Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0449

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016.
DTS Distribuidora de Televisión Digital SA vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna favur ix-xandar pubbliku nazzjonali tar-radju – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kumpens – Artikolu 106(2) TFUE – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Bidla tas-sistema ta’ finanzjament – Miżuri fiskali – Taxxa imposta fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna mibdula kompatibbli mas-suq intern – Teħid inkunsiderazzjoni tal-mod ta’ finanzjament – Eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-iskema ta’ għajnuna – Influwenza diretta tad-dħul mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna – Kopertura tal-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna – Żnaturament tad-dritt nazzjonali.
Kawża C-449/14 P.

Court reports – general

Kawża C‑449/14 P

DTS Distribuidora de Televisión Digital SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna favur ix-xandar pubbliku nazzjonali tar-radju – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kumpens – Artikolu 106(2) TFUE – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Bidla tas-sistema ta’ finanzjament – Miżuri fiskali – Taxxa imposta fuq l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas – Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna mibdula kompatibbli mas-suq intern – Teħid inkunsiderazzjoni tal-mod ta’ finanzjament – Eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-iskema ta’ għajnuna – Influwenza diretta tad-dħul mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna – Kopertura tal-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku – Relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna – Żnaturament tad-dritt nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ Novembru 2016

  1. Proċedura ġudizzjarja–Rikors promotur–Rekwiżiti ta’ forma proċedurali–Limitazzjoni mill-istruzzjonijiet prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet–Istruzzjonijiet indikattivi u mhux ġuridikament vinkolanti

    (Istruzzjonijiet prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet, premessi 1 u 3 u l-punt 20)

  2. Appell–Aggravji–Sempliċi repetizzjoni tal-motivi u tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali–Inammissibbiltà–Kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali–Ammissibbiltà

    (It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 168(1)(d))

  3. Appell–Aggravji–Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi–Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-provi–Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati–Dispożizzjonijiet tat-Trattat–Kamp ta’ applikazzjoni–Taxxi–Esklużjoni ħlief għat-taxxi li jiffinanzjaw għajnuna–Taxxa li parzjalment tiffinanzja għajnuna imposta fuq kompetituri tal-benefiċjarju bil-għan tat-twettiq minnu ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku u mhux imposta fuq dan il-benefiċjarju–Prova tar-rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-finanzjament tal-għajnuna kkonċernata–Assenza

    (Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

  5. Appell–Appell inċidentali–Skop–Neċessità li wieħed jibbaża ruħu fuq aggravji differenti minn dawk invokati fir-risposta fl-appell prinċipali

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni sentenza tal-Artikolu 178(3))

  6. Proċedura ġudizzjarja–Intervent–Aggravji differenti minn dawk tal-parti prinċipali li qegħda tiġi sostnuta–Ammissibbiltà–Kundizzjoni–Rabta mas-suġġett tat-tilwima

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 129 u 132(2)(b))

  1.  L-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, dwar il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma indikattivi u ma għandhomx saħħa vinkolanti. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 sa 3 ta’ dawn l-istruzzjonijiet, dawn ġew adottati sabiex jikkompletaw u jiċċaraw ir-regoli li japplikaw għall-andament tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, u ma humiex intiżi li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Għaldaqstant, mill-punt 20 ta’ dawn l-istruzzjonijiet prattiċi, li jipprovdi li l-appell “idealment ma jkunx ta’ iktar minn ħamsa u għoxrin paġna”, jirriżulta li dan ma jistabbilixxix b’mod assolut numru massimu ta’ paġni li għalih hija suġġetta l-ammissibbiltà ta’ tali appell, iżda jillimita ruħu jipprovdi, f’dan ir-rigward, rakkomandazzjoni lill-partijiet.

    Minn dan jirriżulta li appell ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li dan jeċċedi ċertu numru ta’ paġni.

    (ara l-punti 24‑26)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 27‑29)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 43‑45, 49)

  4.  It-taxxi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm ma jikkostitwixxux il-metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’mod li huma jagħmlu parti integrali minn din il-miżura.

    Sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta kawżali vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li r-rikavat mit-taxxa għandu jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jinfluwenza direttament il-portata tagħha u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern.

    Fil-kuntest ta’ miżuri fiskali, li parzjalment jiffinanzjaw għajnuna, imposti fuq kompetituri tal-benefiċjarju bil-għan tat-twettiq minnu ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku u mhux imposti fuq dan il-benefiċjarju, dawn il-miżuri fiskali ma jagħmlux parti integrali minn din l-għajnuna fil-kundizzjonijiet sussegwenti: l-ammont tal-għajnuna huwa stabbilit abbażi tal-ispejjeż netti relattivi għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku; meta d-dħul fiskali jkun iktar mill-ispejjeż tat-twettiq ta’ din il-funzjoni, l-eċċess għandu jiġi allokat lura lil fond ta’ riżerva jew lit-Teżor pubbliku; u meta dan id-dħul ma jkunx biżżejjed sabiex ikopri l-ispejjeż, l-Istat Membru għandu l-obbligu jkopri d-differenza.

    Fil-fatt, peress li r-rikavat minn dawn il-miżuri fiskali ma għandu ebda influwenza diretta fuq il-portata tal-għajnuna mogħtija, peress li la l-għoti u lanqas l-ammont tagħha ma jirriżultaw minn dan ir-rikavat u peress li dan tal-aħħar ma huwiex neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din l-għajnuna, inkwantu parti minn dan ir-rikavat jista’ jiġi allokat mill-ġdid għal finijiet oħra, ma jistax jitqies li teżisti rabta kawżali vinkolanti bejn dawn il-miżuri fiskali u l-għajnuna inkwistjoni.

    Barra minn hekk, l-inapplikabbiltà eventwali ta’ dawn il-miżuri fiskali minħabba l-eventwali inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex bħala konsegwenza diretta t-tqegħid inkwistjoni tal-għajnuna, peress li l-Istat Membru għandu l-obbligu li jkopri d-differenza bejn is-sorsi finanzjarji li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu għad-dispożizzjoni tiegħu u l-ispejjeż kollha tiegħu għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizzi pubbliku tiegħu.

    Barra minn hekk, il-fatt li l-obbligu li titħallas din it-taxxa jimponi fuq impriżi oħra żvantaġġ kompetittiv addizzjonali fis-swieq li fihom huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b’kompetizzjoni mal-benefiċjarju, peress li dan tal-aħħar, min-naħa tiegħu, ma huwiex responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa, ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li t-taxxa tagħmel parti integrali mill-għajnuna. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk taxxa tagħmilx parti integrali minn għajnuna ffinanzjata minn taxxa ma tiddependix mill-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni bejn id-debitur ta’ din it-taxxa u l-benefiċjarju tal-għajnuna, iżda biss mill-eżistenza ta’ rabta kawżali vinkolanti bejn din it-taxxa u l-għajnuna kkonċernata abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.

    Deċiżjoni differenti twassal sabiex jitqies li kull taxxa miġbura fuq il-livell settorjali u imposta fuq l-operaturi li jinstabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ għajnuna ffinanzjata minnha għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 107 u 108 TFUE.

    (ara l-punti 65, 68‑72, 77, 79‑81, 83)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 108, 110)

  6.  Parti li, skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, titħalla tintervjeni f’tilwima mressaq quddiem din tal-aħħar ma tistax tbiddel is-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan jirriżulta li huma ammissibbli biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu taħt il-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u motivi.

    Barra minn hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 132(2)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nota ta’ intervent għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati mill-intervenjent, dan madankollu ma jfissirx li dan tal-aħħar jista’ jinvoka motivi ġodda, distinti minn dawk invokati mir-rikorrent. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tidħol fil-kuntest tal-limiti stabbiliti mill-proċedura ta’ intervent u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 129 ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li l-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti, kompletament jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet, li dan huwa sekondarju għat-tilwima prinċipali u li l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

    (ara l-punti 114, 121)

Top