Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CJ0282

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Jannar 2022.
YT et vs Ministero dell'Istruzione, dell'Università e della Ricerca - MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 u 5 – Kuntratti ta’ xogħol għal zmien determinat fis-settur pubbliku – Għalliema tar-reliġjon Kattolika – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti – Bżonn permanenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni.
Kawża C-282/19.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:3

Kawża C‑282/19

YT. et

vs

Ministero dell’ Istruzione, dell’ Università e della Ricerca – MIUR
u
Ufficio scolastico Regionale per la Campania

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal di Napoli)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Jannar 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 u 5 – Kuntratti ta’ xogħol għal zmien determinat fis-settur pubbliku – Għalliema tar-reliġjon Kattolika – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti – Bżonn permanenti ta’ persunal ta’ sostituzzjoni”

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’tilwima li tirrigwarda talba ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema li jgħallmu r-reliġjon kattolika fl-istabbilimenti pubbliċi – Inklużjoni

    (Artikoli 17(1), 267 u 351(1) TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2000/78)

    (ara l-punti 46 sa 57)

  2. Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Għalliema tar-reliġjon Kattolika tal-istabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għall-għalliema li jgħallmu suġġetti oħra f’dawn l-istabbilimenti – Impossibbiltà tal-ħatra bħala impjegati permanenti għal tal-ewwel minħabba t-tul taż-żmien annwali tal-inkarigi tagħhom – Differenza fit-trattament mingħajr ebda rabta mar-reliġjon

    (Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2)(b))

    (ara l-punti 64 sa 66)

  3. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Kamp ta’ applikazzjoni – Persunal reklutat fis-settur tat-tagħlim mogħti fi ħdan stabbilimenti pubbliċi – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżoli 2(1) u 3(1))

    (ara l-punti 69 sa 71)

  4. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat – Esklużjoni tal-għalliema tar-reliġjon Kattolika mill-applikazzjoni tar-regoli intiżi biex jipprekludu l-użu abbużiv tal-kuntratti msemmija – Assenza ta’ miżura effettiva oħra li tipprekludi l-imsemmi użu abbużiv – Inammissibbiltà – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti – Ċertifikat ta’ kapaċità mogħti lill-għalliema darba biss minn awtorità ekkleżjastika – Esklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 5)

    (ara l-punti 76, 77, 82, 85 sa 89, 91, 92, 100 sa 116, 120, 125 u d-dispożittiv)

Sunt

Għalliema tar-reliġjon Kattolika: il-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kapaċità maħruġ minn awtorità ekkleżjastika ma tiġġustifikax it-tiġdid ta’ kuntratti għal żmien determinat

Ma hemmx diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon u lanqas fuq iż-żmien determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol

YT kif ukoll sbatax-il persuna oħra (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”), li ilhom jgħallmu għal diversi snin ir-reliġjon Kattolika fi ħdan stabbilimenti pubbliċi, ġew irreklutati mill-Ministero dell’Istruzione dell’Università e della Ricerca - MIUR (il-Ministeru għall‑Edukazzjoni, għall-Universitajiet u għar-Riċerka, l-Italja) permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat (iktar ’il quddiem il-“KŻD”) suċċessivi. Peress li kkonstataw li huma ma setgħux jibbenefikaw mill-ħatra bħala impjegati permanenti prevista mid-dritt Taljan għall‑persunal tal‑għalliema, minħabba t-tul annwali tal-inkarigi tagħhom, li ma kienx jippermetti l-inklużjoni tagħhom fil-listi permanenti ta’ kandidati xierqa, ir-rikorrenti adixxew lill-qorti tar-rinviju b’rikors intiż prinċipalment għat-trasformazzjoni tal-kuntratti attwali tagħhom f’kuntratti għal żmien indeterminat (iktar ’il quddiem il-“KŻI”).

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirrileva li l-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ( 1 ) teskludi, fis-settur tat-tagħlim, it-trasformazzjoni ta’ KŻD suċċessivi f’KŻI, tqis li dan ir-rikors ma jistax jintlaqa’. Fil-fehma tagħha, fid-dawl ta’ din l‑esklużjoni u tal-fatt li l-għalliema tar-reliġjon Kattolika inkwistjoni ma setgħux jibbenefikaw mill-ħatra bħala impjegati permanenti prevista fid-dritt Taljan, dan id-dritt ma jipprevedi ebda miżura ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ KŻD suċċessivi għall-imsemmija għalliema, fis-sens tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas.

Huwa għalhekk li hija ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana ma’ din l-aħħar dispożizzjoni, kif ukoll mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni ( 2 ). Barra minn hekk, hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk il-ħtieġa ta’ ċertifikat ta’ kapaċità maħruġ minn awtorità ekkleżjastika, li għandu jkollhom l-għalliema tar-reliġjon Kattolika sabiex jgħallmu, tikkostitwixxix “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-Ftehim Qafas, li tippermetti li jiġi ġġustifikat it‑tiġdid ta’ tali KŻD. Fl-aħħar nett, hija staqsiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu, għall-kawża prinċipali, mill-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inkompatibbiltà eventwali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod partikolari fuq l-effettività tal‑miżuri li għandhom jissanzjonaw, fid-dritt nazzjonali, l-użu abbużiv tal-KŻD suċċessivi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, filwaqt li tikkonstata b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma humiex intiżi biex jorganizzaw ir-relazzjonijiet bejn Stat Membru u l-knejjes, iżda jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema li jgħallmu r-reliġjon Kattolika fl‑istabbilimenti pubbliċi, u b’hekk il-kawża ma tikkonċernax l-istatus li jibbenefikaw minnu l‑knejjes imsemmija fl-Artikolu 17(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq il-mertu, wara li tikkonkludi li ma kienx hemm diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, peress li l-ħatra tar-rikorrenti fuq bażi permanenti kienet impossibbli minħabba t-tul tal-inkarigi tagħhom, mingħajr ebda rabta mar-reliġjon tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, qabel kollox, li s-sitwazzjoni li tgħid li r-rikorrenti ma jistgħux jibbenefikaw minn klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tagħhom f’KŻD filwaqt li l-għalliema ta’ suġġetti oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli jistgħu, tikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ ħaddiema għal żmien determinat. Konsegwentement, tali sitwazzjoni ma taqax taħt il‑Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas ( 3 ), peress li din tal-aħħar tipprojbixxi d-differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u dawk għal żmien indeterminat. Għalhekk, il-qorti tar‑rinviju ma tistax tħalli mhux applikati r-regoli nazzjonali inkwistjoni abbażi tal-imsemmija klawżola.

Sussegwentement, fir-rigward tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-għalliema tar-reliġjon Kattolika mill-applikazzjoni tar‑regoli intiżi biex jipprekludu l-użu abbużiv tal-KŻD suċċessivi, meta ma tkun teżisti ebda miżura effettiva oħra fl-ordinament ġuridiku intern li tissanzjona l-imsemmi rikors abbużiv, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

Fil-fatt, ċertament ma huwiex eskluż li s-settur tat-tagħlim pubbliku tar-reliġjon Kattolika jeżiġi adegwatezza kostanti bejn in-numru ta’ ħaddiema impjegati u n-numru ta’ utenti potenzjali, li jinvolvi, għall-persuna li timpjega, bżonnijiet provviżorji fil-qasam tar-reklutaġġ, peress li l‑bżonn partikolari ta’ flessibbiltà, f’dan is-settur, huwa ta’ natura li jiġġustifika, fid-dawl tal‑Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas, l-użu ta’ KŻD suċċessivi. Madankollu, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li jiġi vverifikat konkretament li t-tiġdid ta’ tali kuntratti jkun intiż biex ikopri bżonnijiet provviżorji u li din il-possibbiltà ma tintużax, fil-fatt, sabiex jiġu ssodisfatti bżonnijiet permanenti tal-persuna li timpjega fil-qasam tal-persunal. Issa, f’dan il‑każ, id-diversi KŻD li jorbtu lir-rikorrenti mal-persuna li timpjegahom taw lok għat-twettiq ta’ kompiti simili matul diversi snin, b’tali mod li din ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tinftiehem bħala li ssodisfat bżonn li kien dewwiemi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Barra minn hekk, billi kkonstatat b’mod partikolari li ċ-ċertifikat ta’ kapaċità li għandu jkollhom l-għalliema tar-reliġjon Kattolika sabiex jgħallmu jingħata darba biss u mhux qabel kull sena skolastika li tagħti lok għall-konklużjoni ta’ KŻD, indipendentement mit-tul tal‑inkarigi fdati lilhom, u li dan l-għoti ma huwiex marbut ma’ miżuri li jfittxu għanijiet ta’ politika soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li dan iċ-ċertifikat ma jikkostitwixxix “raġuni oġġettiva” li tiġġustifika t-tiġdid ta’ KŻD, fis-sens tal-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li għalkemm din il-klawżola ma għandhiex effett dirett, u b’hekk il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontriha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk hijiex possibbli interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni li tkun konformi mal-Ftehim Qafas, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu.


( 1 ) Ftehim Qafas dwar Xogħol għal Terminu Fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

( 2 ) Din il-projbizzjoni hija prevista mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mid‑Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 004, p. 79).

( 3 ) Il-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha, li, fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tal-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

Top