Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 62019CJ0673

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2021.
M et vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid u T.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 3, 4, 6 u 15 – Refuġjat li jkun qiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru illegalment – Detenzjoni għal finijiet ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor – Status ta’ refuġjat f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Prinċipju ta’ non-refoulement – Assenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115.
Kawża C-673/19.

Teismo praktikos rinkinys. Bendrasis rinkinys. Skyrius „Informacija apie nepaskelbtus sprendimus“

Europos teismų praktikos identifikatorius (ECLI): ECLI:EU:C:2021:127

Kawża C‑673/19

M et

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
et
T

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-24 ta’ Frar 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ażil u immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 3, 4, 6 u 15 – Refuġjat li jkun qiegħed fit-territorju ta’ Stat Membru illegalment – Detenzjoni għal finijiet ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor – Status ta’ refuġjat f’dan l-Istat Membru l-ieħor – Prinċipju ta’ non-refoulement – Assenza ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Applikabbiltà tad-Direttiva 2008/115

  1. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment – Direttiva 2008/115 – Ċittadini li jkollhom permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni li tagħti dritt ta’ residenza maħruġa minn Stat Membru ieħor – Ċittadini li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li wieħed imur f’dan l-Istat Membru – Prin1ipju ta’ non-refoulement – Impossibbiltà li tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn kontra l-imsemmija ċittadini fl-assenza ta’ destinazzjoni ta’ ritorn – Detenzjoni għall-finijiet ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru l-ieħor – Ammissibbiltà – Limitu – Rispett tad-drittijiet fundamentali

    (Direttiva 2008/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 3, 4, 6 u 15)

    (ara l-punti 32 sa 35, 38 sa 42, 45 sa 48 u d-dispożittiv)

  2. Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu illegalment – Direttiva 2008/115 – Skop – Armonizzazzjoni integrali tar-regoli nazzjonali dwar ir-residenza tal-barranin – Esklużjoni

    (Direttiva 2008/115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

    (ara l-punti 43, 44)

Sunt

Tliet ċittadini ta’ pajjiżi terzi, M, A u T, ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi meta kellhom diġà l-istatus ta’ refuġjat fi Stati Membri oħra, jiġifieri, il-Bulgarija, Spanja u l-Ġermanja, rispettivament. Għal din ir-raġuni, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) ċaħad l-applikazzjonijiet tagħhom. Wara li kkonstata li kienu jirrisjedu illegalment fit-territorju Olandiż, huwa ordnalhom li jirritornaw immedjatament lejn dawn l-Istati Membri. Peress li l-persuni kkonċernati ma segwewx din l-ordni, huma tqiegħdu f’detenzjoni u sussegwentement ġew ittrasferiti bil-forza lejn l-Istati Membri kkonċernati.

M, A u T ippreżentaw appell quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi). Huma jsostnu li, fl-assenza tal-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tad-Direttiva dwar ir-ritorn ( 1 ), iż-żamma tagħhom taħt detenzjoni kienet illegali. Għaldaqstant, huma jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat minn din id-detenzjoni. M u A tilfu il-kawżi tagħhom, iżda T rebaħ il-kawża. M u A għalhekk appellaw quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) u s-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà għamel l-istess fil-kawża tiegħu kontra T.

Huwa f’dan il-kuntest li dik il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva dwar ir-ritorn ( 2 ) tipprekludix li Stat Membru jqiegħed f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi illegalment fit-territorju tiegħu, sabiex iwettaq it-trasferiment forzat tiegħu lejn Stat Membru ieħor li fih dan iċ-ċittadin ikollu l-istatus ta’ refuġjat, meta dan tal-aħħar ikun irrifjuta li jikkonforma mal-ordni li kienet ingħatatlu li jmur f’dan l-Istat Membru l-ieħor u meta ma jkunx possibbli li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tiegħu. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għal din id-domanda.

L-ewalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont id-Direttiva dwar ir-ritorn, kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn ( 3 ). Din tal-aħħar għandha tidentifika l-pajjiż terz fejn il-parti kkonċernata għandha tintbagħat, jiġifieri l-pajjiż ta’ orġini tagħha, pajjiż ta’ tranżitu jew pajjiż terz fejn hija tiddeċiedi li tmur volontarjament u li jkun lest li jilqagħha fit-territorju tiegħu ( 4 ). Bħala deroga minn dan, meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment ikollu dritt ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, ikun hemm lok li dan jitħalla jmur immedjatament f’dan l-Istat Membru minflok ma tiġi adottata, mill-ewwel, deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward tiegħu ( 5 ). Madankollu, meta dan iċ-ċittadin jirrifjuta li jmur fl-Istat Membru kkonċernat, jew meta t-tluq immedjat tiegħu jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, l-Istat Membru li fih ikun qiegħed jirrisjedi illegalment ikollu għalhekk jadotta deċiżjoni ta’ ritorn.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tirrileva li, f’dan il-każ, kien legalment impossibbli għall-awtoritajiet Olandiżi li jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn fil-konfront tal-persuni kkonċernati, wara r-rifjut tagħhom li jmorru fl-Istati Membri li tawhom l-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, l-ebda wieħed mill-pajjiżi terzi msemmija fid-Direttiva dwar ir-ritorn ( 6 ) ma jista’, f’dan il-każ, jikkostitwixxi destinazzjoni ta’ ritorn. B’mod partikolari, minħabba l-istatus tagħhom ta’ refuġjati, il-persuni kkonċernati ma jistgħux jintbagħtu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom mingħajr ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Issa, dan il-prinċipju, iggarantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 7 ), għandu jiġi osservat mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-ritorn ( 8 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, f’ċirkustanzi bħal dawn, ebda standard jew proċedura prevista minn din id-direttiva ma tippermetti t-tkeċċija ta’ dawn iċ-ċittadini, minkejja li jkunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru illegalment.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li d-Direttiva dwar ir-ritorn ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin. B’mod partikolari, hija ma għandhiex l-għan li tiddetermina l-konsegwenzi ta’ residenza illegali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu ebda deċiżjoni ta’ ritorn lejn pajjiż terz ma tista’ tiġi adottata, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, din l-impossibbiltà tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-refoulement. Għalhekk, f’tali sitwazzjoni, id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jwettaq it-trasferiment forzat ta’ dan iċ-ċittadin lejn l-Istat Membru li rrikonoxxielu l-istatus ta’ refuġjat ma hijiex regolata mill-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva dwar ir-ritorn. Hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda taħt l-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva ta’ dan l-Istat Membru fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali. Konsegwentement, l-istess japplika għaż-żamma taħt detenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin, ordnat sabiex jiżgura t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li dan it-trasferiment forzat u din id-detenzjoni huma suġġetti għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 9 ), u tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati ( 10 ).


( 1 ) Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”).

( 2 ) Ara, speċifikament, l-Artikoli 3, 4, 6 u 15 tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 3 ) Ara l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 4 ) Ara l-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 5 ) Ara l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 6 ) Ara l-punt 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 7 ) Ara l-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 8 ) Ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar ir-ritorn.

( 9 ) Konvenzjoni ffirmata f’Ruma, fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 10 ) Konvenzjoni ffirmata f’Geneva, fit-28 ta’ Lulju 1951.

Į viršų