Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CJ0350

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017.
Salvatore Aniello Pappalardo et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Politika komuni tas-sajd – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Talba għal kumpens – Regolament (KE) Nru 530/2008 – Miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni Ewropea – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali – Possibbiltà ta’ invokazzjoni ta’ dan il-ksur – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Awtorità ta’ res judicata.
Kawża C-350/16 P.

Kawża C‑350/16 P

Salvatore Aniello Pappalardo et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Politika komuni tas-sajd – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Talba għal kumpens – Regolament (KE) Nru 530/2008 – Miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni Ewropea – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali – Possibbiltà ta’ invokazzjoni ta’ dan il-ksur – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Awtorità ta’ res judicata

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2017

  1. Proċedura ġudizzjarja–Awtorità ta’ res judicata–Portata–Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni–Sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tippreċiża l-portata eżatta tal-ewwel sentenza–Osservanza tal-awtorità ta’ res judicata li tapplika biss għall-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea–Prinċipji–Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi–Kundizzjonijiet–Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni–Kunċett

  3. Dritt tal-Unjoni Ewropea–Prinċipji–Ugwaljanza fit-trattament–Neċessità li jiġi osservat il-prinċipju ta’ legalità–Impossibbiltà li tiġi invokata illegalità mwettqa favur persuna oħra

  4. Appell–Aggravji–Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni–Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi–Ċaħda

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

  1.  Skont l-awtorità ta’ res judicata li għandhom id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni, dawn id-deċiżjonijiet juru l-effetti totali u sħiħa tagħhom minkejja d-diverġenzi ta’ interpretazzjoni possibbli li huma jistgħu jikkawżaw.

    Għaldaqstant, anki meta inċertezzi possibbli marbuta mal-portata eżatta ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tneħħew definittivament biss bis-saħħa tal-kjarifiki mogħtija f’sentenza oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din l-ewwel sentenza għandha titqies li, sa mill-għoti tagħha, kellha l-portata kif ippreċiżata fil-kliem ta’ din it-tieni sentenza.

    Barra minn hekk, l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

    (ara l-punti 34, 35, 37)

  2.  Id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa dritt ta’ kull parti fil-kawża li taħseb li meta istituzzjoni tal-Unjoni tagħtiha assigurazzjonijiet preċiżi tkun ħolqot, fir-rigward tagħha, tamiet fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza tal-imsemmija assigurazzjonijiet.

    Issa, anki jekk wieħed jippreżupponi li deċiżjoni ġudizzjarja tista’, hija waħedha, tagħti d-dritt għal tamiet fondati fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, ebda assigurazzjoni preċiża fir-rigward tal-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tista’ tinsilet minn digriet li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni abbażi tal-imsemmija ġurisprudenza.

    (ara l-punti 39, 40)

  3.  Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tal-legalità, li skontha ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur persuna oħra.

    (ara l-punt 52)

  4.  Jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jindikaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fuq motivi oħra ta’ dritt, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jwassal għall-annullament ta’ din is-sentenza u jkun hemm lok li titwettaq sostituzzjoni tal-motivi.

    (ara l-punt 57)

Top