Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“
Dokumentas 62022CJ0173
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Novembru 2023.
MG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Ħlas lill-uniku ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(2) – Dritt għal smigħ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Azzjoni għal annullament u għad-danni.
Kawża C-173/22 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Novembru 2023.
MG vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Ħlas lill-uniku ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(2) – Dritt għal smigħ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Azzjoni għal annullament u għad-danni.
Kawża C-173/22 P.
Europos teismų praktikos identifikatorius (ECLI): ECLI:EU:C:2023:932
Kawża C‑173/22 P
MG
vs
Bank Ewropew tal‑Investiment
Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) tat‑30 ta’ Novembru 2023
“Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Ħlas lill-uniku ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 41(2) – Dritt għal smigħ – Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet amministrattivi – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Azzjoni għal annullament u għad-danni”
Uffiċjali – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Obbligu li tinstema’ l-parti kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju – Portata
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))
(ara l-punti 21 sa 24, 32)
Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tittrasferixxi l-benefiċċju tal-allowances minn ġenitur għall-ieħor – Adozzjoni tad-deċiżjoni mingħajr ma tingħata l-possibbiltà minn qabel lill-ġenitur mċaħħad mill-benefiċċju tal-allowances li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu – Ksur tad-dritt għal smigħ – Konsegwenzi
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)
(ara l-punti 28, 31, 33 sa 41)
Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance għall-wild dipendenti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Manteniment effettiv – Regoli interni tal-Bank li jipprevedu l-għoti tal-allowances għall-wild dipendenti biss lill-ġenitur li għandu l-kustodja tal-wild – Ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Anness I)
(ara l-punti 45 sa 56)
Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Annullament tal-att illegali kkontestat – Dannu morali distint mill-illegalità li ma jistax jiġi rrimedjat integralment permezz tal-annullament – Oneru tal-prova
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)
(ara l-punt 64)
Sunt
Ir-rikorrent, MG, huwa membru tal-persunal fi ħdan il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mill-1998. Fl-2003, huwa żżewweġ lil A, ukoll membru tal-persunal tal-BEI. Huma għandhom ħamest itfal.
Fil-2017, A ressqet lir-rikorrent għal divorzju quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu). Din il-qorti stabbilixxiet ir-residenza tat-tfal fl-indirizz ta’ A. Ir-rikorrent ingħata drittijiet għal aċċess u ta’ residenza kull tieni tmiem il-ġimgħa u waqt nofs il-vaganzi tal-iskola. Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Lulju 2018, l-Imħallef għal miżuri provviżorji Lussemburgiż ordna li r-rikorrent iħallas lil A pensjoni tal-manteniment li tikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 300 fix-xahar għal kull wieħed minn uliedhom kif ukoll għal ċerti spejjeż oħra.
Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018”), il-BEI informa lir-rikorrent li huwa ma kienx ser jibqa’ jibbenefika iktar mill-allowance tal-familja, mill-allowances għall-ulied dipendenti kif ukoll mill-allowances għall-edukazzjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“allowances tal-familja”) u lanqas mid-drittijiet finanzjarji dderivati, liema benefiċċji ġew fil-fatt mogħtija lil A. Din l-ittra segwiet proċedura ta’ konċiljazzjoni miftuħa fuq talba ta’ A, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI ( 1 ), mingħajr ma r-rikorrent ġie informat b’dan.
Ir-rikorrent ippreżenta rikors intiż, essenzjalment, għall-annullament tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018. Dan ir-rikors ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2021, MG vs BEI ( 2 ).
Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali minħabba li din tal-aħħar wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li d-dritt għal smigħ tal-appellant ma kienx ġie miksur u billi qieset li d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI li jipprevedu li, sabiex jitqies bħala wild dipendenti ta’ membru tal-persunal, huwa meħtieġ li l-wild effettivament jinżamm minn dan tal-aħħar, fejn tali manteniment effettiv jeħtieġ li juri, fost l-oħrajn, li l-wild jgħix taħt is-saqaf tiegħu, ma jiksrux il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.
Il-kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.
Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali. Minn dan isegwi li d-dritt għal smigħ għandu jiġi rrispettat f’kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix espressament tali formalità.
Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, d-dritt għal smigħ jimplika li l-persuna kkonċernata tkun tqiegħdet f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni, fil-kuntest ta’ skambju orali u/jew bil-miktub mibdi minn din l-awtorità u li l-prova tiegħu taqa’ fuq din l-awtorità. B’mod partikolari, il-persuna kkonċernata għandha tkun ġiet espressament informata b’abbozz ta’ deċiżjoni u ġiet mistiedna tressaq l-osservazzjonijiet tagħha. B’hekk biss, konxja tal-konsegwenzi tad-deċiżjoni prevista, il-persuna tkun tqegħdet f’pożizzjoni li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni,
Issa, f’dan il-każ, il-BEI ma poġġiex lill-appellant f’pożizzjoni li jippreżenta, fi żmien xieraq, l-osservazzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant, li jinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, sabiex il-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ persuna kkonċernata jkun jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni individwali tal-awtorità amministrattiva li tista’ tkun sfavorevoli għaliha, din l-awtorità għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha marġni ta’ diskrezzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni inkwistjoni.
Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-affermazzjoni tal-BEI, li tgħid li tqassim differenti tal-allowances tal-familja bejn l-appellant u l-ex konjuġi tiegħu ma kienx possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva, fil-fatt, li mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-BEI seta’ jadotta interpretazzjoni differenti tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tiegħu stess u li għalhekk kellu marġni ta’ diskrezzjoni, b’tali mod li l-proċedura inkwistjoni setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku l-appellant tqiegħed f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tal-ittra tal‑11 ta’ Ottubru 2018.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI, sa fejn l-interpretazzjoni tagħhom ma tippermetti fl-ebda ċirkustanza li jiġi kkunsidrat li ġenitur li ma ngħatax il-kustodja esklużiva ta’ wild jikkontribwixxi effettivament għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar, jiksru l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.
Fil-fatt, l-allowance għal wild dipendenti jservu għan soċjali ġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw minn neċessità attwali u ċerta, marbuta mal-eżistenza tal-wild u l-manteniment effettiv tiegħu Fid-dawl ta’ dan l-għan, il-kriterju rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-ħlas tal-allowances għall-ulied dipendenti, il-ġenitur li għandu l-kustodja esklużiva tal-wild jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-ġenitur li ma għandux il-kustodja tagħhom huwa dak tal-kontribuzzjoni finanzjarja rispettiva tagħhom għall-manteniment ta’ dan il-wild.
Minn dan jirriżulta li, ġenituri li jikkontribwixxu, it-tnejn li huma, effettivament għall-manteniment tal-wild tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-ħlas tal-allowances għall-ulied dipendenti, u li l-ħlas, bħala prinċipju, lil wieħed minnhom biss ta’ dawn l-allowances jikkostitwixxi differenza fit-trattament, li għandha tkun oġġettivament iġġustifikata.
F’dan ir-rigward, il-fatt li wieħed mill-ġenituri għandu effettivament il-kustodja esklużiva tal-wild, li dan tal-aħħar jgħix għalhekk taħt is-saqaf ta’ dan il-ġenitur, jimplika, bħala prinċipju, li l-imsemmi ġenitur ser ikollu jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-manteniment ta’ dan il-wild. Madankollu, tali ċirkustanza bl-ebda mod ma teskludi li l-ġenitur l-ieħor, anki jekk ma jkollux il-kustodja esklużiva tal-wild, jikkontribwixxi wkoll b’mod effettiv għall-manteniment tiegħu, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt ta’ dan il-wild, stabbilit fl-Artikolu 24(3) tal-Karta, li jkollu regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tiegħu, ħlief jekk dan ikun kuntrarju għall-interess tiegħu.
F’dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet previsti.
F’dan ir-rigward, għalkemm l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti nazzjonali, li tiffissa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta’ manteniment tal-wild li membru tal-persunal iddivorzjat huwa obbligat jagħti, tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni, dan l-element ma jistax jeżenta lil din tal-aħħar milli teżerċita hija stess is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex tiddetermina jekk dan il-membru tal-persunal jikkontribwixxix effettivament għall-manteniment tal-wild.
( 1 ) Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, adottati fl‑20 ta’ April 1960 mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom applikabbli sal‑31 ta’ Diċembru 2019, kienu jipprevedu, fl-Artikolu 41 tagħhom:
“[…] Tilwim, minbarra dak li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ miżuri previsti fl-Artikolu 38, huwa suġġett għal proċedura bonarja quddiem il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tal‑Bank u dan, indipendentement mill-azzjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [...]. ”
( 2 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, MG vs BEI (T‑573/20, EU:T:2021:915).