Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 62013CJ0119

eco cosmetics

Kawżi magħquda C‑119/13 u C‑120/13

eco cosmetics GmbH & Co. KG

u

Raiffeisenbank St. Georgen reg. Gen. mbH

vs

Virginie Laetitia Barbara Dupuy

u

Tetyana Bonchyk

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Wedding)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1896/2006 — Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas — Assenza ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika valida — Effetti — Ordni għal ħlas Ewropea ddikjarata eżekuttiva — Oppożizzjoni — Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali — Termini”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Settembru 2014

  1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Identifikazzjoni tal-elementi tad-dritt tal-Unjoni rilevanti – Riformulazzjoni tad-domandi

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament Nru 1896/2006 – Nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika valida – Ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut – Invalidità tal-proċeduri ta’ reviżjoni u ta’ dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva mibdija wara tali irregolarità

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1896/2006, Artikoli 13 sa 20)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 32, 33)

  2.  Ir-Regolament Nru 1896/2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 16 sa 20 tiegħu ma jkunux applikabbli meta jirriżulta li ordni għal ħlas Ewropea ma tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 15 tal-imsemmi regolament. Meta jkun biss wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea li tali irregolarità tiġi rrivelata, il-konvenut għandu jkollu l-opportunità li jinvoka din l-irregolarità, li għandha, jekk tiġi debitament ipprovata, twassal għall-invalidità ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva.

    Fil-fatt, minn naħa, sa fejn l-ordni għal ħlas Ewropea ma tiġix ikkomunikata jew innotifikata b’mod konformi mal-istandards minimi, il-konvenut ma jirċevix il-formola standard F, li permezz tagħha huwa jista’ jressaq oppożizzjoni għal tali ordni u li tiġi trażmessa lilu flimkien mal-formola E li tinkludi l-ordni, u ma jkunx għalhekk informat b’mod regolari dwar l-eżistenza u l-bażi tal-ordni għal ħlas Ewropea maħruġa kontra tiegħu. F’każ bħal dan, il-konvenut ma jkollux neċessarjament l-informazzjoni utli kollha sabiex ikun jista’ jiddeċiedi jekk għandux jopponi din l-ordni. Tali sitwazzjoni ma tistax tkun kompatibbli mad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut.

    Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ tali komunikazzjoni jew notifika, it-terminu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jibdiex jiddekorri, b’mod li l-validità tal-proċeduri li jiddependu fuq l-iskadenza ta’ dan it-terminu, bħad-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jew it-talba għal reviżjoni prevista fl-Artikolu 20 tiegħu, anki jekk dawn ikunu diġà ġew attivati, titqiegħed f’dubju. Fir-rigward speċifikament tal-proċedura ta’ reviżjoni, din tapplika biss f’każijiet eċċezzjonali previsti b’mod limitattiv fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li ma jinkludux in-nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika.

    Fl-aħħar nett, ladarba r-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprovdi xejn fir-rigward ta’ rimedji possibbilment disponibbli lill-konvenut meta dan, wara d-dikjarazzjoni ta’ saħħa eżekuttiva ta’ ordni għal ħlas Ewropea, tkunx ġiet ikkomunikata jew innotifikata lilu b’mod konformi mal-istandards minimi, dawn id-domandi preliminari jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006.

    (ara l-punti 40-49 u d-dispożittiv)

In alto