Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0457

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Diċembru 2023.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu et.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem adottata minn Stat Membru – Għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Determinazzjoni tal-qafas ta’ riferiment – Tassazzjoni ‘normali’ skont id-dritt nazzjonali – Prinċipju ta’ distakkament – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali.
Kawża C-457/21 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:985

Kawża C-457/21 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu
Amazon.com, Inc
u
Amazon EU Sàrl

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal‑14 ta’ Diċembru 2023

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem adottata minn Stat Membru – Għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘vantaġġ’ – Determinazzjoni tal-qafas ta’ riferiment – Tassazzjoni ‘normali’ skont id-dritt nazzjonali – Prinċipju ta’ distakkament – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali”

  1. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Eżami mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fil-qasam fiskali – Delimitazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment fid-dritt nazzjonali u interpretazzjoni kif ukoll applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kostitwenti – Kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

    (ara l-punti 17 sa 23)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Deċiżjoni fiskali antiċipata dwar ipprezzar tat-trasferimenti ta’ impriża integrata – Kuntest ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv – Identifikazzjoni tas-sistema fiskali komuni jew normali – Teħid inkunsiderazzjoni biss tad-dritt nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta – Eżami tat-trattament fiskali ta’ tranżazzjonijiet intragrupp fid-dawl tal-prinċipju ta’ distakkament indipendentement mill-inkorporazzjoni ta’ dan il-prinċipju fid-dritt nazzjonali – Determinazzjoni żbaljata tal-kuntest ta’ riferiment

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 33 sa 50)

  3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tagħti vantaġġ fiskali – Deċiżjoni fiskali antiċipata dwar ipprezzar tat-trasferimenti ta’ impriża integrata – Analiżi tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ngħata vantaġġ selettiv – Analiżi vvizzjata bi żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-kuntest ta’ riferiment għall-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv

    (Artikolu 107(1) TFUE)

    (ara l-punti 53 sa 58)

Sunt

Mill‑2006, il-grupp Amazon issokta bl-attivitajiet kummerċjali tiegħu fl-Ewropa permezz ta’ żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu, jiġifieri, minn naħa, Amazon Europe Holding Technologies SCS (iktar ’il quddiem “LuxSCS”) u, min-naħa l-oħra, Amazon EU Sàrl (iktar ’il quddiem “LuxOpCo”), sussidjarja sħiħa ta’ LuxSCS.

F’dan il-kuntest, LuxSCS kisbet, permezz ta’ diversi ftehimiet konklużi ma’ entitajiet Amerikani tal-grupp Amazon, id-dritt li tisfrutta ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirrigwardaw, essenzjalment, it-teknoloġija, id-data tal-klijenti u t-trade marks tal-imsemmi grupp, kif ukoll id-dritt li tikkonċedi l-imsemmija assi intanġibbli permezz ta’ sottoliċenzja. F’dan ir-rigward, LuxSCS ikkonkludiet, b’mod partikolari, ftehim ta’ liċenzja ma’ LuxOpCo, bħala operatur prinċipali tal-attivitajiet kummerċjali tal-grupp Amazon fl-Ewropa. Skont dan il-ftehim, LuxOpCo ntrabtet li tħallas royalty lil LuxSCS bħala korrispettiv għall-użu tal-assi intanġibbli.

Fl‑2014, il-grupp Amazon kien is-suġġett ta’ ristrutturazzjoni ġdida u l-arranġament kuntrattwali eżistenti bejn LuxSCS u LuxOpCo ma baqax iktar applikabbli.

Bi tħejjija għar-ristrutturazzjoni tal‑2006, l-awtoritajiet tat-taxxa Lussemburgiżi taw lill-grupp Amazon, wara talba ta’ dan tal-aħħar, deċiżjoni tat-taxxa bil-quddiem (“tax ruling”, iktar ’il quddiem “DTQ”) dwar it-trattament ta’ LuxOpCo u ta’ LuxSCS għall-finijiet tat-taxxa Lussemburgiża fuq id-dħul tal-kumpanniji. Minn naħa, din id-DTQ ikkonfermat li LuxSCS ma kinitx suġġetta għat-taxxa Lussemburgiża fuq id-dħul tal-kumpanniji minħabba l-forma legali tagħha u, min-naħa l-oħra, approvat il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tar-royalty annwali dovuta minn LuxOpCo lil LuxSCS skont l-imsemmi ftehim ta’ liċenzja.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2017 ( 1 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), il-Kummissjoni Ewropea qieset li din id-DTQ, kif ukoll l-implimentazzjoni annwali tagħha mill‑2006 sal‑2014, kienet tikkostitwixxi għajnuna lill-grupp Amazon li kienet inkompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tar-royalty annwali dovut minn LuxOpCo lil LuxSCS, kif approvat fid-DTQ, ma kienx jippermetti l-kisba ta’ riżultat ta’ distakkament. Skont il-Kummissjoni, ir-royalty annwali kkalkolata skont dan il-metodu kienet għolja wisq, li kien inaqqas artifiċjalment il-bażi taxxabbli ta’ LuxOpCo.

Adita b’żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mill-grupp Amazon kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021 ( 2 ), minħabba, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha turi l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

L-appell ippreżentat mill-Kummissjoni ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ddeċidiet, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi u b’estensjoni tas-sentenza tagħha Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni ( 3 ), li bl-applikazzjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, tal-prinċipju ta’ distakkament, billi dan il-prinċipju ma ġiex inkorporat fid-dritt fiskali Lussemburgiż fil-mument tal-adozzjoni tad-DTQ, il-Kummissjoni wettqet żball fl-identifikazzjoni tal-qafas ta’ riferiment li fir-rigward tiegħu kellha tiġi evalwata din id-DTQ, li vvizzja r-raġunament kollu tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ammissibbli l-aggravji li kkontestaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament magħmula mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-konklużjoni tagħha li tgħid li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha turi l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Peress li l-Kummissjoni inkludiet il-prinċipju ta’ distakkament fil-qafas ta’ riferiment użat għall-finijiet tal-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kinitx iddelimitat b’mod xieraq is-sistema ta’ riferiment rilevanti u, b’estensjoni, kinitx interpretat u applikat b’mod korrett id-dispożizzjonijiet kostitwenti kienet kwistjoni ta’ liġi li setgħet tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

Dan kien ifisser li kienu ammissibbli l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi li jikkontestaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ distakkament magħmula mill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li s-sistema ta’ riferiment adottata fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet żbaljata u, għaldaqstant, li l-eżistenza ta’ vantaġġ favur il-grupp Amazon ma kinitx stabbilita.

Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fit-tieni lok, li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ distakkament jista’ jiġi applikat għall-finijiet tal-eżami tal-miżuri ta’ natura fiskali fil-kuntest tal-Artikolu 107(1) TFUE biss jekk jiġi rrikonoxxut mid-dritt nazzjonali kkonċernat u skont il-modalitajiet iddefiniti minn dan tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet, b’mod ġenerali, tapplika l-prinċipju ta’ distakkament fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma ppreċiżat li din l-istituzzjoni kienet, minn qabel, obbligata tiżgura ruħha li dan il-prinċipju kien inkorporat fid-dritt fiskali Lussemburgiż u li kien hemm riferiment espress għalih bħala tali fl-imsemmi dritt.

Barra minn hekk, billi rreferiet għall-“importanza prattika ċerta” li kellhom il-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp Ekonomiku (OECD) fl-evalwazzjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ distakkament minkejja li dawn il-linji gwida ma humiex vinkolanti fir-rigward tal-pajjiżi membri tal-OECD, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi ieħor sa fejn ippreżupponiet l-applikabbiltà tal-imsemmija linji gwida mingħajr ma stħarrġet jekk il-Kummissjoni kinitx żgurat ruħha li d-dritt fiskali Lussemburgiż kien għamel riferiment espliċitu għalihom.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienet ivvizzjata fid-dritt peress li kienet ibbażata fuq determinazzjoni żbaljata tas-sistema ta’ riferiment rilevanti.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, madankollu, li tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, l-ewwel nett, li, sabiex stabbilixxiet l-eżistenza ta’ vantaġġ favur il-grupp Amazon, il-Kummissjoni applikat il-prinċipju ta’ distakkament bħallikieku kien ġie rrikonoxxut bħala tali fid-dritt tal-Unjoni, filwaqt li mis-sentenza Fiat kien jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma kienx hemm prinċipju awtonomu ta’ distakkament li japplika indipendentement mill-inkorporazzjoni ta’ dan tal-aħħar fid-dritt nazzjonali.

It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li d-dritt Lussemburgiż dwar it-taxxa fuq id-dħul ġie interpretat mill-amministrazzjoni fiskali fis-sens li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ distakkament fid-dritt fiskali Lussemburgiż. Madankollu, kif jirriżulta mis-sentenza Fiat, hija biss inkorporazzjoni ta’ dan il-prinċipju bħala tali fid-dritt nazzjonali, li teħtieġ a minima li dan tal-aħħar jirreferi espliċitament għall-imsemmi prinċipju, li tippermetti lill-Kummissjoni tapplikah fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess fid-deċiżjoni kontenzjuża, dan ir-rekwiżit ma kienx issodisfatt waqt l-adozzjoni tad-DTQ inkwistjoni, b’tali mod li din l-istituzzjoni ma setgħetx tapplika dan il-prinċipju retroattivament fl-imsemmija deċiżjoni.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, billi applikat, fid-deċiżjoni kontenzjuża, linji gwida tal-OECD fil-qasam tal-ipprezzar tat-trasferimenti mingħajr ma wriet li dawn kienu ġew, kompletament jew parzjalment, espliċitament riprodotti fid-dritt Lussemburgiż, il-Kummissjoni kisret il-projbizzjoni, imfakkra fis-sentenza Fiat, ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u għall-finijiet li jiġi stabbilit l-oneru fiskali li normalment għandu jaqa’ fuq impriża, ta’ parametri u regoli esterni għas-sistema fiskali nazzjonali inkwistjoni, bħal dawn il-linji gwida, sakemm din tal-aħħar ma kinitx tirreferi għalihom espliċitament.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ikkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ vantaġġ favur il-grupp Amazon, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, konsegwentement, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża. Għalhekk, hija ċaħdet fl-intier tiegħu l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/859 tal‑4 ta’ Ottubru 2017 dwar għajnuna mill-Istat SA.38944 (2014/C) (ex 2014/NN) implimentata mil-Lussemburgu lil Amazon (ĠU 2018, L 153, p. 1).

( 2 ) Sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2021, Il-Lussemburgu u Amazon vs Il-Kummissjoni (T‑816/17 u T‑318/18, EU:T:2021:252).

( 3 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Fiat Chrysler Finance Europe vs Il-Kummissjoni (C‑885/19 P u C‑898/19 P; EU:C:2022:859, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fiat”).

Top