Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0531

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017.
    Elda Otero Ramos vs Servicio Galego de Saúde u Instituto Nacional de la Seguridad Social.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/85/KEE – Artikolu 4(1) – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema li treddgħa – Evalwazzjoni tar-riskji preżenti fuq il-post tax-xogħol – Kontestazzjoni mill-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 19 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova.
    Kawża C-531/15.

    Kawża C-531/15

    Elda Otero Ramos

    vs

    Servicio Galego de Saúde
    u
    Instituto Nacional de la Seguridad Social

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/85/KEE – Artikolu 4(1) – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Ħaddiema li treddgħa – Evalwazzjoni tar-riskji preżenti fuq il-post tax-xogħol – Kontestazzjoni mill-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 2006/54/KE – Artikolu 19 – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess – Oneru tal-prova”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017

    Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2006/54 – Kamp ta’ applikazzjoni – Trattament inqas favorevoli ta’ ħaddiema minħabba l-kundizzjoni tagħha ta’ mara li treddgħa – Inklużjoni – Oneru tal-prova fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni – Applikabbiltà f’tilwima li tikkonċerna lil ħaddiema li treddgħa li tikkontesta l-evalwazzjoni tar-riskji ppreżentati mill-post tax-xogħol tagħha – Metodi ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-prova

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54, Artikoli 2(2)(c) u 19(1); Direttiva tal-Kunsill 92/85, Premessa 14 u Artikoli 4(1) u 8)

    L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ħaddiema li treddgħa tikkontesta, quddiem qorti nazzjonali jew awtorità kompetenti oħra tal-Istat Membru kkonċernat, l-evalwazzjoni tar-riskji li jeżistu fuq il-post tax-xogħol tagħha sa fejn din ma tkunx saret konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2006/54, id-diskriminazzjoni tinkludi, b’mod partikolari, “kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva [92/85]”.

    Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan segwit mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa tqal jew li jkunu welldu reċentement jew li jreddgħu huwa li jipproteġihom qabel u wara li jwelldu (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa,C-232/09, EU:C:2010:674, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Barra minn hekk, mill-erbatax-il premessa u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li “l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas”. B’hekk, il-leave tal-maternità huwa intiż biex jipproteġi lill-ħaddiema tqila, lill-ħaddiema li welldet reċentement u lill-ħaddiema li treddgħa.

    Isegwi li peress li l-kundizzjoni ta’ mara li treddgħa hija marbuta strettament mal-maternità, u b’mod partikolari “ma’ tqala jew leave tal-maternità”, il-ħaddiema li jreddgħu għandhom ikunu protetti bl-istess mod bħall-ħaddiema tqal jew li welldu reċentement.

    Konsegwentement, kull trattament inqas favorevoli ta’ ħaddiema minħabba l-kundizzjoni tagħha bħala mara li treddgħa għandu jitqies li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2006/54 u jikkostitwixxi, b’hekk, diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess.

    L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l-ħaddiema kkonċernata li għandha tistabbilixxi fatti ta’ natura li jissuġġerixxu li l-evalwazzjoni tar-riskji li jinsabu fil-post tax-xogħol tagħha ma saritx konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/85 u li b’hekk jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tad-Direttiva 2006/54, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk, huwa l-konvenut li għandu jipprova li l-evalwazzjoni tar-riskji msemmija saret konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni u li b’hekk ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    (ara l-punti 55, 57-60, 65, 76, u d-dispożittiv 1 u 2)

    Top