Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0382

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-27 ta’ Frar 2024.
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR.
Appell – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (PCT) – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ – Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Artikolu 4 – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 41 – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn – Dritt ta’ prijorità – Talba għall-prijorità bbażata fuq applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT – Terminu – Interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni – Limiti.
Kawża C-382/21 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:172

Kawża C‑382/21 P

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

vs

The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑27 ta’ Frar 2024

“Appell – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (PCT) – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ – Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Artikolu 4 – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 41 – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn – Dritt ta’ prijorità – Talba għall-prijorità bbażata fuq applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT – Terminu – Interpretazzjoni konformi mal-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni – Limiti”

  1. Ftehimiet internazzjonali – Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali – Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs) – Effett dirett – Assenza – Interpretazzjoni konformi – Limiti

    (Ftehim TRIPs, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 59 sa 64, 68, 70, 74)

  2. Disinni Komunitarji – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Dritt ta’ prijorità – Impossibbiltà għal operatur li jinvoka direttament il-Konvenzjoni ta’ Pariġi

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 41(1))

    (ara l-punt 69)

  3. Disinni Komunitarji – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Dritt ta’ prijorità – Formulazzjoni ċara u natura eżawrjenti tad-dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li tirrigwarda d-dritt ta’ prijorità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 41(1))

    (ara l-punti 74 sa 77)

  4. Disinni Komunitarji – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni – Dritt ta’ prijorità – Talba għal prijorità bbażata fuq applikazzjoni ppreżentata skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi – Perijodu ta’ prijorità – Possibbiltà li tintalab il-prijorità ta’ applikazzjoni internazzjonali għal privattiva preċedenti meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn sussegwenti f’terminu ta’ tnax-il xahar – Esklużjoni

    (Trattat ta’ kooperazzjoni dwar il-privattivi, Artikolu 2(i), (ii), (vii); Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 41(1))

    (ara l-punti 78 sa 85)

Sunt

Filwaqt li laqgħet l-appell ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u tagħmir għall-ġinnastika jew għall-isport) ( 1 ), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet dwar id-delimitazzjoni bejn l-effett dirett tal-ftehimiet internazzjonali u l-interpretazzjoni tal-atti tad-dritt sekondarju konformi ma’ dawn il-ftehimiet u tat deċiżjoni dwar il-limiti ta’ tali interpretazzjoni konformi.

Fl‑24 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti, The KaiKai Company Jaeger Wichmann GbR, applikat quddiem l-EUIPO għar-reġistrazzjoni ta’ tnax-il disinn Komunitarju, filwaqt li talbet dritt ta’ prijorità bbażat fuq applikazzjoni internazzjonali għal privattiva ppreżentata fis‑26 ta’ Ottubru 2017 skont it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi (PCT) ( 2 ).

L-EUIPO laqa’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, iżda rrifjuta d-dritt ta’ prijorità, minħabba li d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni internazzjonali preċedenti kienet tippreċedi b’iktar minn sitt xhur id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ( 3 ) jipprevedi li persuna li tkun ippreżentat b’mod regolari applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn jew mudell ta’ utilità preċedenti għandha jkollha, għall-finijiet ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju sussegwenti, dritt ta’ prijorità għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentata tal-ewwel applikazzjoni. Issa, l-EUIPO qies li, anki jekk applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT setgħet, bħala prinċipju, tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità skont dan l-Artikolu 41(1), peress li d-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “privattiva” li tinsab fl-Artikolu 2 tal-PCT tinkludi wkoll il-mudelli ta’ utilità msemmija fl-Artikolu 41(1), it-talba għal tali dritt ta’ prijorità kienet ukoll suġġetta għal terminu ta’ sitt xhur, li f’dan il-każ ma kienx ġie osservat.

Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ April 2021, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-EUIPO. Hija ddeċidiet li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 kien fih lakuna, inkwantu ma kienx jiffissa t-terminu sabiex tintalab il-prijorità ta’ “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva” fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għal disinn. Il-Qorti Ġenerali qieset li din id-dispożizzjoni kellha l-għan li tirrendi dan ir-regolament konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ( 4 ) u, għaldaqstant, li din il-lakuna kellha timtela billi jiġi applikat dan l-Artikolu 4. Il-Qorti Ġenerali qieset essenzjalment li, skont l-imsemmi Artikolu 4, kienet in-natura tad-dritt preċedenti li kienet tiddetermina t-tul ta’ tali perijodu ta’ prijorità, b’tali mod li dan it-terminu kien ta’ tnax-il xahar. Għalhekk minn dan hija kkonkludiet li l-EUIPO kien wettaq żball ta’ liġi meta qies li t-terminu applikabbli għat-talba tal-prijorità inkwistjoni kien ta’ sitt xhur.

Fit‑23 ta’ Ġunju 2021, l-EUIPO ppreżenta appell minn din is-sentenza filwaqt li qajjem aggravju uniku, ibbażat fuq -ksur tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-EUIPO kkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet applikazzjoni diretta tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, filwaqt li eskludiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċara u eżawrjenti ta’ dan l-Artikolu 41(1) sabiex tissostitwixxiha b’interpretazzjoni żbaljata ta’ dan l-Artikolu 4.

Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess data, l-EUIPO talab li l-appell tiegħu jiġi ammess, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58a tal-Istatut. Permezz tad-digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021 ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja l-appell kellu jiġi ammess.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-effetti tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, minkejja li din il-konvenzjoni ma ġietx konkluża mill-Unjoni, ir-regoli stabbiliti minn ċerti artikoli tagħha, fosthom l-Artikolu 4, huma inkorporati fil-Ftehim TRIPs ( 6 ), li ġie konkluż mill-Unjoni. Għaldaqstant, dawn ir-regoli għandhom jitqiesu li jipproduċu l-istess effetti bħal dawk prodotti mill-Ftehim TRIPs.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs ma għandhomx effett dirett. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi lanqas ma jaqa’ taħt iż-żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom l-individwi jistgħu jinvokaw direttament id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet WTO quddiem il-qorti tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għal dan l-Artikolu 4. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 41 ma huwiex intiż li jimplimenta, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehimiet WTO. Għall-kuntrarju, dan ir-regolament jikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta, għal wieħed mid-drittijiet tal-proprjetà industrijali koperti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi, approċċ speċifiku għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi jistabbilixxi sistema speċifika ta’ protezzjoni unitarja u indiviżibbli tad-disinni Komunitarji fit-territorju tagħha, li d-dritt ta’ prijorità previst fl-imsemmi Artikolu 41 jagħmel parti integrali minnu.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma għandhomx effett dirett u, għaldaqstant, ma humiex tali li joħolqu drittijiet għall-individwi li dawn jistgħu jinvokaw direttament bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, id-dritt ta’ prijorità sabiex issir il-preżentata ta’ applikazzjoni għal disinn Komunitarju huwa rregolat mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 6/2002, mingħajr ma l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinvokaw direttament dan l-Artikolu 4.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat madankollu li, peress li l-Ftehim TRIPs jorbot lill-Unjoni u, għaldaqstant, jipprevali fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim. Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, konformement mar-regoli stabbiliti fl-artikoli tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li huma inkorporati fil-Ftehim TRIPs.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn manifestament marret lil hinn mil-limiti ta’ interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u pproċediet, fir-realtà, għal applikazzjoni diretta tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, kif interpretat minn din il-qorti, għad-detriment tal-formulazzjoni ċara ta’ dan l-Artikolu 41(1) u bi ksur tan-natura eżawrjenti ta’ dan tal-aħħar.

Fil-fatt, mill-formulazzjoni ċara u min-natura eżawrjenti tal-imsemmi Artikolu 41(1) jirriżulta b’mod inekwivoku li, minn naħa, applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT tista’ tkun il-bażi ta’ dritt ta’ prijorità, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fil-każ biss li l-applikazzjoni internazzjonali inkwistjoni jkollha bħala suġġett mudell ta’ utilità u, min-naħa l-oħra, it-terminu sabiex jintalab dan id-dritt ta’ prijorità abbażi ta’ tali applikazzjoni huwa dak ta’ sitt xhur, espressament stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi adottata mill-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li din id-dispożizzjoni tippermetti li tiġi invokata l-prijorità ta’ “applikazzjoni internazzjonali għal privattiva” preċedenti meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal disinn sussegwenti f’terminu ta’ tnax-il xahar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din l-interpretazzjoni kienet ukoll ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

Fil-fatt, minn qari flimkien tat-Taqsimiet A, C u E ta’ dan l-Artikolu 4 jirriżulta li dan ma jippermettix tali talba ta’ prijorità u għalhekk, a fortiori, ma jipprevedix regoli dwar it-terminu mogħti lill-applikant għal dan il-għan. Għaldaqstant, hija biss applikazzjoni internazzjonali ppreżentata skont il-PCT li tirrigwarda mudell ta’ utilità li tista’ tagħti lok għal dritt ta’ prijorità għal applikazzjoni għal disinn skont l-imsemmi Artikolu 4, u dan fit-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fil-paragrafu 1 tat-Taqsima E tiegħu.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-aggravju uniku, annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u ddeċidiet fuq ir-rikors fl-ewwel istanza, billi ċaħditu.


( 1 ) Sentenza tal-14 ta’ April 2021, The KaiKai Company Jaeger Wichmann vs EUIPO (Apparat u tagħmir għall-ġinnastika jew għall-isport) (T‑579/19, EU:T:2021:186);

( 2 ) Il-PCT ġie konkluż f’Washington fid‑19 ta’ Ġunju 1970 u emendat l-aħħar fit‑3 ta’ Ottubru 2001 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1160, Nru 18336, p. 231).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

( 4 ) Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl–20 ta’ Marzu 1883, irriveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305).

( 5 ) Digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2021, EUIPO vs The KaiKai Company Jaeger Wichmann (C‑382/21 P, EU:C:2021:1050).

( 6 ) Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs), jikkostitwixxi l-Anness 1C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ġie ffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

Top