This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CJ0259
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ servizzi — Differenza fit-trattament ta’ żewġ provvisti identiċi jew li jixxiebhu mill-perspettiva tal-konsumatur — Ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
(Direttiva tal-Kunsill 77/388)
2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet — Eżenzjoni għal-logħob tal-ażżard — Setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-eżenzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(f))
3. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet — Eżenzjoni għal-logħob tal-ażżard — Setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-eżenzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(f))
4. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet — Eżenzjoni għal-logħob tal-ażżard — Setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-eżenzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13B(f))
5. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet — Eżenzjoni għal-logħob tal-ażżard — Setgħa tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet tal-eżenzjoni — Limiti — Osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(B)(f))
1. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li differenza fit-trattament fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi jew li jixxiebhu mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tiegħu hija biżżejjed sabiex tistabbilixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Għalhekk, tali ksur ma jirrikjedix li barra minn hekk tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza effettiva ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi inkwistjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-imsemmija differenza fit-trattament.
(ara l-punt 36 u d-dispożittiv 1)
2. Fil-preżenza ta’ differenza fit-trattament bejn żewġ logħbiet tal-ażżard fir-rigward tal-għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ logħbiet jiffurmaw parti minn kategoriji ta’ liċenzjar differenti u li huma suġġetti għal sistemi legali differenti fir-rigward tal-kontroll u tar-regolamentazzjoni.
Din id-dispożizzjoni ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri fir-rigward tal-eżenzjoni jew tal-intaxxar tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati peress li din tippermetti li l-Istati msemmija jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti li jista’ jkun suġġett għalihom il-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Fil-kuntest tal-eżami tal-karattru li jixxiebah ta’ żewġ logħbiet tal-ażżard, fejn id-differenza fit-trattament tista’ tistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ma humiex rilevanti elementi bħal dawk tal-karattru legali jew illegali tal-operat tal-logħob tal-ażżard, l-identità tal-operaturi tal-imsemmi logħob u apparat u l-forma legali li dawn joperaw taħtha. L-istess japplika għad-differenzi eżistenti bejn, minn naħa waħda, il-bars/pubs u s-swali tal-logħob u, min-naħa l-oħra, il-każinos liċenzjati f’dak li jirrigwarda l-kuntest li fih il-logħob tal-ażżard jiġi offrut fihom, u b’mod partikolari l-aċċessibbiltà ġeografika u temporali kif ukoll l-atmosfera. Finalment, il-fatt li wieħed biss minn żewġ tipi ta’ logħob huwa suġġett għal taxxa mhux armonizzata lanqas ma jista’ jiġġustifika l-konklużjoni li dawn it-tipi ta’ logħob ma humiex paragunabbli.
(ara l-punti 40, 41, 45-48, 51 u d-dispożittiv 2)
3. Sabiex jiġi evalwat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jekk żewġ tipi ta’ slot machines jixxibhux u jeħtiġux l-istess trattament fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu ta’ dawn it-tipi huwiex paragunabbli mill-perspettiva tal-konsumatur medju u jissodisfax il-bżonnijiet tiegħu, peress li l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma b’mod partikolari l-limiti minimi u massimi tal-imħatri u tar-rebħ kif ukoll l-opportunitajiet tar-rebħ.
(ara l-punt 58 u d-dispożittiv 3)
4. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli ma tistax titolb ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fuq ċerti provvisti ta’ servizzi billi tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju, meta l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru kkonċernat ikunu trattataw, fil-prattika, provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu bħala prestazzjonijiet eżenti, minkejja li dawn ma jkunux eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.
Fil-fatt, anki jekk amministrazzjoni pubblika li ssegwi prassi ġenerali tista’ tkun marbuta biha, xorta jibqa’ l-fatt li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jikkonsisti fil-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandu jiġi kkonċiljat mal-istat tad-dritt, li jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jinvoka, għal benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor. Minn dan jirriżulta li persuna taxxabbli ma tistax tippretendi li provvista partikolari għandha tkun suġġetta għall-istess trattament fiskali bħal provvista oħra, meta dan l-aħħar trattament ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.
(ara l-punti 61-64 u d-dispożittiv 4)
5. Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jkun għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 13(B)(f) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, u li jkun eżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-mezzi kollha biex jintlagħab il-logħob tal-ażżard, filwaqt li jkun eskluda minn tali eżenzjoni kategorija ta’ apparat li jissodisfa ċerti kriterji, ma jistax jopponi, kontra talba għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud ibbażata fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju, il-fatt li kien aġixxa bid-diliġenza dovuta għall-iżvilupp ta’ tip ġdid ta’ apparat li ma kienx jissodisfa dawn il-kriterji.
L-effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva, bħal dak tal-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva 77/388, ma jiddependi la mill-eżistenza ta’ kondotta ħażina intenzjonata jew negliġenza mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat fit-traspożizzjoni tad-Direttiva inkwistjoni, u lanqas mill-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tiġi invokata minn operatur ta’ logħob jew ta’ apparat tal-logħob tal-ażżard quddiem il-qrati nazzjonali sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.
(ara l-punti 69, 70, 74 u d-dispożittiv 5)