Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0106

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija – Trasferiment tas-sede statutorja mingħajr trasferiment tas-sede reali – Rifjut ta’ tħassir mir-reġistru kummerċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tħassir mir-reġistru kummerċjali għax-xoljiment tal-kumpannija wara proċedura ta’ stralċ – Kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi.
Kawża C-106/16.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

Kawża C-106/16

Proċedura mibdija minn Polbud – Wykonawstwo sp. z o.o.

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija – Trasferiment tas-sede statutorja mingħajr trasferiment tas-sede reali – Rifjut ta’ tħassir mir-reġistru kummerċjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-tħassir mir-reġistru kummerċjali għax-xoljiment tal-kumpannija wara proċedura ta’ stralċ – Kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-impjegati – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2017

  1. Proċedura ġudizzjarja–Proċedura orali–Ftuħ mill-ġdid–Obbligu ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali–Assenza

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

  2. Domandi preliminari–Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja–Limiti–Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali–Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma–Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali

    (Artikolu 267 TFUE)

  3. Moviment liberu tal-persuni–Libertà ta’ stabbiliment–Dispożizzjonijiet tat-Trattat–Kamp ta’ applikazzjoni–Trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt nazzjonali lejn Stat Membru ieħor, mingħajr trasferiment tas-sede reali–Inklużjoni

    (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE)

  4. Moviment liberu tal-persuni–Libertà ta’ stabbiliment–Restrizzjonijiet–Trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt nazzjonali lejn Stat Membru ieħor, mingħajr trasferiment tas-sede reali–Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-trasferiment għall-istralċ tal-kumpannija–Inammissibbiltà–Ġustifikazzjoni–Assenza

    (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 23 u 24)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 27)

  3.  L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-libertà ta’ stabbiliment tapplika għat-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor, f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan tal-aħħar, mingħajr trasferiment tas-sede reali tal-imsemmija kumpannija.

    Bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji msemmija f’dan l-aħħar artikolu tinvolvi, b’mod partikolari, il-kostituzzjoni u t-tmexxija ta’ dawn il-kumpanniji taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kumpanniji lokali mil-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn ikunu stabbiliti. Din tinkludi wkoll id-dritt għal kumpannija kkostitwita konformement mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, punt 17), sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru ieħor u, b’mod partikolari, il-kriterju adottat minn dan tal-aħħar għall-finijiet tar-rabta ta’ kumpannija mal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment sitwazzjoni fejn kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih hija jkollha s-sede statutorja tagħha tkun tixtieq toħloq sussidjarja fi Stat Membru ieħor, minkejja li din il-kumpannija tkun ġiet ikkostitwita, fl-ewwel Stat Membru, bil-għan biss li tistabbilixxi ruħha fit-tieni Stat Membru fejn hija kienet teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi essenzjali, jekk mhux kollha, tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C-212/97, EU:C:1999:126, punt 17). Bl-istess mod, sitwazzjoni li fiha kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tixtieq tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor, fl-osservanza tal-kriterju adottat mit-tieni Stat Membru għall-finijiet tar-rabta ta’ kumpannija mal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment, għalkemm din il-kumpannija kienet teżerċita l-attivitajiet ekonomiċi essenzjali, jekk mhux kollha, tagħha fl-ewwel Stat Membru.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Daily Mail and General Trust (81/87, EU:C:1988:456), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C-210/06, EU:C:2008:723), ma jirriżultax, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Gvern Pollakk, li t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija għandu neċessarjament jitwettaq flimkien mat-trasferiment tas-sede reali tagħha sabiex dan ikun kopert mil-libertà ta’ stabbiliment.

    Jirriżulta, għall-kuntrarju, minn dawn is-sentenzi, kif ukoll mis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE, (C-378/10, EU:C:2012:440), li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu l-possibbiltà jiddefinixxi r-rabta meħtieġa minn kumpannija sabiex hija tkun tista’ titqies li ġiet ikkostitwita skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. Fil-każ li kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru tiġi kkonvertita f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor billi tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar sabiex din tkun tista’ teżisti fl-ordinament ġuridiku tiegħu, l-imsemmija possibbiltà mhux talli ma timplikax l-immunità tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-qasam ta’ kostituzzjoni jew ta’ xoljiment ta’ kumpanniji fir-rigward tar-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment, iżda ma tistax tiġġustifika li dan l-Istat Membru, b’mod partikolari, billi jimponi, għal tali konverżjoni transkonfinali, kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li jirregolaw il-konverżjoni ta’ kumpannija fl-imsemmi Stat Membru, jostakola lill-kumpannija kkonċernata milli twettaq din il-konverżjoni transkonfinali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988,Daily Mail and General Trust, 81/87, EU:C:1988:456, punti 19 sa 21; tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punti 109 sa 112, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, VALE, C-378/10, EU:C:2012:440, punt 32).

    (ara l-punti 33, 38, 42 sa 44 u d-dispożittiv 1)

  4.  L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-trasferiment tas-sede statutorja ta’ kumpannija kkostitwita bis-saħħa tad-dritt ta’ Stat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħha f’kumpannija rregolata mid-dritt ta’ dan l-aħħar Stat Membru, konformement mal-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-istralċ tal-ewwel kumpannija.

    Għalhekk, għalkemm tista’ bħala prinċipju tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Polonja mingħajr telf tal-personalità ġuridika tagħha, kumpannija rregolata mid-dritt Pollakk, bħalma hija Polbud, li tixtieq twettaq tali trasferiment, tista’ titħassar mir-reġistru kummerċjali Pollakk biss jekk ikun twettaq l-istralċ tagħha.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, billi teżiġi l-istralċ tal-kumpannija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tostakola, saħansitra tipprekludi, il-konverżjoni transkonfinali ta’ kumpannija. Hija tikkostitwixxi għalhekk restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, EU:C:2008:723, punti 112113).

    Għandu jiġi rrilevat li din il-leġiżlazzjoni tipprevedi, b’mod ġenerali, obbligu ta’ stralċ, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju reali ta’ preġudizzju għall-interessi tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-ħaddiema u mingħajr ma huwa possibbli li jintgħażlu miżuri inqas restrittivi li jistgħu jipproteġu lil dawn l-interessi. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-interessi tal-kredituri, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, il-kostituzzjoni ta’ garanziji bankarji jew ta’ garanziji ekwivalenti oħra tista’ toffri protezzjoni xierqa tal-imsemmija interessi.

    Konsegwentement, l-obbligu ta’ stralċ impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teċċedi dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza.

    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li kumpannija tittrasferixxi s-sede tagħha minn Stat Membru għal ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi u jiġġustifika miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 84).

    Sakemm l-obbligu ġenerali li tiġi implementata proċedura ta’ stralċ jimplika preżunzjoni ġenerali ta’ eżistenza ta’ abbuż, għandu jitqies li leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi tali obbligu, hija sproporzjonata.

    (ara l-punti 49, 51, 58, 59, 63 sa 65 u d-dispożittiv 2)

Top