See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.
Dokument 62020CJ0037
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Novembru 2022.
WM u Sovim SA vs Luxembourg Business Registers.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2018/843 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 – Emenda magħmula fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta’ din l-aħħar direttiva – Aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi – Validità – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni tad-data personali.
Kawżi magħquda C-37/20 u C-601/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Novembru 2022.
WM u Sovim SA vs Luxembourg Business Registers.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2018/843 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 – Emenda magħmula fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta’ din l-aħħar direttiva – Aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi – Validità – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni tad-data personali.
Kawżi magħquda C-37/20 u C-601/20.
Kohtulahendite kogumik – Üldkohus – jaotis „Teave avaldamata otsuste kohta“
Euroopa kohtulahendite tunnus (ECLI): ECLI:EU:C:2022:912
Kawżi magħquda C‑37/20 u C‑601/20
WM (C‑37/20) u Sovim SA (C‑601/20)
vs
Luxembourg Business Registers
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’arrondissement (il-Qorti Distrettwali, il-Lussemburgu))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Novembru 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2018/843 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 – Emenda magħmula fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) ta’ din l-aħħar direttiva – Aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi – Validità – Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Protezzjoni tad-data personali”
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva 2015/849 – Emenda li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u entitajiet legali oħra inkorporati fit-territorju tagħhom – Indħil fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u fuq id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. – Ġustifikazzjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ legalità u tal-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali – Eżistenza tal-għan ta’ interess ġenerali – Assenza ta’ natura neċessarja u proporzjonata tal-indħil inkwistjoni – Invalidità
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/849, Artikolu 30(1), (5) u (9) u Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2018/843, premessi 30 u 31 u Artikolu 1(15)(c))
(ara l-punti 37 sa 44, 47 sa 52, 57 sa 59, 66, 67, 71 sa 76, 81 sa 85, 88 u d-dispożittiv)
Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata – Protezzjoni tad-data personali – Limitazzjonijiet – Kundizzjonijiet
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1))
(ara l-punti 46, 63 sa 65)
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva 2015/849 – Emenda li timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u entitajiet legali oħra inkorporati fit-territorju tagħhom – Indħil fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u fuq id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. – Ġustifikazzjoni – Invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza bħala għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika l-interferenza inkwistjoni – Inammissibbiltà
[Artikoli 1 u 10 TUE; Artikolu 15 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2015/849, kif emendata bid-Direttiva 2018/843, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5))
(ara l-punti 60 sa 62)
Sunt
Għall-finijiet tal-ġlieda u tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus ( 1 ) timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jżommu reġistru li jinkludi informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi ( 2 ) ta’ kumpanniji u entitajiet ġuridiċi oħra stabbiliti fit-territorju tagħhom. Wara emenda ta’ din id-direttiva bid-Direttiva 2018/843 ( 3 ), xi wħud minn din l-informazzjoni għandhom isiru aċċessibbli fil-każijiet kollha għal kull membru tal-pubbliku ġenerali. Skont id-Direttiva kontra l-ħasil ta’ flus kif emendata (iktar ’il quddiem id-“Direttiva kontra l-ħasil ta’ flus emendata”), il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża ( 4 ) stabbilixxiet Registru tal-benefiċjarji effettivi (iktar ’il quddiem ir-“RBE”) intiż għall-ħażna u għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ sensiela ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-entitajiet irreġistrati li l-aċċess għalihom huwa miftuħ għal kulħadd.
F’dan il-kuntest, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu) ġie adit b’żewġ kawżi, imressqa rispettivament minn WM u minn Sovim SA li jikkontestaw iċ-ċaħda, mil-Luxembourg Business Registers, li tamministra r-RBE, tat-talbiet tagħhom intiżi biex jipprekludu l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni relatata, fl-ewwel kawża, ma’ WM bħala benefiċjarju effettiv ta’ kumpannija ċivili immobiljari u, fit-tieni kawża, lill-benefiċjarju effettiv ta’ Sovim SA. Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ kawżi, peress li kellha dubji b’mod partikolari dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxu s-sistema ta’ aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari dwar il-validità.
Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiddikjara invalida d-Direttiva 2018/843 sa fejn hija emendat id-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus fis-sens li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u tal-entitajiet ġuridiċi oħra kkostitwiti fit-territorju tagħhom tkun aċċessibbli fil-każijiet kollha lil kull membru tal-pubbliku inġenerali ( 5 ).
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, previst mid-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus, jikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, rispettivament stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li, peress li d-data kkonċernata tinkludi informazzjoni dwar persuni fiżiċi identifikati, jiġifieri l-benefiċjarji effettivi tal-kumpanniji u tal-entitajiet ġuridiċi oħra kkostitwiti fit-territorju tal-Istati Membri, l-aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku inġenerali lejhom jaffettwa d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata. Barra minn hekk, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha lill-pubbliku ġenerali jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali. Hija żżid li tali tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inġenerali jikkostitwixxi ndħil fiż-żewġ drittijiet fundamentali ċċitati iktar ’il fuq, irrispettivament mill-użu ulterjuri tal-informazzjoni kkomunikata ( 6 ).
Fir-rigward tal-gravità ta’ dan l-indħil, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, sa fejn l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali tirrigwarda l-identità tal-benefiċjarju effettiv kif ukoll in-natura u l-portata tal-interessi effettivi tiegħu miżmuma f’kumpanniji jew f’entitajiet ġuridiċi oħra, din tista’ tippermetti li jitfassal profil li jikkonċerna ċerta data personali ta’ identifikazzjoni, l-istat ta’ kapital tal-persuna kkonċernata kif ukoll is-setturi ekonomiċi, il-pajjiżi u l-impriżi speċifiċi li din investiet fihom. Barra minn hekk, din l-informazzjoni tkun aċċessibbli għal numru potenzjalment illimitat ta’ persuni, b’tali mod li tali pproċessar ta’ data personali jista’ jippermetti wkoll lil persuni li, għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-għan imfittex minn din il-miżura, jipprovaw jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni b’mod partikolari materjali u finanzjarja ta’ benefiċjarju effettiv, li jkollhom aċċess liberu għall-imsemmija informazzjoni. Din il-possibbiltà hija iktar faċli meta d-data inkwistjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq l-internet. Barra minn hekk, il-konsegwenzi potenzjali għall-persuni kkonċernati li jirriżultaw minn użu abbużiv eventwali tad-data personali tagħhom huma aggravati mill-fatt li, ladarba titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali, din id-data tista’ mhux biss tiġi kkonsultata liberament, iżda wkoll tinżamm u tiġi mxerrda u li, b’hekk, isir iktar diffiċli, jew saħansitra illużorju, għal dawn il-persuni jiddefendu ruħhom b’mod effikaċi kontra abbużi.
Fit-tieni lok, fil-kuntest tal-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-indħil inkwistjoni, l-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ legalità huwa osservat. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq li tirriżulta mill-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi hija prevista minn att leġiżlattiv, jiġifieri d-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus emendata. Barra minn hekk, minn naħa, din id-direttiva tispeċifika li din l-informazzjoni għandha tkun adegwata, eżatta u attwali, u telenka espressament ċerta data li għaliha għandu jingħata l-aċċess pubbliku. Min-naħa l-oħra, din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi għal tali aċċess.
It-tieni, din tippreċiża li l-indħil inkwistjoni ma jippreġudikax il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Għalkemm huwa minnu li d-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus ma fihiex lista eżawrjenti tad-data li għaliha kull membru tal-pubbliku inġenerali għandu jkun awtorizzat li jkollu aċċess u li l-Istati Membri huma awtorizzati jagħtu aċċess għal informazzjoni addizzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li tista’ tinkiseb biss informazzjoni adegwata dwar il-benefiċjarji effettivi u l-interessi effettivi miżmuma u, għalhekk, potenzjalment magħmula aċċessibbli għall-pubbliku, li b’mod partikolari jeskludi informazzjoni li ma hijiex relatata adegwatament mal-għanijiet tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus. Issa, ma jidhirx li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali tal-informazzjoni li għandha tali relazzjoni joħloq xi tip ta’ preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali msemmija.
It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, billi jipprevedi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu billi jistabbilixxi, permezz ta’ trasparenza ikbar, ambjent inqas espost li jintuża għal dawn il-finijiet, liema ħaġa tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.
Ir-raba’, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa, neċessarja u proporzjonata tal-indħil inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, ċertament, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi huwa adatt sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan.
Madankollu, hija tqis li dan l-indħil ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. Minn naħa, in-neċessità stretta tal-imsemmi ndħil ma tistax tintwera billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-kriterju tal-“interess leġittimu” li, skont id-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus, fil-verżjoni tagħha qabel l-emenda tagħha bid-Direttiva 2018/843, kellu jpoġġi għad-dispożizzjoni ta’ kull persuna li tixtieq taċċedi għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, kien diffiċli li jiġi implimentat u li l-applikazzjoni tiegħu setgħet twassal għal deċiżjonijiet arbitrarji. Fil-fatt, l-eżistenza eventwali ta’ diffikultajiet sabiex jiġu ddefiniti preċiżament l-ipoteżijiet u l-kundizzjonijiet li fihom il-pubbliku jista’ jaċċedi għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi ma tistax tiġġustifika li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għal din l-informazzjoni
Minn naħa, l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2018/843 lanqas ma jistgħu jistabbilixxu n-neċessità stretta tal-indħil inkwistjoni ( 7 ). Sa fejn, skont dawn l-ispjegazzjonijiet, l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi jippermetti kontroll ikbar tal-informazzjoni mis-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-istampa jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li kemm l-istampa kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom rabta mal-prevenzjoni u mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għandhom interess leġittimu li jaċċedu għall-informazzjoni kkonċernata. L-istess japplika għall-persuni li jixtiequ jkunu jafu l-identità tal-benefiċjarji effettivi ta’ kumpannija jew ta’ entità ġuridika oħra minħabba l-fatt li huma jistgħu jikkonkludu tranżazzjonijiet magħhom, jew anki istituzzjonijiet finanzjarji u awtoritajiet involuti fil-ġlieda kontra ksur fil-qasam tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu.
Barra minn hekk, l-interferenza inkwistjoni lanqas ma għandha natura proporzjonata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-regoli sostantivi li jirregolaw dan l-indħil ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni. Fil-fatt, id-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus emendata tipprevedi l-aċċess ta’ kull membru tal-pubbliku ġenerali “għall-inqas” għad-data msemmija fiha u tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu aċċess għal informazzjoni addizzjonali, li tinkludi, “għall-inqas”, id-data tat-twelid jew id-dettalji tal-benefiċjarju effettiv ikkonċernat. Issa, mill-użu tal-espressjoni “għall-inqas” jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ data li la hija suffiċjentement iddefinita u lanqas identifikabbli.
Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-ibbilanċjar tas-serjetà ta’ dan l-indħil mal-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali kkunsidrat, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li, fid-dawl tal-importanza tiegħu, dan l-għan jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika ndħil, anki serju, fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.
Madankollu, minn naħa, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija r-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-entitajiet, bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji, li, minħabba l-attivitajiet tagħhom, jiġu imposti fuqhom obbligi speċifiċi f’dan il-qasam. Għal din ir-raġuni, id-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus emendata tipprevedi li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi għandha tkun aċċessibbli, fil-każijiet kollha, għall-awtoritajiet kompetenti u għall-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja, mingħajr ebda restrizzjoni, kif ukoll għall-entitajiet taxxabbli, fil-kuntest tad-diliġenza fir-rigward tal-klijenti ( 8 ).
Min-naħa l-oħra, b’paragun mas-sistema preċedenti li kienet tipprevedi, minbarra l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti u ta’ ċerti entitajiet għall-informazzjoni dwar il-benefiċjarji effettivi, dak ta’ kull persuna jew organizzazzjoni li tista’ turi interess leġittimu, is-sistema introdotta mid-Direttiva 2018/843 tirrappreżenta ksur kunsiderevolment iktar serju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, mingħajr ma dan l-indħil huwa kkumpensat mill-vantaġġi eventwali, li jistgħu jirriżultaw minn din l-aħħar sistema meta mqabbel mal-ewwel, f’dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
( 1 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kontra l-ħasil tal-flus”).
( 2 ) Skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus, il-benefiċjarji effettivi huma l-persuni fiżiċi li huma s-sid jew li għandhom l-kontroll finali tal-klijent u/jew il-persuna jew persuni fiżiċi li f’isimhom tkun qiegħda titwettaq tranżazzjoni jew attività.
( 3 ) Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU 2018, L 156, p. 43).
( 4 ) Liġi tat-13 ta’ Jannar 2019 li tistabbilixxi Reġistru tal-benefiċjarji effettivi (Mémorial A 2019, Nru 15).
( 5 ) Invalidità tal-Artikolu 1(15)(c) tad-Direttiva 2018/843, li temenda l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus.
( 6 ) Is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humaines (C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Issir referenza għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 30 tad-Direttiva 2018/843.
( 8 ) Punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva kontra l-ħasil tal-flus emendata.