Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex
Έγγραφο 62021CJ0163
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Novembru 2022.
AD et vs PACCAR Inc et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Ftehimiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Direttiva 2014/104/UE – Regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 22(2) – Applikabbiltà ratione temporis – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Artikolu 5(2) – Produzzjoni ta’ ċerti provi jew ta’ kategoriji rilevanti ta’ provi abbażi ta’ informazzjoni fattwali raġonevolment disponibbli – Artikolu 5(3) – Eżami tal-proporzjonalità tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi – Ibbilanċjar tal-interessi leġittimi tal-partijiet u ta’ terzi – Portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.
Kawża C-163/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Novembru 2022.
AD et vs PACCAR Inc et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Ftehimiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Direttiva 2014/104/UE – Regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 22(2) – Applikabbiltà ratione temporis – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Artikolu 5(2) – Produzzjoni ta’ ċerti provi jew ta’ kategoriji rilevanti ta’ provi abbażi ta’ informazzjoni fattwali raġonevolment disponibbli – Artikolu 5(3) – Eżami tal-proporzjonalità tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi – Ibbilanċjar tal-interessi leġittimi tal-partijiet u ta’ terzi – Portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.
Kawża C-163/21.
Αναγνωριστικό ECLI: ECLI:EU:C:2022:863
Kawża C‑163/21
AD et
vs
PACCAR Inc
u
DAF TRUCKS NV
u
DAF Trucks Deutschland GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari, mressqa mill-Juzgado Mercantil de Barcelona (Spanja))
Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) tal‑10 ta’ Novembru 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Ftehimiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Direttiva 2014/104/UE – Regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 22(2) – Applikabbiltà ratione temporis – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Artikolu 5(2) – Produzzjoni ta’ ċerti provi jew ta’ kategoriji rilevanti ta’ provi abbażi ta’ informazzjoni fattwali raġonevolment disponibbli – Artikolu 5(3) – Eżami tal-proporzjonalità tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi – Ibbilanċjar tal-interessi leġittimi tal-partijiet u ta’ terzi – Portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet”
Kompetizzjoni – Rikors għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Applikazzjoni ratione temporis – Dispożizzjonijiet sostantivi – Projbizzjoni ta’ applikazzjoni retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni – Dispożizzjonijiet mhux sostantivi – Projbizzjoni ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni għal azzjonijiet imressqa qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, Artikolu 22)
(ara l-punti 27 sa 30)
Kompetizzjoni – Rikors għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Applikazzjoni ratione temporis – Dispożizzjoni intiża li tagħti lill-qrati nazzjonali l-possibbiltà li jordnaw il-produzzjoni tal-provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Dispożizzjoni mhux sostantiva
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u Artikolu 22(2))
(ara l-punti 31 sa 35)
Kompetizzjoni – Rikors għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Talba għall-produzzjoni ta’ provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Għan – Provi li għandhom jinħolqu ex novo permezz ta’ ġbir jew klassifikazzjoni ta’ informazzjoni fil-pussess tad-destinatarju tat-talba – Inklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1))
(ara l-punti 40 sa 45, 53, 62, 69 u d-dispożittiv)
Kompetizzjoni – Rikors għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Talba għall-produzzjoni ta’ provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Obbligi li jaqgħu fuq il-qorti nazzjonali adita – Verifika tar-rilevanza, tal-proporzjonalità u tan-neċessità tal-provi msemmija fit-talba
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104, Artikoli 5(2) u (3))
(ara l-punti 50 sa 52, 64, 67, 68 u d-dispożittiv)
Kompetizzjoni – Rikors għal kumpens għad-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Direttiva 2014/104 – Għan
(Artikoli 101 u 102 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/104)
(ara l-punti 55 sa 59)
Sunt
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016 ( 1 ), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li, billi ftehmu, min-naħa, fuq il-prezzijiet tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mill‑1997 sal‑2011, u, min-naħa l-oħra, fuq l-iskeda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet imposti mir-regoli Euro 3 sa Euro 6, PACCAR, DAF Trucks u DAF Trucks Deutschland (iktar ’il quddiem il-“kostrutturi inkwistjoni”) ipparteċipaw, flimkien ma’ diversi kostrutturi ta’ trakkijiet oħrajn, f’akkordju li jmur kontra r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu l-akkordji ( 2 ).
Fil‑25 ta’ Marzu 2019, 45 parti li ppreżentaw ruħhom bħala li xtraw trakkijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur ikkonstatat mid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016 ressqu quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 7 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 7 ta’ Barcelona, Spanja) talba għal aċċess għal diversi provi miżmuma mill-kostrutturi inkwistjoni sabiex jitolbu l-kumpens għad-dannu li rriżulta mill-ksur ikkonstatat mid-deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016. F’dan ir-rigward, huma sostnew il-bżonn li jiksbu ċerti mezzi ta’ provi sabiex jikkwantifikaw iż-żieda artifiċjali fil-prezzijiet, b’mod partikolari sabiex iwettqu l-paragun tal-prezzijiet irrakkomandati qabel, matul u wara l-perijodu tal-akkordju kkonċernat. Il-kostrutturi inkwistjoni kkontestaw din it-talba billi argumentaw, b’mod partikolari, li wħud mid-dokumenti mitluba kienu jeħtieġu elaborazzjoni ad hoc.
Peress li l-aċċess għall-provi msemmija fit-talba kontenzjuża kien ibbażat fuq dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola ( 3 ) li tittrasponi l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 ( 4 ), il-Qorti Kummerċjali Nru 7 ta’ Barcelona għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari intiża, essenzjalment, li jiġi stabbilit jekk il-produzzjoni tal-provi rilevanti msemmija f’dan l-artikolu għandhiex tinftiehem biss bħala dokumenti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz li diġà jeżistu jew jekk, għall-kuntrarju, jistgħux ikunu dokumenti ġodda li dawn tal-aħħar għandhom joħolqu meta jgħaqqdu jew jikklassifikaw informazzjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz, li l-qrati nazzjonali jistgħu jordnaw il-produzzjoni tagħhom, ma humiex limitati għad-dokumenti fil-pussess tagħhom li diġà jeżistu, iżda jinkludu wkoll dawk li l-parti li lilha tkun indirizzata t-talba għall-produzzjoni tal-provi għandha toħloq ex novo, billi tgħaqqad jew tikklassifika informazzjoni, għarfien jew data fil-pussess tagħha, bla ħsara għall-osservanza stretta, mill-imsemmija qrati, tal-obbligu tagħhom skont paragrafu 2 u 3 tal-imsemmi artikolu li jillimitaw il-produzzjoni tal-provi għal dak li hu rilevanti, proporzjonat u neċessarju, filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-parti li lilha tkun indirizzata t-talba.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 billi tfakkar qabelxejn li l-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jiddetermina espressament kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tagħha, skont jekk dawn humiex, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, dispożizzjonijiet sostantivi jew le.
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-possibbiltà li tordna l-produzzjoni tal-provi rilevanti miżmuma mill-konvenut jew minn terz, fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, hija fost is-setgħat partikolari li l-qrati nazzjonali għandu jkollhom fil-kuntest tal-eżami tal-kawżi li jirrigwardaw ir-rikorsi għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu mġarrab minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Issa, permezz ta’ dan ir-rekwiżit, din id-dispożizzjoni hija intiża li tirrimedja n-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni, li tikkaratterizza, bħala prinċipju, dawn il-kawżi għad-detriment tal-persuna leża. Madankollu, l-għan tagħha jirrigwarda biss il-miżuri proċedurali applikabbli quddiem il-qrati nazzjonali, mingħajr ma jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-partijiet.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) tagħha, iżda fost dispożizzjonijiet “oħrajn” imsemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva, li din id-dispożizzjoni tiddikjara applikabbli għar-rikorsi ppreżentati wara s‑26 ta’ Diċembru 2014. Minn dan isegwi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 huwa applikabbli għar-rikors li bih hija adita l-qorti tar-rinviju, peress li dan ġie ppreżentat fil‑25 ta’ Marzu 2019.
Għaldaqstant, peress li għandha tingħata risposta fuq il-mertu lill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, l-ewwel nett, li, sa fejn il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 twassal sabiex jiġi kkunsidrat li talba għall-produzzjoni ta’ provi tista’ tirrigwarda biss provi li kienu jeżistu qabel, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha.
F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li d-definizzjoni tal-kelma “evidenza” li tinsab fil-punt 13 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li tirreferi għal “kull tip ta’ mezz ta’ prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali invokata, partikolarment dokumenti u l-oġġetti l-oħra kollha li jkun jinkludi informazzjoni, irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija maħżuna”, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-provi li l-produzzjoni tagħhom hija mitluba jikkorrispondu neċessarjament għal “dokumenti” eżistenti minn qabel. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-riferiment għall-provi “fil-pussess” tal-konvenut jew ta’ terz sempliċement jagħti rendikont ta’ sitwazzjoni fattwali, marbuta man-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jirrimedja.
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-analiżi hija kkorroborata mill-qari tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 fid-dawl tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-istess artikolu, li jeżiġu rispettivament mill-qrati nazzjonali li jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżit ta’ speċifiċità tat-talba għall-produzzjoni tal-provi kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-għan tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104 tirriżulta mill-konstatazzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-insuffiċjenza tal-ġlieda kontra l-aġir antikompetittiv fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-osservanza sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, għaldaqstant, tan-neċessità li tiġi ffaċilitata l-possibbiltà għall-isfera privata li tipparteċipa għas-sanzjoni pekunjarja u, għalhekk, għall-prevenzjoni ta’ tali aġir. Issa, is-setgħat partikolari li l-qrati nazzjonali għandu jkollhom sabiex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati huma parti minn dan l-għan.
F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-fatt li l-provi li l-produzzjoni tagħhom tista’ tintalab jiġu limitati mill-ewwel għad-dokumenti eżistenti minn qabel li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz jista’, f’ċerti każijiet, imur kontra l-għan ewlieni segwit mid-Direttiva 2014/104.
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, fl-aħħar nett, li tali interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 bl-ebda mod ma taffettwa l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ bbilanċjar tal-interessi preżenti, kif jirriżulta mill-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-istess artikolu. Fil-fatt, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhom jiġu implimentati b’rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huma l-qrati nazzjonali aditi b’talba għall-produzzjoni ta’ provi li għandhom jillimitaw il-produzzjoni ta’ tali provi għal dak li huwa rilevanti, proporzjonat u neċessarju, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali tal-parti li lilha ssir it-talba, skont l-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva.
( 1 ) Deċiżjoni C(2016) 4673 final tal-Kummissjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.39824 – Trakkijiet).
( 2 ) Artikolu 101 TFUE u Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
( 3 ) F’dan il-każ, l-Artikolu 283a(a) tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi Nru 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575).
( 4 ) Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).