Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0316

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ April 2024.
Gabel Industria Tessile SpA u Canavesi SpA vs A2A Energia SpA et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Dazji tas-sisa – Elettriku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-enerġija elettrika – Assenza ta’ finijiet speċifiċi – Taxxa addizzjonali meqjusa li hija kuntrarja għad-Direttiva 2008/118/KE mill-qrati nazzjonali – Irkupru mill-konsumatur finali tat-taxxa mħallsa indebitament mingħand il-fornitur biss – Artikolu 288 TFUE – Effett dirett – Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-316/22.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:301

Kawża C‑316/22

Gabel Industria Tessile SpA
u
Canavesi SpA

vs

A 2A Energia SpA
u
Energit SpA
u
Agenzia delle Dogane e dei Monopoli

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) tal‑11 ta’ April 2024

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/118/KE – Artikolu 1(2) – Dazji tas-sisa – Elettriku – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-enerġija elettrika – Assenza ta’ finijiet speċifiċi – Taxxa addizzjonali meqjusa li hija kuntrarja għad-Direttiva 2008/118/KE mill-qrati nazzjonali – Irkupru mill-konsumatur finali tat-taxxa mħallsa indebitament mingħand il-fornitur biss – Artikolu 288 TFUE – Effett dirett – Prinċipju ta’ effettività”

  1. Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Effett dirett – Limiti – Obbligu, għall-qorti nazzjonali, li ma tapplikax, f’tilwima bejn individwi, dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa indiretta li tmur kontra direttiva – Assenza – Limiti

    (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE)

    (ara l-punti 23 sa 27, u d-dispożittiv 1)

  2. Dritt tal-Unjoni – Effett dirett – Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Ħlas lura – Modalitajiet – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ effettività – Trasferiment lill-konsumatur finali ta’ taxxa mħallsa indebitament minn fornitur – Impossibbiltà ġuridika li jintalab ir-rimbors mingħand il-fornitur minħabba l-assenza ta’ effett dirett orizzontali tad-direttiva li tistabbilixxi din it-taxxa – Leġiżlazzjoni li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat Membru kkonċernat ir-rimbors ta’ din it-taxxa, iżda li tippermetti li titressaq biss azzjoni ċivili għall-irkupru tal-ħlas indebitu kontra l-imsemmi fornitur – Inammissibbiltà

    (ara l-punti 32 sa 34 u 36 sa 38, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Fil-kuntest ta’ tilwima dwar ir-rimbors lil konsumaturi finali ta’ somom imħallsa indebitament bħala taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza tagħha li tinterpreta t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività.

Gabel Industria Tessile u Canavesi huma żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Taljan li rispettivament ikkonkludew ma’ A 2A Energia u ma’ Energit kuntratti għall-provvista tal-elettriku lis-siti ta’ produzzjoni tagħhom.

Abbażi ta’ dawn il-kuntratti, Gabel Industria Tessile u Canavesi ħallsu lill-fornituri tagħhom, għas-snin 2010 u 2011, taxxa addizzjonali għad-dazju tas-sisa fuq l-elettriku li dak iż-żmien kienet prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana.

Fl‑2020, peress li qiesu li din it-taxxa addizzjonali kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, huma ressqu proċeduri kontra l-fornituri tagħhom quddiem it-Tribunale di Como (il-Qorti Distrettwali ta’ Como, l-Italja), li kienet il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, bil-għan li jiksbu r-rimbors tagħha.

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li indikat li t-taxxa kienet ġiet irrikonoxxuta li tmur kontra d-Direttiva 2008/118 ( 1 )mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), staqsiet dwar il-konsegwenzi ta’ din l-illegalità fuq it-trattament tas-somom imħallsa indebitament, minħabba l-assenza ta’ effett orizzontali ta’ direttiva, kif ukoll fid-dawl tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ effettività.

Kien f’dan il-kuntest li hija adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’żewġ domandi preliminari intiżi li jsir magħruf, minn naħa, jekk it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kellux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tistabbilixxi taxxa li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ effettività għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-konsumatur finali jitlob direttament lill-Istat Membru r-rimbors ta’ taxxa li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett, imħallsa lill-fornitur tiegħu, meta ma jkunx possibbli, minħabba l-assenza ta’ effett dirett orizzontali ta’ direttiva, li huwa jinvoka l-kuntrarjetà ta’ din it-taxxa kontra l-imsemmi fornitur, li huwa stess ikun ħallas lura t-taxxa, u għalhekk li jikseb ir-rimbors tas-somom imħallsa indebitament mingħand dan tal-aħħar.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret qabelxejn li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, direttiva ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra individwu quddiem qorti nazzjonali.

Għalhekk, bħala prinċipju, tali qorti ma tistax teskludi, f’tilwima bejn individwi, l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tistabbilixxi taxxa indiretta li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett.

Madankollu, tista’ ssir deroga minn dan il-prinċipju f’żewġ każijiet.

Minn naħa, id-dritt nazzjonali jista’ jiddisponi mod ieħor. Stat Membru jista’ fil-fatt jagħti lill-qrati nazzjonali s-setgħa li jeskludu, abbażi tad-dritt intern tiegħu, kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jkollhiex effett dirett. Għalhekk, minkejja l-assenza ta’ effett orizzontali ta’ direttiva, qorti nazzjonali tista’ tippermetti lil individwu jinvoka l-illegalità ta’ taxxa li tkun ġiet ittrasferita lilu indebitament minn bejjiegħ jekk tali possibbiltà tkun prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża kontra organi jew entitajiet li jkunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi. Parti fil-kawża tista’ għalhekk tinvoka l-kuntrarjetà mad-dritt tal-Unjoni ta’ taxxa indiretta kontra entità li tkun tissodisfa dawn il-karatteristiċi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lil konsumatur finali jitlob ir-rimbors ta’ taxxa li tmur kontra dispożizzjoni ċara, preċiża u inkundizzjonata ta’ direttiva li ma tkunx ġiet trasposta jew li tkun ġiet trasposta b’mod skorrett direttament lill-Istat Membru kkonċernat tikser il-prinċipju ta’ effettività.

Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ effettività, meta l-fornitur responsabbli għall-ħlas ta’ taxxi illegali jkun ittrasferixxihom direttament lil konsumatur finali, li finalment ikun sostna indebitament dan il-piż ekonomiku addizzjonali, dan tal-aħħar għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb ir-rimbors tiegħu mingħand il-fornitur, u, jekk tali rimbors ikun jirriżulta impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jressaq it-talba tiegħu għal rimbors direttament kontra l-Istat Membru kkonċernat.

F’dan il-każ, peress li l-konsumatur finali kien prekluż milli jinvoka l-kuntrarjetà tat-taxxa mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/118 fil-kuntest ta’ azzjoni għal rimbors diretta kontra l-fornitur tiegħu, minħabba l-assenza ta’ effett dirett orizzontali ta’ din id-direttiva, ir-rimbors ta’ din it-taxxa mingħand dan il-fornitur fir-realtà rriżulta li kien ġuridikament impossibbli. Issa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet tippermetti lill-konsumatur finali jressaq azzjoni għall-irkupru tal-ħlas indebitu biss kontra l-fornitur, mingħajr il-possibbiltà li jressaq azzjoni direttament kontra l-Istat Membru kkonċernat, fatt li għalhekk kien jikser il-prinċipju ta’ effettività.


( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

Top