Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0100

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Marzu 2023.
QB vs Mercedes-Benz Group AG.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Valv għar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-exhaust (valv EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Metodu ta’ kalkolu tal-kumpens – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Imħallef uniku.
Kawża C-100/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:229

Kawża C-100/21

QB

vs

Mercedes-Benz Group AG, preċedentement Daimler AG

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Ravensburg)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑21 ta’ Marzu 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2007/46/KE – Artikolu 18(1) – Artikolu 26(1) – Artikolu 46 – Regolament (KE) Nru 715/2007 – Artikolu 5(2) – Vetturi bil-mutur – Magna diesel – Emissjonijiet ta’ inkwinanti – Valv għar-riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-exhaust (valv EGR) – Tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu (NOx) limitat minn ‘firxa ta’ temperaturi’ – Apparat ta’ manipulazzjoni – Protezzjoni tal-interessi ta’ xerrej individwali ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali – Dritt għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà delittwali tal-manifattur ta’ din il-vettura – Metodu ta’ kalkolu tal-kumpens – Prinċipju ta’ effettività – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Talba mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Imħallef uniku”

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Emissjonijiet ta’ vetturi tal-passiġġieri u tal-kummerċ ħfief – Regolament Nru 715/2007 – Apparat ta’ manipulazzjoni – Kunċett – Apparat li, skont it-temperatura esterna u l-altitudni, inaqqas l-effettività tas-sistema ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet inkwinanti tal-vetturi kkonċernati waqt il-funzjonament u l-użu normali tal-vetturi – Inklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 715/2007, punt 10 tal-Artikolu 3, Artikoli 4(2) u 5(1))

    (ara l-punt 58)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Emissjonijiet ta’ vetturi tal-passiġġieri u tal-kummerċ ħfief – Direttiva 2007/46 – Regolament Nru 715/2007 – Obbligi tal-manifatturi relatati mal-approvazzjoni – Projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll tal-emissjonijiet – Eċċezzjonijiet – Protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident u funzjonament sigur tal-vettura – Portata – Apparat li, skont it-temperatura esterna u l-altitudni, inaqqas l-effettività tas-sistema ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet inkwinanti tal-vetturi kkonċernati waqt il-funzjonament u l-użu normali tal-vetturi – Esklużjoni

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 715/2007, Artikolu 5(2)(a))

    (ara l-punti 60 sa 66)

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Vetturi bil-mutur – Emissjonijiet ta’ vetturi tal-passiġġieri u tal-kummerċ ħfief – Direttiva 2007/46– Regolament Nru 715/2007 – Interessi protetti – Kunċett – Interessi partikolari tax-xerrej – Inklużjoni – Ksur tal-obbligu tal-manifatturi li jqiegħdu vetturi konformi fis-suq – Dritt għall-kumpens tad-dannu kkawżat lix-xerrej – Modalitajiet ta’ kisba – Osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ adegwatezza tal-kumpens għad-dannu u tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 715/2007, Artikoli 5(2) u 13(1))

    (ara l-punti 78 sa 85, 88 sa 96 u d-dispożittiv)

Sunt

QB kien xtara fl‑2014, mingħand bejjiegħ, vettura użata tad-ditta Mercedes-Benz, mudell C 220 CDI, mgħammra b’magna diesel ta’ ġenerazzjoni Euro 5. Din il-vettura, imqiegħda fis-suq mill-manifattur tal-karozzi Mercedes-Benz Group AG (preċedentement Daimler AG), kienet ġiet irreġistrata għall-ewwel darba fl‑2013. L-imsemmija vettura kienet mgħammra b’software ta’ programmazzjoni tal-magna li jnaqqas ir-rata ta’ riċirkulazzjoni tal-gassijiet tal-exhaust meta t-temperaturi esterni jkunu jinsabu taħt ċertu livell, li kellu bħala konsegwenza żieda fl-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx). Għalhekk, din ir-riċirkulazzjoni kienet tkun biss kompletament effettiva jekk it-temperatura esterna ma kinitx tinżel taħt dan il-limitu.

QB ippreżenta rikors quddiem il-Landgericht Ravensburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Ravensburg, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, intiż għall-kumpens għad-dannu li Mercedes-Benz Group kienet ikkawżatlu meta installat fil-vettura inkwistjoni apparat ta’ manipulazzjoni, ipprojbit skont ir-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur ( 1 ).

Għandu jitfakkar li dan ir-regolament għandu bħala għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u, b’mod iktar speċifiku, li jitnaqqsu kunsiderevolment l-emissjonijiet ta’ NOx tal-vetturi b’magna diesel sabiex titjieb il-kwalità tal-arja u jiġu osservati l-valuri limitu f’termini ta’ tniġġis ( 2 ). Huwa kien jiddefinixxi “tagħmir ta’ riduzzjoni [apparat ta’ manipulazzjoni]” bħala “kull element tad-disinn li jħoss it-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor bl-iskop li jattiva, jimmodula, jittardja jew iwaqqaf il-funzjonament ta’ xi parti mis-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet, li tnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-emissjonijiet taħt kondizzjonijiet li wieħed raġonevolment jistenna li jiltaqa’ magħhom waqt it-tħaddim u l-użu normali ta’ vettura” ( 3 ). Barra minn hekk, id-Direttiva li kienet tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, kif applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali ( 4 ), kienet tinkludi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ta’ natura ġenerali applikabbli għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha li kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif ukoll tas-sistemi, tal-komponenti u tal-unitajiet tekniċi maħsuba għal tali vetturi, bil-għan li jiġu ffaċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tagħhom fl-Unjoni ( 5 ).

Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-dritt Ġermaniż, l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens mix-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur li ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni, jippreżupponi l-ksur ta’ liġi intiża li tipproteġi lil ħaddieħor ( 6 ). Il-qorti tar-rinviju għalhekk iddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti, f’dan il-każ, tad-Direttiva Qafas ( 7 ), minn naħa, u tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur ( 8 ), min-naħa l-oħra, kinux jipproteġu, minbarra l-interessi ġenerali, l-interessi partikolari ta’ xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tagħha meta din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit minn dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija staqsiet jekk, fil-kuntest tal-kumpens għad-dannu kkawżat lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, id-dritt tal-Unjoni kienx jipprekludi li l-benefiċċju miksub mill-użu effettiv ta’ din il-vettura jiġi imputat fuq ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-imsemmija vettura u, jekk dan ma jkunx il-każ, li dan il-benefiċċju jiġi kkalkolat abbażi tal-prezz tax-xiri totali tal-istess vettura.

Bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet importanti dwar il-kwistjoni tad-dritt għall-kumpens tax-xerrejja tal-vetturi li l-magni tagħhom ikunu ġew mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni illegali intiż li titnaqqas l-effiċjenza tas-sistema ta’ kontroll ta’ emissjonijiet inkwinanti ta’ partiċelli ta’ NOx.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li kienet il-qorti tar-rinviju, minn naħa, li kellha tiddeċiedi, fid-dawl tal-ġurisprudenza tagħha, jekk ikun il-każ, jekk is-software, li bih kienet mgħammra l-vettura mixtrija minn QB, kienx jikkostitwixxi “apparat ta’ manipulazzjoni” fis-sens tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur.

Min-naħa l-oħra, hija fakkret li l-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effiċjenza tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet kellha tliet eċċezzjonijiet, li l-unika waħda li kienet rilevanti fil-kawża ineżami kienet tikkonċerna l-każ fejn “il-bżonn tat-tagħmir huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-magna mill-ħsara jew inċidenti u għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura” ( 9 ). Sabiex jiġi ġġustifikat, tali apparat ta’ manipulazzjoni kellu jissodisfa strettament il-bżonn li jiġu evitati r-riskji immedjati ta’ ħsara lill-magna ta’ gravità tali li joħolqu perikolu konkret matul is-sewqan tal-vettura mgħammra bl-imsemmi apparat. Barra minn hekk, apparat ta’ manipulazzjoni li, f’kundizzjonijiet normali ta’ sewqan, ikollu jitħaddem fil-parti l-kbira tas-sena sabiex il-magna tiġi protetta minn ħsara jew minn inċident u sabiex il-funzjonament sigur tal-vettura jiġi żgurat, imur manifestament kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex minn dan ir-regolament u għalhekk ma jistax jiġi ġġustifikat. Hawnhekk kienet ukoll il-qorti tar-rinviju li kellha twettaq l-evalwazzjonijiet fattwali neċessarji għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

Prinċipalment, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva Qafas u tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, ikkunsidrati flimkien, kienu jipproteġu, minbarra interessi ġenerali, l-interessi partikolari ta’ xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tagħha meta din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, kellha għan ġenerali li jikkonsisti fil-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li kien fil-kuntest tat-tfittxija ta’ dan l-għan ġenerali li hemm l-obbligu, għall-manifatturi, li jipprovdu lill-konsumaturi u lill-utenti informazzjoni oġġettiva u preċiża dwar in-natura ftit jew wisq inkwinanti tal-vetturi fil-mument meta dawn tal-aħħar iwettqu d-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom. Barra minn hekk, il-vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Qafas għandhom ikunu s-suġġett ta’ approvazzjoni tat-tip, u din l-approvazzjoni tista’ tingħata biss jekk it-tip ta’ vettura inkwistjoni jissodisfa d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, b’mod partikolari dawk dwar l-emissjonijiet.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, konformement mad-Direttiva Qafas, minbarra dawn ir-rekwiżiti relatati mal-approvazzjoni tat-tip KE li jaqgħu fuq il-manifatturi, dawn tal-aħħar huma wkoll obbligati joħorġu ċertifikat ta’ konformità lix-xerrej individwali ta’ vettura. Skont din id-direttiva qafas, dan iċ-ċertifikat huwa obbligatorju għall-finijiet tar-reġistrazzjoni u tal-bejgħ jew tat-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ vettura. Barra minn hekk, is-sanzjonijiet previsti mid-Direttiva Qafas għandhom jiggarantixxu li x-xerrej ta’ vettura jkollu ċertifikat ta’ konformità li jippermettilu jirreġistraha fi kwalunkwe Stat Membru mingħajr ma jkollu għalfejn jipprovdi dokumenti tekniċi addizzjonali. Għalhekk, dan ix-xerrej jista’ raġonevolment jistenna li r-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur jiġi osservat. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva Qafas, ikkunsidrata flimkien mar-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, kienet tistabbilixxi rabta diretta bejn il-manifattur tal-vetturi u x-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur intiża li tiggarantixxi lil dan tal-aħħar li din il-vettura tkun konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma huwiex eskluż li tip ta’ vettura, kopert minn approvazzjoni tat-tip KE, li jippermetti li din il-vettura tintuża fit-triq, jista’ oriġinarjament jiġi approvat mill-awtorità kompetenti fil-qasam tal-approvazzjoni mingħajr ma tkun ġiet żvelata lilha l-preżenza ta’ software, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ. Id-Direttiva Qafas kienet tipprevedi s-sitwazzjoni fejn l-illegalità ta’ element ta’ disinn ta’ vettura, fid-dawl, pereżempju, tar-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, tiġi skoperta biss wara din l-approvazzjoni. Għaldaqstant, l-illegalità ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li bih tkun mgħammra vettura bil-mutur, skoperta wara l-approvazzjoni tat-tip KE għal din il-vettura, tista’ ddaħħal inkwistjoni l-validità ta’ din l-approvazzjoni u, b’estensjoni, dik taċ-ċertifikat ta’ konformità intiż li jiċċertifika li din il-vettura, li tappartjeni għas-serje tat-tip approvat, tkun qiegħda tissodisfa l-atti regolatorji kollha fil-mument tal-produzzjoni tagħha. Din l-illegalità kienet għalhekk ta’ natura, b’mod partikolari, li toħloq inċertezza fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni, ta’ bejgħ jew ta’ dħul fiċ-ċirkulazzjoni tal-imsemmija vettura u, fl-aħħar mill-aħħar, li kienet tippreġudika lix-xerrej ta’ vettura li jkollha apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit.

Fit-tieni lok, b’risposta għall-kwistjoni dwar jekk, essenzjalment, id-dritt tal-Unjoni kellux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-kumpens għad-dannu kkawżat lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, jipprekludi li l-benefiċċju miksub mill-użu effettiv ta’ din il-vettura jiġi imputat fuq ir-rimbors tal-prezz tax-xiri tal-imsemmija vettura u, jekk dan ma jkunx il-każ, li dan il-benefiċċju jiġi kkalkolat abbażi tal-prezz tax-xiri totali tal-istess vettura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt f’dan il-qasam, kienet il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li kellha tiddetermina r-regoli dwar il-kumpens għad-dannu effettivament ikkawżat lix-xerrej ta’ vettura mgħammra b’tali apparat, sakemm dan il-kumpens ikun xieraq għad-dannu mġarrab.

Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-interpretazzjoni li hija waslet għaliha, fis-sens li d-Direttiva Qafas tipproteġi l-interessi partikolari tax-xerrej individwali ta’ vettura bil-mutur fil-konfront tal-manifattur tagħha meta din il-vettura tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit, b’tali mod li huwa jkollu dritt li l-imsemmija vettura ma tkunx mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li d-Direttiva Qafas u r-Regolament dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur kienu jipprevedu li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet, li għandhom ikunu effettivi, effikaċi, proporzjonati u dissważivi, applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħhom. Konsegwentement, l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu li x-xerrej ta’ vettura mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit jibbenefika minn dritt għal kumpens mill-manifattur ta’ din il-vettura. Huwa effettivament kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-modalitajiet għall-kisba ta’ tali kumpens. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrendi, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-kisba, mix-xerrej ta’ vettura bil-mutur, ta’ kumpens xieraq għad-danni kkawżati lilu mill-ksur, mill-manifattur ta’ din il-vettura, tal-projbizzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni, ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ effettività. Bla ħsara għal din ir-riżerva, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-qrati għandhom jiżguraw li l-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma twassalx għall-arrikkiment indebitu. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju kellha tivverifika jekk l-imputazzjoni tal-benefiċċju miksub mill-użu effettiv tal-vettura kkonċernata kinitx tiżgura kumpens xieraq lix-xerrej, sakemm jiġi stabbilit li dan tal-aħħar ġarrab dannu marbut mal-installazzjoni fil-vettura tiegħu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit.


( 1 ) Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1), u b’mod iktar preċiż l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament.

( 2 ) Premessi 1 u 6 tar-Regolament dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

( 3 ) Artikolu 3(10) tar-Regolament dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

( 4 ) Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Qafas) (ĠU 2007, L 263, p. 1), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 385/2009 tas‑7 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 118, p. 13, rettifika fil-ĠU 2009 L 128, p. 61) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

( 5 ) Artikolu 1 tad-Direttiva Qafas.

( 6 ) Artikolu 823(2) tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili).

( 7 ) Jiġifieri, l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas.

( 8 ) Jiġifieri, l-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

( 9 ) Eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(2)(a) tar-Regolament dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.

Top