Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0224

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

Trasport — Trasport bit-triq — Liċenzja tas-sewqan — Direttiva 91/439 — Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan — Sospensjoni temporanja tal-liċenzja tas-sewqan għall-kategorija B fi Stat Membru partikolari, segwita bl-irtirar tagħha — Liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor matul il-perijodu ta’ sospensjoni temporanja għall-kategorija B — Nuqqas ta’ osservanza minn dan l-Istat tal-kundizzjoni ta’ residenza

(Direttiva tal-Kunsill 91/439, kif emendata bid-Direttiva 2000/56, Artikoli 1(2), 5(1)(a), 7(1)(b) u 8(2) u (4))

Summary

L-Artikoli 1(2), 5(1)(a), 7(1)(b) u 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bid-Direttiva 2000/56, ma jipprekludux li Stat Membru ospitanti jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategoriji B u D maħruġa minn Stat Membru ieħor, l-ewwel nett, meta l-proprjetarju tal-imsemmija liċenzja tas-sewqan ingħata awtorizzazzjoni ta’ sewqan għall-vetturi tal-kategorija B bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza normali u wara li l-liċenzja tas-sewqan tiegħu maħruġa mill-ewwel Stat Membru ġiet miżmuma mis-servizzi ta’ pulizija ta’ dan l-ewwel Stat Membru iżda qabel l-adozzjoni, fl-imsemmi l-ewwel Stat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar ġudizzjarju tal-awtorizzazzjoni ta’ sewqan, u, it-tieni nett, meta l-proprjetarju tal-imsemmija liċenzja tas-sewqan ingħata awtorizzazzjoni ta’ sewqan għall-vetturi tal-kategorija D wara l-adozzjoni tal-imsemmija miżura ta’ rtirar ġudizzjarju u wara l-iskadenza tal-projbizzjoni ta’ ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida.

Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ residenza normali fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 jista’ waħdu jiġġustifika r-rifjut minn Stat Membru li jirrikonoxxi l-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, peress li din il-liċenzja nkisbet matul il-perijodu ta’ validità ta’ miżura ta’ sospensjoni tal-liċenzja maħruġa fl-ewwel Stat Membru u peress li kemm din kif ukoll l-irtirar ġudizzjarju wara l-awtorizzazzjoni ta’ sewqan huma ġġustifikati minn motivi eżistenti fid-data tal-ħruġ tat-tieni liċenzja, l-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tal-istess direttiva ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli tirrifjuta li tirrikonoxxi, fit-territorju tagħha, id-dritt ta’ sewqan li jirriżulta minn tali liċenzja.

Barra minn hekk, kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 91/439 jirriżulta li l-liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija B tikkostitwixxi bażi indispensabbli u li għandha tippreċedi l-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija D. B’hekk, imur kontra l-għan ta’ sigurtà fit-toroq imsemmi fl-ewwel u fir-raba’ premessi tad-Direttiva 91/439 li Stat Membru ospitanti ma jkunx permess li jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija D maħruġa abbażi ta’ liċenzja tas-sewqan għall-vetturi tal-kategorija B li tkun ivvizzjata b’irregolarità li tiġġustifika n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din l-aħħar liċenzja.

(ara l-punti 31, 34, 46, 47, 50 u dispożittiv)

Top