Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62023CJ0040

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2024.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Liġi li tipprojbixxi l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku – Għeluq bikri ta’ impjant tal-enerġija bil-faħam – Għoti ta’ kumpens – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżura kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat – Eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Kawża C-40/23 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:492

Kawża C‑40/23 P

Il‑Kummissjoni Ewropea

vs

Ir‑Renju tal‑Pajjiżi l‑Baxxi

Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tat‑13 ta’ Ġunju 2024

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Liġi li tipprojbixxi l-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku – Għeluq bikri ta’ impjant tal-enerġija bil-faħam – Għoti ta’ kumpens – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżura kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat – Eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea”

Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Kompetenza – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ miżura tal-Istat mas-suq intern mingħajr ma din il-miżura tkun ġiet ikklassifikata minn qabel bħala għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tmur lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni

(Artikoli 107 u 108 TFUE)

(ara l-punti 37 sa 49)

Sunt

Filwaqt li ċaħdet l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2022 ( 1 ) f’kawża bejn il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mas-suq intern fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet qieset li l-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mas-suq intern mingħajr ma tistabbilixxi minn qabel li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Fl‑2019, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ liġi dwar il-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku, skont id-Direttiva 2015/1535 ( 2 ). Dan l-abbozz ta’ liġi kellu l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) fil-Pajjiżi l-Baxxi u kien jipprevedi l-kumpens għall-ħsara kkawżata lil impjant tal-enerġija li jaħdem bil-faħam li, meta mqabbel mal-impjanti l-oħra tal-istess tip, kien affettwat, b’mod sproporzjonat, mill-projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, dan l-abbozz ta’ liġi ma kienx ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

Wara n-notifika tal-abbozz ta’ liġi skont id-Direttiva 2015/1535, il-Kummissjoni bdiet, fuq inizjattiva tagħha stess, l-eżami tal-informazzjoni dwar allegata għajnuna u kkonkludiet, permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2020 ( 3 ), li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern, konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE ( 4 ), mingħajr madankollu ma kkonstatat li din il-miżura kienet tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju u li għalhekk kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tiegħu kkritika lill-Kummissjoni talli marret lil hinn mill-kompetenza tagħha u ħolqot inċertezza legali. Wara l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza ta’ din tal-aħħar quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari li, billi ddeċidiet li hija ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi li miżura hija kompatibbli mas-suq intern mingħajr ma tkun ikkonstatat minn qabel li din il-miżura kienet għajnuna mill-Istat, il-Qorti Ġenerali kienet interpretat l-Artikolu 107(3) TFUE b’mod restrittiv wisq. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kelma “għajnuna” f’dan l-artikolu tkopri wkoll miżuri li l-klassifikazzjoni tagħhom bħala għajnuna mill-Istat tibqa’ waħda inċerta.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li għalkemm fl-Artikolu 107(1) TFUE l-kelma “għajnuna” tintuża skont is-sens ordinarju tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, mill-banda l-oħra, fil-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, din il-kelma tirreferi biss għall-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li huma biss il-miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn dan il-paragrafu 1 u li, konsegwentement, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li huma, ħlief għad-derogi previsti mit-Trattat, inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, l-Artikolu 107(3) TFUE, li, b’deroga minn din id-dispożizzjoni, jelenka l-miżuri li jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, jista’ jikkonċerna biss l-għajnuna mill-Istat.

Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 107 TFUE la jistabbilixxi regoli proċedurali u lanqas jirrigwarda direttament is-setgħat tal-Kummissjoni, jibqa’ l-fatt li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-paragrafu 1 tal-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi prerekwiżit għall-possibbiltà li tiġi applikata d-deroga prevista fil-paragrafu 3 ta’ din tal-aħħar. L-Unjoni Ewropea ngħatatilha għalhekk il-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u mhux il-kompetenza li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri li ma jkunx ġie ddeterminat li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 108 TFUE jafda lill-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza. Issa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilhom.

Fid-dawl tal-premess, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża.


( 1 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2022, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni (T‑469/20, EU:T:2022:713).

( 2 ) Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU 2015, L 241, p. 1)

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2998 final tat‑12 ta’ Mejju 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.54537 (2020/NN) - Il-Pajjiżi l-Baxxi, Projbizzjoni tal-użu tal-faħam għall-produzzjoni tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi (ĠU 2020, C 220, p. 2, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”).

( 4 ) Skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, “jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: [...] (c) għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”.

Top