Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0390

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Marzu 2017.
    Kawża mressqa minn Rzecznik Praw Obywatelskich (RPO).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Punt 6 tal-Anness III – Validità – Proċedura – Emenda ta’ proposta għal direttiva tal-Kunsill wara opinjoni mogħtija mill-Parlament – Assenza ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Parlament – Artikolu 98(2) – Validità – Esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet – Provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku u fuq kull tip ta’ mezz fiżiku.
    Kawża C-390/15.

    Court reports – general

    Kawża C‑390/15

    Proċedura mibdija minn Rzecznik Praw Obywatelskich (RPO)

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Trybunał Konstytucyjny)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Punt 6 tal-Anness III – Validità – Proċedura – Emenda ta’ proposta għal direttiva tal-Kunsill wara opinjoni mogħtija mill-Parlament – Assenza ta’ konsultazzjoni ġdida mal-Parlament – Artikolu 98(2) – Validità – Esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet – Provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku u fuq kull tip ta’ mezz fiżiku”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-7 ta’ Marzu 2017

    1. Atti tal-istituzzjonijiet-Proċedura għall-adozzjoni-Konsultazzjoni regolari mal-Parlament-Konsultazzjoni mill-ġdid obbligatorja fil-każ ta’ emenda sostanzjali mwettqa fil-proposta inizjali-Portata tal-obbligu

      (Artikolu 113 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2009/47, Anness III, punt 6)

    2. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali-Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud-Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi-Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-provvista ta’ kotba diġitali jew elettroniċi-Esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-provvista ta’ kotba diġitali jew elettroniċi-Ammissibbiltà

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20; Direttiva tal-Kunsill 2006/112 kif emendata bid-Direttiva 2009/47, Artikolu 98(2) u Anness III, punt 6)

    1.  L-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament, matul il-proċedura leġiżlattiva, fil-każijiet previsti mit-Trattat, jimplika li dan għandu jiġi kkonsultat mill-ġdid kull darba li t-test adottat finalment, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jitbiegħed, fis-sustanza stess tiegħu, minn dak li dwaru l-Parlament ikun diġà ġie kkonsultat, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-emendi jikkorrispondu, essenzjalment, għal xewqa espressa mill-Parlament innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

      Mill-approssimizzazzjoni tal-formulazzjonijiet rispettivi tal-proposta għal direttiva u tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jirriżulta li dan il-punt huwa differenti mill-imsemmija proposta inkwistjoni sa fejn dan ma jsemmix, bħala tipi ta’ mezzi fiżiċi li jistgħu jagħtu lok għall-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT, l-“audio books[, is-]CD [u s-]CD-ROMs”, elenkati mill-imsemmija proposta, u lanqas ma jsemmi espressament il-kotba “li b’mod predominanti […] [jirriproduċu] l-istess kontenut ta’ tagħrif bħall-kotba stampati”, kuntrarjament għall-imsemmija proposta, iżda jirreferi għall-provvista ta’ kotba fuq “il-mezzi fiżiċi kollha ta’ appoġġ”.

      Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-differenzi li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata jitbiegħed, fis-sustanza stess tiegħu, mit-test li kien jinsab fil-proposta għal direttiva.

      Fil-fatt, peress li din il-proposta kienet tkopri wkoll il-kotba pprovduti fuq “kull bażi [mezz] fiżika simili” għall-kotba stampati, għall-kotba awdjo, is-CD u s-CD-ROM, il-lista mogħtija mill-imsemmija proposta ma għandhiex titqies li hija limitattiva, iżda li hija intiża li turi li kienu koperti t-tipi kollha ta’ mezzi fiżiċi konċepibbli, l-istess kif ġie adottat finalment mill-Kunsill fil-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata.

      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 53 tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑502/13, EU:C:2015:143), li t-test tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata huwa biss semplifikazzjoni redazzjonali tat-test li kien jinsab fil-proposta għal direttiva u li s-sustanza tiegħu nżammet kollha kemm hi.

      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 emendata ma huwiex invalidu għar-raġuni li l-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tiegħu kienet ivvizzjata bi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

      (ara l-punti 26, 30 sa 32, 34 u 36)

    2.  L-eżami tad-domandi preliminari ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE, tal-5 ta’ Mejju 2009, jew tal-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III tagħha.

      Qabelxejn għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 51, u tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 35).

      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti, kif ukoll in-natura eventwalment komparabbli tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, bil-kundizzjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, il-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, minn naħa, u l-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu sitwazzjonijiet komparabbli.

      Konsegwentement, sa fejn l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandu l-effett li jeskludi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku filwaqt li tali applikazzjoni hija awtorizzata għall-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li jistabbilixxu differenza fit-trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet li madankollu huma komparabbli fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq.

      Meta tiġi kkonstatata differenza fit-trattament bejn żewġ sitwazzjonijiet komparabbli, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jinkisirx jekk din id-differenza tkun debitament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 46).

      Dan huwa l-każ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-differenza fit-trattament tkun relatata ma għan legalment ammissibbli mfittex mill-miżura li għandha l-effett li tistabbilixxi tali differenza u meta hija tkun proporzjonata ma’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 77, u tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 43).

      F’dan il-kuntest, huwa mifhum li, fil-każ ta’ miżura ta’ natura fiskali, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jagħmel, meta huwa jadottaha, għażliet ta’ natura politika, ekonomika kif ukoll soċjali, u joħloq ġerarkija tal-interessi diverġenti jew li jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, huwa għandu jingħata, f’dan il-kuntest, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza għandu jkun limitat għal dak tal-iżball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 123, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Billerud Karlsborg u Billerud Skärblacka, C‑203/12, EU:C:2013:664, punt 35).

      Kif spjegaw il-Kunsill u l-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u waqt is-seduta, l-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, li tinsab fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, għandha titqies li tagħmel parti minn sistema partikolari tal-VAT għall-kummerċ elettroniku. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ta’ dawn l-istituzzjonijiet jirriżulta li tqies neċessarju li s-servizzi pprovduti b’mod elettroniku jkunu suġġetti għal regoli ċari, sempliċi u uniformi sabiex ir-rata tal-VAT applikabbli għal dawn is-servizzi tkun tista’ tiġi stabbilita b’ċertezza u, għalhekk, tiġi ffaċilitata l-ġestjoni ta’ din it-taxxa mill-persuni taxxabbli u mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li fuqu huwa bbażat l-imsemmi għan, jirrikjedi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu mingħajr ambigwità l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa b’għarfien sħiħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unti, C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet il-leġittimità tal-għan li jikkonsisti, għal leġiżlatur, fl-istabbiliment ta’ regoli ġenerali li jistgħu jiġu applikati faċilment mill-operaturi ekonomiċi u kkontrollati mingħajr diffikultà mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2015, Sopora, C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 33).

      F’dan ir-rigward, li kieku l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku, kif huwa permess għall-provvista ta’ tali kotba fuq kull tip ta’ mezz fiżiku, dan ikollu l-effett li jippreġudika l-koerenza ġenerali tal-miżura mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni li tikkonsisti fl-esklużjoni tas-servizzi elettroniċi kollha mill-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT.

      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenza fit-trattament li tirriżulta mill-Artikolu 98(2) tad-Direttiva 2006/112 emendata, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, bejn il-provvista ta’ kotba diġitali b’mod elettroniku u l-provvista ta’ kotba diġitali fuq kull tip ta’ mezz fiżiku għandha titqies li hija debitament iġġustifikata.

      (ara l-punti 41, 42, 49, 51-54, 57, 59, 60, 66, 70 u 72, u d-dispożittiv)

    Top