippermettu li jiġu rrikonċiljati dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi u n-neċessità li l-parti fil-kawża tiġi ggarantita r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju.
Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju effettiv kemm tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat sabiex tirrifjuta li tiżvela l-informazzjoni kollha jew parti minnha li fuqha jkun bbażat l-irtirar tal-ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, kif ukoll tal-legalità ta’ dan l-irtirar. Il-qorti kompetenti għandha, f’dan il-kuntest, tkun tista’ tieħu konjizzjoni ta’ din l-informazzjoni kollha.
Fir-rigward tar-rekwiżiti li għandu jissodisfa l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżistenza u tal-fondatezza tar-raġunijiet invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, qorti għandha tkun inkarigata li twettaq eżami indipendenti tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha invokati mill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tevalwa jekk kunsiderazzjonijiet imperattivi jipprekludux effettivament il-komunikazzjoni totali jew parzjali tar-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat l-irtirar inkwistjoni u tal-provi relatati magħhom. Jekk din il-qorti tikkonkludi li s-sigurtà tal-Istat ma tipprekludix il-komunikazzjoni, għall-inqas parzjali, ta’ tali raġunijiet jew provi, hija għandha tagħti lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li tikkomunika lill-persuna kkonċernata r-raġunijiet u l-provi nieqsa. Jekk din l-awtorità ma tawtorizzax il-komunikazzjoni tagħhom, l-imsemmija qorti għandha teżamina l-legalità ta’ dan l-irtirar abbażi biss tar-raġunijiet u tal-provi kkomunikati. Għall-kuntrarju, jekk jirriżulta li kunsiderazzjonijiet imperattivi jipprekludu effettivament il-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ tali raġunijiet jew provi, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ dan l-irtirar għandu jsir fil-kuntest ta’ proċedura li tibbilanċja r-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn il-kunsiderazzjonijiet imperattivi u dawk tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari d-dritt għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Fi kwalunkwe każ, is-sustanza tar-raġunijiet li fuqhom ikun ibbażat l-imsemmi rtirar għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata.
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, minn naħa, li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jipprekludix leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħhom deċiżjoni ta’ rtirar ta’ ASF, fis-sens tad-Deċiżjoni 2013/488, ma tindikax l-informazzjoni kklassifikata li tiġġustifika dan l-irtirar, minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu pereżempju l-protezzjoni tas-sigurtà tal-Istat jew tar-relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tipprevedi li l-qorti kompetenti sabiex tevalwa l-legalità tal-imsemmi rtirar għandha jkollha aċċess għal din l-informazzjoni u li l-avukat tal-ex detentur ta’ din l-ASF jista’ jkollu aċċess għall-imsemmija informazzjoni biss bil-kunsens tal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u bil-kundizzjoni li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tagħha. Madankollu, din il-qorti għandha tiżgura li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni jkun limitat għal dak li jkun strettament neċessarju u li tiġi kkomunikata lill-ex detentur tal-imsemmija ASF, fi kwalunkwe każ, is-sustanza tar-raġunijiet tal-istess irtirar b’mod li tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-kunfidenzjalità neċessarja tal-provi.
Min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludi tali leġiżlazzjoni u tali prassi, ma huwiex meħtieġ li l-qorti nazzjonali kompetenti tikkomunika hija stess lill-ex detentur tal-ASF, jekk ikun il-każ permezz tal-avukat tiegħu, ċerta informazzjoni kklassifikata meta l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lil dan l-ex detentur jew lill-avukat tiegħu ma tidhirx iġġustifikata. Huwa f’idejn l-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħmel dan, jekk ikun meħtieġ. Jekk hija ma tawtorizzax din il-komunikazzjoni, din il-qorti għandha teżamina l-legalità tal-irtirar ta’ din l-ASF abbażi biss tar-raġunijiet u tal-provi li jkunu ġew ikkomunikati.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU 2013, L 274, p. 1).
( 2 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment b’mod partikolari għall-Artikolu 1(2), għall-Artikolu 11(2), (5) u (7), għall-Artikolu 15(3)(c), għall-Artikolu 16(3)(a)(i) u għall-Anness V tad-Deċiżjoni 2013/488.
( 3 ) B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-ħruġ ta’ din l-approvazzjoni huwa previst mill-Artikolu 11(5) tal-imsemmija deċiżjoni, moqri flimkien mal-punt 8 tal-Anness V tagħha, fejn l-effetti tagħha huma ddefiniti, parzjalment, b’mod partikolari fl-Artikolu 11(5) kif ukoll fil-punt 11 tal-Anness V tal-istess deċiżjoni.