Izberite preskusne funkcije, ki jih želite preveriti.

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 62019CJ0357

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta’ Diċembru 2021.
Proċeduri kriminali kontra PM et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress li sar mir-Rumanija sabiex tikseb ċerti punti ta’ riferiment speċifiċi fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Natura u effetti legali – Natura obbligatorja għar-Rumanija – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-korruzzjoni – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Artikolu 325(1) TFUE – Konvenzjoni ‘PIF’ – Proċeduri kriminali – Sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) dwar il-legalità tal-produzzjoni ta’ ċerti provi u l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni gravi – Obbligu għall-imħallfin nazzjonali li jagħtu effett sħiħ lid-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) – Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet – Setgħa li jitħallew mhux applikati deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
Kawżi magħquda C-357/19, C-379/19, C-547/19, C-811/19 u C-840/19.

Zbirka odločb – splošno – razdelek „Informacije o neobjavljenih odločbah“

Oznaka ECLI: ECLI:EU:C:2021:1034

Kawżi Magħquda C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19

Proċeduri kriminali

kontra

PM et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari,

imressqa mill-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie, kif ukoll mit-Tribunalul Bihor)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑21 ta’ Diċembru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress li sar mir-Rumanija sabiex tikseb ċerti punti ta’ riferiment speċifiċi fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Natura u effetti legali – Natura obbligatorja għar-Rumanija – Stat tad-dritt – Indipendenza ġudizzjarja – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-korruzzjoni – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Artikolu 325(1) TFUE – Konvenzjoni ‘PIF’ – Proċeduri kriminali – Sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) dwar il-legalità tal-produzzjoni ta’ ċerti provi u l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fi kwistjonijiet ta’ korruzzjoni gravi – Obbligu għall-imħallfin nazzjonali li jagħtu effett sħiħ lid-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) – Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn id-deċiżjonijiet – Setgħa li jitħallew mhux applikati deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni”

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Osservanza tal-Istat tad-dritt – Portata – Adeżjoni mal-Unjoni – Trattat ta’ Adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika – Deċiżjoni 2006/928 – Natura vinkolanti – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni

    (Artikoli 2, 4(3), 19 u 49 TUE; ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Trattat ta’ Adeżjoni tal‑2005, Artikoli 2, 37 u 38 u Anness IX; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928, premessi 2 sa 6 u 9 u Artikoli 1, 2 u 4 u l-anness)

    (ara l-punti 156, 158 sa 165, 167 sa 175 u d-dispożittiv 1)

  2. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn – Obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Kunċetti ta’ frodi u ta’ attivitajiet illegali oħrajn – Korruzzjoni – Tentattiv ta’ korruzzjoni – Inklużjoni

    (Artikolu 325(1) TFUE; Trattat ta’ Adeżjoni tal‑2005, Anness IX; Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 1(1) u 2(1); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 181 sa 189)

  3. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn – Obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Portata – Leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li timponi l-eżami mill-ġdid ta’ sentenzi ta’ kundanna fil-qasam ta’ frodi u ta’ korruzzjoni – Riskju sistemiku ta’ impunità – Inammissibbiltà

    (Artikolu 325(1) TFUE; Trattat ta’ Adeżjoni tal‑2005, Anness IX; Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 1(1) u 2; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 190 sa 194, 197, 200 sa 203, 213 u d-dispożittiv 2)

  4. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn – Obbligu tal-Istati Membri li jimplimentaw sanzjonijiet effettivi u dissważivi – Portata – Obbligu tal-qorti nazzjonali – Rispett tad-drittijiet fundamentali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Portata – Tlugħ bix-xorti tal-imħallfin fil-qasam ta’ korruzzjoni – Speċjalizzazzjoni tal-imħallfin fil-qasam ta’ korruzzjoni – Applikazzjoni ta’ standard nazzjonali ta’ protezzjoni li jinkludi riskju sistemiku ta’ impunità – Inammissibbiltà

    (Artikolu 325(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, Artikoli 51(1) u 53; Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 1(1) u 2; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928)

    (ara l-punti 204 sa 206, 211 sa 213, u d-dispożittiv 2)

  5. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja – Portata

    (Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47(2); Deċiżjoni 2006/928, premessa 3 u l-anness)

    (ara l-punti 217 sa 226)

  6. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja – Ġurisprudenza ta’ livell kostituzzjonali li torbot lill-qrati ordinarji – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Osservanza tal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat – Indipendenza tal-qorti ta’ livell kostituzzjonali

    (Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni 2006/928, premessa (3) u l-anness)

    (ara l-punti 227 sa 230, 232 sa 234, 236, 242, 263 u d-dispożittiv 3)

  7. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja – Responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-impożizzjoni ta’ din ir-responsabbiltà fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ġurisprudenza ta’ livell kostituzzjonali – Inammissibbiltà

    (Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni 2006/928, premessa 3 u l-anness)

    (ara l-punti 238 sa 242, 263 u d-dispożittiv 3)

  8. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Supremazija – Portata – Interpretazzjoni – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Unjoni

    (Artikoli 4(2) u 19(1) TUE)

    (ara l-punti 245 sa 254)

  9. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja – Supremazija – Effett dirett – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjoni dixxiplinari, lil qorti ordinarja milli tħalli mhux applikata l-ġurisprudenza ta’ livell kostituzzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Inammissibbiltà

    (Artikolu 4 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikoli 267 u 325(1) TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928, anness)

    (ara l-punti 256 sa 260, 262, 263 u d-dispożittiv 4)

Sunt

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali sa fejn din, flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni, toħloq riskju sistemiku ta’ impunità

Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jħallu mhux applikata deċiżjoni ta ’ qorti kostituzzjonali li tmur kontra dan id-dritt, b’mod partikolari mingħajr ma jieħdu r-riskju li jistabbilixxu r-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom

Dawn il-kawżi jagħmlu parti mill-kontinwazzjoni tar-riforma tal-ġustizzja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija, li kienet diġà s-suġġett ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 1 ). Din ir-riforma ilha tiġi segwita fil-livell tal-Unjoni Ewropea mis-sena 2007 bis-saħħa tal-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika stabbilit bid-Deċiżjoni 2006/928 ( 2 ) fl-okkażjoni tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“MKV”)

Fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi tqum il-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta minn diversi deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională a României (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) dwar ir-regoli tal-proċedura kriminali applikabbli fil-qasam tal-frodi u tal-korruzzjoni tistax tikser id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt intiżi sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-garanzija ta’ indipendenza ġudizzjarja u l-valur tal-Istat tad-dritt, kif ukoll il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

Fil-kawżi C‑357/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, l-Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem il-“QGħKĠ”) kienet ikkundannat lil diversi persuni, inklużi ex parlamentari u ministri, għal reati ta’ frodi tal-VAT, kif ukoll ta’ korruzzjoni u ta’ xiri ta’ influwenza, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni ta’ fondi Ewropej. Il-Qorti Kostituzzjonali annullat dawn id-deċiżjonijiet minħabba l-kompożizzjoni illegali tal-kulleġġi ġudikanti, minħabba, minn naħa, li l-kawżi li fuqhom il-QGħKĠ kienet iddeċidiet fl-ewwel istanza kellhom jiġu deċiżi permezz ta’ kulleġġ speċjalizzat fil-qasam tal-korruzzjoni ( 3 ) u, min-naħa l-oħra, li, fil-kawżi li fuqhom il-QGħKĠ kienet iddeċidiet fl-appell, l-Imħallfin kollha tal-kulleġġ ġudikanti kellhom jinħatru permezz ta’ tlugħ bix-xorti ( 4 ).

Fil-Kawża C‑379/19, inbdew proċeduri kriminali quddiem it-Tribunalul Bihor (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bihor, ir-Rumanija) kontra diversi persuni akkużati b’reati ta’ korruzzjoni u ta’ xiri ta’ influwenza. Fil-kuntest ta’ talba għall-esklużjoni ta’ provi, din il-qorti hija kkonfrontata bl-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ddikjarat antikostituzzjonali l-ġbir ta’ provi fil-qasam kriminali mwettaq bil-parteċipazzjoni tas-servizz Rumen tal-informazzjoni, li jwassal għall-esklużjoni retroattiva tal-provi kkonċernati mill-proċedura kriminali ( 5 ).

F’dawn il-kuntesti, il-QGħKĠ u l-Qorti tal-Kontea ta’ Bihor staqsew lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali mad-dritt tal-Unjoni ( 6 ). Qabelxejn, il-Qorti tal-Kontea ta’ Bihor tistaqsi dwar in-natura vinkolanti tal-MKV u tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu ( 7 ). Sussegwentement, il-QGħKĠ tqajjem il-kwistjoni ta’ eventwali riskju sistemiku ta’ impunità fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni. Fl-aħħar nett, dawn il-qrati jistaqsu wkoll jekk il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ indipendenza ġudizzjarja jippermettulhomx li jħallu mhux applikata deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, filwaqt li skont id-dritt Rumen, in-nuqqas ta’ osservanza mill-maġistrati ta’ deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali jikkostitwixxi nuqqas dixxiplinari.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

In-natura vinkolanti tal-MKV

Il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, ikkonfermat il-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta minn sentenza preċedenti, skont liema l-MKV huwa vinkolanti fl-aspetti kollha tiegħu għar-Rumanija ( 8 ). Għalhekk, l-atti meħuda, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jorbtu lir-Rumanija sa mid-data tal-adeżjoni tagħha. Dan huwa l-każ tad-Deċiżjoni 2006/928, li hija obbligatorja fl-aspetti kollha tagħha għar-Rumanija sakemm din ma tkunx tħassret. L-għanijiet ta’ referenza li huma intiżi sabiex jiżguraw l-osservanza tal-Istat tad-dritt huma wkoll ta’ natura vinkolanti. Ir-Rumanija hija għalhekk obbligata tieħu l-miżuri xierqa għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni ( 9 ).

L-obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet effettivi u dissważivi għal reati ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew ta’ korruzzjoni

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali li twassal għall-annullament tas-sentenzi mogħtija minn kulleġġi ġudikanti li jkunu kkostitwiti irregolarment, sa fejn dan, flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni, joħloq riskju sistemiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu reati gravi ta’ frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jew ta’ korruzzjoni.

Qabelxejn, anki jekk ir-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, b’mod partikolari dik dwar il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fil-qasam tal-frodi u tal-korruzzjoni, jaqgħu bħala prinċipju taħt il-kompetenza ta’ dawn l-Istati, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li dawn huma madankollu obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni.

Fost tali obbligi hemm il-ġlieda kontra kull attività illegali, li tinkludi r-reati ta’ korruzzjoni, li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi ( 10 ). Fir-rigward tar-Rumanija, dan l-obbligu huwa kkompletat bl-obbligu ta’ dan l-Istat Membru, li jirriżulta mid-Deċiżjoni 2006/928, li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-korruzzjoni u, b’mod partikolari, il-korruzzjoni ta’ livell għoli.

Ir-rekwiżit ta’ effettività li jirriżulta minn dan jestendi neċessarjament kemm għall-proċeduri u s-sanzjonijiet ta’ dawn ir-reati kif ukoll għall-applikazzjoni tal-pieni imposti sa fejn, fl-assenza ta’ eżekuzzjoni effettiva tas-sanzjonijiet tar-reati ta’ frodi li taffettwa dawn l-interessi u ta’ korruzzjoni b’mod ġenerali, dawn ma jistgħux ikunu effettivi u dissważivi. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, l-ewwel, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxi li s-sistema proċedurali applikabbli għall-imsemmija reati ma jkollhiex riskju sistemiku ta’ impunità. Fir-rigward tal-qrati nazzjonali, dawn għandhom iħallu mhux applikati d-dispożizzjonijiet interni li jostakolaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi.

F’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali inkwistjoni għandha bħala konsegwenza li l-kawżi ta’ frodi u ta’ korruzzjoni kkonċernati għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid, jekk ikun il-każ f’diversi okkażjonijiet, fl-ewwel istanza u/jew fl-appell. Fid-dawl tal-kumplessità tiegħu u tat-tul tiegħu, tali eżami mill-ġdid neċessarjament għandu l-effett li jtawwal it-tul tal-proċeduri kriminali korrispondenti. Issa, minbarra l-fatt li r-Rumanija kienet impenjata li tnaqqas it-tul tal-proċedura għall-kawżi ta’ korruzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, fid-dawl tal-obbligi speċifiċi imposti fuq ir-Rumanija bis-saħħa tad-Deċiżjoni 2006/928, il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali f’dan il-qasam ma jistax ikollhom bħala konsegwenza li jtawlu t-tul tal-investigazzjonijiet dwar ir-reati ta’ korruzzjoni jew li jdgħajfu bi kwalunkwe mod ieħor il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ( 11 ). Barra minn hekk, fid-dawl tar-regoli nazzjonali ta’ preskrizzjoni, l-eżami mill-ġdid tal-kawżi inkwistjoni jista’ jwassal għall-preskrizzjoni tar-reati u jipprekludi li jiġu ssanzjonati, b’mod effettiv u dissważiv, il-persuni li jokkupaw l-ogħla karigi tal-Istat Rumen u li jkunu ġew ikkundannati talli wettqu, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, atti ta’ frodi u/jew ta’ korruzzjoni gravi. Għaldaqstant, ir-riskju ta’ impunità jsir sistemiku għal din il-kategorija ta’ persuni u jippreġudika l-għan tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni ta’ livell għoli.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-obbligu li jiġi żgurat li tali reati huma s-suġġett ta’ sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva ma jeżentax lill-qorti tar-rinviju mill-verifika tar-rispett neċessarju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma din il-qorti tkun tista’ tapplika standard nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jinkludi tali riskju sistemiku ta’ impunità. Issa, ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-artikolu ma jipprekludux eventwali nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar l-ispeċjalizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti fil-qasam tal-korruzzjoni.

Il-garanzija tal-indipendenza ġudizzjarja

Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali jorbtu lill-qrati ordinarji, bil-kundizzjoni li l-indipendenza ta’ din il-qorti fil-konfront b’mod partikolari tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi tiġi ggarantita. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt jipprekludi li r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin nazzjonali tiġi stabbilita permezz ta’ kull ksur ta’ tali deċiżjonijiet.

L-ewwel, peress li l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż sabiex jiżgura l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għal Stat tad-dritt, kull qorti mitluba tapplika jew tinterpreta d-dritt tal-Unjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Sabiex tagħmel dan, l-indipendenza ġudizzjarja hija primordjali. F’dan ir-rigward, l-imħallfin għandhom ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Barra minn hekk, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza ġudizzjarja għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva.

It-tieni, anki jekk id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri mudell kostituzzjonali preċiż li jirregola r-relazzjonijiet bejn id-diversi setgħat statali, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-Istati Membri xorta waħda għandhom josservaw, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja li jirriżultaw minn dan id-dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali jistgħu jorbtu lill-qrati ordinarji, sakemm id-dritt nazzjonali jiggarantixxi l-indipendenza ta’ din il-qorti fil-konfront, b’mod partikolari, tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi. Min-naħa l-oħra, jekk id-dritt nazzjonali ma jiggarantixxix din l-indipendenza, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi tali leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali, peress li tali qorti kostituzzjonali ma tistax tiżgura l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa minn dan id-dritt.

It-tielet, sabiex tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-qrati, is-sistema dixxiplinari għandu jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-fatt li deċiżjoni ġudizzjarja tinkludi żball possibbli fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni, jew fl-evalwazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tal-provi, ma jistax, waħdu, iwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef ikkonċernat. Fil-fatt, l-istabbiliment tar-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef minħabba deċiżjoni ġudizzjarja għandu jkun limitat għal każijiet għal kollox eċċezzjonali u limitat minn garanziji intiżi sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li kull ksur tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali mill-qrati nazzjonali tad-dritt komuni huwa ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom ma josservax dawn il-kundizzjonijiet.

Is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi li l-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, iħallu mhux applikati d-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar it-Trattat KEE, hija stabbilixxiet il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, mifhum bħala li jistabbilixxi l-preeminenza ta’ dan id-dritt fuq id-dritt tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-istabbiliment mit-Trattat KEE ta’ ordinament ġuridiku tagħha stess, aċċettat mill-Istati Membri fuq bażi ta’ reċiproċità, għandu bħala konsegwenza li ma jistgħux jinvokaw kontra dan l-ordinament ġuridiku miżura unilaterali sussegwenti, u lanqas ma jistgħu jinvokaw kontra d-dritt imnissel mit-Trattat KEE regoli ta’ dritt nazzjonali jkunu xi jkunu, mingħajr ma jtellfu lil dan id-dritt in-natura Komunitarja tiegħu u mingħajr ma jikkontestaw il-bażi legali tal-Komunità nfisha. Barra minn hekk, il-forza eżekuttiva tad-dritt komunitarju ma tistax tvarja minn Stat Membru wieħed għal ieħor skont il-liġijiet interni sussegwenti, mingħajr ma tippreġudika l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat KEE, u mingħajr ma tagħti lok għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità pprojbita minn dan it-trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li, għalkemm ġie konkluż fil-forma ta’ ftehim internazzjonali, it-Trattat KEE jikkostitwixxi l-karta kostituzzjonali ta’ Komunità ta’ dritt u li l-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku Komunitarju hekk ikkostitwit huma, b’mod partikolari, is-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri kif ukoll l-effett dirett ta’ serje sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess.

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li dawn il-karatteristiċi essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-importanza tal-osservanza dovuta lilu ġew ikkonfermati bir-ratifika, mingħajr riżerva, tat-Trattati li jemendaw it-Trattat KEE u, b’mod partikolari, tat-Trattat ta’ Lisbona. Fil-fatt, waqt l-adozzjoni ta’ dan it-trattat, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kellha tfakkar espressament, fid-Dikjarazzjoni Nru 17 tagħha dwar il-Primat, annessa mal-att finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta’ Lisbona, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-trattati u d-dritt adottat mill-Unjoni fuq il-bażi tat-trattati jipprevalu fuq id-dritt tal-Istati Membri, fil-kundizzjonijiet iddefiniti minn din il-ġurisprudenza.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, peress li l-Artikolu 4(2) TUE jipprevedi li l-Unjoni tosserva l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-trattati, din tista’ tosserva tali ugwaljanza biss jekk l-Istati Membri jkunu, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-impossibbiltà li jinvokaw, kontra l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, miżura unilaterali, tkun xi tkun. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva tad-dritt tal-Unjoni, huwa l-kompitu tagħha li tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan id-dritt, peress li din il-portata ma tistax tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u lanqas mill-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni adottata minn qorti nazzjonali, li ma tikkorrispondix ma’ dik tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-effetti marbuta mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni huma imposti fuq il-korpi kollha ta’ Stat Membru, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet interni, inklużi ta’ ordni kostituzzjonali, jistgħu jostakolaw dan il-prinċipju. Il-qrati nazzjonali huma obbligati li jħallu mhux applikata, fuq awtorità tagħhom stess, kull leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu jew jistennew it-tneħħija minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra.

Barra minn hekk, il-fatt li l-qrati nazzjonali ma jkunux esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari talli eżerċitaw il-fakultà li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, jikkostitwixxi garanzija inerenti għall-indipendenza tagħhom. Għalhekk, fl-ipoteżi fejn qorti nazzjonali ordinarja tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-ġurisprudenza tal-qorti kostituzzjonali nazzjonali hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, il-fatt li dan l-imħallef nazzjonali jħalli mhux applikata l-imsemmija ġurisprudenza ma jistax jagħti lok għar-responsabbiltà dixxiplinari tiegħu.


( 1 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393).

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825).

( 3 ) Sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, Nru 417/2019.

( 4 ) Sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, Nru 685/2018.

( 5 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2016, Nru 51/2016, tal‑4 ta’ Mejju 2017, Nru 302/2017, u tas‑16 ta’ Jannar 2019, Nru 26/2019.

( 6 ) Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, Artikolu 325(1) TFUE, Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57), kif ukoll id-Deċiżjoni 2006/928.

( 7 ) Skont is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tas‑6 ta’ Marzu 2018, Nru 104/2018, id-Deċiżjoni 2006/928 ma tistax tikkostitwixxi standard ta’ referenza fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità.

( 8 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393).

( 9 ) Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

( 10 ) Skont l-Artikolu 325(1) TFUE.

( 11 ) Punt (5) tat-Taqsima I tal-Anness IX tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203).

Na vrh