This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020CJ0501
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
M P A vs LC D N M T.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 3, 6 sa 8 u 14 – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent, eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikoli 3 u 7 – Ċittadini ta’ żewġ Stati Membri differenti, residenti fi Stat terz bħala membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan l-Istat terz – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni – Forum necessitatis.
Kawża C-501/20.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
M P A vs LC D N M T.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 3, 6 sa 8 u 14 – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent, eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikoli 3 u 7 – Ċittadini ta’ żewġ Stati Membri differenti, residenti fi Stat terz bħala membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan l-Istat terz – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni – Forum necessitatis.
Kawża C-501/20.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:619
Kawża C‑501/20
MPA
vs
LCDNMT,
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) tal‑1 ta’ Awwissu 2022
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 3, 6 sa 8 u 14 – Kunċett ta’ ‘residenza abitwali’ – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent, eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet u kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Artikoli 3 u 7 – Ċittadini ta’ żewġ Stati Membri differenti, residenti fi Stat terz bħala membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan l-Istat terz – Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni – Forum necessitatis”
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament Nru 4/2009 – Kunċett ta’ residenza abitwali – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Konjuġi li allegatament għandhom status diplomatiku bħala membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fid-delegazzjoni tal-Unjoni fi Stat terz – Assenza ta’ effett
(Protokoll ta’ Den Haag tat‑23 ta’ Novembru 2007, Artikolu 3; Regolamenti tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 3(1)(a), u Nru 4/2009, premessa 8 u Artikolu 3(a) u (b))
(ara l-punti 41 sa 47, 49, 53, 66, u d-dispożittiv 1)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Kunċett ta’ residenza abitwali tal-wild – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Nazzjonalità tal-omm u residenza tagħha, qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, fl-Istat Membru tal-qorti adita – Assenza ta’ effett – Ulied minuri mwielda f’dan l-Istat Membru u li għandhom in-nazzjonalità – Ċirkustanza insuffiċjenti
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, premessa 12 u Artikolu 8(1))
(ara l-punti 71, 72, 75 sa 78, u d-dispożittiv 2)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Ġurisdizzjoni residwa – Portata – Konvenut fil-kawża prinċipali li huwa ċittadin ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-qorti adita – Esklużjoni ta’ ġurisdizzjoni residwa tal-imsemmija qorti fil-qasam matrimonjali – Assenza ta’ effett fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri
(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 3 sa 6, 7(1), u 8 sa 14)
(ara l-punti 81 sa 85, 89 sa 91, 96, u d-dispożittiv 3)
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, liġi applikabbli, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment – Regolament Nru 4/2009 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-obbligi ta’ manteniment – Forum necessitatis – Applikabbiltà – Kundizzjonijiet
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 24; Konvenzjoni ta’ Den Haag tat‑23 ta’ Novembru 2007; Regolament tal-Kunsill Nru 4/2009, premessa 16 u Artikoli 3 sa 7)
(ara l-punti 99, 101, 105 sa 111, 113, u d-dispożittiv 4)
Sunt
Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel xi preċiżazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju, ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment
Barra minn hekk, hija tispeċifika l-kriterju ta ’ “residenza abitwali ” li jiddetermina l-qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji ċivili
Fl‑2015, żewġ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni Ewropea, li qabel kienu jirrisjedu fil-Ginea Bissaw, marru t-Togo ma’ wliedhom minuri, minħabba l-assenjazzjoni tagħhom fid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan l-Istat terz. Peress li l-omm hija ċittadina Spanjola u l-missier ċittadin Portugiż, l-ulied, imwielda fi Spanja, għandhom nazzjonalità doppja Spanjola u Portugiża. Sa mis-separazzjoni de facto tal-koppja fl‑2018, l-omm u l-ulied għadhom jirrisjedu fid-dar matrimonjali fit-Togo u l-missier jirrisjedi f’lukanda f’dan l-istess Stat.
Fl‑2019, l-omm ressqet talba għal divorzju quddiem qorti Spanjola, flimkien, fost l-oħrajn, ma’ talbiet dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-kustodja tal-ulied u tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri kif ukoll dwar il-pensjoni tal-manteniment għalihom. Madankollu, din il-qorti ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali minħabba li l-partijiet ma kellhomx ir-residenza abitwali tagħhom fi Spanja.
Adita b’appell mill-omm, l-Audiencia Provincial de Barcelona (il-Qorti Provinċjali ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tagħmel diversi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-konjuġi u ta’ uliedhom, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli bis-saħħa tar-Regolamenti Nru 2201/2003 ( 1 ) u Nru 4/2009 ( 2 ).
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-elementi rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-residenza abitwali tal-partijiet li jidhru bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni fl-imsemmija regolamenti. Hija tispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet li fihom qorti adita tista’ tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fi kwistjonijiet ta’ divorzju, ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u ta’ obbligi ta’ manteniment meta ebda qorti ta’ Stat Membru normalment ikollha ġurisdizzjoni.
Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
Il-kunċett tar-“residenza abitwali” tal-konjuġi, li jinsab fil-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni alternattivi previsti fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi. Dan huwa kkaratterizzat mhux biss mir-rieda tal-persuna kkonċernata li tiffissa ċ-ċentru abitwali tal-ħajja tagħha f’post partikolari, iżda wkoll minn preżenza li għandha grad suffiċjenti ta’ stabbiltà fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. L-istess definizzjoni tapplika wkoll għall-kunċett ta’ “residenza abitwali” f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fis-sens tal-kriterji ta’ ġurisdizzjoni tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 4/2009, peress li dan għandu jkun iggwidat mill-istess prinċipji u kkaratterizzat mill-istess elementi bħal fil-Protokoll ta’ Den Haag dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment. Il-kwalità ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni tal-konjuġi kkonċernati, assenjati f’delegazzjoni ta’ din tal-aħħar fi Stat terz u li tagħha huwa allegat, bħal f’dan il-każ, li huma jgawdu hemmhekk mill-istatus diplomatiku, ma tistax tinfluwenza l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq.
Fir-rigward tar-residenza abitwali tal-wild, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, din tikkostitwixxi wkoll kunċett awtonomu. Hija teżiġi, tal-inqas, preżenza fiżika fi Stat Membru partikolari, li bl-ebda mod ma hija ta’ natura temporanja jew okkażjonali u li tirrifletti ċerta integrazzjoni ta’ dan il-wild f’ambjent soċjali u ta’ familja. F’dan ir-rigward, ir-rabta kkostitwita min-nazzjonalità tal-omm u mir-residenza tagħha, qabel iż-żwieġ tagħha, fl-Istat Membru tal-qorti adita fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri ma hijiex rilevanti għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, filwaqt li huwa insuffiċjenti l-fatt li l-ulied minuri twieldu f’dan l-Istat Membru u għandhom in-nazzjonalità tagħhom.
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” tista’ twassal sabiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni, bis-saħħa tar-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, sabiex tiddeċiedi fuq talba għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali u fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. F’każ bħal dan, l-Artikoli 7 u 14 ta’ dan ir-regolament jistgħu jawtorizzaw qorti adita li tapplika, rispettivament fir-rigward ta’ materja waħda jew oħra, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt intern, madankollu b’portata differenti. Fi kwistjonijiet matrimonjali, tali ġurisdizzjoni residwa tal-qorti tal-Istat Membru li quddiemha tressqet il-kawża hija eskluża meta l-konvenut ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, mingħajr madankollu ma jopponi l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-aħħar Stat Membru bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tiegħu. Għall-kuntrarju, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-fatt li l-konvenut ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ma jikkostitwixxix ostakolu sabiex il-qorti tal-Istat Membru adita bil-kawża tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha.
Kuntest ieħor huwa previst f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, meta l-partijiet kollha fil-kawża ma jirrisjedux abitwalment fi Stat Membru. F’dan il-każ, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 4/2009 jistabbilixxi erba’ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ eċċezzjonalment tikkonstata l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-istat ta’ neċessità (forum necessitatis). L-ewwel, il-qorti adita għandha tivverifika li ebda qorti ta’ Stat Membru ma għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament Nru 4/2009. It-tieni, it-tilwima inkwistjoni għandu jkollha rabta mill-qrib ma’ Stat terz, li huwa l-każ meta l-partijiet kollha jirrisjedu hemmhekk abitwalment. It-tielet, il-kundizzjoni li l-proċedura ma tkunx tista’ raġonevolment tiġi introdotta jew immexxija jew tirriżulta impossibbli fl-Istat terz teħtieġ li, fid-dawl tal-każ inkwistjoni, l-aċċess għall-ġustizzja fl-Istat terz ikun, fid-dritt jew fil-fatt, ostakolat, b’mod partikolari permezz ta’ kundizzjonijiet proċedurali diskriminatorji jew kuntrarji għal smigħ xieraq. Fl-aħħar, it-tilwima għandha jkollha rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti adita, peress li din tista’ tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.
( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6., p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19, u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29).