Ez a dokumentum az EUR-Lex webhelyről származik.
Dokumentum 62009CJ0106
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għoti mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ trattament fiskali favorevoli lil ċerti impriżi — Inklużjoni — Benefiċċju fiskali li jikkostitwixxi miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha — Esklużjoni
(Artikolu 87(1) KE)
2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Tassazzjoni suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tagħmel profitt u limitata skont ċerti kriterji — Assenza
(Artikolu 87(1) KE)
3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Evalwazzjoni bbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tat-teknika leġiżlattiva użata — Esklużjoni
(Artikolu 87(1) KE)
4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Sistema fiskali li tippermetti lil grupp ta’ kumpanniji jevitaw min-natura tagħhom il-valuri taxxabbli — Inklużjoni
(Artikolu 87(1) KE)
5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami ta’ skema ta’ għajnuna meħuda fil-globalità tagħha — Ammissibbiltà
(Artikoli 87 KE u 88 KE)
6. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Evalwazzjoni fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa — Portata
(Artikoli 87 KE u 88 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 384/03)
7. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq komuni — Evalwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 87 KE — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ prattika preċedenti — Esklużjoni
(Artikolu 87(1) KE)
8. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Differenzazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tal-ispejjeż — Esklużjoni — Kundizzjoni
(Artikolu 87(1) KE)
9. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Dmir ta’ kollaborazzjoni tal-Istat Membru li jitlob deroga
(Artikolu 87(2) KE)
10. Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Eżami tal-proġetti ta’ għajnuna — Portata
(Artikolu 88(2) KE)
1. Il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju peress li ma jinkludix biss prestazzjonijiet pożittivi, bħalma huma s-sussidji stess, iżda jinkludi wkoll interventi tal-Istat li, f’forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fil-veru sens tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi.
Minn dan jirriżulta li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi trattament fiskali favorevoli li, għalkemm ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn dik tal-persuni taxxabbli l-oħra, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.
Għall-kuntrarju, vantaġġi li jirriżultaw minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kollha ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE.
(ara l-punti 71-73)
2. L-Artikolu 87(1) KE jirrikjedi li jkun iddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli.
Miżura li tipprovdi li taxxa fil-forma ta’ taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà tan-negozju hija dovuta biss inkwantu l-persuna taxxabbli tagħmel profitt u li t-tassazzjoni hija limitata skont dawn iż-żewġ valuri taxxabbli ma tagħtix vantaġġi selettivi, sa fejn il-kundizzjoni li jsir profitt u l-limitu tat-tassazzjoni tal-profitti huma, fihom infushom, miżuri ġenerali, applikabbli mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi kolha u għaldaqstant ma jistgħux jagħtu vantaġġi selettivi.
(ara l-punti 75, 77, 80)
3. L-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom, u għaldaqstant independentament mit-tekniċi użati.
Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ riforma fiskali proposta, approċċ ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni biss tat-teknika leġiżlattiva użata ma jippermettix li jiġu eżaminati l-effetti tal-miżura fiskali inkwistjoni u jeskludi a priori kull possibbiltà li jiġi kklassifikat bħala “vantaġġ selettiv” in-nuqqas ta’ kull impożizzjoni għal ċerti persuni taxxabbli.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari fir-rigward ta’ sistema fiskali li minflok ma tistabbilixxi regoli ġenerali għall-imrpiżi kollha, li minnhom issir deroga favur ċerti impriżi, tilħaq riżultat identiku billi taġġusta u billi tgħaqqad ir-regoli fiskali b’mod li l-applikazzjoni stess tagħhom twassal għal piż fiksali differenti għall-impriżi differenti.
(ara l-punti 87, 88, 93)
4. Piż fiskali differenti li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ sistema fiskali “ġenerali” ma jistax ikun biżżejjed, fih innifsu, biex jistabbilixxi s-selettività ta’ tassazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, il-kriterji li jikkostitwixxu l-valur taxxabbli adottati minn sistema fiskali għandhom ukoll ikunu, sabiex jiġu rikonoxxuti bħala li jagħtu vantaġġi selettivi, ta’ natura li jikkaratterizzaw l-impriżi benefiċjarji, abbażi tal-proprjetajiet speċifiċi għalihom, bħala kategorija pprivileġġjata, u b’hekk jippermettu l-klassifikazzjoni ta’ tali sistema bħala li tiffavorixxi “ċerti” impriżi jew “ċerti” produtturi skont l-Artikolu 87(1) KE.
Issa, dan huwa l-każ meta l-fatt li ċerti kumpanniji msejħa “off-shore” ma humiex intaxxati ma huwiex konsegwenza fortuwita tas-sistema inkwistjoni, iżda l-konsegwenza inevitabbli tal-fatt li l-valuri taxxabbli huma preċiżament maħsuba b’mod li l-kumpanniji “off-shore” li, min-natura tagħhom, ma għandhomx impjegati u ma jokkupawx proprjetà tan-negozju, ma għandhomx il-bażi fiskali fis-sens tal-valuri taxxabbli adottati fir-riforma fiskali proposta. Għaldaqstant, il-fatt li l-imsemmija kumpanniji, li jikkostitwixxu fir-rigward tal-valuri taxxabbli adottati fir-riforma fiskali proposta grupp ta’ kumpanniji, ma humiex intaxxati preċiżament minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-grupp, jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn il-kumpanniji jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi.
(ara l-punti 103-107)
5. Il-Kummissjoni tista’, f’każ ta’ skema ta’ għajnuna, tillimita ruħha teżamina l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni, mingħajr ma hija obbligata teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk din l-iskema tinkludix elementi ta’ għajnuna.
(ara l-punt 122)
6. L-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa, bħala miżura ta’ organizzazzjoni interna adottata mill-amministrazzjoni, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala regola tad-dritt. Dan jistabbilixxi regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnha, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
(ara l-punt 128)
7. Huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 87(1) KE, li għandha tiġi evalwata n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ ċerta miżura u mhux fid-dawl ta’ allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni.
(ara l-punt 136)
8. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu differenzzazzjoni bejn l-impriżi u li huma, għaldaqstant, a priori selettivi, meta din id-differenzzazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li huma jagħmlu parti minnha.
Huwa l-Istat Membru, li introduċa din id-differenzzazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tal-ispejjeż, li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema inkwistjoni.
(ara l-punti 145, 146)
9. Stat Membru li jitlob li jkun jista’ jagħti għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat għandu d-dmir jikkollabora mal-Kummissjoni. Abbażi ta’ dan id-dmir huwa għandu, b’mod partikolari jipprovdi l-elementi kollha tali li jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonjiet tad-deroga mitluba huma sodisfatti.
(ara l-punt 147)
10. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, jeħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà li jagħti b’mod utli l-opinjoni tiegħu fuq ir-realtà u fuq ir-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti miksuba mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet ippreżentati minn terzi interessati, skont l-Artikolu 88(2) KE. Sa fejn l-Istat Membru ma ngħatax il-possibbiltà li jikkummenta dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tużahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat.
Fir-rigward tal-persuni interessati, minbarra l-Istat Membru kkonċernat dawn għandhom, fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, biss il-possibbiltà li jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa sabiex tgħin lil din tal-aħħar fl-azzjoni futura tagħha. Huma ma jistgħux huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni bl-istess mod kif offrut lil dan l-Istat Membru.
(ara l-punti 165, 181)