This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019CJ0911
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
Fédération bancaire française (FBF) vs Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA.
Kawża C-911/19.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021.
Fédération bancaire française (FBF) vs Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA.
Kawża C-911/19.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:599
Kawża C‑911/19
Fédération bancaire française (FBF)
vs
Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 263 u 267 TFUE – Att tal-Unjoni mhux vinkolanti legalment – Stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida maħruġa mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) – Arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Validità – Kompetenza tal-EBA”
Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Esklużjoni
(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1093/2010, Artikolu 16(3))
(ara l-punti 36-38, 44, 45, 48-50, u d-dispożittiv 1)
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Atti adottati mill-istituzzjonijiet – Portata tal-ġurisdizzjoni – Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Inklużjoni
(Artikolu 19(3)(b) TUE; Artikolu 267 TFUE)
(ara l-punti 53-57, u d-dispożittiv 2)
Drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni – Modalitajiet – Eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att tal-Unjoni, invokata mill-parti fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali – Kundizzjoni li wieħed ikun direttament u individwalment ikkonċernat minn dan l-att – Assenza
(Artikoli 263 u 267 TFUE)
(ara l-punti 59, 61-63, 65, u d-dispożittiv 3)
Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Għoti ta’ setgħat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) sabiex toħroġ linji gwida – Regolamentazzjoni ta’ dawn is-setgħat b’mod preċiż abbażi ta’ kriterji oġġettivi, suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju – Linji gwida tal-EBA li ma jipproduċux effetti legali vinkolanti – Assenza ta’ impatt fuq il-portata tal-imsemmi stħarriġ
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1093/2010)
(ara l-punti 67, 68)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Kompetenza tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) sabiex toħroġ Linji gwida dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Portata – Limiti
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1093/2010, Artikoli 1(2), (3) u (5), 8(1)(a), (b) u (h), 8(2)(c), u 16)
(ara l-punti 75, 83, 84)
Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Sorveljanza tas-settur finanzjarju tal-Unjoni – Linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut – Evalwazzjoni tal-validità – Kundizzjonijiet – Linji gwida li jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA – Linji gwida li jaqgħu fil-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida – Validità
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1093/2010, Artikoli 1(2), (3) u (5), 8(1) u (2), u 16(1); Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/64, 2009/110, 2013/36 u 2014/17)
(ara l-punti 94-96, 106, 113-116, 122, 123, 125-131, u d-dispożittiv 4)
Sunt
Il-Linji gwida dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut tal-Awtorità Bankarja Ewropea huma validi
Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari tista ’ tintuża sabiex tiġi mistħarrġa l-validità ta ’ tali linji gwida
Fl-2016, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ħarġet linji gwida dwar l-arranġamenti għall-governanza u s-sorveljanza tal-prodotti għal prodotti bankarji bl-imnut ( 1 ). Permezz ta’ avviż ippubblikat fit-8 ta’ Settembru 2017 fuq is-sit internet tagħha, l-Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (l-Awtorità għas-Sorveljanza u r-Riżoluzzjoni Prudenzjali) (ACPR) (Franza) ħabbret li hija kienet konformi ma’ dawn il-linji gwida, u għalhekk saru applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha suġġetti għas-superviżjoni tagħha.
Fit‑8 ta’ Novembru 2017, il-Fédération bancaire française (FBF) ippreżentat, quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), rikors intiż għall-annullament tal-avviż tal-ACPR. Il-FBF sostniet li l-linji gwida tal-EBA, li dan l-avviż kien jirrendi applikabbli, ma kinux validi minħabba li din l-awtorità ma kellhiex il-kompetenza li toħroġ dawn il-linji gwida.
Peress li kellu dubji, minn naħa, fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-Linji gwida kontenzjużi mill-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-validità ta’ dawn il-linji gwida fir-rigward tal-qafas tal-mandat mogħti lill-EBA mid-dritt sekondarju, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn talabha tiddeċiedi dwar dawn l-aspetti.
Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li qabel kollox ikkonstatat li l-linji gwida tal-EBA ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, tiddikjara sussegwentement li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-validità ta’ dawn il-linji gwida b’mod preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, u fl-aħħar nett tikkonferma l-validità tagħhom.
L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Linji gwida kontenzjużi mill-qorti tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dawn l-atti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, peress li ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti.
F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li mir-Regolament Nru 1093/2010 ( 2 ) jirriżulta li l-awtoritajiet kompetenti destinatarji tal-Linji gwida kontenzjużi ma humiex obbligati jikkonformaw ruħhom magħhom u għandhom il-fakultà li ma josservawhomx, f’liema każ huma għandhom jimmotivaw il-pożizzjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-linji gwida ma jistgħux jitqiesu li jipproduċu effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti jew tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, billi awtorizza lill-EBA toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħtiha setgħa ta’ inċitazzjoni u ta’ persważjoni distinta mis-setgħa li tadotta atti li għandhom saħħa vinkolanti.
Madankollu, il-fatt li l-Linji gwida kontenzjużi huma nieqsa minn effetti legali vinkolanti ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar il-validità tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, għandha ġurisdizzjoni tevalwa l-validità tal-linji gwida.
Konsegwentement, hija tevalwa din il-validità fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1093/2010, sabiex tivverifika jekk dawn il-linji gwida jaqgħux taħt il-kompetenzi tal-EBA.
Qabel kollox, hija tenfasizza li, peress li mir-Regolament Nru 1093/2010 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola s-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida b’mod preċiż, abbażi ta’ kriterji oġġettivi, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu jkun jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju rigoruż fid-dawl ta’ dawn il-kriterji. Il-fatt li l-Linji gwida kontenzjużi ma jipproduċux effetti legali vinkolanti ma huwiex tali li jaffettwa l-portata ta’ dan l-istħarriġ.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li s-setgħa ta’ azzjoni tal-EBA hija limitata, fis-sens li din l-awtorità hija kompetenti sabiex toħroġ linji gwida biss sa fejn ikun espliċitament previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Wara li fakkret il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1093/2010 dwar il-portata tal-kompetenzi mogħtija lill-EBA, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, minn naħa, li l-validità ta’ linji gwida maħruġa minn din l-awtorità hija suġġetta għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jirregolaw speċifikament is-setgħa tal-EBA li toħroġhom, iżda wkoll għall-inklużjoni ta’ dawn il-linji gwida fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, li dan l-istess regolament jiddefinixxi b’riferiment għall-applikazzjoni ta’ ċerti atti tal-Unjoni msemmija fih. Min-naħa l-oħra, l-EBA tista’, sabiex tiżgura applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni, toħroġ linji gwida dwar l-obbligi ta’ superviżjoni prudenzjali fuq l-istituzzjonijiet ikkonċernati, b’mod partikolari sabiex jiġu protetti l-interessi tad-depożituri u tal-investituri permezz ta’ qafas adegwat għat-teħid ta’ riskji finanzjarji. Fil-fatt, xejn fir-Regolament Nru 1093/2010 ma jippermetti li jitqies li minn din is-setgħa huma esklużi miżuri relatati mad-disinjar u mat-tqegħid fis-suq tal-prodotti, sa fejn dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA.
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-Linji gwida kontenzjużi jaqgħux, minn naħa, fil-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, u, min-naħa l-oħra, fil-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida.
F’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ azzjoni tal-EBA, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-validità tal-Linji gwida kontenzjużi hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn ikunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mill-inqas wieħed mill-atti msemmija fir-Regolament Nru 1093/2010 ( 3 ) jew li jkunu neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi ta’ tali att.
F’dan ir-rigward, hija tikkonkludi li l-Linji gwida kontenzjużi jistgħu jitqiesu li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti u effikaċi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/36, 2007/64, 2009/110 u 2014/17, imsemmija direttament jew indirettament mir-Regolament Nru 1093/2010.
Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, dawn l-ewwel tliet direttivi, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, peress li l-Linji gwida kontenzjużi huma intiżi sabiex jiddefinixxu b’liema mod l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom jinkludu modalitajiet ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti, intiżi sabiex jiżguraw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tas-swieq imsemmija kif ukoll ta’ dawk tal-konsumaturi kkonċernati, fl-istrutturi tagħhom u fil-proċeduri interni tagħhom, dawn il-linji gwida għandhom jitqiesu bħala li jistabbilixxu prinċipji intiżi sabiex jiggarantixxu proċessi effikaċi għall-identifikazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ tar-riskji kif ukoll mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti msemmija mir-Regolament Nru 1093/2010 ( 4 ), bil-għan li jiggarantixxu l-eżistenza ta’ arranġamenti robusti ta’ governanza korporattiva meħtieġa f’dawn id-dispożizzjonijiet.
Fir-rigward tal-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Linji gwida kontenzjużi jaqgħu tabilħaqq taħt dan il-qafas ( 5 ).
F’dan ir-rigward, hija tippreċiża, fl-ewwel lok, li l-Linji gwida kontenzjużi għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għal dik tad-depożituri u tal-investituri, imsemmija fir-Regolament Nru 1093/2010. Fit-tieni lok, dawn il-linji gwida għandhom ukoll jintrabtu mal-funzjonijiet mogħtija lill-EBA, konformement ma’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda r-regolamentazzjoni tat-teħid ta’ riskju mill-istituzzjonijiet finanzjarji. Fit-tielet lok, dawn għandhom jitqiesu li jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ prattiki ta’ sorveljanza konsistenti, effiċjenti u effettivi fi ħdan is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja ( 6 ).
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Linji gwida kontenzjużi tabilħaqq jaqgħu fil-qafas speċifiku stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-eżerċizzju tas-setgħa tal-EBA li toħroġ linji gwida, u, konsegwentement, taħt il-kompetenzi tal-EBA, u għaldaqstant tiddeċiedi li l-eżami tal-validità mitlub mill-qorti tar-rinviju ma rrileva ebda element ta’ natura li jikkontesta dik tal-imsemmija linji gwida.
( 1 ) Linji gwida tat-22 ta’ Marzu 2016 (ABE/GL/2015/18) (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida kontenzjużi”).
( 2 ) Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12).
( 3 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li erba’ direttivi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu atti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010, jiġifieri: id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1, u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95); id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5); id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 267, p. 7); u d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11).
( 4 ) Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36, Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2007/64, u Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/110.
( 5 ) Kif jirriżulta mill-Artikolu 8(1) u (2), kif ukoll mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(5) tiegħu.
( 6 ) Prattiki li jagħmlu riferiment għalihom l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010.