This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013CJ0184
API
API
Kawżi magħquda C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13
API – Anonima Petroli Italiana SpA et
vs
Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti et
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Transport bit-triq — Ammont tal-ispejjeż minimi tal-operat iddeterminat minn organu li jirrappreżenta l-operaturi kkonċernati — Assoċjazzjoni ta’ impriżi — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni — Għan ta’ interess ġenerali — Sigurtà fit-toroq — Proporzjonalità”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014
Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Obbligi tal-Istati Membri – Projbizzjoni milli jieħdu jew milli jżommu fis-seħħ miżuri li jqiegħdu inkwistjoni l-effettività ta’ dawn ir-regoli
(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101 TFUE)
Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Obbligi tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lit-trasportaturi ta’ merkanzija josservaw tariffi li ma jistgħux ikunu inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat – Iffissar tat-tariffi minn organu kompost prinċipalment minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati – Inammissibbiltà
(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101 TFUE)
Akkordji – Deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi – Kunċett ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi – Kumitat li jirrappreżenta l-operaturi fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq inkarigat li jiffissa tariffi minimi – Assenza ta’ kriterji preċiżi ta’ interess pubbliku, ta’ stħarriġ u ta’ setgħa deċiżjonali mill-Istat – Inklużjoni
(Artikolu 101(1) TFUE)
Akkordji – Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Kriterji – Akkordju li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru
(Artikolu 101(1) TFUE)
Akkordji – Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lit-trasportaturi ta’ merkanzija bit-triq josservaw tariffi li ma jistgħux ikunu inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat – Iffissar tat-tariffi minn organu kompost prinċipalment minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati – Ġustifikazzjoni – Assenza
(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 101(1) TFUE)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 28,29)
L-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha l-prezz tas-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq għal terzi ma jistax ikun inqas mill-ispejjeż minimi tal-operat, li huma ffissati minn organu kompost prinċipalment minn rappreżentanti tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.
Fil-fatt, ikun hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, meta Stat Membru jew jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ akkordji li jmorru kontra l-Artikolu 101 TFUE jew isaħħaħ l-effetti ta’ tali akkordji, jew ineħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lill-operaturi privati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet għal intervent ta’ interess ekonomiku.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, l-iffissar tal-ispejjeż minimi tal-operat mill-imsemmi organu, magħmula obbligatorji minn leġiżlazzjoni nazzjonali, billi tipprekludi lill-impriżi milli jistabbilixxu tariffi inferjuri għal dawn l-ispejjeż, huwa ugwali għall-iffissar orizzontali ta’ tariffi minimi imposti. Min-naħa l-oħra, akkordju li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE.
(ara l-punti 28, 29, 43, 44, 58 u d-dispożittiv)
Kumitat kompost prinċipalment minn rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet professjonali tat-trasportaturi u ta’ mandanti għandu jitqies li huwa assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE meta huwa jadotta, bil-maġġoranza tal-membri tiegħu, deċiżjonijiet li jiffissaw it-tariffi minimi applikabbli għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dan il-kumitat u li tirrendi dawn id-deċiżjonijiet obbligatorji la tipprevedi kriterji ta’ interess pubbliku suffiċjentement preċiżi sabiex jiġi ggarantit li l-imsemmija r-rappreżentanti joperaw b’mod effettiv fl-osservanza tal-interess pubbliku ġenerali li l-imsemmija leġiżlazzjoni tfittex li tilħaq, u lanqas stħarriġ effettiv u setgħa deċiżjonali fl-aħħar istanza min-naħa tal-Istat.
Dan iktar u iktar huwa l-każ meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tħalli lill-membri ta’ dan il-kumitat marġni ta’ diskrezzjoni u ta’ awtonomija wiesa’ ħafna fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ispejjeż minimi tal-operat fl-interess tal-organizzazzjonijiet professjonali li nnominawhom u la tinkludi modalitajiet proċedurali u lanqas rekwiżiti sostantivi li jistgħu jiżguraw li, meta jistabbilixxi l-ispejjeż minimi tal-operat, l-imsemmi kumitat iġib ruħu bħala parti mill-awtorità pubblika li taġixxi għal finijiet tal-interess ġenerali.
(ara l-punti 32, 33, 37, 38, 41)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 42‑45)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 46‑57)